Language of document : ECLI:EU:T:2012:161

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Marzu 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva OUTBURST — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti OUTBURST — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Produzzjoni ta’ provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell — Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009) — Regola 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Fil-Kawża T‑214/08,

Paul Alfons Rehbein (GmbH & Co.) KG, stabbilita fi Glinde (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Lampel, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis u P. Geroulakos, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Hervé Dias Martinho, residenti fi Plessis-Trévise (Franza),

Manuel Carlos Dias Martinho, residenti fi Plessis-Trévise,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Bord tal-Appell tal-UASI, tat-13 ta’ Marzu 2008 (Każ R 1261/2007‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn, minn naħa, Paul Alfons Rehbein (GmbH & Co.) KG u, min-naħa l-oħra, Hervé Dias Martinho u Manuel Carlos Dias Martinho,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas u K. O’Higgins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ġunju 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Ottubru 2008,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Jannar 2009,

wara li rat ir-risposta tar-rikorrenti għat-talba ta’ produzzjoni ta’ dokumenti magħmula mill-Qorti Ġenerali,

wara li rat ir-risposta tal-UASI għad-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-2 ta’ Marzu 2005, Hervé Dias Martinho u Manuel Carlos Dias Martinho, ippreżentaw applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu b’mod partikolari fil-klassijiet 18 u 25 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejjin

–        Klassi 18: “Bagolli u basktijiet tal-ivvjaġġar, portafolli, portafolli mhux ta’ metalli prezzjużi, basktijiet tal-idejn, basktijiet ta’ fuq id-dahar, basktijiet bir-roti, basktijiet għall-ivvjaġġar, basktijiet għall-baħar, kontenituri intiżi għall-affarijiet tat-toilette”

–        Klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben, xedd ir-ras, qomos, ħwejjeġ tal-ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, ċinturini (ilbies), ingwanti (ilbies), mkatar (foulards), kpiepel, kalzetti, żraben, żraben għall-baħar, żraben għall-iski jew għall-isport, ħwejjeġ ta’ taħt, overalls għas-surf u overalls għall-iski”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 39/2005, tas-26 ta’ Settembru 2005.

5        Fit-23 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti, Paul Alfons Rehbein (GmbH & Co.) KG, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali OUTBURST, irreġistrata fil-Ġermanja fil-31 ta’ Awwissu 1999 taħt in-numru 39940713, għal prodotti fil-klassi 25, skont il-Ftehim ta’ Nice, u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: “Ħwejjeġ, żraben, xedd ir-ras”.

7        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha koperti mit-trade mark preċedenti.

8        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

9        Fl-10 ta’ Lulju 2006, Hervé Dias Martinho u Manuel Carlos Dias Martinho talbu li, skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009), ir-rikorrenti għandha tipproduċi prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

10      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Lulju 2006, l-UASI stieden lir-rikorrenti tipproduċi l-imsemmija prova f’terminu ta’ xahrejn, jiġifieri mhux iktar tard mit-13 ta’ Settembru 2006.

11      B’risposta għal din l-ittra, fil-11 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti pproduċiet il-provi segwenti:

–        stqarrija bil-miktub tal-amministratur delegat, tal-25 ta’ Awwissu 2006, fejn dan jindika li s-sussidjarja tagħha Heinrich Nickel GmbH & Co. KG kienet tuża ħafna, sa mill-2000, it-trade mark preċedenti għall-ħwejjeġ tal-isport, filwaqt li ppreċiża, għal kull sena matul il-perijodu 2000-2005, l-ammont ta’ bejgħ ta’ ħwejjeġ li kellhom din it-trade mark prodotti minn din is-sussidjarja kif ukoll in-numru ta’ dawn il-ħwejjeġ;

–        lista ta’ bejgħ ta’ ħwejjeġ bit-trade mark preċedenti prodotti kull sena matul il-perijodu 2000-2005 mqassma skont il-klijent, lista tal-istess bejgħ iżda mqassam skont it-tip ta’ ħwejjeġ, diversi listi ta’ ordnijiet, riċevuti ta’ kunsinni u fatturi, żewġ paġni (fosthom waħda bid-data ta’ Awwissu 2004) li joriġinaw minn katalogi magħmula għall-fieri kummerċjali, ritratti ta’ ħwejjeġ, tikketti ta’ ħwejjeġ u żewġ paġni meħuda minn fuljett promozzjonali, fejn dawn il-provi kollha kienu annessi għall-istqarrija msemmija iktar ’il fuq;

–        stqarrija bil-miktub tal-amministratur delegat ta’ kumpannija bid-data tal-4 ta’ Settembru 2006, fejn dan jindika li din il-kumpannija kienet xtrat mingħand Heinrich Nickel ħwejjeġ tal-isport bit-trade mark preċedenti u kienet biegħethom mill-ġdid “fuq skala ikbar” fi ħwienet ta’ bejgħ bl-imnut tal-anqas sa mill-2000, u ppreċiża, għal kull sena tal-perijodu 2000-2005, l-ammont ta’ dan ix-xiri kif ukoll in-numru ta’ ħwejjeġ mixtrija.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha minħabba li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet il-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti.

13      Fit-8 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni. Fit-23 ta’ Ottubru 2007, hija ddepożitat, quddiem l-UASI, in-nota tagħha fejn tispjega l-motivi tal-appell, u anness magħha żiedet il-provi addizzjonali barra dawk diġà prodotti fl-ewwel istanza.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Awla tal-Bord tal-Appell tal-UASI ċaħdet l-appell. Fir-rigward tal-provi prodotti mir-rikorrenti fil-11 ta’ Settembru 2006 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell qies li dawn kienu “globalment” mhux biżżejjed sabiex juru użu ġenwin mit-trade mark nazzjonali preċedenti. F’dak li jikkonċerna l-provi addizzjonali, il-Bord tal-Appell, filwaqt li rrefera għall-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll għar-Regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), huwa kkunsidra li kienu tardivi, peress li ġew prodotti wara li kien skada t-terminu stabbilit mill-UASI (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), u li ma kinux jeżistu provi ġodda li setgħu jiġġustifikaw din il-produzzjoni tardiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

16      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-ewwel motiv bħala infondat;

–        fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li r-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 tapplika f’dan il-każ, tiċħad ukoll it-tieni motiv bħala infondat, tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li r-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 ma tapplikax f’dan il-każ, tirrinvija l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell sabiex din tagħmel l-istħarriġ tagħha skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009) u tikkundanna lill-UASI sempliċement għall-ispejjeż tiegħu.

 Id-dritt

17      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 43(2) u (3) u tal-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009] kif ukoll ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, u l-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

18      L-ewwel motiv iqajjem l-ewwel nett il-kwistjoni dwar jekk il-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fit-terminu stabbilit jipprovawx biżżejjed skont il-liġi użu ġenwin tat-trade mark preċedenti u t-tieni nett dik dwar jekk il-Bord tal-Appell kellux jieħu inkunsiderazzjoni wkoll dawk il-provi li kienu ġew prodotti għall-ewwel darba quddiemha.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 43(2) u (3) u tal-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll tar-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95

19      Kif jirriżulta mid-disa’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlatur ikkunsidra li l-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti hija ġġustifikata biss meta hija tkun ġiet effettivament użata. Skont din il-premessa, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-applikant għal trade mark Komunitarja jista’ jitlob li tingħata l-prova li jkun sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fit-territorju li fih hija kienet protetta matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-publikazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark li kontra tagħha tkun tressqet oppożizzjoni.

20      Skont ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, il-prova tal-użu għandha tkopri l-post, it-tul ta’ żmien, l-importanza u n-natura tal-użu tat-trade mark preċedenti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI — Terumo (CAPIO), T‑325/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata].

21      Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu ġenwin, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li r-ratio legis tar-rekwiżit li trade mark preċedenti għandha tkun intużat ġenwinament sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kunflitti bejn żewġ trade marks, sa fejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika valida li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2003, Goulbourn vs UASI — Redcats (Silk Cocoon), T-174/01, Ġabra p. II‑789, punt 38]. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 19 u 20 iktar ’il fuq ma huma intiżi la sabiex jevalwaw is-suċċess kummerċjali, la sabiex jikkontrollaw l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex jirriżervaw il-protezzjoni tat-trade marks biss fejn ikun sar użu kummerċjali minnhom b’mod importanti mil-lat kwantitattiv [ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI — Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, Ġabra p. II‑2811, punti 36 sa 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

22      Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq tal-bejgħ għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku skop li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, Ġabra p. I‑2439, punt 43). Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata mal-użu ġenwin mit-trade mark teħtieġ li din, hekk kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tintuża, pubblikament u lejn l-estern (sentenza VITAFRUIT, punt 21 iktar ’il fuq, punt 39; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

23      L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (sentenza VITAFRUIT, punt 21 iktar ’il fuq, punt 40; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Ansul, punt 22 iktar ’il fuq, punt 43).

24      Fir-rigward tal-importanza tal-użu li sar mit-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul ta’ żmien li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra [sentenzi VITAFRUIT, punt 21 iktar ’il fuq, punt 41, u tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI — Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, Ġabra p. II‑2787, punt 35].

25      Sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura ġenwina tal-użu ta’ trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza VITAFRUIT, punt 21 iktar ’il fuq, punt 42). Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs UASI — Harrison (HIWATT), T‑39/01, Ġabra p. II‑5233, punt 47, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI — Krafft (VITAKRAFT), T‑356/02, Ġabra p. II‑3445, punt 28].

26      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti fil-11 ta’ Settembru 2006 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) kienu “globalment” mhux biżżejjed sabiex juru użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fil-Ġermanja matul il-perijodu relevanti.

27      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li dawn il-provi kkunsidrati flimkien, juru b’mod ċar tali użu ġenwin.

28      L-UASI jaqbel mal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

29      Quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sabiex tipprova l-użu serju mit-trade mark preċedenti, ir-rikorrenti pproduċiet stqarrija bil-miktub tal-amministratur delegat tagħha, li magħha kien hemm annessi serje ta’ dokumenti ġustifikattivi kif ukoll stqarrija bil-miktub mingħand l-amministratur delegat ta’ kumpannija klijenta tas-sussidjarja tagħha Heinrich Nickel (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

30      Fir-rigward tal-ewwel stqarrija bil-miktub, il-Bord tal-Appell, qabel xejn, qies, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li din ma jistax ikollha valur ta’ prova “fis-sens sħiħ tagħha” ta’ stqarrija bil-miktub fis-sens tal-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa indika li, sabiex tali stqarrija jkun jista’ jkollha dan il-valur, fil-fatt, hija l-persuna interessata li għandha turi li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn kienet saret, “[hija kienet] ikkwalifikata bħala stqarrija ‘ġuramentata’ jew ‘affermata’ jew, tal-anqas, [kellha] effett ekwivalenti”. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ppreċiżatx liema kienu d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż li jissanzjonaw “stqarrija falza quddiem l-[UASI] matul proċedimenti pendenti dwar trade mark Komunitarja bl-istess mod bħal stqarrija falza ġuramentata magħmula quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi”. Barra minn hekk, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ippreċiża li s-sempliċi fatt li l-istqarrija bil-miktub inkwistjoni ma kinitx saret “fil-forma stabbilita” mid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ma kienx, madankollu, biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din kienet nieqsa minn kwalunkwe valur probatorju. Fil-fatt, l-UASI jista’ jieħu inkunsiderazzjoni fl-“eżami globali” tiegħu dokumenti li jiġu prodotti quddiemu, u dan jista’ jiffaċilita l-“evalwazzjoni sistematika” u l-komprensjoni tad-diversi partijiet prodotti bħala prova kif ukoll jikkompleta l-informazzjoni li tinsab fihom. Madankollu huwa importanti li l-affermazzjonijiet li jinsabu fl-istqarrija bil-miktub jkunu sostnuti bi provi addizzjonali u oġġettivi. Fl-aħħar nett, fil-punti 19 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-dokumenti ġustifikattivi annessi mal-istqarrija bil-miktub inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tal-paġna bid-data ta’ Awwissu 2004 ta’ wieħed miż-żewġ katalgi tal-fieri kummerċjali, ma jikkorraborawx b’mod suffiċjenti l-post, it-tul u l-importanza tal-użu tat-trade mark preċedenti.

31      Fir-rigward tat-tieni stqarrija bil-miktub, il-Bord tal-Appell, qabel xejn, indika, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja li tista’ tiġi kkunsidrata bħala “prova ammissibbli”, kien neċessarju li jsir eżami globali tal-partijiet tal-fajl, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi relevanti kollha. Hija qieset, sussegwentement, li “stqarrija ġuramentata magħmula minn klijent tal-parti interessata u paġna ta’ katalgu ma jipprovawx użu kostanti, stabbli u effettiv tat-trade mark mill-persuna li topponi, li jista’ jkun ekwivalenti għal użu ġenwin tal-imsemmija trade mark”.

32      Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-istqarrija bil-miktub tal-amministratur delegat tar-rikorrenti, qabel xejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94 isemmi, bħala prova tal-użu tat-trade mark, li tirreferi għalih ir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, l-“[i]stqarrijiet bil-miktub ġuramentati jew affermati jew li għandhom effett simili taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn tinkiteb l-istqarrija”. Minn dan jirriżulta li jaqbel li jitfittxu fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat l-effetti ta’ stqarrija bil-miktub fil-każ biss fejn tali stqarrija ma tkunx ġuramentata jew affermata [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI — REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, Ġabra p. II‑1917, punt 40]. F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-istqarrija bil-miktub tal-amministratur delegat tar-rikorrenti hija dikjarazzjoni affermata u li ġiet ikkunsidrata ammissibbli, bħala tali, mill-Bord tal-Appell. Għalhekk, u mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu analizzati l-effetti tagħha fid-dritt Ġermaniż, din id-dikjarazzjoni bil-miktub tagħmel parti minn mezzi ta’ prova kkunsidrati mill-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94, li tirreferi għalih ir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 (sentenza Salvita, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

33      Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa b’mod żbaljat li, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kkunsidra li tali stqarrija bil-miktub seta’ jkollha valur probatorju “fis-sens sħiħ” quddiem l-UASI biss jekk, skont id-dritt nazzjonali kkonċernat, hija kienet stqarrija “ġuramentata” jew “affermata” jew, tal-anqas, kellha effett ekwivalenti. Huwa wkoll b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell irrifjuta li jirrikonoxxi l-valur ta’ prova “fis-sens sħiħ tagħha” lill-istqarrija bil-miktub tal-amministratur delegat tar-rikorrenti minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ippreċiżat liema kienu d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż li kienu jissanzjonaw stqarrija falza. Fil-fatt, xejn fir-Regolament Nru 40/94 u lanqas fir-Regolament Nru 2868/95 ma jippermetti li jiġi konkluż li l-forza probatorja tal-provi tal-użu tat-trade mark, inkluż l-istqarrijiet affermati, għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza Salvita, punt 32 iktar ’il fuq, punt 42). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-UASI espliċitament irrikonoxxa, f’risposta għall-mistoqsija bil-miktub li kienet għamlitlu l-Qorti Ġenerali, li l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata kienu differenti mill-pożizzjoni adottata fis-sentenza Salvita, punt 32 iktar ’il fuq. L-UASI għalhekk ammetta — ġustament — li, “indipendentement mis-sitwazzjoni fid-dawl tal-liġi nazzjonali, il-forza probatorja ta’ stqarrija bil-miktub fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-U[ASI kienet] relattiva, jiġifieri li l-kontenut tagħha [kellu] jiġi evalwat liberament”.

34      Madankollu, dawn l-iżbalji huma bla effett fuq il-fondatezza tal-analiżi tal-Bord tal-Appell, peress li ma wassluhx sabiex jinnega kull valur probatorju lill-istqarrija bil-miktub tal-amministratur delegat tar-rikorrenti. Fil-fatt, mill-punti 18 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kif fil-fatt kellu jagħmel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salvita, punt 32 iktar ’il fuq, punt 41), il-Bord tal-Appell debitament ħa inkunsiderazzjoni din id-dikjarazzjoni bil-miktub fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-provi inklużi fil-fajl. Ċertament, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-imsemmija stqarrija ma kinitx biżżejjed waħedha u li l-affermazzjonijiet li kien fiha kellhom jiġu sostnuti minn provi addizzjonali “oġġettivi”. Madankollu, kif sostna ġustament l-UASI, din il-pożizzjoni għandha tiġi approvata, peress li din l-istqarrija kienet saret minn amministratur delegat tar-rikorrenti, u mhux minn terza persuna jew persuna indipendenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salvita, punt 32 iktar ’il fuq, punti 43 sa 45, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2008, Deichmann-Schuhe vs UASI — Design for Woman (DEITECH), T‑86/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 50]. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandu qabel xejn jiġi vverifikat kemm hi plawsibbli l-informazzjoni li tinsab fih. Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġni tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom ġie stabbilit, id-destinatarju tiegħu u wieħed għandu jistaqsi jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx sensat u ta’ min joqgħod fuqu (sentenzi Salvita, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u DEITECH, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

35      F’dan il-każ, l-istqarrija bil-miktub tal-amministratur delegat tar-rikorrenti tinkludi indikazzjonijiet dwar l-użu tat-trade mark preċedenti, relatati mal-post (il-Ġermanja), it-tul (perijodu 2000-2005), l-importanza (dħul mill-bejgħ kull sena u numru ta’ prodotti mibjugħa kull sena) u n-natura tal-prodotti msemmija (ħwejjeġ tal-isport, b’mod partikolari ġkieket, ġkieket għax-xita, ħwejjeġ għall-iski, qliezet, jeans, t-shirts ...). Għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament ikkonkluda l-Bord tal-Appell, dawn l-indikazzjonijiet madankollu ma humiex ikkorraborati b’mod suffiċjenti bil-provi annessi mal-imsemmija stqarrija bil-miktub.

36      Fil-fatt, il-lista ta’ bejgħ annwali mwettaq matul il-perijodu 2000-2005, mqassma skont il-klijenti, u l-istess lista, mqassma skont it-tip ta’ ħwejjeġ, minbarra l-fatt li dawn, huma wkoll, ġew stabbiliti mir-rikorrenti stess, ma jinkludu l-ebda referenza għat-trade mark preċedenti. Ir-riċevuti tal-ordnijiet, ta’ kunsinna u l-fatturi, minbarra l-fatt li, kif fil-fatt irrikonoxxiet espressament ir-rikorrenti fin-noti tagħha, ma jsemmux it-trade mark preċedenti, jikkonċernaw biss is-snin 2004 sa 2006. L-unika trade mark li tidher f’dawn l-aħħar dokumenti hija t-trade mark figurattiva Nickel Sportswear. Ir-ritratti u t-tikketti tal-ħwejjeġ ma jipprovdu l-ebda informazzjoni dwar il-post, l-epoka u l-kwantità tal-prodotti effettivament mibjugħa taħt it-trade mark preċedenti, hekk kif, fil-fatt, ir-rikorrenti tammetti espressament fin-noti tagħha. Dan japplika wkoll għat-tieni waħda miż-żewġ paġni estratti mill-katalgi tal-fieri kummerċjali kif ukoll miż-żewġ paġni meħuda mill-fuljett promozzjonali. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar fuljett, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li s-sempliċi eżistenza tiegħu ma tistabbilixxi la li kien imqassam lil klijentela Ġermaniża potenzjali, la l-importanza tad-distribuzzjoni eventwali tiegħu, u lanqas il-kwantità ta’ bejgħ ta’ prodotti protetti mit-trade mark preċedenti li kien sar [ara, f’dan is-sens, is-sentenza VITAKRAFT, punt 25 iktar ’il fuq, punt 34]. L-uniku element li jista’ jkun ftit rilevanti, minkejja li assolutament ma huwiex biżżejjed waħdu, għaliex ma jagħti b’mod partikolari l-ebda indikazzjoni dwar kemm kien sostanzjali l-użu, huwa l-fatt li waħda mill-paġni minn wieħed miż-żewġ katalgi msemmija iktar ’il fuq għandha d-data ta’ Awwissu 2004.

37      Ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-istqarrija bil-miktub tal-amministratur delegat tagħha huma ta’ natura li tirrimedja għan-nuqqasijiet ikkonstatati fil-punt 36 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif ġustament jirreleva l-UASI, huma l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-istqarrija bil-miktub li għandhom jiġu kkorraborati minn provi oħra u mhux bil-maqlub.

38      Barra minn hekk, peress li l-istqarrija bil-miktub tal-amministratur delegat ta’ kumpannija klijenta ta’ sussidjarja tar-rikorrenti tirriżulta minn kumpannija terza meta mqabbla ma’ din tal-aħħar, hija biżżejjed, waħedha, sabiex tattesta ċerti fatti. Madankollu, kif ġustament irreleva l-Bord tal-Appell fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-istqarrija bil-miktub, li tikkonċerna biss ċertu xiri li sar minn klijent wieħed tas-sussidjarja tar-rikorrenti, tippermetti li tiġi stabbilita biss l-eżistenza ta’ użu limitat ħafna tat-trade mark preċedenti fil-Ġermanja matul il-perijodu relevanti.

39      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 34 sa 38 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat, bħal ma għamel il-Bord tal-Appell, li, evalwati globalment, id-diversi provi prodotti mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fit-terminu stabbilit ma humiex biżżejjed sabiex juru li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu wiesa’, kostanti u effettiv fil-Ġermanja matul il-perijodu relevanti. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies li l-prova ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ma kinitx ġiet prodotta fit-terminu stabbilit.

40      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95

41      Skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux pproduċew fi żmien utli.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-kliem tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni mod ieħor, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-terminu li għalih hija suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, u l-UASI bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew ippreżentati b’dan il-mod tardiv [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punt 42; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Novembru 2007, SAEME vs UASI — Racke (REVIAN’s), T‑407/05, Ġabra p. II‑4385, punt 56, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, K & L Ruppert Stiftung vs UASI — Lopes de Almeida Cunha et (CORPO livre), T‑86/05, Ġabra p. II‑4923, punt 44].

43      Il-possibbiltà tal-partijiet fil-kawża quddiem l-UASI li jippreżentaw fatti u provi wara li jiskadi t-terminu stabbilit għal dan il-għan, ma teżistix b’mod inkundizzjonat, iżda tinsab suġġetta għall-kundizzjoni li ma teżistix dispożizzjoni kuntrarja. Huwa biss jekk din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta li l-UASI jkollu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti u tal-provi ppreżentati tardivament, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li għandu fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza CORPO livre, punt 42 iktar ’il fuq, punt 47).

44      F’dan il-każ teżisti dispożizzjoni li tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi ppreżentati minn min jagħmel l-oppożizzjoni għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, kif implementat mir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi kif ġej:

“Fejn il-parti li qed topponi trid tipprovdi l-prova ta’ l-użu jew turi li hemm raġunijiet tajba għal non-użu, l-[UASI] għandu jistiednu biex jipprovdi l-provi meħtieġa fi żmien perjodu speċifikat minnu. Jekk il-parti li qed topponi ma tipprovdix tali provi qabel jiskadi l-limitu ta' żmien, l-[UASI] għandu jirrifjuta l-oppożizzjoni.”

45      Mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li produzzjoni tal-provi tal-użu tat-trade marks preċedenti wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan timplika, bħala regola ġenerali, ir-rifjut tal-oppożizzjoni, mingħajr ma l-UASI jkollu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti jikkostitwixxi kwistjoni preċedenti li għandha, għal dan il-għan, tiġi rregolata qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni nfisha (sentenza CORPO livre, punt 42 iktar ’il fuq, punt 49).

46      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-tieni sentenza tar-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi addizzjonali, fir-rigward tal-eżistenza ta’ provi ġodda, anki jekk huma ppreżentati wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu [sentenza HIPOVITON, punt 24 iktar ’il fuq, punt 56, u CORPO livre, punt 42 iktar ’il fuq, punt 50].

47      F’dan il-każ, fil-punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell abbażi tal-prinċipji esposti fil-punti 41 sa 46 iktar ’il fuq, ikkunsidra li ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni li tippermettilu jieħu inkunsiderazzjoni provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu mir-rikorrenti, peress li ma kienet teżisti l-ebda prova ġdida li tiġġustifika din il-produzzjoni tardiva.

48      Ir-rikorrenti tqis li l-imsemmija provi kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, peress li kienu limitati sabiex jikkompletaw u jispjegaw dawk li kienet ipproduċiet quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fit-terminu stabbilit. Hija tqis li l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza HIPOVITON, punt 24 iktar ’il fuq, japplikaw mhux biss fil-każ fejn il-provi tardivi ma kinux disponibbli qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit jew dak fejn l-applikant għat-trade mark Komunitarja invoka provi ta’ fatt ġodda jew irnexxielu jirribatti l-provi pprovduti minn min għamel l-oppożizzjoni, iżda wkoll fil-każ fejn id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat dawn il-provi bħala insuffiċjenti.

49      L-UASI jaqbel mal-argument tal-Bord tal-Appell, kif imfakkar fil-punt 47 iktar ’il fuq. Huwa jipproponi, madankollu, li r-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Awli tal-Bord tal-Appell jaċċettaw, indipendentement mill-eżistenza ta’ “provi ġodda”, provi prodotti għall-ewwel darba quddiemhom fl-ipoteżi fejn dawn ikunu “purament addizzjonali”, jiġifieri sempliċement intiżi sabiex jikkompletaw il-provi prodotti fl-ewwel istanza fit-terminu stabbilit. Din l-interpretazzjoni jidher li tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza UASI vs Kaul, punt 42 iktar ’il fuq, għall-ammissjoni tal-provi tardivi u tikkorrispondi għall-“ispirtu” ta’ din is-sentenza. L-UASI jammetti li, għalkemm tali interpretazzjoni għandha tintlaqa’ fil-każ inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li huwa ma għandu l-ebda setgħa diskrezzjonali fil-qasam u, għaldaqstant, li jilqa’ t-tieni motiv u jannulla d-deċiżjoni kkontestata. Matul is-seduta, l-UASI żied li l-imsemmija interpretazzjoni kienet taqbel mal-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, New Yorker SHK Jeans vs UASI — Vallis K. — Vallis A. (FISHBONE) (T‑415/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Buffalo Milke Automotive Polishing Products vs UASI — Werner & Mertz (BUFFALO MILKE Automotive Polishing Products) (T‑308/06, Ġabra p. II-7881), u indika li kien se jħalli għall-għaqal tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi jekk għandhiex tiġi aċċettata anki f’dan il-każ.

50      Huwa paċifiku bejn il-partijiet u mill-fajl jirriżulta li r-rikorrenti kienet ipproduċiet quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fit-terminu stabbilit, provi rilevanti intiżi sabiex juru l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, u dan filwaqt li jitqies in bona fide li kienu biżżejjed sabiex jiġu sostanzjati l-allegazzjonijiet tagħhom.

51      Huwa wkoll paċifiku bejn il-partijiet u mill-fajl jirriżulta wkoll li l-provi prodotti għall-ewwel darba mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell annessi għan-nota tagħha li tesponi l-motivi tar-rikors, li permezz tagħha hija titlob eżami komplet ġdid tal-każ, kienu intiżi sempliċement sabiex isaħħu jew jiċċaraw il-kontenut tal-provi inizjali. Għalhekk dawn ma kinux jikkostitwixxu l-ewwel u l-uniċi provi tal-użu.

52      Fid-dawl tal-elementi esposti fil-punti 50 u 51 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, kuntrarjament għal dak li qies fid-deċiżjoni kkontestata, għandu setgħa diskrezzjonali li tippermettilu li jieħu jew li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-provi addizzjonali prodotti flimkien man-nota li tesponi l-motivi tar-rikors.

53      Fil-fatt, ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 għandha tinftiehem fis-sens li xejn ma jipprekludi milli jittieħdu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali, li sempliċement jiżdiedu għal provi oħra prodotti fit-terminu stabbilit, sakemm il-provi inizjali ma jkunux mingħajr rilevanza, iżda ġew ikkunsidrati insuffiċjenti. Tali kunsiderazzjoni, li fi kwalunkwe każ ma tagħmilx irrilevanti r-regola msemmija iktar ’il fuq, tapplika iktar u iktar meta r-rikorrenti ma abbużatx mit-termini stabbiliti, billi irrikorriet intenzjonalment għal tattiċi dilatorji jew billi kienet negliġenti, u li l-provi addizzjonali li pproduċiet sempliċement jikkorraboraw l-indizji li diġà jirriżultaw mill-istqarrijiet bil-miktub prodotti fit-terminu stabbilit.

54      Tali interpretazzjoni ma jidhirx li hija kuntrarja għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq, fejn il-fatti fil-każ inkwistjoni kienu differenti. Fil-każ li wassal għas-sentenza HIPOVITON, punt 24 iktar ’il fuq, xi provi kienu diġà prodotti mill-parti li ressqet l-oppożizzjoni fit-terminu stabbilit. Sussegwentement, il-parti li applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kienet invokat fatti u argumenti ġodda fin-nota tagħha mressqa quddiem il-Bord tal-Appell. Issa, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Bord tal-Appell talli ma stedinx lill-parti l-oħra tieħu pożizzjoni fuq din in-nota u ddeċidiet li dan kien ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jevalwa l-utilita li jitressqu provi addizzjonali. Hija żiedet li l-Bord tal-Appell għaldaqstant ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha sabiex jevalwa jekk l-użu ta’ din it-trade mark setax jiġi kkwalifikat ġenwin u li kien serraħ fuq bażi fattwali mhux kompluta (sentenza HIPOVITON, punt 24 iktar ’il fuq, punti 54 u 58). Fil-kawża li wasslet għas-sentenza CORPO livre, punt 42 iktar ’il fuq, sabiex tikkunsidra li l-UASI ma kellux marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jieħu inkunsiderazzjoni provi prodotti wara t-terminu stabbilit, il-Qorti Ġenerali espressament ikkonstatat li dawn il-provi “ma kinux provi addizzjonali, iżda l-ewwel u l-uniċi provi tal-użu” tat-trade marks preċedenti invokati f’dan il-każ (sentenza CORPO livre, punt 42 iktar ’il fuq, punt 50).

55      Il-konklużjoni li tgħid li l-Bord tal-Appell kellu l-possibbiltà li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi addizzjonali prodotti quddiemu mir-rikorrenti fit-23 ta’ Ottubru 2007 hija, fil-fatt, kompletament konformi mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza UASI vs Kaul, punt 42 iktar ’il fuq. Għalhekk, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-UASI, meta mitlub jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ta’ fatti jew ta’ provi prodotti jew invokati tardivament hija, b’mod partikolari, suxxettibbli li tkun iġġustifikata meta dan jikkunsidra li, minn naħa, dawn il-fatti jew provi huma l-ewwel nett suxxettibbli li jkunu relevanti f’dak li jikkonċerna t-tip ta’ oppożizzjoni mressqa quddiemu u, min-naħa l-oħra, l-istadju li jkun waslu fih il-proċedimenti meta jiġu prodotti dawn il-provi tardivi u ċ-ċirkustanzi ta’ madwarha ma jkunux jipprekludu li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni.

56      Barra minn hekk fis-sentenza UASI vs Kaul, punt 42 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat l-aċċettazzjoni ta’ provi tardivi abbażi tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li permezz tagħhom l-eżami tal-mertu ta’ oppożizzjoni għandu jkun l-iktar komplet possibbli, bil-għan li tiġi evitata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jistgħu sussegwentement jiġu ddikjarati nulli, (ara, f’dan is-sens, punti 48, 57 u 58 ta’ din is-sentenza). Għaldaqstant, dawn il-prinċipji jistgħu jipprevalu fuq il-prinċipju ta’ effikaċja proċedurali li fuqu hija bbażata n-neċessità tal-osservanza tat-termini, jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li t-tieni motiv għandu jintlaqa’.

58      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

59      Barra minn hekk, peress li l-UASI talab, sussidjarjament, sabiex il-Qorti Ġenerali tirrinvija l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, mill-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-UASI għandu jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, din it-talba għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

61      F’dan il-każ, peress li l-UASI tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-isepjjeż kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-13 ta’ Marzu 2008 (Każ R 1261/2007‑2), hija annullata.

2)      L-UASI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Marzu 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.