Language of document : ECLI:EU:T:2011:289

Kawża T-211/08

Putters International NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet — Tqassim tas-suq — Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti — Ksur uniku u kontinwu — Multi — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 — Gravità — Tul”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Dħul mill-bejgħ

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 13)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Impożizzjoni tal-ammont massimu fuq impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

1.      Ikun artifiċjali jekk dan l-aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn għan waħdieni, jiġi maqsum b’mod li jitqies bħala diversi ċirkustanzi distinti ta’ ksur, filwaqt li bil-kontra ta’ dan, dan huwa ksur uniku li seħħ b’mod progressiv kemm permezz ta’ diversi ftehim u kif ukoll permezz ta’ prattiċi miftehma.

F’ċirkustanzi bħal dawn, impriża li pparteċipat fi ksur permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur b’mod ġenerali, hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur.

Sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju.

Fil-fatt, akkordji jistgħu jiġu kkunsidrati bħala komponenti ta’ ftehim antikompetittiv uniku biss jekk jiġi stabbilit li dawn huma parti minn pjan globali li jsegwi għan komuni. Barra minn dan, huwa biss jekk meta tipparteċipa f’dawn l-akkordji, l-impriża kienet taf jew messha kienet taf, li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordji kkonċernati tikkostitwixxi espressjoni tal-adeżjoni tagħha għall-ftehim.

Għalhekk, tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti sabiex tiġi stabbilità l-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-eżistenza ta’ pjan globali li jsegwi għan komuni, il-kontribuzzjoni intenzjonali tal-impriża f’dan il-pjan, u l-fatt li hija kienet taf (ipprovat jew issuspettat) bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra, li jikkostitwixxi ksur.

Ksur uniku u kontinwu jista’ wkoll isegwi l-għan doppju li jinfluwenza l-prezzijiet u li jinqasam is-suq. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li kull impriża tieħu sehem fil-ksur b’metodi partikolari għaliha ma jeffettwax il-kwalifika tal-ksur bħala ksur uniku u kontinwu.

(ara l-punti 31-35, 41)

2.      Il-paragrafu 13 tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, jipprovdi li: “Għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża’ l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill-impriża, direttament jew indirettament relatati mal-ksur […]” Ma huwiex ċar minn din id-dispożizzjoni li biss il-valur tal-bejgħ li jirriżulta mill-ġarr realment effettwat permezz tal-prattiki illegali jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkulat il-valur tal-bejgħ rilevanti. Għalhekk, il-kliem tal-paragrafu 13 tal-linji gwida jirreferi għal “bejgħ […] direttament jew indirettament relatati mal-ksur” u mhux għal “bejgħ effettwat bil-ksur”. Il-kliem tal-paragrafu 13 għalhekk jirrigwarda l-bejgħ imwettaq fis-suq rilevanti.

Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-għan tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fil-kawżi dwar akkordji, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu f’kull każ li tistabbilixxi liema huma l-bejgħ individwali li kienu effettwati mill-akkordju. Fil-fatt, tali obbligu qatt ma ġie impost mill-qrati tal-Unjoni u ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timponi obbligu bħal dan f’dawn il-linji gwida.

Barra minn dan, il-parti mid-dħul mill-bejgħ minn merkanzija li kienet is-suġġett tal-ksur huwa ta’ natura li jagħti indikazzjoni ġusta tal-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat. B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti miżura ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-kompetizzjoni.

(ara l-punti 57-61)

3.      Is-sempliċi fatt li l-multa imposta fl-aħħar nett hija ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti, meta din il-perċentwali hija iktar baxxa għall-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, din il-konsegwenza hija inerenti fl-interpretazzjoni tal-limitu ta’ 10 % bħala sempliċi livell massimu applikat wara tnaqqis possibbli tal-multa minħabba f’ċirkustanzi attenwanti jew tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Madankollu, il-multiplikazzjoni tal-ammont determinat skont il-valur tal-bejgħ min-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur jista’ jimplika li, fil-kuntest tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(3), issa huwa r-regola iktar milli l-eċċezzjoni għal kull impriża li topera prinċipalment f’suq wieħed u li pparteċipat għal iktar minn sena f’akkordju. F’dan il-każ, kull distinzjoni bbażata fuq il-gravità jew iċ-ċirkustanzi attenwanti mhux se tkun iktar suxxettibbli li teffettwa multa li ġiet limitata sabiex tonqos għal 10 %. In-nuqqas ta’ distinzjoni f’dak li jirrigwarda l-multa finali li tirriżulta jirrappreżenta problema, fid-dawl tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u ta’ sanzjonijiet, li hija inerenti għall-metodoloġija l-ġdida. Hija tista’ titlob li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-każijiet konkreti fejn l-applikazzjoni biss tal-linji gwida ma tippermettix għal distinzjoni xierqa.

(ara l-punti 74, 75)