Language of document : ECLI:EU:T:2012:161

Kawża T-214/08

Paul Alfons Rehbein (GmbH & Co.) KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva OUTBURST — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti OUTBURST — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Produzzjoni ta’ provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell — Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009) — Regola 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 43(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 22(2))

2.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Rekwiżit ta’ provi konkreti u oġġettivi

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 43(2))

3.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Terminu stabbilit mill-Uffiċċju — Produzzjoni ta’ provi addizzjonali wara l-iskadenza tat-terminu imma fid-dawl ta’ elementi ġodda — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 22(1))

1.      Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu ġenwin, skont l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li r-ratio legis tar-rekwiżit li trade mark preċedenti għandha tkun intużat ġenwinament sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kunflitti bejn żewġ trade marks, sa fejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika valida li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2865/95 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94, ma huma intiżi la sabiex jevalwaw is-suċċess kummerċjali, la sabiex jikkontrollaw l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex jirriżervaw il-protezzjoni tat-trade marks biss fejn ikun sar użu kummerċjali minnhom b’mod importanti mil-lat kwantitattiv.

Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq tal-bejgħ għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku skop li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata mal-użu ġenwin mit-trade mark teħtieġ li din, hekk kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tintuża, pubblikament u lejn l-estern.

L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark.

Fir-rigward tal-importanza tal-użu li sar mit-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul ta’ żmien li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra.

(ara l-punti 21-24)

2.      Sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura ġenwina tal-użu ta’ trade mark preċedenti, skont l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat.

(ara l-punt 25)

3.      Skont it-tieni sentenza tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2865/95 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94, għalkemm il-parti li qed topponi trid tipprovdi l-prova ta’ l-użu jew turi li hemm raġunijiet tajba għal non-użu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jistedinha biex tipprovdi l-provi meħtieġa fi żmien perijodu speċifikat minnu. Jekk il-parti li qed topponi ma tipprovdix tali provi qabel jiskadi l-limitu ta’ żmien, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta l-oppożizzjoni.

Din ir-regola ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi addizzjonali, fir-rigward tal-eżistenza ta’ provi ġodda, anki jekk huma ppreżentati wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

Fil-fatt, din ir-regola għandha tinftiehem fis-sens li xejn ma jipprekludi milli jittieħdu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali, li sempliċement jiżdiedu għal provi oħra prodotti fit-terminu stabbilit, sakemm il-provi inizjali ma jkunux mingħajr rilevanza, iżda ġew ikkunsidrati insuffiċjenti. Tali kunsiderazzjoni, li fi kwalunkwe każ ma tagħmilx irrilevanti r-regola msemmija iktar ’il fuq, tapplika iktar u iktar meta l-persuna li tressaq l-oppożizzjoni ma tkunx abbużat mit-termini stabbiliti, billi tirrikorri intenzjonalment għal tattiċi dilatorji jew billi kienet negliġenti, u li l-provi addizzjonali li pproduċiet sempliċement jikkorraboraw l-indizji li diġà jirriżultaw mill-istqarrijiet bil-miktub prodotti fit-terminu stabbilit.

(ara l-punti 46, 53)