Language of document :

Rikors ippreżentat fi-21 ta’ Marzu 2024 – BT vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-162/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: BT (rappreżentant: M. Velardo, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas allowance kumpensatorja għad-dannu marbut mal-approprjazzjoni mill-Unjoni Ewropea tad-drittijiet patrimonjali tagħha, li minnhom jifforma parti d-dritt għal pensjoni tas-superstiti bħala sostituzzjoni tal-introjtu ;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-ekwivalenti attwarjali ta’ sitt xhur tal-ammont medju tal-pensjonijiet tas-superstiti ta’ kull xahar riċevuti minn Novembru 2018 sa Lulju 2024, għad-danni morali kkawżati minn trattament mhux denju tat-talba tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2022, li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni ħażina fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u inugwaljanza fit-trattament amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Karta, b’każ preċedenti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorreni tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ġiet imċaħħda mill-pensjoni tas-superstiti wara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2022, Il-Kummissjoni vs VW et (C‑116/2 P sa C‑118/21 P, C‑138/21 P u C‑139/21 P, EU:C:2022:557) filwaqt li għal rikorrent ieħor (RN) li kien fl-istess sitwazzjoni, inżammet il-pensjoni tas-superstiti. Ir-rikorrenti tallega inugwaljanza fit-trattament.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni adottat dokument dwar l-iskema tal-pensjoni għall-impjegati taċ-ċivil tal-Unjoni Ewropea li minnu jirriżulta li l-fond tal-pensjonijiet Ewropew għandu jiġi kkunsidrat bħala proprjetà tal-impjegati taċ-ċivil. Ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

____________