Language of document : ECLI:EU:T:2012:673

Kawża T‑352/09

Novácke chemické závody a.s.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-karbur tal-kalċju u tal-manjeżju intiżi għall-industriji tal-azzar u tal-gass fiż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, ta’ Spanja, tal-Portugall u tar-Renju Unit — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Kapaċità kontributorja”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2012

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Limiti — Teħid inkunsiderazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Rispett tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 37)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa — Portata — Żieda fil-multa imposta lil impriżi oħra li ma kinux f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett — Esklużjoni

(Artikolu 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Applikazzjoni ta’ perċentwali identika għall-parteċipanti kollha f’akkordju — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 4, 19, 21 u 25)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji —Natura dissważiva tal-multa — Żieda speċifika lill-impriżi li għandhom dħul mill-bejgħ partikolarment għoli — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 30)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur —Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej tal-ksur — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Nuqqas ta’ għarfien tan-natura ta’ ksur ta’ akkordju li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni — Ksur imwettaq deliberatament — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża — Ċirkustanza mhux ikkunsidrata fil-linji gwida l-ġodda — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

8.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Użu, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, ta’ dikjarazzjonijiet ta’ impriża miġbura mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Avviż dwar l-Immunità — Ksur tad-dritt ta’ din l-impriża li ma tikkontribwixxix għall-inkriminazzjoni tagħha stess — Assenza

(Avviż tal-Kummissjoni 2002/C 45/03 u 2006/C 298/11, punt 31)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni tal-impriża inkriminata barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar l-Immunità — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81 KE; Avviż tal-Kummissjoni 2002/C 45/03 u 2006/C 210/02, punt 29)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Possibbiltà għall-Kummissjoni li tinjorhom — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari ta’ impriża fir-rigward, b’mod partikolari, tar-riskju tan-natura sproporzjonata tal-multa

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 37)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur — Multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju — Multa superjuri, bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ, għal dik imposta fuq l-impriżi ikbar li pparteċipaw fl-istess ksur — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju — Multa li tirrappreżenta perċentwali viċin ħafna tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha — Perċentwali superjuri għal dik imposta lil parteċipanti oħra fl-akkordju — Ksur, minħabba dan il-fatt, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ defiċit finanzjarju tal-impriża kkonċernata — Assenza —Kapaċità kontributtiva reali tal-impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari — Teħid inkunsiderazzjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 35)

14.    Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu —Portata — Deċiżjoni li timponi multi — Indikazzjoni tal-elementi ta’ evalwazzjoni li wasslu lill-Kummissjoni tqis il-gravità u t-tul tal-ksur — Indikazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Natura xierqa — Stħarriġ ġudizzjarju — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni — Elementi ta’ informazzjoni li ma jinsabux fid-deċiżjoni li timponi l-multa u mhux meħtieġa għall-motivazzjoni tagħha — Inklużjoni

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23 u 31)

16.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Għanijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Ksur tal-Artikolu 3(1)(g) KE — Assenza

(Artikolu 3(1)(g) KE u 81 KE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 43-48)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 49-51, 55, 56)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 58-61)

4.      Il-punt 30 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, jistabbilixxi l-fakultà u mhux l-obbligu fuq il-Kummissjoni li żżid il-multa imposta fuq impriża li d-dħul mill-bejgħ tagħha, lil hinn mill-oġġetti u s-servizzi kkonċernati mill-ksur, huwa partikolarment kbir.

F’dan ir-rigward, għalkemm mill-paragrafu msemmi jirriżulta li tali żieda tista’ tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed lil din il-multa, b’mod invers, minn dan ma jirriżultax li multa li ma tirrappreżentax perċentwali sinjifikanti tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata ma toħloqx effett dissważiv biżżejjed fir-rigward ta’ din l-impriża. Fil-fatt, multa ffissata skont metodoloġija ddefinita fil-linji gwida tirrappreżenta, fil-prinċipju, perċentwali kunsiderevoli tal-valur tal-bejgħ li l-impriża ssanzjonata wettqet fis-settur ikkonċernat mill-ksur. B’hekk, minħabba l-multa, l-impriża inkwistjoni tara l-profitti tagħha f’dan is-settur jonqsu b’mod sinjifikanti, jew saħansitra tirreġistra telf. Anki meta d-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriża msemmija f’dan is-settur ikun jirrappreżenta biss frazzjoni żgħira mid-dħul mill-bejgħ globali tagħha, ma jistax jiġi a priori eskluż li t-tnaqqis fil-profitti mwettqa f’dan is-settur, jew saħansitra l-bdil tagħhom f’telf, ikollu effett dissważiv, sa fejn, fil-prinċipju, impriża kummerċjali topera f’settur determinat sabiex twettaq profitt.

B’hekk, meta impriża, minbarra riferenza vaga għad-dħul mill-bejgħ globali allegatament kbir ta’ ċerti parteċipanti fl-akkordju, ma tinvoka ebda element konkret li jista’ juri li l-Kummissjoni kellha tagħmel użu minn din il-fakultà f’dan il-każ, ma jista’ jiġi lmentat kontra l-Kummissjoni ebda ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità għal dan il-motiv.

(ara l-punti 62-64)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 76-80)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 84-89)

7.      Il-punt 29 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi bdil fl-ammont bażiku tal-multa abbażi ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti, li jirrigwardaw b’mod individwali lil kull impriża kkonċernata. Dan il-punt jistabbilixxi, b’mod partikolari, lista mhux eżawrjenti taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, ir-rwol esklużivament passiv jew ta’ segwiment ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur ma jinsabx f’din il-lista mhux eżawrjenti, filwaqt li kien espressament stabbilit bħala ċirkustanza attenwanti fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA.

F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax tinjora r-regoli li hija imponiet fuqha nnifisha, min-naħa l-oħra, hija tista’ tibdel ir-regoli jew tissostitwixxihom. Fi kwistjoni li tkun tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli l-ġodda, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċirkustanza attenwanti mhux stabbilita minn dawn ir-regoli l-ġodda, għall-unika raġuni li din kienet stabbilita fir-regoli preċedenti. Effettivament, il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma jimplikax li hija għandha l-obbligu li tagħti l-istess kunsiderazzjonijiet f’deċiżjoni ulterjuri.

Xorta jibqa’ l-fatt li l-elenkar taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-paragrafu 29 tal-linji gwida ma huwiex eżawrjenti. Konsegwentement, il-fatt li l-linji gwida ma jelenkawx, fost iċ-ċirkustanzi attenwanti, ir-rwol passiv ta’ impriża li pparteċipat fi ksur, ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni, fuq din il-bażi, ta’ din iċ-ċirkustanza, jekk din tkun tista’ turi li s-serjetà relattiva tal-parteċipazzjoni tal-impriża msemmija fil-ksur kienet inqas importanti.

(ara l-punti 92-94)

8.      Il-kooperazzjoni abbażi tal-Avviż dwar l-Immunità tal-2002 dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell hija ta’ natura purament volontarja min-naħa tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, l-imsemmija impriża bl-ebda mod ma hija mġiegħla tipproduċi provi dwar l-allegat akkordju. Għalhekk, il-livell ta’ kooperazzjoni li l-impriża tixtieq toffri matul il-proċedura amministrattiva jiddependi esklużivament fuq l-għażla libera tagħha u ma hija, fl-ebda każ, imposta mill-Avviż imsemmi.

Barra minn hekk, wara l-pubblikazzjoni tal-Avviż dwar l-Immunità tal-2006 dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, fid-dawl tal-punt 31 tiegħu, impriża li tiddeċiedi li tippreżenta dikjarazzjoni bil-għan li tikseb tnaqqis fl-ammont tal-multa hija konxja mill-fatt li, filwaqt li tnaqqis jingħatalha biss jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ tnaqqis stabbiliti fl-Avviż ikunu sodisfatti, f’kull każ, id-dikjarazzjoni tkun parti mill-fajl u tista’ tiġi invokata bħala prova, inkluż kontra l-awtur tagħha.

B’hekk, peress li għażlet li tippreżenta tali dikjarazzjoni liberament u b’għarfien sħiħ, l-impriża kkonċernata ma tistax utilment tinvoka l-ġurisprudenza relattiva għall-projbizzjoni tal-awtoinkriminazzjoni, li abbażi tagħha, b’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax timponi fuq impriża l-obbligu li tagħti risposti li permezz tagħhom din tista’ titwassal sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur li għandu jiġi pprovat mill-Kummissjoni. Konsegwentement, impriża li ressqet talba għall-immunità minn jeddha u mingħajr ma kienet obbligata ma tistax tilmenta talli l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq it-talba għall-immunità fil-kitbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 110-113)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 114, 115)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 135-148)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 158-160)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 161-164)

13.    Fil-prinċipju, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu, meta tiddetermina l-ammont tal-multa, li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ defiċit finanzjarju ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal għal vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi li huma l-inqas adegwati għall-kundizzjonijiet tas-suq.

Barra minn hekk, il-fatt li miżura meħuda minn awtorità tal-Unjoni twassal għall-falliment jew għall-istralċ ta’ impriża partikolari ma huwiex ipprojbit, fih innifsu, mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-istralċ ta’ impriża taħt il-forma ġuridika tagħha inkwistjoni, għalkemm jista’ jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-proprjetarji, azzjonisti jew detenturi ta’ ishma, ma jfissirx madankollu li l-elementi personali, materjali jew immaterjali rrappreżentati mill-impriża għandhom jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom.

Bl-adozzjoni tal-punt 35 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma imponietx fuqha obbligu li jmur kontra dawn il-prinċipji. Prova ta’ dan huwa l-fatt li l-punt imsemmi ma jagħmilx referenza għall-falliment ta’ impriża, iżda jikkunsidra sitwazzjoni, li sseħħ “f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”, li fiha l-impożizzjoni ta’ multa “tpoġġi b’mod irrimedjabbli f’periklu l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex l-assi tagħha jiġu pprivati minn kull valur”.

Isegwi li s-sempliċi fatt li l-impożizzjoni ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jirriskja li jipprovoka l-falliment tal-impriża kkonċernata ma huwiex biżżejjed, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-punt 35 tal-linji gwida. Fil-fatt, għalkemm falliment jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-proprjetarji jew azzjonisti kkonċernati, dan mhux neċessarjament jimplika l-istralċ tal-impriża inkwistjoni. Din tista’ tkompli teżisti bħala tali, jiġifieri f’każ ta’ rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija ddikjarata falluta, jew bħala persuna ġuridika li tiżgura t-tmexxija tal-impriża msemmija, jiġifieri f’każ ta’ trasferiment globali tal-assi tagħha u, b’hekk, tal-impriża bħala entità li teżerċita attività ekonomika, lil entità oħra. Tali trasferiment globali jista’ jsir jew permezz ta’ xiri volontarju jew permezz ta’ bejgħ ġudizzjarju tal-assi tal-kumpannija fi proċess ta’ falliment bil-kontinwazzjoni tal-attività.

Konsegwentement, il-punt 35 tal-linji gwida għandu jinftiehem, b’mod partikolari fir-rigward tar-riferenza għall-privazzjoni tal-assi tal-impriża kkonċernata mill-valur kollu tagħhom, fis-sens li jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn it-trasferiment tal-impriża, jew għall-inqas tal-assi tagħha, jidher mhux probabbli, jew saħansitra impossibbli. F’tali każ, l-elementi li jiffurmaw l-assi tal-impriża falluta jiġu offruti għall-bejgħ wieħed wieħed u huwa probabbli li ħafna minnhom ma jinxtarawx jew, l-iktar, jinbiegħu bi prezz imnaqqas ħafna, b’tali mod li jkun leġittimu li jitqies, hekk kif jagħmel il-punt 35 tal-linji gwida, it-telf totali tal-valur tagħhom.

Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-punt imsemmi tal-linji gwida teħtieġ ukoll, skont il-kliem tagħha, “kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”. Tali kuntest jikkonsisti mill-konsegwenzi li l-ħlas tal-multa jista’ jkollu, b’mod partikolari fuq il-livell ta’ żieda fil-qgħad jew ta’ deterjorazzjoni fis-setturi ekonomiċi upstream u downstream tal-impriża kkonċernata.

(ara l-punti 186-190, 192)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 203, 204, 207)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 212)

16.    Billi jipprovdi għall-istabbiliment ta’ sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta fis-suq komuni, l-Artikolu 3(1)(g) KE jeżiġi, iktar u iktar, li l-kompetizzjoni ma tiġix eliminata. Dan ir-rekwiżit huwa tant essenzjali li, mingħajru, numru ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jkunu mingħajr skop. B’hekk, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li dan it-trattat jippermetti f’ċerti ċirkustanzi, għal raġunijiet ibbażati fuq il-ħtieġa li jiġu kkonċiljati d-diversi għanijiet li għandhom jiġu segwiti, isibu f’dan ir-rekwiżit limitu li lil hinn minnu, id-dgħajfien fil-kompetizzjoni jirriskja li jikser l-għanijiet tas-suq komuni.

Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma irrilevanti fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni lil impriża li kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni bil-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim bejn impriżi jew fi prattika miftiehma li kellha bħala skop jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 81(1) KE.

L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-Kummissjoni, meta din tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tikkostitwixxi metodu intiż, preċiżament, sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fl-Artikolu 3(1)(g) KE u, b’mod evidenti, ma jistax jitqies bħala ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 235-237)