Language of document : ECLI:EU:T:2016:144





Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-11 ta’ Marzu 2016 –

Eden Green Vivai Piante di Verdesca Giuseppe et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑437/15)

“Rikors għal annullament – Agrikoltura – Protezzjoni kontra organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti – Miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni Ewropea tal-Xylella fastidiosa – Att regolatorju li jinkludi miżuri ta’ eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ interess individwali – Inammissibbiltà”

1.                     Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kunċett ta’ att regolatorju – Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa – Inklużjoni (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE) (ara l-punt 21)

2.                     Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti leġiżlattivi – Atti li ma jinvolvux miżuri ta’ eżekuzzjoni u li jikkonċernaw lir-rikorrent direttament – Kunċett ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa – Att li jinkludi miżuri ta’ eżekuzzjoni (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/789, Artikolu 9 u Anness I) (ara l-punti 23, 30, 33)

3.                     Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Interess individwali – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa – Rikors ta’ impriżi li huma attivi fis-settur tal-imxietel li jagħmlu parti mill-operaturi koperti mid-deċiżjoni, mingħajr ma huma madankollu individwalizzati minħabba l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni – Assenza ta’ interess individwali – Inammissibbiltà (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/789, Artikolu 9 u Anness I) (ara l-punti 35, 36)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789, tat-18 ta’ Mejju 2015, fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al) (ĠU L 125, p. 36), u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 6 u 9 tagħha, moqrija flimkien mal-Anness I ta’ din id-deċiżjoni.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Eden Green Vivai Piante di Verdesca Giuseppe u t-38 rikorrent ieħor li isimhom jinsab fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.