Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija) fil-15 ta’ Novembru 2023 – E.B. sp. z o.o. vs K.P. sp. z o.o.
(Kawża C-682/23, E.B.)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Curtea de Apel Cluj
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: E.B. sp. z o.o.
Konvenut: K.P. sp. z o.o.
Domandi preliminari
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu liċ-ċessjonarju ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet id-dritt li jinvoka l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża f’dan il-kuntratt fil-konfront tal-parti oriġinali fil-kuntratt meta, fil-każ li l-kuntratt ta’ ċessjoni wassal, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-mertu tat-tilwima, għat-trasferiment tal-kreditu u tal-aċċessorji tiegħu, imma mhux tal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt?
L-oppożizzjoni tal-firmatarju għall-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, li fil-konfront tiegħu tressqet it-tilwima, hija rilevanti f’każ bħal dak imsemmi iktar ’il fuq, għad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni? Huwa meħtieġ ftehim mill-ġdid tal-firmatarju, preċedentement jew fl-istess ħin tal-azzjoni ġudizzjarja, sabiex iċ-ċessjonarju jkun jista’ jibbaża ruħu fuq il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni?
____________
1 ĠU 2012, L 351, p. 1.