Language of document :

Kawżi magħquda T-318/06 sa T-321/06

Alberto Jorge Moreira da Fonseca, Lda

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade marks Komunitarji figurattivi GENERAL OPTICA b’kuluri differenti — Isem kummerċjali preċedenti Generalóptica — Raġuni relattiva għal rifjut — Sinjifikat lokali tas-sinjal preċedenti — Artikolu 8(4) u Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Reġistrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(4) u 52(1)(ċ))

2.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Reġistrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(4) u 52(1)(ċ))

3.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Reġistrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(4) u 52(1)(ċ))

4.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Reġistrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(2)(a) u (4), u 52(1)(ċ))

1.      Skont l-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, l-eżistenza ta’ sinjal minbarra trade mark tippermetti li tinkiseb dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja jekk din tissodisfa kumulattivament erba’ kundizzjonijiet: dan is-sinjal għandu jintuża fil-kummerċ; għandu jkollu sinjifikat li mhuwiex biss lokali; id-dritt għal dan is-sinjal għandu jkun inkiseb skont id-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal intuża qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja; fl-aħħar nett, dan is-sinjal għandu jattribwixxi lill-proprjetarju tiegħu l-possibbiltà li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iżjed reċenti. Dawn l-erba’ kundizzjonijiet jillimitaw in-numru tas-sinjali minbarra trade marks li jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ trade mark Komunitarja fit-territorju Komunitarju kollu, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 40/94.

L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mas-sinjifikat tas-sinjal invokat, jirriżultaw mill-kliem stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, ir-Regolament Nru 40/94 jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mas-sinjifikat tagħhom, li huma koerenti mal-prinċipji li jispiraw is-sistema implementata minn dan ir-regolament.

Min-naħa l-oħra, mill-frażi “meta u sa fejn, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, stipulati sussegwentement fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94, jikkostitwixxu kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa kompletament iġġustifikat, peress illi r-Regolament Nru 40/94 jirrikonoxxi lil sinjali li mhumiex parti mis-sistema tat-trade mark Komunitarja l-possibbiltà li jiġu invokati kontra trade mark Komunitarja. Għalhekk, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark Komunitarja u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni ta’ użu ta’ trade mark suċċessiva.

(ara l-punti 32-34)

2.      L-Artikolu 52(1)(ċ) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jippermettu li tinkiseb l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja abbażi ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li jintuża fil-kummerċ u li s-sinjifikat tagħhom mhuwiex lokali biss.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar is-sinjifikat tas-sinjal, li tipprovdi li dan m’għandux ikun lokali biss, għandu jiġi enfasizzat qabel xejn li r- ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni jikkonsisti fil-fatt li jiġu limitati l-kunflitti bejn is-sinjali, billi jiġi pprojbit li sinjal preċedenti, li mhuwiex suffiċjentement rilevanti jew sinjifikattiv, ikun jista’ jippermetti li jiġu kkontestati kemm ir-reġistrazzjoni kif ukoll il-validità ta’ trade mark Komunitarja.

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li s-sinjifikat ta’ sinjal użat sabiex jidentifika attivitajiet kummerċjali partikolari għandu jiġi ddefinit b’riferiment għall-funzjoni ta’ identifikazzjoni li għandu. Din il-kunsiderazzjoni teżiġi li tittieħed inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, l-iskala ġeografika tas-sinjifikat tas-sinjal, jiġifieri t-territorju li fih jiġi użat sabiex jidentifika l-attività ekonomika tal-proprjetarju tiegħu, kif jirriżulta minn interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. It-tieni nett, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-dimensjoni ekonomika tas-sinjifikat tas-sinjal, li hija evalwata fid-dawl tal-perijodu li matul tiegħu huwa ssodisfa l-funzjoni tiegħu fil-kummerċ u tal-intensità tal-użu tiegħu, fid-dawl taċ-ċirku tad-destinatarji li fosthom is-sinjal inkwistjoni sar magħruf bħala element distintiv, jiġifieri l-konsumaturi, il-kompetituri, u anki l-fornituri, jew ukoll il-propagazzjoni li ngħatat lis-sinjal, pereżempju, permezz tar-reklamar jew fuq l-Internet.

Ir-rilevanza tal-eżami tad-dimensjoni ekonomika tista’ tinftiehem permezz ta’ interpretazzjoni teleoloġika tal-kundizzjoni dwar is-sinjifikat tas-sinjal invokat. Għalhekk, din il-kundizzjoni għandha bħala għan li tillimita l-possibbiltajiet ta’ kunflitt għal dawk li jistgħu jeżistu mas-sinjali li huma tabilħaqq importanti. Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita l-importanza effettiva u reali tas-sinjal invokat fit-territorju kkonċernat, m’għandux ikun hemm limitu għal evalwazzjonijiet purament formali, iżda għandu jiġi eżaminat l-impatt ta’ dan is-sinjal fit-territorju inkwistjoni wara li ntuża bħala element distintiv.

Għalhekk, il-fatt li sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu dritt esklużiv fit-territorju nazzjonali tiegħu kollu mhuwiex suffiċjenti fih innifsu sabiex jiġi stabbilit li s-sinjifikat tiegħu mhuwiex biss lokali fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

Fir-rigward tat-territorju rilevanti, sabiex jiġi stabbilit li s-sinjifikat tas-sinjal invokat mhuwiex biss lokali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sinjali li jkun hemm riskju li jidħlu f’kunflitt ma’ trade mark Komunitarja jikkostitwixxu drittijiet esklużivi li joriġinaw minn regoli ġuridiċi applikabbli f’territorji differenti. Isegwi li t-territorju rilevanti sabiex jiġi eżaminat is-sinjifikat ta’ dawn id-drittijiet esklużivi huwa dak fejn tapplika kull waħda minn dawn ir-regoli ġuridiċi. Fil-fatt, huwa f’dan it-territorju, f’kollu jew f’parti minnu, li regola tagħti drittijiet esklużivi li jistgħu jidħlu f’kunflitt ma’ trade mark Komunitarja.

Mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju, is-sinjal inkwistjoni għandu sinjifikat li mhuwiex biss lokali fit-territorju rilevanti peress li l-impatt tiegħu mhuwiex limitat għal parti waħda tal-imsemmi territorju, kif inhuwa ġeneralment il-każ ta’ belt jew ta’ provinċja. Madankollu, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat a priori, b’mod astratt, liema parti tat-territorju għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġi stabbilit li s-sinjifikat ta’ sinjal jeċċedi dimensjoni lokali. Għalhekk, l-evalwazzjoni tas-sinjifikat tas-sinjal għandha sseħħ in concreto, skont iċ-ċirkustanzi stess ta’ kull każ.

B’mod definittiv, sabiex ikun hemm oppożizzjoni xierqa fir-rigward ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja jew sabiex tinkiseb dikjarazzjoni ta’ invalidità, huwa neċessarju li jintwera, skont l-użu tiegħu, li s-sinjal invokat kiseb importanza li, minn perspettiva tat-terzi kkonċernati, mhijiex limitata għal parti biss tat-territorju rilevanti.

(ara l-punti 36-42)

3.      L-Artikolu 52(1)(ċ) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jippermettu li tinkiseb l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja abbażi ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li jintuża fil-kummerċ u li s-sinjifikat tagħhom mhuwiex biss lokali.

Ir-Regolament Nru 40/94 jagħti lill-proprjetarju l-għażla tal-mezzi tal-prova sabiex jistabbilixxi li s-sinjifikat tas-sinjal li huwa jinvoka mhuwiex biss lokali. Dan jista’ jiġi stabbilit permezz tal-eżistenza ta’ netwerk ta’ fergħat ekonomikament attivi fit-territorju kkonċernat kollu, iżda wkoll b’mod iktar sempliċi, pereżempju, billi jiġu ppreżentati kontijiet maħruġa barra mir-reġjun fejn hija għandha s-sede tagħha, artikoli tal-istampa li juru l-livell ta’ għarfien mill-pubbliku tas-sinjal invokat jew billi jiġi stabbilit li saru referenzi għall-istabbiliment fil-gwida tal-ivjaġġar.

(ara l-punt 43)

4.      L-Artikolu 52(1)(ċ) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jippermettu li tinkiseb l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja abbażi ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li jintużaw fil-kummerċ u li s-sinjifikat tagħhom mhuwiex lokali biss.

Il-prova tal-użu tas-sinjal invokat hija waħda mill-kundizzjonijiet mitluba sabiex wieħed jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u huma biss il-proprjetarji tas-sinjali użati fil-qasam tal-kummerċ li għalhekk jistgħu jitolbu din il-protezzjoni.

Din tikkostitwixxi differenza importanti fir-rigward tat-trade marks Komunitarji u tat-trade marks nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94, li huma invokati fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, ir-Regola 22 u r-Regola 40(6) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, l-użu ta’ dawn it-trade marks għandu jintwera biss fil-każ fejn dan huwa mitlub mill-applikant jew mill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja. F’dan il-każ, l-Uffiċċju tal-Armonizzjoni fis-Suq intern (Trade marks u disinni) huwa għalhekk mitlub jistieden il-persuna li tressaq l-oppożizzjoni jew lill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sabiex jippreżentaw prova tal-użu fi żmien speċifiku.

(ara l-punt 52)