Language of document : ECLI:EU:C:2018:971

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2018 (1)

Kawża C-235/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tneħħi mingħajr ma tipprevedi kumpens, id-drittijiet preċedentement ikkostitwiti favur persuni ġuridiċi jew persuni fiżiċi li ma jistgħux jiġġustifikaw rabta parentali mill-qrib mal-proprjetarju tal-art – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata, b’mod awtonomu, ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Ungerija – fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2013 tat-termőföldről szóló 1994. évi LV. törvény (il-Liġi Nru LV tal-1994 dwar l-Art Produttiva, iktar ’il quddiem “il-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva”), tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-mező- és erdőgazdasági földek forgalmáról szóló 2013. évi CXXII. törvény (il-Liġi Nru CXXII tal-2013 dwar il-Bejgħ tal-Artijiet Agrikoli u Forestali, iktar ’il quddiem “il-Liġi tal-2013 dwar l-Artijiet Agrikoli”), kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-mező- és erdőgazdasági földek forgalmáról szóló 2013. évi CXXII. törvénnyel összefüggő egyes rendelkezésekről és átmeneti szabályokról szóló 2013. évi CCXII. törvény (il-Liġi Nru CCXII tal-2013, li tinkludi diversi Dispożizzjonijiet u Miżuri Tranżitorji dwar il-[Liġi tal-2013 dwar l-Artijiet Agrikoli], iktar ’il quddiem “il-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji”) u fl-aħħar nett tal-Artikolu 94(5) tal-ingatlan-nyilvántartásról szóló 1997. évi CXLI. törvény (il-Liġi Nru CXLI tal-1997, dwar ir-Reġistru tal-Artijiet, iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet”), bir-restrizzjoni manifestament sproporzjonata tad-drittijiet ta’ użufrutt u tad-drittijiet ta’ użu fuq l-artijiet agrikoli u forestali (2) – naqset mill-obbligi tagħha taħt il-libertà tal-istabbiliment (Artikolu 49 TFUE), tal-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 63 TFUE) u tad-dritt fundamentali tal-proprjetà (Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

2.        L-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża mal-moviment liberu tal-kapital, iggarantit fl-Artikolu 63 TFUE diġà tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (3) u ġiet ittrattata fil-konklużjonijiet tiegħi f’dawn iż-żewġ kawżi magħquda (4). Għalhekk din il-problema ma hijiex ser titlob żviluppi ġodda min-naħa tiegħi, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss, skont din is-sentenza, tikkonstata l-ksur tad-dritt tal-Unjoni fuq dan il-punt.

3.        Madankollu, l-interess ta’ din il-kawża jinsab band’oħra. F’din is-sentenza, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja wkoll kienet ġiet mistoqsija dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikolu 17 tal-Karta. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li ma kellhiex għalfejn tindirizza l-kwistjoni. Madankollu, għall-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, f’dan il-każ, tiddeċiedi dwar din id-dispożizzjoni b’mod distint mill-eżami tal-libertajiet ta’ moviment.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-Artikolu 17 tal-Karta kif tixtieq il-Kummissjoni. Sussidjarjament, ser nagħti r-raġunijiet għalfejn, fl-opinjoni tiegħi, eżami tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni huwa fi kwalunkwe każ superfluwu. Fl-aħħar nett, sussidjarjament, ser nipproċedi għal analiżi ta’ din il-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 17, eżami li ser iwassalni biex nikkonkludi l-inkompatibbiltà tal-imsemmija leġiżlazzjoni mad-dritt fundamentali tal-proprjetà ggarantita minn dan l-Artikolu.

II.    Id-dritt Ungeriż

A.      Il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist ta’ art agrikola

5.        Il-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva tipprovdi l-projbizzjoni għal kull persuna fiżika li ma għandhiex ċittadinanza Ungeriża, bl-eċċezzjoni ta’ persuni li jkollhom permess ta’ residenza permanenti u dawk bi status ta’ refuġjat rikonoxxut, kif ukoll għal kull persuna ġuridika kemm barranija kif ukoll Ungeriża, li jixtru artijiet agrikoli.

6.        Din il-liġi ġiet emendata, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002 mit-termġföldrġl szóló 1994. évi LV. törvény módosításáról szóló 2001. évi CXVII. Törvény (il-Liġi Nru CXVII tal-2001 li temenda l-[Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva]), sabiex teskludi wkoll il-possibbiltà li jiġi kkostitwit kuntrattwalment dritt ta’ użufrutt fuq art agrikola għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi li ma għandhomx in-nazzjonalità Ungeriża jew persuni ġuridiċi. L-Artikolu 11(1) tal-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva kien għalhekk jipprovdi, bħala konsegwenza ta’ dawn l-emendi, li “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II dwar ir-restrizzjoni tal-akkwist tal-proprjetà għandhom japplikaw għall-kostituzzjoni kuntrattwali tad-dritt ta’ użufrutt u tad-dritt tal-użu. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        L-Artikolu 11(1) tal-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva, sussegwentement, ġie emendat mill-egyes ágazatokat terhelġ agrár tárgyú törvények módosításáról szóló 2012. évi CCXIII. törvény (il-Liġi Nru CCXIII tal-2012, li temenda ċerti liġijiet dwar l-Agrikoltura). Fil-verżjoni l-ġdida tiegħu li tinkludi din l-emenda u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, l-imsemmi Artikolu 11(1) kien jipprovdi li “[i]d-dritt ta’ użufrutt magħmul b’kuntratt huwa null, sakemm ma jkunx ikkostitwit għall-benefiċċju ta’ qarib”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        Il-Liġi Nru CCXIII tal-2012 li temenda ċerti liġijiet dwar l-Agrikoltura introduċiet ukoll Artikolu 91(1) ġdid fil-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva, li jgħid: “[k]ull dritt ta’ użufrutt eżistenti fid-data tal-1 ta’ Jannar 2013 u kkostitwit, għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat li jiskadi wara t-30 ta’ Diċembru 2032, permezz ta’ kuntratt konkluż bejn persuni li ma humiex membri mill-qrib tal-istess familja, jispiċċa ipso jure fl-1 ta’ Jannar 2033”.

9.        Il-Liġi tal-2013 dwar l-Artijiet Agrikoli ġiet adottata fil-21 ta’ Ġunju 2013 u daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2013. L-Artikolu 37(1) ta’ din il-liġi jżomm ir-regola li tgħid li dritt ta’ użufrutt jew dritt ta’ użu fuq tali art ikkostitwit b’kuntratt huwa null ħlief jekk dan il-kuntratt ikun konkluż bejn membri mill-qrib tal-istess familja.

10.      L-Artikolu 5(13) ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Membru mill-qrib tal-istess familja” bħala li jinkludi “il-konjuġi, l-axxendenti f’linja diretta, it-tfal adottivi, it-tfal proprji u t-tfal tal-konjuġi, il-ġenituri adottivi, il-ġenituri tal-konjuġi u l-aħwa.”

11.      Il-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji ġiet adottata fit-12 ta’ Diċembru 2013 u daħlet fis-seħħ fit-15 ta’ Diċembru 2013. L-Artikolu 108(1) ta’ din il-liġi, li ħassar l-Artikolu 91(1) tal-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva, jiddikjara li: “[k]ull dritt ta’ użufrutt jew ta’ użu eżistenti fid-data tat-30 ta’ April 2014 u kkostitwit, għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat li jiskadi wara t-30 ta’ April 2014, permezz ta’ kuntratt konkluż bejn persuni li ma humiex membri mill-qrib tal-istess familja, jispiċċa ipso jure fl-1 ta’ Mejju 2014.”

12.      L-Artikolu 94 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet jipprovdi:

“1.      Fid-dawl tat-tħassir mir-Reġistru tal-Artijiet tad-drittijiet ta’ użufrutt u tad-drittijiet ta’ użu milquta mit-terminazzjoni skont l-Artikolu 108(1) tal-[Liġi tal‑2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji] (iktar ’il quddiem flimkien, f’dan l-artikolu, id-‘drittijiet ta’ użufrutt’), il-persuna fiżika li għandha drittijiet ta’ użufrutt għandha, wara intimazzjoni mibgħuta mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2014 mill-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tar-Reġistru, fil-15-il jum segwenti għall-intimazzjoni, tiddikjara, fuq il-formola stabbilita għal dan l-għan mill-Ministru, ir-relazzjoni ta’ membru mill-qrib tal-istess familja li torbtu jekk ikun il-każ mal-persuna msemmija bħala proprjetarja tal-immobbli fid-dokument li kien il-bażi tar-reġistrazzjoni. F’każ ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni fit-termini stabbiliti, it-talba għal reġistrazzjoni ma tkunx milqugħa wara l-31 ta’ Diċembru 2014.

[…]

3.      Jekk id-dikjarazzjoni ma turix relazzjoni ta’ membru mill-qrib tal-istess familja jew jekk ebda dikjarazzjoni ma ssir fit-termini stabbiliti, l-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tar-Reġistru tal-Artijiet għandha tħassar ex officio d-drittijiet ta’ użufrutt mill-imsemmi reġistru, fis-sitt xhur ta’ wara l-iskadenza tat-terminu li fih kellha ssir id-dikjarazzjoni u mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2015.

[…]”

B.      Id-dritt ċivili

13.      Id-dispożizzjonijiet tal-a polgári törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény (il-Liġi Nru IV tal-1959 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili ta’ qabel”) baqgħu fis-seħħ sal-14 ta’ Marzu 2014.

14.      L-Artikolu 215 tal-Kodiċi Ċivili ta’ qabel kien jipprovdi:

“(1)      Jekk il-qbil ta’ terza persuna jew l-approvazzjoni tal-awtoritajiet ikunu meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt, il-kuntratt ma jistax jidħol fis-seħħ sakemm ma jingħatawx dan il-qbil jew din l-approvazzjoni, iżda jibqa’ jorbot lill-partijiet bid-dikjarazzjonijiet tagħhom. Il-partijiet għandhom ikunu meħlusa mill-impenn tagħhom jekk it-terza persuna jew l-awtorità kkonċernata ma tiddeċidix fit-terminu li l-partijiet ikunu ffissaw flimkien.

[…]

(3)      Fin-nuqqas tal-qbil, jew tal-approvazzjoni, meħtieġa, l-effetti ġuridiċi tal-invalidità għandhom japplikaw għall-kuntratt.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15.      L-Artikolu 237 tal-Kodiċi Ċivili ta’ qabel kien jipprovdi:

“(1)      Fil-każ ta’ kuntratt invalidu, jeħtieġ li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet tipprevali qabel il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

(2)      Jekk ma jkunx possibbli li tipprevali s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-qorti tista’ tiddikjara l-kuntratt applikabbli sakemm tkun tat id-deċiżjoni. Kuntratt invalidu jista’ jiġi ddikjarat validu jekk ikun possibbli li titneħħa l-kawża tal-invalidità, b’mod partikolari permezz tat-tneħħija tal-vantaġġ sproporzjonat f’każ ta’ sproporzjon tas-servizzi tal-partijiet f’kuntratt ta’ użu. F’każ bħal dan, għandha tiġi ordnata r-restituzzjoni tas-servizz li jkun għadu dovut, jekk ikun il-każ, mingħajr korrispettiv.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16.      Id-dispożizzjonijiet tal-a polgári törvénykönyvrġl szóló 2013. évi V. törvény (il-Liġi Nru V tal-2013 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Ċivili l-ġdid”) daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Marzu 2014.

17.      L-Artikoli 6:110 u 6:111 tal-Kodiċi Ċivili l-ġdid li jinsabu fil-Kapitolu XIX tiegħu intitolat “Effetti ġuridiċi tal-invalidità” huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 6:110 [Dikjarazzjoni tal-validità tal-kuntratt mill-qorti, b’effett retroattiv]

(1)      Kuntratt invalidu jista’ jiġi ddikjarat validu mill-qorti, b’effett retroattiv għad-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, jekk

a)      id-dannu subit minħabba l-invalidità jista’ jiġi eliminat permezz ta’ emenda xierqa tal-kuntratt, jew jekk

b)      il-kawża tal-invalidità spiċċat sussegwentement.

(2)      F’każ li l-kuntratt invalidu jiġi ddikjarat validu, il-partijiet kontraenti huma obbligati jissodisfaw l-obbligi reċiproċi stipulati f’dan il-qafas u, fil-każ ta’ ksur tal-kuntratt wara d-dikjarazzjoni ta’ validità, għandhom iwieġbu bl-istess mod daqslikieku l-kuntratt kien ġie vvalidat sa mill-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 6:111 [Validità tal-kuntratt li jirriżulta mir-rieda tal-partijiet]

(1)      Kuntratt isir validu b’effett retroattiv mid-data tal-konklużjoni tiegħu jekk il-partijiet sussegwentement jeliminaw il-kawża tal-invalidità jew jekk, f’każ ta’ estinzjoni ta’ din il-kawża għal kwalunkwe raġuni oħra, jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu kuntratt.

(2)      Fil-każ fejn kuntratt invalidu jsir validu, il-partijiet kontraenti huma obbligati jissodisfaw l-obbligi reċiproċi stipulati f’dan il-qafas u, fil-każ ta’ ksur tal-kuntratt wara l-validazzjoni tiegħu, għandhom iwieġbu bl-istess mod daqslikieku l-kuntratt kien ġie vvalidat sa mill-konklużjoni tiegħu.

(3)      Fil-każ fejn il-partijiet jeliminaw sussegwentement il-kawża tal-invalidità u jaqblu dwar il-validità tal-kuntratt għall-futur, il-kisbiet li jkunu saru sa dak iż-żmien ikunu suġġetti għall-effetti ġuridiċi tal-invalidità.”

III. Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

18.      Fl-Ungerija, l-akkwist ta’ art agrikola minn ċittadini barranin ilu minn żmien suġġett għal restrizzjonijiet. Il-Liġi Nru I tal-1987 dwar l-Art (5) kienet tipprovdi għalhekk li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi barranin ma jistgħux jiksbu s-sjieda tal-art permezz ta’ xiri, skambju jew donazzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-gvern Ungeriż.

19.      Sussegwentement, id-Digriet Governattiv Nru 171 tas-27 ta’ Diċembru 1991 (6), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1992, eskluda għal kollox kull possibbiltà, għall-persuni li m’għandhomx ċittadinanza Ungeriża, bl-eċċezzjoni ta’ dawk b’permess ta’ residenza permanenti u dawk bi status ta’ rifuġjat, li jixtru art agrikola. Il-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva kienet sussegwentement estendiet din il-projbizzjoni għall-persuni ġuridiċi kemm barranin kif ukoll Ungeriżi.

20.      Dan il-qafas legali ma kienx jimponi, min-naħa l-oħra, restrizzjonijiet partikolari f’dak li jikkonċerna l-kostituzzjoni ta’ drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola.

21.      Madankollu, wara emenda tal-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva (7), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, ir-restrizzjonijiet dwar l-akkwist ta’ art agrikola ġew estiżi għall-istabbiliment ta’ tali drittijiet ta’ użufrutt fuq dawn l-artijiet. Konsegwentement, la l-persuni fiżiċi barranin u lanqas il-persuni ġuridiċi ma setgħu jiksbu drittijiet simili.

22.      Fil-kuntest tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea, dan l-Istat Membru kien ingħata perjodu tranżitorju li matulu seta’ jżomm fis-seħħ ir-restrizzjonijiet dwar l-akkwist ta’ art agrikola għal perjodu ta’ għaxar snin mid-data tal-adeżjoni, jiġifieri sat-30 ta’ April 2014. Madankollu, mill-1 ta’ Mejju 2004, dan l-istess Stat Membru kien obbligat jawtorizza liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu ilhom jgħixu u jaħdmu fl-Ungerija għal tliet snin jixtru art agrikola taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Ungeriżi (8).

23.      Qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu tranżitorju, il-leġiżlatur Ungeriż adotta emenda ġdida għal-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva (9) li, mill-1 ta’ Jannar 2013, kienet tipprojbixxi b’mod ġenerali il-kostituzzjoni ta’ drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola, ħlief bejn il-membri mill-qrib tal-istess familja. Il-Liġi dwar l-Art Agrikola, li ġiet adottata lejn l-aħħar tal-2013 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014, żammet din l-istess projbizzjoni (10).

24.      Ir-regoli li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013 kienu jipprevedu li d-drittijiet ta’ użufrutt eżistenti f’din id-data u kkostitwiti, għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat li jiskadu wara l-31 ta’ Diċembru 2032, permezz ta’ kuntratt konkluż bejn persuni li ma humiex membri mill-qrib tal-istess familja, jispiċċaw ex lege f’perijodu tranżitorju ta’ 20 sena. Għaldaqstant dawn id-drittijiet kellhom jintemmu awtomatikament sal-1 ta’ Jannar 2033.

25.      Madankollu, l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji, li daħlet fis-seħħ fit-15 ta’ Diċembru 2013, kien qassar sostanzjalment il-perijodu tranżitorju msemmi hawn fuq. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, id-drittijiet ta’ użufrutt eżistenti sat-30 ta’ April 2014 issa kellhom  jintemmu awtomatikament fl‑1 ta’ Mejju 2014, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti konklużi bejn membri mill-qrib tal-istess familja.

26.      Peress li qieset b’mod partikolari li, bl-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet dwar il-kostituzzjoni preċedentement ta’ drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola, l-Ungerija kienet kisret l-Artikoli 49 u 63 TFUE kif ukoll l-Artikolu 17 tal-Karta, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru fis-17 ta’ Ottubru 2014 (11). Dan wieġeb permezz tal-ittra tat-18 ta’ Diċembru 2014, li fiha huwa kkontesta l-ksur allegat.

27.      Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, fid-19 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha sostniet li, bit-tneħħija ex lege skont l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji, ta’ ċerti drittijiet ta’ użufrutt b’effett mill-1 ta’ Mejju 2014, l-Ungerija kisret id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq. Dan l-Istat Membru wieġeb permezz tal-ittri tad-9 ta’ Ottubru 2015 u tat-18 ta’ April 2016, fejn ikkonkluda dwar l-ineżistenza tan-nuqqasijiet allegati.

28.      B’mod parallel, il-qorti nazzjonali li rrinvijat id-domandi għal deċiżjoni preliminari li tat lok għas-sentenza SEGRO u Horváth lill-Qorti tal-Ġustizzja ippreżentat rikors quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija), b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 108(1) mal-liġi fundamentali Ungeriża.

29.      Permezz tas-sentenza Nru 25, tal-21 ta’ Lulju 2015, l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li din id-dispożizzjoni tikser parzjalment l-imsemmija liġi fundamentali, peress li l-leġiżlatur nazzjonali ma pprovdiex għal mekkaniżmu ta’ kumpens għas-sidien tal-art li fuqhom kienu kkostitwiti d-drittijiet tal-użufrutt imneħħija, u tagħtu żmien sal-31 ta’ Diċembru 2015 sabiex jemendaha. Din l-istess qorti ċaħdet il-bqija tar-rikors. It-terminu mogħti mill- Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) lil-leġiżlatur skada mingħajr ma dan adotta l-miżuri meħtieġa.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

30.      Dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġie ppreżentat fil-5 ta’ Mejju 2017.

31.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 u 63 tat-TFUE u taħt l-Artikolu 17 tal-Karta, billi adottat leġiżlazzjoni li tillimita l-użufrutt ta’ artijiet agrikoli, u

–        tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

32.      L-Ungerija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni bħala infondat, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33.      Fid-9 ta’ Lulju 2018 saret seduta għas-sottomissjonijiet orali li għaliha kienu rrappreżentati l-Kummissjoni u l-Ungerija.

V.      Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà

34.      Fir-risposta u fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Ungeriż ma sostniex l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ tali rikors huma ta’ natura ta’ ordni pubbliku, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżaminahom ex officio (12).

35.      Issa, jirriżulta minn qari komparattiv tal-opinjoni motivata u tar-rikors li l-Kummissjoni tidher li, f’dan it-tieni dokument, estendiet is-suġġett tal-kawża, kif iddefinit fl-ewwel wieħed, bi ksur tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprojbixxi tali estensjoni (13).

36.      F’dan ir-rigward, nosserva li l-Kummissjoni kienet akkużat lill-Ungerija, f’din l-opinjoni motivata, li neħħiet ex lege, skont l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal‑2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji, id-drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola bejn persuni li mhumiex membri mill-qrib tal-istess familja u eżistenti fit-30 ta’ April 2014.

37.      Min-naħa l-oħra, jirriżulta fl-introduzzjoni tal-petitum tar-rikors, riprodott fil-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Kummissjoni tirreferi, fir-rikors tagħha, għal aktar dispożizzjonijiet nazzjonali minn dawk ikkontestati fl-opinjoni motivata u li wħud minnhom ma jirrigwardawx it-tneħħija tad-drittijiet ta’ użufrutt preeżistenti fuq l-art agrikola, iżda l-kostituzzjoni tad-drittijiet fuq din l-art (14). Barra minn hekk, fit-talbiet tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Ungerija mhux talli “neħħiet” id-drittijiet ta’ użufrutt preċedentement stabbiliti iżda, b’mod iktar ġenerali, li “illimitat” id-drittijiet ta’ użufrutt fuq l-imsemmija art.

38.      Dawn l-elementi jindikaw li, lil hinn mit-tneħħija ex lege, li tirriżulta mill-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji, ta’ ċerti drittijiet ta’ użufrutt eżistenti fuq art agrikola, il-Kummissjoni għandha l-għan li tikseb il-kundanna tal-Ungerija anki għall-fatt li illimitat il-possibbiltà li dawn id-drittijiet jiġu kkostitwiti fil-futur għall-membri mill-qrib tal-istess familja tal-proprjetarju tal-art biss.

39.      Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, l-Ungerija indikat li tifhem li r-rikors tal-Kummissjoni jirrigwarda, essenzjalment, it-tneħħija ex lege ta’ ċerti drittijiet ta’ użufrutt preeżistenti. Madankollu, dan l-Istat Membru jikkunsidra li minħabba l-ambigwità spjegata fit-tliet punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet ir-rikors tal-Kummissjoni ma huwiex ippreżentat b’mod koerenti u li jinftiehem. Din l-istituzzjoni, min-naħa tagħha, argumentat li ma għandhiex l-intenzjoni li tbiddel is-suġġett tal-kawża kif iddefinit fl-opinjoni motivata: hija biss inkwistjoni t-tneħħija tad-drittijiet ta’ użufrutt ikkostitwiti qabel.

40.      Fil-fehma tiegħi, l-ambigwità tar-rikors tal-Kummissjoni ma hijiex suffiċjentement sinjifikattiva sabiex ir-rikors tagħha jitqies inammissibbli fl-intier tiegħu. L-Ungerija setgħet tinvoka d-drittijiet tagħha tad-difiża u ammettiet ukoll li fehmet l-essenza ta’ dan ir-rikors, jiġifieri t-tneħħija ex lege, prevista fl-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji, tad-drittijiet ta’ użufrutt kostitwiti fuq l-art agrikola għall-benefiċċju ta’ persuni li ma humiex membri mill-qrib tal-istess familja tal-proprjetarju tal-art, eżistenti fit-30 ta’ April 2014. Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn jirrigwarda dan l-uniku suġġett u li l-kumplament tiegħu huwa għalhekk inammissibbli.

B.      Fuq l-ewwel ilment (il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża mal-Artikoli 49 u 63 TFUE)

41.      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji mal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE u mal-moviment liberu tal-kapital garantit fl-Artikolu 63 TFUE.

42.      F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza SEGRO u Horváth, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet mistoqsija dwar il-validità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ libertajiet ta’ moviment. Hija, madankollu, iddeċidiet li din il-leġiżlazzjoni kellha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital (15).

43.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja din id-darba għandha teżamina l-leġiżlazzjoni kontenzjuża fid-dawl taż-żewġ libertajiet ta’ moviment invokati.

44.      Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tista’, skont il-każ, tikser xi waħda minn dawn il-libertajiet. F’dan ir-rigward, uħud mill-individwi kienu kisbu d-dritt ta’ użufrutt fuq art agrikola fl-Ungerija għal skopijiet spekulattivi, filwaqt li oħrajn kienu jwettqu l-attività ekonomika tagħhom b’dan il-mod. Madankollu, filwaqt li l-ewwel każ jaqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital, it-tieni huwa relatat mal-libertà ta’ stabbiliment. F’dan il-kuntest, għalkemm fis-sentenza SEGRO u Horváth, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tillimita ruħha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal din is-sentenza, li teżamina din il-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital biss, ma tistax tagħmel l-istess f’dan il-każ. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li għandha natura oġġettiva (16), din l-istess leġiżlazzjoni għandha tiġi eżaminata b’mod ġenerali, b’kunsiderazzjoni tal-libertajiet kollha li jistgħu jiġu applikati f’dawn il-każijiet differenti.

45.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ungeriż huwa tal-fehma li, f’din il-kawża, ma hemmx lok, f’dan ir-rigward, li jiġi adottat approċċ differenti minn dak adottat fis-sentenza SEGRO u Horváth.

46.      Jiena naqbel mal-opinjoni ta’ dan tal-aħħar. Fil-fehma tiegħi, jeħtieġ ukoll, f’din il-kawża, li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 63 TFUE.

47.      Ċertament, din il-leġiżlazzjoni tagħti lok għal akkumulazzjoni tal-libertajiet ta’ moviment potenzjalment applikabbli (17): minn naħa, individwu li jkunu kiseb dritt ta’ użufrutt fuq art agrikola għall-fini li jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu jista’ jinvoka l-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE peress li, “id-dritt ta’ akkwist, ta’ użu u ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor huwa kumpliment neċessarju” ta’ din il-libertà (18); min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri nazzjonali li jirregolaw l-investimenti immobbli jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 63 TFUE, u dan anki meta dawn l-investimenti jkunu intiżi sabiex jippermettu l-eżerċitar ta’ attività ekonomika (19).

48.      Madankollu, f’tali sitwazzjoni ta’ akkumulazzjoni ta’ libertajiet applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja, tal-inqas fil-ġurisprudenza riċenti tagħha, tivverifika jekk waħda minn dawn iż-żewġ libertajiet għandhiex tkun sekondarja għall-oħra u tistax tintrabat magħha. Jekk dan huwa l-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi skont il-maximl-obbligu aċċessorju jsegwi l-prinċipali” u teżamina l-leġiżlazzjoni kontenzjuża biss fir-rigward tal-libertà predominanti (20). F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ relazzjoni “prinċipali/aċċessorju” bejn il-libertajiet inkwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux tas-sitwazzjoni tal-individwi kkonċernati mill-kawża, imma tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (21).

49.      Issa, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji, l-aspett ta’ din il-leġiżlazzjoni dwar il-moviment liberu tal-kapital jipprevali fuq dak marbut mal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tirrigwarda s-sjieda tal-art u tapplika b’mod ġenerali għall-użufrutt fuq art agrikola, mingħajr, għalhekk, ma tkun limitata għas-sitwazzjonijiet fejn dan id-dritt ġie stabbilit għall-finijiet tal-eżerċitar ta’ attività ekonomika (22). F’dan il-kuntest, kull restrizzjoni fuq il-libertà tal-istabbiliment li tirriżulta minn din l-istess leġiżlazzjoni hija konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital. Fi kliem ieħor, kull restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tinfired minn dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-kapital (23).

50.      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jsir eżami awtonomu tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE (24). Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, in-natura oġġettiva tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tiġġustifikax li l-Qorti tal-Ġustizzja titbiegħed mill-ġurisprudenza tagħha dwar l-akkumulazzjoni tal-libertajiet applikabbli. Minbarra l-fatt li dan ikun diffiċilment konċiljabbli mal-ħtieġa ta’ ġestjoni tajba tar-riżorsi tagħha, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeterminax ir-relazzjoni “prinċipali/aċċessorju” b’mod suġġettiv, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-individwi kkonċernati, iżda b’mod oġġettiv, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Ninnota, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat din il-ġurisprudenza f’għadd sinjifikanti ta’ sentenzi għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (25).

51.      B’dan ikkunsidrat, infakkar li fis-sentenza SEGRO u Horváth, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni bħal dik tal-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji mhux biss tostakola l-moviment liberu tal-kapital, iżda tista’ wkoll tkun indirettament diskriminatorja abbażi tan-nazzjonalità jew l-oriġini tal-kapital.

52.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, f’din is-sentenza, li din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata permezz tal-motivi invokati mill-Gvern Ungeriż biex jiddefendiha (26), b’mod partikolari fid-dawl tan-natura sproporzjonata tagħha.

53.      Għalhekk ma huwiex neċessarju li, f’dawn il-konklużjonijiet, nittratta dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-moviment liberu tal-kapital żgurat mill-Artikolu 63 TFUE. Fuq dan il-punt, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa mingħajr ebda dubju fondat, għar-raġunijiet li jidhru fis-sentenza SEGRO u Horváth, u nirreferi lill-qarrej għal dawk ir-raġunijiet kif ukoll għall-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi (27).

54.      Ċertament, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma pprevediet, fil-kuntest tat-tneħħija ex lege tad-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni, la perjodu ta’ tranżizzjoni u lanqas kumpens (28). Madankollu, jirriżulta minn din it-talba li l-Kummissjoni tinvoka dawn il-prinċipji “sussidjarjament”, jiġifieri bħala sempliċi argumenti addizzjonali fl-analiżi tal-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-libertajiet ta’ moviment invokati. Peress li l-ewwel ilment huwa fondat għal motivi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi fuq il-prinċipji inkwistjoni (29). Waqt is-seduta, barra minn hekk il-Kummissjoni kkonfermat li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tikseb eżami awtonomu ta’ dawn il-prinċipji u sostniet li, mill-bqija, ir-rispett ta’ dawn il-prinċipji ma jistax jiġi evalwat indipendentement mill-eżami skont il-libertajiet ta’ moviment. Jiena naqbel kompletament ma’ din l-analiżi, kif ser nispjega iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet (30).

C.      Fuq it-tieni lment (il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża mal-Artikolu 17 tal-Karta)

55.      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, tikkonstata li l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji jmur kontra d-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta.

1.      L-argumenti tal-partijiet

56.      Il-Kummissjoni targumenta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta għandhom jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dan ikun il-każ meta din il-leġiżlazzjoni tkun ta’ natura li tostakola waħda jew iktar mil-libertajiet ta’ moviment ggarantiti mit-Trattat FUE u meta l-Istat Membru kkonċernat jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika tali ostakolu.

57.      Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ttrattatx il-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fis-sentenza SEGRO u Horváth, se tkun meħtieġa tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni f’din il-kawża.

58.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li d-dritt ta’ proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta jkopri d-drittijiet ta’ użufrutt li tneħħew mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża. Fil-fatt, dan l-artikolu jirreferi, b’mod wiesa’, għad-drittijiet kollha li għandhom valur patrimonjali li minnu tirriżulta, fid-dawl tas-sistema ġuridika, pożizzjoni ġuridika akkwistata li tippermetti eżerċitar awtonomu ta’ dawn id-drittijiet mid-detentur tagħhom u għall-benefiċċju tiegħu.

59.      F’dak li għandu x’jaqsam mal-interferenza f’dan id-dritt, din tinħoloq permezz ta’ esproprjazzjoni, f’każ ta’ tneħħija, irtirar jew ċaħda de facto ta’ proprjetà, inkluż meta tali tneħħija tirrigwarda, bħal f’dan il-każ, tnejn biss mit-tliet elementi kostituttivi tal-proprjetà, jiġifieri d-dritt ta’ użu u pussess.

60.      Madankollu, it-tneħħija inkwistjoni f’din il-kawża ma tistax tiġi ġġustifikata. Din it-tneħħija hija bbażata, minn naħa, fuq il-preżunzjoni ġenerali żbaljata li l-kuntratti kollha ta’ użufrutt konklużi bejn persuni mhux relatati kienu bil-għan li jevitaw ir-regoli li jillimitaw l-akkwist ta’ proprjetà fuq art agrikola. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija tneħħija kienet ta’ natura mhux mistennija u imprevedibbli, mingħajr ma pprovdiet il-perijodu tranżitorju meħtieġ u fl-istess ħin qassret dak ta’ 20 sena mogħti qabel lill-investituri. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li hija ġustifikabbli, din it-tneħħija ma hijiex proporzjonata.

61.      Il-Gvern Ungeriż isostni min-naħa tiegħu li ma hemmx ħtieġa ta’ eżami separat tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-Karta.

62.      Fi kwalunkwe każ, fl-ewwel lok, jirriżulta mis-sentenza Nru 25, tal-21 ta’ Lulju 2015 tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti kostituzzjonali) li t-tneħħija ex lege tad-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni ma hijiex komparabbli mal-esproprjazzjoni. Barra minn hekk, din it-tneħħija hija ġġustifikata mill-interess ġenerali. Minn barra dan, ir-regoli tad-dritt ċivili, li jippreskrivu l-obbligu li s-sid iwettaq ftehim mal-użufruttwarju preċedenti, li jista’ jkun meħtieġ minnufih meta jintemm id-dritt ta’ użufrutt, jippermettu lil dan tal-aħħar li jikseb kumpens ġust, komprensiv u f’waqtu għat-telf imġarrab.

63.      Fit-tieni lok, id-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni f’din il-kawża ma jistgħux jiġu koperti mill-Artikolu 17(1) tal-Karta, inkwantu dawn ikunu nkisbu illegalment u in mala fede.

2.      Analiżi

a)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

64.      It-tieni lment tal-Kummissjoni huwa notevoli. Fil-fatt, sa fejn naf jien, din hija l-ewwel darba li din l-istituzzjoni qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Stat Membru kiser dispożizzjoni tal-Karta (31). Madankollu lment ta’ dan it-tip kien tħabbar. Sa mill-Komunikazzjoni tagħha tal-2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Karta, il-Kummissjoni kienet indikat li hija kienet ser tniedi “[k]ull meta jkun meħtieġ […] proċeduri kontra l-Istati Membri għal nuqqas ta’ konformità mal-Karta fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” (32). Din l-istituzzjoni, madankollu, sa issa kienet uriet li se toqgħod lura minn dan (33).

65.      Din il-kawża hija l-ewwel waħda minn sensiela ta’ rikorsi (34) li fihom il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel ilment tagħha, li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru mal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE u, f’ilment separat, eżami ta’ din l-istess leġiżlazzjoni skont il-Karta.

66.      L-ammissibbiltà ta’ tali rikors ma tqajjimx kwistjonijiet fid-dawl tal-Artikolu 258 TFUE (35). Skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta rikors intiż li jiġi kkonstatat li Stat Membru “naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skond dan it-Trattat”.  Dawn l-obbligi jinkludu bla dubju d-drittijiet iggarantiti mill-Karta, li s-saħħa vinkolanti tagħha tirriżulta mir-referenza li jagħmel is-subparagrafu 1 tal-Artikolu 6(1) TUE, fejn jagħtiha “l-istess valur legali bħat-Trattati”.

67.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata ksur tad-drittijiet iggarantiti fil-Karta biss jekk id-dispożizzjonijiet tagħha jorbtu lil dan l-Istat Membru fis-sitwazzjoni inkwistjoni (36). Din il-kawża għalhekk, tqajjem, mill-ġdid, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-konformità tal-Istati Membri mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni.

68.      Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu l-kuntest ta’ din il-kwistjoni. Essenzjalment, il-punt sa fejn l-Istati Membri huma marbuta, taħt id-dritt tal-Unjoni, mir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija kwistjoni ta’ natura kostituzzjonali, delikata u fundamentali, dwar it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni. L-impożizzjoni fuq l-Istati Membri, li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali fl-azzjonijiet tagħhom, kif previsti fid-dritt tal-Unjoni għandha l-effett li tillimita l-approċċi politiċi u regolatorji disponibbli f’dawn l-istess Stati Membri, filwaqt li s-setgħa tal-Unjoni li tiddetermina l-kamp tal-possibbiltajiet tikber b’mod korrispondenti. Id-drittijiet fundamentali għandhom, għalhekk, potenzjal ta’ ċentralizzazzjoni (37). Barra minn hekk, fil-livell istituzzjonali, hija involuta l-kwistjoni ta’ sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala qorti suprema, hija kompetenti biex tissostitwixxi lill-qrati kostituzzjonali nazzjonali u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (38) fil-kontroll tar-regolamenti u l-azzjonijiet tal-Istati Membri fid-dawl tad-drittijiet fundamentali.

69.      Ċertament konxji minn dawn il-kwistjonijiet, l-awturi tal-Karta ħadu ħsieb li jillimitaw espressament iċ-ċirkustanzi li fihom din tapplika għal-liġijiet nazzjonali. Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”. Barra minn hekk, il-Karta u t-Trattati jiċċaraw li din ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati (39).

70.      Fis-sentenza tagħha Åkerberg Fransson (40), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[i]d-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta għandhom, konsegwentement, jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” u li “ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali”, b’tali mod li “[l]-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta”. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat l-eżistenza ta’ “kontinwità storika” (41) bejn il-ġurisprudenza tagħha dwar l-invokabbiltà tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta.

71.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri huma marbuta mid-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fis-sistema ġuridika tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati normalment f’mill-inqas żewġ kategoriji.

72.      Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza Wachauf (42), tali drittijiet fundamentali jorbtu lill-Istati Membri meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’tali mod li dawn ikollhom l-obbligu li, sa fejn hu possibbli, japplikaw dawn il-leġiżlazzjonijiet f’kundizzjonijiet li ma jiksrux dawn id-drittijiet (43).

73.      Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza ERT (44), meta Stat Membru jidderoga permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, mid-dritt tal-Unjoni u jinvoka ġustifikazzjoni rikonoxxuta minn dan id-dritt sabiex jiddefendi din il-leġiżlazzjoni, huwa jista’ jibbenefika minn tali ġustifikazzjoni biss jekk din il-leġiżlazzjoni tkun konformi ma’ dawn l-istess drittijiet fundamentali.

74.      Il-Kummissjoni tibbaża t-tieni lment tagħha fuq din il-linja ta’ ġurisprudenza. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 17(1) tal-Karta huwa applikabbli f’dan il-każ, peress li l-Ungerija idderogat, permezz tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, mil-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital.

75.      Madankollu, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina il-kwistjoni ta’ ksur potenzjali tal-Karta mhux fil-kuntest ta’ ġustifikazzjoni possibbli tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża skont il-libertajiet ta’ moviment invokati — li hija s-suġġett tal-ewwel ilment — iżda indipendentement minn din il-kwistjoni, sabiex tikseb konstatazzjoni awtonoma ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Karta. Fil-fatt, din l-istituzzjoni tqis, essenzjalment, li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali li tidderoga minn libertà ta’ moviment tista’ wkoll tirrestrinġi d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, il-ksur eventwali tal-Karta għandu jiġi eżaminat b’mod separat.

76.      Jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument. Kif ikkonkludejt fil-kawżi magħquda SEGRO u Horváth (45), u skont il-ġurisprudenza “ERT”, il-kwistjoni ta’ ksur possibbli ta’ dritt fundamentali ggarantit mill-Karta, kif ukoll dik tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi invokati mill-Kummissjoni fl-ewwel ilment tagħha (46), ma tistax tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur tal-libertajiet ta’ moviment. Għalhekk inqis neċessarju li nispjega f’aktar dettall f’dawn il-konklużjonijiet, ir-raġunijiet sottostanti għall-pożizzjoni tiegħi.

b)      Ir-“raison d’être” u l-limiti tal-ġurisprudenza “ERT”

77.      Għandu jitfakkar li l-kawża li wasslet għas-sentenza ERT kienet tikkonċerna leġiżlazzjoni Griega li tagħti lil operatur nazzjonali monopolju fuq ir-radju u t-televiżjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irċeviet għadd ta’ mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà ta’ tali monopolju mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (47), li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni.

78.      Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni wasslet għal effetti diskriminatorji kontra emissjonijiet minn Stati Membri oħra. Hija kienet għaldaqstant inkompatibbli mal-libertà ta’ moviment tas-servizzi li hija prevista fl-Artikolu 59 KE (li sar l-Artikolu 56 TFUE), sakemm din ma tkunx tista’ tiġi appoġġjata minn waħda mir-raġunijiet espressament previsti fl-Artikoli 56 KE u 66 KE (48), jiġifieri l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika (49).

79.      F’dan l-istadju, l-Artikolu 10 tal-KEDB ippreżenta interess għall-Qorti tal-Ġustizzja. Filwaqt li fakkret li ma huwiex kompitu tagħha li tevalwa, fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni, ir-regoli nazzjonali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (50), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, f’dan il-każ, kellha tindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali (51).

80.      B’mod aktar speċifiku, sa fejn ir-Repubblika Ellenika kellha l-intenzjoni tinvoka d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 56 u 66 KE biex tiġġustifika l-leġiżlazzjoni kontenzjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “din il-ġustifikazzjoni, prevista mid-dritt Komunitarju” kellha tiġi “interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali”. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet ipprovduti b’dawn id-dispożizzjonijiet biss “jekk hija konformi mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom” (52), inkluża l-libertà tal-espressjoni minquxa fl-Artikolu 10 tal-KEDB, integrata fis-sistema Komunitarja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt (53). Fi kliem ieħor, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali kienu parti mill-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti sabiex jibbenefikaw mill-ġustifikazzjonijiet li jirrigwardaw l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika (54).

81.      Qabel kollox, il-ġurisprudenza “ERT” ma ssegwix loġika ċara bħal dik sottostanti għas-sentenza Wachauf (55), li tirrigwarda l-każijiet fejn l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

82.      Fil-fatt, il-ġurisprudenza “Wachauf”, hija kompletament konformi mal-loġika li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali bħala parti integrali mis-sistema ġuridika tal-Unjoni (56): minn naħa, huwa meħtieġ li l-individwi jkunu mħarsa kontra l-indħil illegali tal-Unjoni fid-drittijiet tagħhom; min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma jistgħux jirrevedu l-azzjoni tal-Unjoni skont l-istandard kostituzzjonali tagħhom stess, mingħajr ma jimminaw l-unità, is-supremazija u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. L-istandards nazzjonali huma għalhekk miċħuda iżda, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tintegra d-drittijiet fundamentali mnebbħa minn “tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri” fil-prinċipji ġenerali tad-dritt li hi tiżgura li jiġu rispettati (57). Issa, peress li l-implimentazzjoni ta’ ħafna mill-politiki tal-Unjoni tiddependi fuq l-Istati Membri, huwa neċessarju li l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni tiġi estiża lil dawn l-Istati Membri meta jaġixxu bħala “aġenti” tal-Unjoni. Meta politika tal-Unjoni tiġi implimentata, hija r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar li tiżgura li l-Istati Membri ma jkunux qed iwettqu ksur tad-drittijiet fundamentali f’isimha (58).

83.      Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni “ERT”, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, l-Istat Membru kkonċernat mhux qed jimplimenta politika tal-Unjoni, iżda politika nazzjonali li taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu (59). Sempliċement ġara li, meta għamel dan, dan l-Istat Membru “laqat ħażin” — volontarjament jew le — regola tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma l-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE, u pprova jiġġustifika lilu nnifsu (60).

84.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, tliet ġustifikazzjonijiet normattivi, relatati għalkemm distinti, huma l-bażi tal-ġurisprudenza “ERT” u tiegħu jikkostitwixxu r-“raison d’être”.

85.      L-ewwel nett, il-punt sa fejn l-Istati Membri jistgħu jidderogaw validament mil-libertajiet tal-moviment huwa mingħajr dubju kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni (61). Il-firxa ta’ din il-possibbiltà tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet fit-Trattati dwar dawn il-libertajiet u ma tistax tiġi ddeterminata minn kull Stat Membru skont il-valuri tiegħu stess, mingħajr ma jimmina l-effettività u l-applikazzjoni uniformi tal-imsemmija libertajiet fl-Istati Membri kollha. Din l-istess possibbiltà għandha tkun irregolata fid-dawl tal-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni (62).

86.      Sussegwentement, is-sentenza ERT tirrifletti l-prinċipju li d-dritt tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-libertajiet ta’ moviment, għandu dejjem jiġi interpretat skont id-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom. Fil-fatt, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra, fir-rigward ta’ dawn il-libertajiet, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikser dawn id-drittijiet fundamentali hija ammissibbli, dan ikun ifisser li huwa aċċettabbli li, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ interpretazzjoni mfakkar hawnhekk, il-libertajiet inkwistjoni jista’ jkollhom tifsira li tittollera ksur bħal dan (63).

87.      Fl-aħħar nett, analiżi skont id-drittijiet fundamentali hija, f’ċerti ċirkustanzi, indispensabbli sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima dwar il-libertajiet ta’ moviment. Fil-fatt, ċerti ġustifikazzjonijiet huma intrinsikament marbutin ma’ kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta Stat Membru jinvoka, biex jiġġustifika lilu nnifsu, motiv ta’ sigurtà pubblika jew dritt fundamentali fis-sistema ġuridika nazzjonali tiegħu (64). Nikkunsidraw, pereżempju, il-kawża li wasslet għas-sentenza Society for the Protection of Unborn Children Ireland (SPUC) (65). Infakkar li f’din il-kawża kienet inkwistjoni leġiżlazzjoni Irlandiża li tipprojbixxi l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ abort — kostituzzjonalment ipprojbit fl-Irlanda sa ftit ilu — disponibbli fi Stati Membri oħra. Kieku f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li hija ddeċidiet, li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tas-servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kien ikollha tittratta l-ġustifikazzjoni tal-Irlanda bbażata fuq id-dritt għall-ħajja, kif stabbilit fil-Kostituzzjoni Irlandiża. F’dan il-kuntest, kien ikun partikolarment diffiċli mil-lat metodoloġiku u normattiv li dan id-dritt ma jiġix ibbilanċjat mal-libertà ta’ espressjoni (66).

88.      F’sentenzi sussegwenti, b’mod partikolari fis-sentenza Familiapress (67), il-Qorti estendiet il-ġurisprudenza “ERT” għal sitwazzjonijiet fejn Stat Membru jipprova jiġġustifika deroga għal-libertajiet ta’ moviment billi jinvoka, mhux eċċezzjoni espressament prevista mit-Trattat FUE — ordni pubbliku, sigurtà pubblika, saħħa pubblika –, iżda waħda mill-ġustifikazzjonijiet mhux miktuba rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — magħrufa bħala “rekwiżiti imperattivi”, “raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali” jew ukoll “objettivi ta’ interess ġenerali”.

89.      Din kienet estensjoni sinjifikanti, iżda fl-opinjoni tiegħi ġġustifikata. Fil-fatt, ma hemmx lok ta’ distinzjoni bejn jekk Stat Membru jinvokax eċċezzjoni espressament prevista mit-Trattat FUE jew ġustifikazzjoni mhux miktuba (68). Fi kwalunkwe każ, huwa jibbaża fuq dispożizzjoni tat-Trattat FUE li tippermetti din id-deroga — fil-kuntest tal-ġustifikazzjonijiet mhux miktuba, hija r-regola tal-moviment liberu nnifisha — u l-loġika hija identika: din id-dispożizzjoni hija “interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali” (69).

90.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ġurisprudenza “ERT” hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-libertajiet ta’ moviment fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. L-eżami tad-drittijiet fundamentali għandu l-funzjoni li jiddeċiedi l-kwistjoni tar-rispett ta’ dawn il-libertajiet ta’ moviment (70). Din il-ġurisprudenza tippermetti ċ-ċaħda ta’ ġustifikazzjoni invokata minn Stat Membru minħabba ksur ta’ dritt fundamentali rikonoxxut fis-sistema ġuridika tal-Unjoni (71).

91.      B’hekk, fil-kuntest tal-ġurisprudenza “ERT”, il-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali u dik tal-libertajiet ta’ moviment huma marbuta b’mod inseparabbli. Minn dan isegwi li ma huwiex possibbli, fil-fehma tiegħi, kemm fuq livell metodoloġiku kif ukoll fuq il-livell normattiv, li dawn iż-żewġ kwistjonijiet jiġu diżassoċjati, kif issuġġerit mill-Kummissjoni f’din il-kawża.

92.      Id-dħul fis-seħħ tal-Karta fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija sal-lum, ma fixkilx daqstant din l-analiżi. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fis-sentenza Pfleger et (72) li l-ġurisprudenza “ERT” għadha tapplika fil-kuntest tal-Karta. B’mod aktar preċiż, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-użu, minn Stat Membru, tal-eċċezzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni biex jiġġustifika ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita bit-Trattat [FUE] għandu […] jiġi kkunsidrat […] kif ‘jimplimenta d-dritt tal-Unjoni’, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta” (73).

93.      Madankollu, fis-sentenzi Berlington Hungary et (74), AGET Iraklis (75) u Global Starnet (76), mogħtija fid-dawl tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet applikazzjoni għal kollox ortodossa tal-ġurisprudenza “ERT”, meta qieset id-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-analiżi ta’ ġustifikazzjoni possibbli tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment applikabbli.

94.      Ċertament, fis-sentenza Pfleger et (77), il-Qorti tal-Ġustizzja firdet, fuq il-livell formali, il-kwistjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta mill-kwistjoni tal-libertajiet ta’ moviment. Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma huwiex possibbli li jinstiltu konklużjonijiet ċari minn din is-sentenza. Minn naħa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni setgħet tkun iġġustifikata fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja irrinvijat lill-qorti tar-rinviju l-kompitu li teżamina l-proporzjonalità (78). F’dan il-kuntest, analiżi addizzjonali tal-imsemmija leġiżlazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta kienet iġġustifikata minn perspettiva ta’ “ERT”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja neħħiet il-bżonn li teżamina b’mod separat dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta in concreto, meta indikat li, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kellha tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għall-moviment liberu tas-servizzi, hija awtomatikament inkompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod li tali eżami ma huwiex neċessarju (79). Għalhekk, kif kont indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda SEGRO u Horváth (80), is-sentenza Pfleger et (81) tħalli dubju fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi eżaminat ksur allegat tal-Karta indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur tal-libertajiet ta’ moviment.

c)      Il-kunsiderazzjonijiet li, fil-fehma tiegħi, għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex ma tmurx lil hinn mill-ġurisprudenza “ERT”

95.      Fil-fehma tiegħi, it-tieni lment tal-Kummissjoni ma jirriżultax mis-sempliċi loġika tal-ġurisprudenza “ERT”. Din hija, fil-fehma tiegħi, estensjoni ulterjuri — jekk mhux ukoll żnaturament — ta’ din il-ġurisprudenza.

96.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, la iktar u lanqas inqas, li tiddeċiedi dwar dritt fundamentali ggarantit mill-Karta, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li diġà tikser id-dritt primarju tal-Unjoni. Meta taċċetta jew, għall-kuntrarju, meta tirrifjuta l-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni lment tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tagħmel għażla bejn żewġ filosofiji differenti dwar il-pożizzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-sitwazzjonijiet ta’ “deroga”.

97.      Skont l-ewwel filosofija — dik li tirriżulta mis-sentenza ERT — il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssolvix, fis-sitwazzjonijiet ta’ “deroga”, kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali bħala tali, bħal qorti kostituzzjonali. Hija tindirizza tali problema sa fejn ikun meħtieġ sabiex tivverifika jekk Stat Membru għandux id-dritt li jidderoga, b’mod partikolari, minn waħda mil-libertajiet ta’ moviment. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali meta dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż fid-dimensjoni funzjonali tiegħu.

98.      Skont it-tieni filosofija — dik issuġġerita mill-Kummissjoni f’dan il-każ — il-kontroll tar-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa distint mill-kwistjoni tal-konformità mal-libertajiet ta’ moviment. Ir-restrizzjoni għall-imsemmija libertajiet topera bħala bieb għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta. Meta jiftaħ dan il-bieb, l-Istat Membru huwa obbligat jirrispetta il-katalgu tad-drittijiet fundamentali li jidher hemmhekk, u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza sabiex tiddeċiedi b’mod awtonomu dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma’ kull wieħed minnhom.

99.      Għall-Kummissjoni, eżami tal-liġijiet tal-Istati Membri fid-dawl tal-Karta f’kawżi bħal din huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-istat tad-dritt f’dawn l-Istati. Il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Karta f’dawn il-każijiet tikkostitwixxi, għall-individwi affettwati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, espressjoni ta’ dan l-istat tad-dritt. Barra minn hekk, tali applikazzjoni tal-Karta żżid il-viżibbiltà tagħha u twassal għal leġittimizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’għajnejn iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

100. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm l-ewwel filosofija, u ma tidħolx fil-qasam fejn tixtieq twassalha l-Kummissjoni.

101. L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fis-sistema ġuridika tal-Unjoni, dimensjoni tal-istat tad-dritt li hija daqstant importanti daqs il-promozzjoni ta’ politika ta’ drittijiet fundamentali hija r-rispett tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (82).  Hija kwistjoni tal-leġittimità ta’ intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett tagħhom, f’politika nazzjonali.

102. Fil-fehma tiegħi, mill-perspettiva ta’ tqassim ġust tal-kompetenzi, iktar ma l-Unjoni jkollha, f’konformità mal-kompetenzi tagħha, politika u strumenti li jistabbilixxu regoli komuni f’qasam, iktar ikun leġittimu għaliha li timponi r-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif previst fid-dritt tal-Unjoni. Issa, infakkar li, f’sitwazzjoni ta’ deroga, l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi, bħala ipoteżi, f’qasam fejn ma jeżisti l-ebda strument tal-Unjoni li jgħaqqad, jarmonizza jew ukoll jikkoordina l-kwistjoni. Dak l-Istat Membru jimplimenta politika nazzjonali, li taqa’ taħt il-kompetenzi tiegħu. Hija applikabbli biss libertà ta’ moviment, jew regola ta’ armonizzazzjoni negattiva, importanti kemm tkun importanti. Fi kliem ieħor, id-dritt tal-Unjoni jirregola l-kompetenza tal-Istati Membri li jimplimentaw l-għażliet politiċi nazzjonali tagħhom, iżda ma jieħdux din il-kompetenza mid-dritt tal-Unjoni (83)u dan id-dritt ma jiddefinixxix l-eżerċizzju tagħha (84).

103. Minkejja dan, kif ġie rrilevat fil-punti 85 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza “ERT” għandha ġustifikazzjonijiet normattivi: (1) il-ħtieġa li tiġi żgurata l-uniformità u l-effettività tal-libertajiet ta’ moviment, (2) l-obbligu li t-Trattat FUE jiġi interpretat, fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u (3) il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq dawn id-drittijiet sabiex tinqata’ l-kawża dwar dawn il-libertajiet.

104. Madankollu, jekk tiġi segwita l-filosofija proposta mill-Kummissjoni f’din il-kawża, dawn il-ġustifikazzjonijiet ma jreġġgħux iktar: (1) diffiċilment jista’ jiġi sostnut li hemm riskju għall-uniformità u l-effettività tal-libertajiet ta’ moviment li għandhom jiġu indirizzati — peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, fi kwalunkwe każ, ma hijiex kompatibbli ma’ dawn il-libertajiet —, (2) ma hijiex iktar kwistjoni ta’ interpretazzjoni tat-Trattat FUE fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, iżda tal-applikazzjoni awtonoma ta’ dritt fundamentali u (3) intervent fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali ma huwiex neċessarju sabiex tiġi deċiża l-kawża dwar dawn il-libertajiet. Jibqa’ biss l-argument tal-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, mifhuma mhux fid-dimensjoni funzjonali tagħha iżda b’mod purament formali: hemm deroga mid-dritt tal-Unjoni, u allura il-Karta hija applikabbli. Madankollu, m’iniex konvint li dan l-argument jipprovdi ġustifikazzjoni normattiva suffiċjenti biex jilleġittima l-istħarriġ, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ politika nazzjonali abbażi tad-drittijiet fundamentali li tagħha hija tiżgura r-rispett (85).

105. Fit-tieni lok, id-dħul fis-seħħ tal-Karta ma jistax jiġġustifika l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-drittijiet fundamentali f’sitwazzjonijiet ta’ “deroga”. F’dan ir-rigward, ma nistax ma nfakkarx, li din tal-aħħar ma kellhiex preċiżament testendi l-kompetenzi tal-Unjoni (86). Estensjoni tal-ġurisprudenza “ERT” tkun, barra minn hekk, żbaljata storikament, fid-dawl tal-proċess ta’ adozzjoni ta’ dan l-istrument.

106. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 51(1) tal-Karta, li permezz tiegħu din torbot lill-Istati Membri biss meta “jimplimentaw” id-dritt tal-Unjoni, kien is-suġġett ta’ proċess editorjali tal-inqas imqanqal, li matulu ħarġet il-biża’ li l-Karta tiġi applikata b’mod wiesa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkontrolla l-liġijiet nazzjonali (87). Ir-riżultat, kif kulħadd jaf, huwa ambigwu: minn naħa, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fil-verżjoni finali tagħha, tidher li teskludi sitwazzjonijiet ta’ “deroga” iżda, min-naħa l-oħra, l-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjaw il-Karta (88) jsemmu is-sentenza ERT. Madankollu, minn dan il-proċess toħroġ xewqa ċara għall-prudenza fl-applikazzjoni tal-Karta għall-politiki nazzjonali: din għandha tapplika qabel kollox għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni u f’każijiet limitati “biss” għall-Istati Membri. Fid-dawl tat-termini magħżula mil-awturi tal-Karta fl-imsemmi Artikolu 51(1) u minkejja l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, din il-prudenza hija partikolarment rilevanti fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet ta’ “deroga”.

107. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet leġittimament, fis-sentenza Åkerberg Fransson (89), tafferma l-kontinwità tal-kompetenza tagħha fil-qasam tad-drittijiet fundamentali (90), u b’hekk tiżgura konsistenza opportuna bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta u dak tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ikun diffiċilment konformi mar-rieda tal-awturi tal-Karta li wieħed imur lil hinn minn dak li kien isir qabilha f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ “deroga”. B’mod partikolari, m’iniex ċert li l-eżami ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta meta dan ma jkunx meħtieġ biex tiġi solvuta l-kwistjoni tal-libertajiet ta’ moviment huwa konsistenti mal-loġika sottostanti għal-limitu impost, minn dawn l-istess awturi, fl-Artikolu 51(1) tagħha. Ikun iktar inkonsistenti ma’ din il-loġika, pereżempju, li wieħed jaħtaf l-opportunità ta’ ostakolu għal-libertà ta’ moviment tal-oġġetti sabiex tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod distint u awtonomu, mill-perspettiva ta’ dritt fundamentali rikonoxxut lill-ħaddiema, bħall-Artikolu 31 tal-Karta (“Kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u ekwi”).

108. Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, fl-Unjoni Ewropea, id-drittijiet fundamentali huma suġġetti għal sistema ta’ protezzjoni f’diversi livelli, li tinvolvi l-kostituzzjonijiet nazzjonali u l-KEDB, li għaliha l-Istati Membri kollha huma partijiet (91).

109. Għalhekk, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix deċiżjoni, f’sitwazzjoni ta’ “deroga”, dwar kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali ma jfissirx, fuq livell sistematiku, li hemm nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawn għandhom ir-rimedji nazzjonali u, meta dawn ir-rimedji jiġu eżawriti, jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti EDB.

110. L-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kamp tad-drittijiet fundamentali għandu għalhekk jiffoka fuq l-oqsma li effettivament jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, jiġifieri, l-ewwel nett, l-azzjoni tal-Unjoni nfisha u tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-politiki tagħha (92). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq l-inkarigu tagħha bl-ikbar determinazzjoni (93). F’sitwazzjoni ta’ “deroga”, min-naħa l-oħra, hija tabilħaqq ir-responsabbiltà tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja li jintervjenu meta dan ma jkunx meħtieġ biex tissolva l-kwistjoni tal-libertajiet ta’ moviment u tiġi żgurata l-unità jew l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni?

111. Bħala l-interpretu suprem tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha responsabbiltà li tiżgura li dawn id-drittijiet jiġu rrispettati fl-isfera tal-kompetenza tal-Unjoni (94). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, kuntrarjament għall-qrati kostituzzjonali nazzjonali u l-Qorti EDB, mandat speċifiku li tippenalizza kull ksur tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri. Għalhekk, nista’ biss nagħtiha parir biex, fis-sitwazzjonijiet ta’ “deroga”, tagħti interpretazzjoni stretta tal-kompetenza tagħha f’dan il-qasam.

112. Dan kollu jwassalni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, li tiċħad it-tieni lment tal-Kummissjoni.

d)      Sussidjarjament: in-natura superfluwa ta’ eżami separat tal-Artikolu 17 tal-Karta fdin il-kawża

113. Jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni lment tal-Kummissjoni, nikkonkludi, sussidjarjament, li, eżami separat tal-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta huwa superfluwu.

114. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-libertajiet ta’ moviment tirrestrinġi wkoll id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 15 (“Il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol”), l-Artikolu 16 (“Il-libertà tal-intrapriża”) u fl-Artikolu 17 (“Id-dritt għall-proprjetà”) tal-Karta. Barra minn hekk, sa fejn tali restrizzjoni ma tistax tkun iġġustifikata fil-kuntest ta’ dawn il-libertajiet ta’ moviment, lanqas ma hija ammissibbli, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta (95), meta mqabbla mal-imsemmija Artikoli 15, 16 u 17 (96).

115. Il-Kummissjoni ssostni, madankollu, li minkejja li analiżi separata skont l-Artikoli 15 u 16 tal-Karta ma tkunx ġustifikata b’mod ġenerali — peress li l-kontenut ta’ dawn l-artikoli jikkoinċidi ma’ dak tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE –, tali analiżi hija meħtieġa f’dan il-każ, peress li l-kontenut tal-Artikolu 17 tal-Karta huwa iktar wiesa’ minn dak tal-moviment liberu tal-kapital jew tal-libertà ta’ stabbiliment.

116. Dan l-argument ma jikkonvinċinix. Mill-bidu nirrileva li, fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx distinzjoni bejn l-Artikoli 15, 16 u 17 tal-Karta, għal raġuni sempliċi, fil-fehma tiegħi: id-dritt għall-proprjetà huwa dritt ekonomiku protett, bħal-libertà professjonali u l-libertà ta’ intrapriża, taħt il-libertajiet tal-moviment, b’mod li l-kontenut rispettiv tagħhom jikkoinċidi, jekk mhux għalkollox, tal-inqas, b’mod wiesa’ (97). B’mod partikolari, kif fakkart fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel ilment (98), il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirrestrinġu l-aċċess għall-proprjetà, b’mod partikolari tal-art, jew jirregolaw l-użu tagħha jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital (prinċipalment) u l-libertà ta’ stabbiliment (b’mod anċillari).

117. Madankollu, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal‑2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji, hemm koinċidenza sħiħa bejn id-dritt għall-proprjetà u l-moviment liberu tal-kapital.

118. Fil-fatt, fis-sentenza SEGRO u Horváth, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “mill-għan tagħha stess”, leġiżlazzjoni li tipprevedi l-estinzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt akkwistati kuntrattwalment fuq art agrikola tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, minħabba li l-imsemmija leġiżlazzjoni “ċċaħħad lill-persuna kkonċernata kemm mill-possibbiltà li tkompli tgawdi mid-dritt li akkwistat […], kif ukoll mill-possibbiltà li tittrasferixxi din tal-aħħar” (99). L-istess raġunijiet iwasslu għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża tinkludi “ċaħda ta’ proprjetà” pprojbita fl-Artikolu 17(1) tal-Karta (100).

119. Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża ma tistax tiġi ġġustifikata, skont l-Artikoli 63 u 65 TFUE, b’kont meħud, b’mod partikolari, tal-elementi ta’ natura li juru l-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikolu 17 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li miżuri inqas intrużivi għad-drittijiet ta’ użufrutt ikkonċernati setgħu ġew adottati sabiex jiġu implimentati l-għanijiet segwiti mill-Ungerija (101) u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens adegwat għad-detenturi ta’ użufrutt affettwati (102).

120. Fi kliem ieħor, l-analiżi li għandha ssir biex tistabbilixxi kemm interferenza mad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 63 TFUE u fl-Artikolu 17 tal-Karta kif ukoll l-impossibbiltà li din l-interferenza tiġi ġġustifikata, hija bbażata fuq l-istess elementi, li jwasslu għal riżultat essenzjalment identiku.

121. F’dan il-kuntest, l-artifiċjalità li tirriżulta minn eżami separat tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta tirriżulta mill-eżami li sar qabel abbażi tal-Artikolu 63 TFUE, jirriżulta wkoll mill-fatt li, fil-kuntest tat-tieni lment, il-partijiet essenzjalment ressqu l-istess argumenti bħal dawk fil-kuntest tal-ewwel ilment — jew sempliċement jirreferu għalihom.

122. Lanqas ma jien konvint mill-argument tal-Kummissjoni li jgħid li eżami separat tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 17 tal-Karta, huwa essenzjali biex tiġi żgurata pożizzjoni aħjar lill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikorsi eventwali għad-danni kontra l-Istat Ungeriż.

123. Fil-fatt, għandi dubji serji dwar il-valur miżjud li jista’ jkollha l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta għall-persuni kkonċernati. L-interessi tagħhom huma diġà protetti mill-Artikolu 63 TFUE, li jikkostitwixxi regola ta’ effett dirett li tista’ tiġi invokata quddiem il-qorti nazzjonali. Dan l-aħħar artikolu “jikkritika” lil-leġiżlazzjoni kontenzjuża għall-istess problemi bħal dawk punibbli mill-imsemmi Artikolu 17 — iċ-ċaħda tal-proprjetà mingħajr kumpens — u fl-istess ħin jagħtihom id-dritt għal kumpens ġust għall-privazzjoni tagħhom. Fil-qosor, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tfallix fil-kompitu tagħha li tissalvagwardja d-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni meta ma tiddeċidix dwar dan l-aħħar artikolu. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ kwalunkwe kawża għad-danni li tirriżulta mir-responsabbiltà tal-Istat, il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam (103) diġà jistgħu jiġu sodisfatti minħabba l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża mal-Artikolu 63 TFUE. F’dan il-kuntest, li wieħed iżid ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni invokati ma jippermettix lill-imsemmija individwi jinvokaw dannu ikbar.

124. Il-ħtieġa ta’ eżami bħal dan tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża fid-dawl tal-Artikolu 17(1) tal-Karta lanqas ma tista’ titwettaq, fil-fehma tiegħi, għal uniku għan sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ titlob multa jew penalità ikbar kontra l-Ungerija fi proċedura futura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq ksur. Peress li l-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE jikkostitwixxu regoli fundamentali tad-dritt primarju tal-Unjoni, ksur ta’ waħda minn dawn il-libertajiet huwa diġà kkunsidrat, fih innifsu, bħala “serju” għall-kalkolu ta’ sanzjonijiet finanzjarji (104). Ma narax x’tista’ żżid konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt ta’ proprjetà fl-ekwazzjoni f’din il-kawża.

125. Fl-aħħar nett, l-eżami indipendenti tal-Artikolu 17(1) ma jistax jiġi impost biss għas-sempliċi raġuni li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija proċedura oġġettiva u li, għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina r-regoli allegatament miksura mill-Istat Membru, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa teżamina jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jeżistix jew le (105).

126. F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 258 TFUE hija intiża sabiex jiġi kkonstatat aġir ta’ Stat Membru li jikser id-dritt tal-Unjoni. L-għan ta’ din il-proċedura huwa li dawn in-nuqqasijiet u l-konsegwenzi tagħhom jiġu eliminati b’mod effettiv (106). Issa, f’dan il-każ, kif ipprovajt nuri, l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 17(1) tal-Karta jipproteġu l-istess interessi u jippenalizzaw l-istess ostakli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Konsegwentement, tweġiba mill-perspettiva tal-ewwel artikolu biss hija biżżejjed biex jintlaħaq dan l-għan.

127. Mill-bqija, sa fejn naf jien, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma teżaminax leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-Karta sussidjarjament, meta din il-leġiżlazzjoni diġà tmur kontra regola oħra tad-dritt tal-Unjoni (107). Is-sentenza SEGRO u Horváth tipprovdi eżempju ta’ dan l-approċċ. Din hija, fil-fehma tiegħi, politika tajba ġudizzjarja (108), u tkun ħasra, fil-fehma tiegħi, li wieħed jirrinunzja għaliha fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

e)      Bmod sussidjarju: analiżi tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta

128. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix l-opinjoni tiegħi u tagħżel li teżamina l-leġiżlazzjoni kontenzjuża fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta, nagħmel, sussidjarjament, l-osservazzjonijiet li ġejjin.

1)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

129. Id-dritt fundamentali tal-proprjetà ilu jeżisti fost il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom (109). Dan id-dritt issa huwa stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, li l-paragrafu 1 (110) tiegħu jipprevedi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”.

130. L-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta jispeċifikaw li, skont l-Artikolu 52(3) tagħha, id-dritt għall-proprjetà rikonoxxut fl-Artikolu 17(1) tagħha, għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħal dak iggarantit fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB (111). Għaldaqstant hemm lok li biex wieħed jinterpreta l-ewwel dritt, irid jiffoka fuq it-tifsira li l-Qorti EDB tagħti lit-tieni wieħed (112).

131. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ testi, fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nagħti r-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tiegħi, id-drittijiet ta’ użufrutt imħassra skont l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji jikkostitwixxu “proprjetà” (2), “akkwistata legalment” (3), il-leġiżlazzjoni kontenzjuża tostakola dawn id-drittijiet u tammonta għal “ċaħda ta’ proprjetà” (4) li ma tistax tiġi ġġustifikata (5).

2)      Dwar il-kunċett ta’ “proprjetà”

132. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB u dwar dik tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 17(1) tal-Karta, il-kunċett ta’ “proprjetà” protett taħt id-dritt fundamentali għall-proprjetà għandu portata awtonoma, jiġifieri indipendenti mill-klassifikazzjonijiet fid-dritt intern, u ma huwiex limitat għall-proprjetà stricto sensu (113).

133. Skont il-Qorti EDB, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex “proprjetà”, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi, ikkunsidrati flimkien, għamlux lil dan id-detentur ta’ “interess sostanzjali” protett mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-KEDB. Għalhekk, hija protetta mhux biss il-“proprjetà attwali” imma wkoll il-“valuri patrimonjali” kollha, inklużi d-djun li permezz tagħhom din il-persuna tista’ tippretendi li jkollu tal-inqas, fid-dawl tad-dritt intern, aspettattiva leġittima u raġonevoli li jikseb it-tgawdija effettiva ta’ dritt għall-proprjetà (114).

134. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, min-naħa tagħha, li l-“proprjetà” imsemmija fl-Artikolu 17(1) tal-Karta hija “id-drittijiet li għandhom valur patrimonjali” li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku, “pożizzjoni ġuridika miksuba li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod awtonomu minn u favur il-proprjetarju tagħhom” (115). Għalkemm il-kliem huwa fformulat b’mod differenti minn dak tal-Qorti EDB, l-interessi garantiti huma, fil-fehma tiegħi, essenzjalment l-istess.

135. Skont it-test adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni f’din il-kawża humiex “proprjetà” protetta, għandu jiġi vverifikat jekk humiex sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, jekk dawn id-drittijiet għandhomx valur patrimonjali u, min-naħa l-oħra, jekk minn dawn id-drittijiet, tirriżultax pożizzjoni legali miksuba li tippermetti eżerċizzju awtonomu tagħhom mid-detentur tagħhom u għall-benefiċċju tiegħu.

136. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, nosserva, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li dritt ta’ użufrutt jikkonferixxi lid-detentur tiegħu kontroll parzjali ta’ xi ħaġa ta’ ħaddieħor. Jippermetti l-użu tagħha (usus) u l-ġbir tad-dħul minnha (fructus) filwaqt li d-dritt ta’ disponiment tal-ħaġa (abusus) jibqa’ tal-proprjetarju – li, minħabba l-prerogattivi mnaqqsa tiegħu, jissejjaħ nudu proprjetarju (“bare owner”) (116). Bħala tali, l-użufrutt huwa tradizzjonalment ikkunsidrat bħala żmembrar tad-dritt għall-proprjetà jew bħala dritt in rem limitat li jrid jiġi kkwalifikat bħala servitù personali (117).

137. Dritt li jippermetti tgawdija tal-oġġett b’dan il-mod huwa inkontestabbilment element ta’ ġid għad-detentur tiegħu u, għaldaqstant, għandu valur patrimonjali. Barra minn hekk, infakkar li d-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni f’din il-kawża jirrigwardaw art agrikola u jippermettu attività ekonomika fuq dik l-art. Tali drittijiet għandhom għalhekk valur patrimonjali sostanzjali. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li donnu qed jissuġġerixxi l-Gvern Ungeriż, iċ-ċirkustanzi li skonthom l-użufrutt inkwistjoni kienu ġew stabbiliti b’kuntratt u taw biss lid-detenturi tagħhom, ipotetikament, kontroll parzjali tal-artijiet ikkonċernati, huma irrilevanti (118).

138. Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument, imressaq mill-Gvern Ungeriż waqt is-seduta, li jgħid li d-drittijiet ta’ użufrutt bħal dawn ma kinux trasferibbli u għaldaqstant, skont dan il-gvern, ma kellhomx valur tas-suq.

139. Fil-fatt, kwalunkwe restrizzjoni legali jew kuntrattwali fir-rigward tat-trasferibbiltà ta’ dawn id-drittijiet ta’ użufrutt (119) ma taffettwax in-natura patrimonjali ta’ dawn id-drittijiet. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li d-drittijiet inkwistjoni ġew ittrasferiti, fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali, mis-sidien tal-artijiet lill-użufruttwarji. Kif irrikonoxxa l-Gvern Ungeriż waqt is-seduta, il-kostituzzjoni ta’ dawn id-drittijiet tat lok għal kontribuzzjoni finanzjarja. Dawn iċ-ċirkustanzi juru, fihom infushom, din il-patrimonjalità (120).

140. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, huwa inutli li wieħed ifakkar li, sa fejn l-użufrutt huwa dritt in rem, id-drittijiet li jagħti lid-detentur tiegħu huma drittijiet esklużivi, jiġifieri infurzabbli kontra kulħadd (121). Għalhekk, mid-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni f’din il-kawża rriżultat manifestament pożizzjoni legali kweżita li tippermetti eżerċizzju awtonomu ta’ dawn id-drittijiet mid-detenturi tagħhom u għall-benefiċċju tagħhom.

3)      Fuq il-kunċett ta’ “akkwistata legalment”

141. Infakkar li, skont il-Gvern Ungeriż, id-drittijiet ta’ użufrutt imneħħija permezz tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża ma jibbenefikawx mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, minħabba li l-akkwist tagħhom kien illegali u invalidu ab initio fid-dawl tar-regoli tad-dritt ċivili applikabbli.

142. Fil-fatt, minn naħa, sa fejn dawn id-drittijiet ġew ikkostitwiti qabel l-1 ta’ Jannar 2002 għall-benefiċċju ta’ persuni mhux residenti, l-akkwist tagħhom minn dawn il-persuni kien suġġett, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-kontroll tal-kambju, għal awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità responsabbli mill-kambju, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija. Madankollu, jirriżulta minn indikazzjoni pprovduta minn din l-istituzzjoni li, f’dak li jirrigwarda l-akkwist ta’ drittijiet ta’ użufrutt fuq artijiet agrikoli, qatt ma saret talba għal awtorizzazzjoni tal-kambju. Issa, fin-nuqqas ta’ tali awtorizzazzjoni, l-użufrutt inkwistjoni ma kinux ikkostitwiti b’mod validu.

143. Min-naħa l-oħra, il-kuntratti li permezz tagħhom ġew ikkostitwiti dawn l-użufrutt allegatament ġew konklużi bi frodi, biex tiġi evitata l-projbizzjoni legali fuq persuni fiżiċi li ma għandhomx nazzjonalità Ungeriża u fuq il-persuni ġuridiċi biex jakkwistaw is-sjieda ta’ art agrikola.

144. F’dan ir-rigward, kif tipprovdi l-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, din id-dispożizzjoni tipproteġi biss il-proprjetà “akkwistata legalment”. Din il-kundizzjoni ma tinsabx fit-test tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB. Għaldaqstant, hija ma għandhiex, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata b’mod wiesa’ wisq — mingħajr ma wieħed ikollu jinżel taħt il-livell ta’ protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, din il-kundizzjoni għandha tiġi meqjusa bħala sodisfatta meta l-akkwist tal-proprjetà inkwistjoni seta’ raġonevolment jitqies validu u legali, sakemm intervjenew miżuri ta’ interferenza kontenzjużi, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi tad-detenturi ta’ din il-proprjetà.

145. F’dan il-każ, fir-rigward tal-allegata invalidità ab initio tal-akkwisti ta’ drittijiet ta’ użufrutt imneħħija mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża, fl-ewwel lok, m’iniex konvint li l-Gvern Ungeriż wera verament l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt ċivili li jipproponi.

146. Fil-fatt, rigward il-fatt li d-detenturi tad-drittijiet ta’ użufrutt imħassra ma kinux kisbu awtorizzazzjoni mill-awtorità responsabbli tal-kambju, jirriżulta ċertament mill-Artikolu 215(1) u (3) tal-Kodiċi Ċivili ta’ qabel li jekk l-approvazzjoni ta’ awtorità pubblika hija meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ kuntratt, l-effetti legali tal-invalidità għandhom japplikaw għal dan il-kuntratt jekk din l-approvazzjoni ma hijiex miksuba.

147. Madankollu, minn naħa, kif issostni l-Kummissjoni, u kif ammetta wkoll il-Gvern Ungeriż innifsu fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata, ebda sentenza mogħtija minn qorti Ungeriża ma qieset in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ta’ skambju ta’ muniti bħala difett li jiġġustifika li kuntratt ta’ użufrutt bħala null ab initio.

148. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qrati Ungeriżi relatata mal-Artikolu 237(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili ta’ qabel, li, qabel ma tiddikjara li kuntratt speċifiku huwa null, il-qorti għandha, l-ewwel tivverifika jekk huwiex possibbli li tivvalida l-kuntratt inkwistjoni, li huwa l-każ meta r-raġuni tal-invalidità tkun sparixxiet wara li dan ikun ġie konkluż, b’mod partikolari, wara modifika tar-regoli tad-dritt applikabbli. Issa, l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ kambju għall-akkwist ta’ valuri patrimonjali ġie imħassar b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2001 (122). Għaldaqstant, anki jekk wieħed jissupponi li l-kuntratti li bihom ġew ikkostitwiti l-użufrutt inkwistjoni setgħu, f’mument partikolari, ikunu invalidi minħabba nuqqas ta’ awtorizzazzjoni bħal din, dawn il-kuntratti kienu jiġu vvalidati retroattivament minn dik id-data (123). Din l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali jidhirli li hija perfettament raġonevoli.

149. Fir-rigward tal-allegata raġuni ta’ invalidità minħabba l-evażjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-akkwist tal-art agrikola, għal darb’oħra, il-Gvern Ungeriż ma pprovax l-eżistenza ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali li ddikjarat illegali dritt ta’ użufrutt għal din ir-raġuni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sentenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) fejn din qieset, essenzjalment, li s-sempliċi ħolqien ta’ dritt ta’ użufrutt fuq art agrikola ma jistax, fih innifsu, jiġi kkunsidrat bħala tali evażjoni.

150. Fit-tieni lok, anki kieku l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt ċivili nazzjonali ssuġġerita mill-Gvern Ungeriż tkun korretta, dan ma jimpedixxix li l-użufrutt inkwistjoni jitqiesu bħala proprjetà “akkwistata legalment”, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li ċ-ċirkustanzi ħolqu, fil-fehma tad-detenturi tagħhom.

151. F’dan ir-rigward, infakkar li, wara l-emendi leġiżlattivi introdotti matul is-snin 1991 u 1994 biex il-persuni fiżiċi li ma għandhomx nazzjonalità Ungeriża u l-persuni ġuridiċi ma jitħallewx jakkwistaw art agrikola, kwalunkwe persuna baqgħet, probabbilment, libera li takkwista dritt ta’ użufrutt fuq tali art. Kien biss mill-1 ta’ Jannar 2002 li l-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva ġiet emendata sabiex teskludi wkoll il-possibbiltà li jiġi kkostitwit kuntrattwalment dritt ta’ użufrutt fuq artijiet agrikoli għall-benefiċċju ta’ dawn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Issa, id-drittijiet koperti minn dan ir-rikors huma dawk ikkostitwiti qabel din id-data.

152. B’hekk, kif issostni l-Kummissjoni, id-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni kienu ġew ikkostitwiti — għall-inqas fl-apparenza — legalment u rreġistrati bis-sħiħ fir-reġistru tal-artijiet mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Din ir-reġistrazzjoni tikkostitwixxi ċirkustanza deċiżiva (124), minħabba l-importanza tagħha fil-livell probatorju (125) u fil-livell tal-infurzabbiltà tad-drittijiet inkwistjoni fir-rigward ta’ partijiet terzi (126). Barra minn hekk, ħadd ma kien xeħet dubji dwar il-legalità ta’ dawn id-drittijiet sal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża — potenzjalment għal bosta snin (127).

153. Il-Gvern Ungeriż ma jistax, f’dan il-kuntest, jikkonfuta l-eżistenza ta’ tali aspettattivi leġittimi billi jinvoka l-mala fede tad-detenturi ta’ użufrutt ikkonċernati. Fil-fatt, il-mala fede ma tistax tiġi preżunta, iżda ppruvata (128). Kif issostni l-Kummissjoni, dan il-Gvern ma jistax jillimita ruħu li jafferma in abstracto, mingħajr eżami każ b’każ, li kwalunkwe użufruttwarju li ma għandux parentela mill-qrib mal-proprjetarju tal-art, u li sempliċement uża l-opportunitajiet li kien joffrilu l-qafas legali eżistenti, aġixxa in mala fede.

4)      Fuq il-kunċett ta’ “ċaħda” tal-proprjetà

154. Bħal fil-każ tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB (129), l-Artikolu 17(1) tal-Karta jinkludi tliet regoli distinti, jiġifieri regola ġenerali (l-ewwel sentenza, “Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni...”), regola dwar iċ-ċaħda ta’ proprjetà (it-tieni sentenza, “L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha...”) u regola dwar ir-regolamentazzjoni tal-użu tal-proprjetà (it-tielet sentenza, “L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi...”).

155. Kif indikajt, il-leġiżlazzjoni kontenzjuża tinvolvi indħil fid-dritt fundamentali għall-proprjetà tad-detenturi tad-drittijiet ta’ użufrutt milquta minnha, li jammonta għal ċaħda ta’ din il-proprjetà (it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1)).

156. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tali ċaħda teżisti fil-każ tat-trasferiment ta’ proprjetà li jirriżulta minn disponiment formali tal-proprjetà (130).

157. Issa, minn naħa, il-leġiżlazzjoni kontenzjuża, billi neħħiet ex lege ċerti drittijiet ta’ użufrutt eżistenti fuq art agrikola, effettivament ċaħħdet lid-detenturi mid-drittijiet inkwistjoni. Dawn il-persuni ġew effettivament imċaħħda mid-dritt tal-użu (usus) u mid-dritt tal-ġbir tal-frott (fructus) mill-artijiet ikkonċernati (131).

158. Min-naħa l-oħra, wara t-tneħħija tad-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni, l-attributi ta’ proprjetà li dawn l-istess persuni kellhom fuq l-art agrikola inkwistjoni (— usus u fructus) — ġew ittrasferiti — jew, b’mod iktar preċiż, ingħataw lura — lis-sidien tal-art. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li dan it-trasferiment ma kienx ta’ benefiċċju għall-Istat innifsu, iżda għal individwu — is-sid — huwa irrilevanti (132).

159. B’hekk, iż-żewġ komponenti taċ-ċaħda tal-proprjetà — evizzjoni u trasferiment — huma, fil-fehma tiegħi, preżenti f’dan il-każ.

5)      Fuq il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ta’ tali ċaħda ta’ proprjetà

160. Il-kwistjoni ta’ ġustifikazzjoni possibbli tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, titlob, preliminarjament, kjarifika fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tiġi applikata.

161. F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB, it-test tal-ġustifikazzjoni ta’ miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-proprjetà jikkonsisti fil-verifika, qabelxejn, kif provdut fit-test, ta’ jekk din iċ-ċaħda saritx “fl-interess pubbliku” u “bla ħsara għall-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali”.

162. Sussegwentement, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlatur nazzjonali sabx “bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti ta’ interess ġenerali tal-komunità u l-imperattivi tas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tal-individwu”, li jimplika l-verifika tal-eżistenza ta’ “relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex minn kull miżura li ċċaħħad persuna mill-proprjetà tagħha” (133).

163. Sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-ċaħda tal-proprjetà inkwistjoni tosservax il-bilanċ ġust, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha b’mod partikolari tistħarreġ jekk din timponix “piż sproporzjonat” fuq l-individwu affettwat (134). Sabiex jiġi evalwat jekk dan huwiex il-każ, il-Qorti EDB tikkunsidra l-kundizzjonijiet ta’ kumpens għad-danni (135). Skont ġurisprudenza stabbilita ta’ din il-qorti, mingħajr il-ħlas ta’ “somma raġonevoli fir-rigward tal-valur tal-proprjetà” (136), ċaħda ta’ proprjetà tikkostitwixxi normalment preġudizzju eċċessiv u nuqqas totali ta’ kumpens jista’ biss jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 1, f’ċirkustanzi eċċezzjonali (137). Barra minn hekk, sabiex jissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, dan il-kumpens għandu jseħħ f’terminu raġonevoli (138).

164. Fis-sistema tal-Karta, l-affarijiet jidhru aktar ikkumplikati. Minn naħa, skont il-kliem tal-Artikolu 17(1) tagħha, miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-proprjetà tista’ sseħħ biss (1) għal raġuni ta’ interess pubbliku, (2) jekk tkun prevista mil-liġi u (3) b’kumpens “ġust” u “f’waqtu” — dawn l-aħħar żewġ elementi li jikkostitwixxu kodifikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

165. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 52(1) tal-Karta japplika bħala “klawżola ta’ deroga ġenerali”. Issa, b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà għandha tkun (4) prevista mil-liġi, (5) tirrispetta l-“essenza” ta’ dan id-dritt u (6) tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li min-naħa tiegħu, jirrikjedi li din il-limitazzjoni tkun (a) meħtieġa u (b) tilħaq effettivament objettiv ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

166. Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżit, li jirriżulta mill-Artikolu 52(3) tal-Karta, li ma jinkisibx livell ta’ protezzjoni li huwa inqas minn dak ipprovdut mill-KEDB, jidhirli li dawn id-diversi kundizzjonijiet jistgħu jinġabru flimkien kif ġej:

–        iċ-ċaħda tal-proprjetà għandha tkun prevista mil-liġi [kundizzjonijiet (2) u (4)],

–        din iċ-ċaħda għandha ssegwi għan ta’ interess ġenerali [kundizzjonijiet (1) u (6.b)],

–        dik iċ-ċaħda għandha tkun proporzjonata għal dan il-għan [kundizzjoni (6.a)], u

–        kumpens raġonevoli fir-rigward tal-valur tal-proprjetà għandu jitħallas fi żmien raġonevoli [kundizzjonijiet (3) u (5) (139)].

167. Għaldaqstant hemm lok, f’dan il-każ, li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn l-erba’ kundizzjonijiet.

i)      Ir-rekwiżit tal-legalità

168. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-kliem “prevista mil-liġi” jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tat-teħid tal-proprjetà inkwistjoni għandhom ikunu definiti b’regoli tad-dritt intern suffiċjentement aċċessibbli, preċiżi u prevedibbli (140).

169. F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni kontenzjuża tiddikjara b’mod aċċessibbli, preċiż u prevedibbli t-tneħħija tad-drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola għall-benefiċċju ta’ persuni li ma humiex relatati mill-qrib mas-sid tal-art. Barra minn hekk, il-liġi Ungeriża tiddefinixxi eżattament il-persuni li għandhom tali rabta ta’ parentela (141). Għaldaqstant inqis li din l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta.

ii)    L-eżistenza ta’ għan ta’ interess komuni

170. F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ kawża ta’ “benefiċċju pubbliku” li tiġġustifika ċ-ċaħda inkwistjoni, il-Qorti EDB tirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Din il-qorti tirrispetta l-mod li bih il-leġiżlatur nazzjonali jifhem ir-rekwiżiti tal-“benefiċċju pubbliku”, ħlief meta l-ġudizzju tiegħu jkun “manifestament mingħajr bażi raġonevoli” (142).

171. Infakkar li l-Gvern Ungeriż invoka tliet għanijiet differenti sabiex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni kontenzjuża, jiġifieri għan ta’ politika agrikola, ir-rieda li jiġi ssanzjonat il-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-kambju u l-għan tal-ġlieda, taħt l-ordni pubbliku, kontra prattiki ta’ xiri abbużiv (143).

172. Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri f’dan il-qasam, tali għanijiet jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu kkunsidrati bħala għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

iii) Il-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża

173. Bħala regola ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-Qorti EDB, tirrikonoxxi marġni ta’ diskrezzjoni lil-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ ċaħda ta’ proprjetà (144).

174. Madankollu, anki fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, jidhirli li ċ-ċaħda tal-proprjetà inkwistjoni ma tistax titqies bħala proporzjonata mal-għanijiet segwiti mill-Ungerija.

175. Minn naħa, l-oneru tal-prova dwar il-proporzjonalità tat-tneħħija ex lege tad-drittijiet ta’ użufrutt ikkonċernati kien jaqa’, fil-fehma tiegħi, fuq dan l-Istat Membru. Madankollu, dan ma ġab l-ebda evidenza għal dan il-għan, u illimita ruħu, essenzjalment, għal li jsostni l-illegalità tad-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni.

176. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni indikat li għadd ta’ miżuri inqas drastiċi minn tali tneħħija ex lege kienu jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ungerija. F’dak li jirrigwarda l-għan ta’ politika agrikola, seta’ kien ikun possibbli li l-użufruttwarju jkun meħtieġ li jżomm l-użu agrikolu tal-art ikkonċernata, skont il-każ, billi jiżgura huwa nnifsu u b’mod effettiv l-isfruttament, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw il-vijabbiltà ta’ din tal-aħħar. F’dak li jirrigwarda l-għan ta’ sanzjonar ta’ ksur possibbli tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-kambju, sempliċi multi kienu jkunu biżżejjed. Fir-rigward tal-għan tal-ġlieda, abbażi tal-ordni pubbliku, kontra prattiki tax-xiri abbużivi, dan ma jistax jiġġustifika t-tneħħija tad-drittijiet ta’ użufrutt ikkonċernati mingħajr eżami każ b’każ tan-natura frawdolenti reali tagħhom (145). Mill-bqija, fil-fehma tiegħi, dawn l-għanijiet ma kinux jiġġustifikaw it-tneħħija tad-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni billi jingħata perjodu tranżitorju daqstant qasir (146).

iv)    L-arranġamenti ta’ kumpens

177. Infakkar li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża ma tipprovdix għal mekkaniżmu ta’ kumpens speċifiku għall-użufruttwarji li tteħdilhom il-pussess. Dawn jistgħu biss jiksbu kumpens għad-danni mingħand is-sidien tal-art bħala parti mis-saldu li jrid iseħħ ma’ tmiem l-użufrutt, skont ir-regoli tad-dritt ċivili (147).

178. Il-Kummissjoni u l-Gvern Ungeriż ma jaqblux dwar ir-regoli speċifiċi li għandhom japplikaw u dwar l-estensjoni tal-kumpens li jista’ jinkiseb mingħand il-proprjetarju mill-użufruttwarju. Din tal-ewwel tikkunsidra li huwa l-paragrafu 2 tal-Artikolu 5:150 tal-Kodiċi Ċivili l-ġdid li għandu japplika (148), li huwa limitat li jipprevedi r-rimbors, fi tmiem l-użufrutt, tal-ispiża tax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u ta’ tiswija straordinarji mwettqa mill-użufruttwarju u fil-prinċipju jaqgħu fuq il-proprjetarju. Għall-kuntrarju, it-tieni wieħed isostni li għandu japplika l-ewwel nett, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6:180 ta’ dan il-Kodiċi (149) dwar ir-riżoluzzjoni tal-konsegwenzi tal-impossibbiltà ġuridika li jsir kuntratt, eventwalment issupplimentat b’saldu taħt il-paragrafu 2 tal-Artikolu 5:150. B’kollox, skont dan il-Gvern, l-użufruttwarju jista’ jikseb kumpens għad-dannu ekwivalenti għal parti mill-kumpens finanzjarju li dan tal-aħħar kien inizjalment ħallas għall-użufrutt u għall-investimenti li jkun għamel – għodda, pjantaġġuni, eċċ. – u li jtejbu l-fondi. Il-Kummissjoni twieġeb li, f’kull każ, kumpens simili la jkopri l-investimenti li mhumiex direttament kwantifikabbli iżda li l-użufruttwarju jkun għamel bit-tama li jkompli jgawdi l-art, u lanqas it-telf ta’ qligħ.

179. Fl-opinjoni tiegħi, ikun xi jkun l-artikolu tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż applikabbli, l-arranġamenti ta’ kumpens previsti mhumiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta — u dan, hawnhekk ukoll, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha tiġi rikonoxxuta lill-Istati Membri f’dan il-qasam.

180. Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-regoli tad-dritt ċivili invokati jitfgħu l-piż tal-irkupru tal-kumpens dovut lilhom fuq l-użufruttwarji affettwati, permezz ta’ proċeduri li jistgħu jieħdu fit-tul u jiswew għali (150). Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB għandha tendenza li tindika li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tħallasx awtomatikament il-kumpens meħtieġ u li teħtieġ li l-individwu affettwat jasserixxi d-dritt tiegħu fil-kuntest ta’ tali proċedura ġudizzjarja ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB (151).

181. Sussegwentement, dawn l-istess regoli tad-dritt ċivili ma joffrux garanzija li l-użufruttwarju se jakkwista kumpens raġonevoli meta mqabbel mal-valur tal-art tiegħu (152). Dawn jippermettu, l-iktar l-iktar, li wieħed jirkupra parti mill-kumpens inizjalment mogħti — li, għalhekk, ma tiħux kont tal-valur effettiv tal-użufrutt fil-jum meta dan tneħħa ex lege — u l-ammont ta’ ċerti investimenti magħmula fuq l-art. Barra minn hekk, sa fejn, f’dan il-każ, il-proprjetà li tneħħiet lill-użufruttwarji kienet tikkostitwixxi l-“għodda tax-xogħol” tagħhom il-kumpens għandu neċessarjament ikopri dan it-telf speċifiku, li jfisser li mhux biss għandu jiġi kkumpensat it-telf li sar sal-jum ta’ din it-tneħħija, iżda wkoll evalwazzjoni raġonevoli tat-telf tas-sehem addizzjonali ta’ dħul futur li dawn kienu jibbenefikaw mill-isfruttament tal-art kieku d-drittijiet tagħhom ma kinux tneħħew (153).

182. Fl-aħħar nett, tali arranġamenti ta’ kumpens iħallu lill-użufruttwarju jaffaċċja r-riskju li dan l-istess sid ikun insolventi u ma jkunx jista’ jħallas dan il-kumpens għad-danni (154).

183. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

VI.    Konklużjoni

184. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

1)      L-Ungerija, billi neħħiet ex lege, skont l-Artikolu 108(1) tal-mező- és erdőgazdasági földek forgalmáról szóló 2013. évi CXXII. törvénnyel összefüggő egyes rendelkezésekről és átmeneti szabályokról szóló 2013. évi CCXII. törvény (il-Liġi Nru CCXII tal-2013, li tistabbilixxi diversi Dispożizzjonijiet u Miżuri Tranżitorji fir-rigward tal-Liġi Nru CXXII tal‑2013, dwar il-Bejgħ ta’ Artijiet Agrikoli u Forestali), id-drittijiet ta’ użufrutt u d-drittijiet ta’ użu fuq art agrikola u forestali ikkostitwiti preċedentement favur persuni ġuridiċi jew persuni fiżiċi li ma jistgħux juru rabta ta’ parentela mill-qrib mas-sid tal-art, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63 TFUE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, nuża, għall-konvenjenza, minn naħa, il-kliem “użufrutt” jew “dritt ta’ użufrutt” biex jindikaw mingħajr distinzjoni id-drittijiet ta’ użufrutt stricto sensu u d-drittijiet ta’ użu kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-espressjoni “art agrikola” biex tindika kemm l-artijiet agrikoli kif ukoll l-artijiet forestali.


3      C-52/16 u C-113/16, EU:C:2018:157, iktar ’il quddiem “is-sentenza SEGRO u Horváth”.


4      Konklużjonijiet fil-kawżi magħquda SEGRO u Horváth (C-52/16 u C-113/16, EU:C:2017:410).


5      Artikolu 38(1) tal-földről szóló 1987. évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal-1987 dwar l-Art), kif speċifikat mis-26/1987. (VII. 30.) MT rendelet a földről szóló 1987. évi I. törvény végrehajtásáról (id-Digriet Nru 26 tal-Kunsill tal-Ministri tat-30 ta’ Lulju 1987 dwar l-Applikazzjoni tal-Liġi Nru I tal-1987 dwar l-Art) imbagħad mill-A földről szóló 1987. évi I. törvény végrehajtásáról rendelkező 26/1987. (VII. 30.) MT rendelet módosításáról szóló 73/1989. (VII. 7.) (id-Digriet Nru 73 tal-Kunsill tal-Ministri tas-7 ta’ Lulju 1989).


6      Artikolu 1(5) tal-a külföldiek ingatlanszerzéséről 171/1991. (XII. 27.) Korm. (Digriet Governattiv Nru 171 tas-27 ta’ Diċembru 1991).


7      Liġi emendata mil-Liġi Nru CXVII tal-2001 li temenda l-[Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva].


8      Skont il-Kapitolu 3(2) tal-Anness X għall-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33) kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/792/UE tal-20 ta’ Diċembru 2010 li testendi l-perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist ta’ art agrikola fl-Ungerija (ĠU 2010, L 336, p. 60).


9      Liġi Nru CCXIII tal-2012 li temenda ċerti liġijiet dwar l-Agrikoltura.


10      Skont l-Artikolu 37(1) ta’ din il-liġi.


11      Fl-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni kienet ikkritikat ukoll lill-Ungerija li awtorizzat, skont l-Artikolu 60(5) tal-Liġi tal-2013 dwar Miżuri Tranżitorji, b’effett mill-25 ta’ Frar 2014, ix-xoljiment unilaterali tal-kuntratti ta’ kiri ta’ tul iktar minn għoxrin sena stabbiliti fuq art agrikola qabel is-27 ta’ Lulju 1994. Jidher li l-Kummissjoni rrinunzjat sussegwentement għal dan l-ilment, li huwa assenti mill-opinjoni motivata.


12      Ara b’mod partikolari s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑417/02, EU:C:2004:503, punt 16), tal-1 ta’ Frar 2007, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑199/04, EU:C:2007:72, punt 20), u tat-22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 42). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex statika dwar jekk l-eżami ex officio tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku huwiex ta’ natura volontarja jew obbligatorja. Madankollu, kemm l-imperattività tar-regoli ta’ ordni pubbliku kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet relatati mal-ugwaljanza tal-partijiet fil-kawża quddiem il-qorti u mal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet jimmilitaw favur in-natura obbligatorja tagħha (ara Clausen, F., Les moyens d’ordre public devant la Cour de justice de l’Union européenne, Thèses, Bruylant, 2018, p. 455 sa 472).


13      Is-suġġett ta’ rikors imressaq b’applikazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE huwa ddefinit mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni u konsegwentement ma jistax jiġi estiż fil-proċedura ġudizzjarja. L-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess raġunijiet u motivi, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ teżamina lment li ma ġiex ifformulat fl-opinjoni motivata. Ara b’mod partikolari s-sentenzi tad-9 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-305/03, EU:C:2006:90, punt 22) tad-29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-160/08, EU:C:2010:230, punt 43) u tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-368/10, EU:C:2012:284, punt 78).


14      Fil-fatt, l-Artikolu 11(1) tal-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, u l-Artikolu 37(1) tal-Liġi tal-2013 dwar l-Artijiet Agrikoli jirrigwardaw il-kostituzzjoni ta’ drittijiet (ġodda) ta’ użufrutt fuq l-art agrikola.


15      Ara l-punti 50 sa 60 ta’ din is-sentenza.


16      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu natura oġġettiva. Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra Stat Membru u li tivverifika d-dispożizzjonijiet li jkun kiser, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja trid teżamina jekk in-nuqqas allegat jeżistix jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 1988, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 416/85, EU:C:1988:321, punt 9), tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-431/92, EU:C:1995:260, punt 22, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-33/04, EU:C:2005:750, punt 66.


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza SEGRO u Horváth, punt 55.


18      Sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (305/87, EU:C:1989:218, punt 22), kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C-515/99, C‑519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C‑540/99, EU:C:2002:135, punt 29).


19      Ara, b’mod partikolari s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C-515/99, C‑519/99 sa C‑524/99 u C-526/99 sa C-540/99, EU:C:2002:135, punti 28 sa 31), tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C-452/01, EU:C:2003:493, punt 24), kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen (C-370/05, EU:C:2007:59, punti 22 sa 24). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda SEGRO u Horváth (C-52/16 u C-113/16, EU:C:2017:410, punti 48 sa 63).


20      Ara, b’mod partikolari s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C-452/04, EU:C:2006:631, punt 34), u tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C‑182/08, EU:C:2009:559, punt 37).


21      Ara, b’mod partikolari s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C‑182/08, EU:C:2009:559, punt 36), tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C-385/12, EU:C:2014:47, punt 21) kif ukoll SEGRO u Horváth, punt 53.


22      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C‑182/08, EU:C:2009:559, punti 49 sa 52).


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza SEGRO u Horváth, punt 55.


24      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni tiegħi, inqis li, fi kwalunkwe każ, l-argumenti li jidhru fis-sentenza SEGRO u Horváth dwar il-moviment liberu tal-kapital huma trasponibbli għal-libertà ta’ stabbiliment għal dak li jirrigwarda kemm l-eżistenza ta’ restrizzjoni kif ukoll l-assenza ta’ ġustifikazzjoni.


25      Ara, fost għadd ta’ eżempji, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1982, Il-Kummissjoni vs L‑Italja (95/81, EU:C:1982:216, punt 30); tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-367/98, EU:C:2002:326, punt 56); tat-28 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑282/04 u C-283/04, EU:C:2006:608, punt 43); tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-171/08, EU:C:2010:412, punt 80), kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (C-370/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:287, punt 21).


26      Dawn jirrigwardaw, minn naħa, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tikkonsisti f’li tiġi riżervata l-proprjetà tal-artijiet agrikoli għall-persuni li jaħdmuhom u jiġi pprojbit l-akkwist ta’ dawn l-artijiet għal finijiet purament spekulattivi u permess tal-isfruttar tagħhom minn impriżi ġodda, jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ proprjetajiet ta’ daqs li jippermetti l-produzzjoni agrikola vijabbli u kompetittiva u tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-fondi agrikoli kif ukoll eżodu rurali u t-tnaqqis tal-popolazzjoni tal-kampanja. Min-naħa l-oħra, il-gvern Ungeriż jinvoka l-Artikolu 65 TFUE u, b’mod partikolari, ir-rieda li ix-xewqa li jissanzjona ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam dwar il-kontrolli tal-kambju kif ukoll dak tal-ġlieda, taħt l-ordni pubbliku, kontra prattiki ta’ akkwist abbużivi.


27      Konklużjonijiet fil-kawżi magħquda SEGRO u Horváth (C-52/16 u C-113/16, EU:C:2017:410, punti 31 sa 118).


28      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C-98/14, EU:C:2015:386, punti 74 sa 88 kif ukoll 92).


29      Jekk ikun meħtieġ, l-argumenti esposti fil-punti 173 sa 182 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar id-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17 tal-Karta huma trasponibbli għal dawn il-prinċipji.


30      Ara l-punti 76 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Barra minn hekk, u sakemm ma inix sejjer żball, fl-istorja kollha tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, din l-istess istituzzjoni ressqet biss talba waħda intiża għall-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dritt fundamentali rikonoxxut fis-sistema ġuridika tal-Unjoni, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-441/02, EU:C:2006:253). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi madankollu xi sentenzi fejn id-drittijiet fundamentali huma invokati insostenn ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni allegatament miksura mill-Istat Membru.


32      “Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea”, [COM (2010) 0573 finali, p. 10].


33      Id-diversi rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Karta jirreferu għall-ftuħ ta’ diversi proċeduri prekontenzjużi dwar b’mod partikolari ksur tal-Karta minn ċerti Stati Membri. Madankollu, ebda waħda minn dawn il-kawżi ma waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara Łazowski, A., “Decoding a Legal Enigma: the Charter of Fundamental Rights of the European Union and infringement proceedings”, Forum tal-ERA, 2013, Nru 14, p. 573 sa 587, fejn huwa nnotat li din l-eżitazzjoni tal-Kummissjoni kienet mingħajr dubju għażla strateġika tagħha, marbuta ma’ nuqqas ta’ ċarezza rigward il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Karta għall-Istati Membri.


34      Ara, minbarra din il-kawża, il-kawżi pendenti Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑66/18 u Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C-78/18.


35      L-istess konstatazzjoni tapplika, fil-fehma tiegħi, għad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Ara Barav, A., “Failure of Member States to fulfil their Obbligations under Community Law”, Common Market Law Review, 1975, Nru 12, p. 369 sa 383, speċjalment p. 377.


36      Peress li proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tibbaża ruħha biss fuq obbligu fis-seħħ u li japplika ratione temporis għas-sitwazzjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss evidentement tikkonstata ksur tad-drittijiet rikonoxxuti fil-Karta għal fatti li seħħew wara li din kisbet saħħa vinkolanti — jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li din il-kawża tirrigwarda l-effetti tal-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji, dispożizzjoni li ġiet adottata u li daħlet fis-seħħ wara din id-data (ara, b’analoġija, is-sentenza SEGRO u Horváth, punti 38 sa 49).


37      Ara, inter alia, von Bogdandy, A., “The European Union as a Human Rights Organization? Human Rights and the core of the European Union”, Common Market Law Review, 2000, Nru 37, p. 1307 sa 1338, speċjalment p. 1316 u 1317, kif ukoll M. Dougan, “Judicial review of Member State action under the General principles and the Charter: Defining the ‘Scope of Union Law’”, Common Market Law Review, 2015, Nru 52, p. 1201 sa 1246, speċjalment p. 1204 sa 1210.


38      Iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”.


39      Ara l-Artikolu 6(1) TUE, l-Artikolu 51(2) tal-Karta, u dikjarazzjoni dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea annessa mat-Trattat FUE.


40      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013 (C-617/10, EU:C:2013:105, punt 21).


41      Dougan, M., op. cit., p. 1206.


42      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989 (5/88, EU:C:1989:321, punti 17 sa 19).


43      Din il-ġurisprudenza tkopri kemm l-applikazzjoni tar-Regolamenti (sentenza tal-24 ta’ Marzu 1994, Bostock, C-2/92, EU:C:1994:116) kif ukoll it-traspożizzjoni tad-Direttivi (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C-20/00 u C-64/00, EU:C:2003:397) jew dik tad-Deċiżjonijiet Qafas (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198), kif ukoll l-applikazzjoni tal-obbligi li joħorġu mit-Trattati (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C-42/17, EU:C:2017:936). Għal diskussjoni sħiħa ta’ din il-linja ta’ ġurisprudenza, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Ispas (C-298/16, EU:C:2017:650, punti 32 sa 65).


44      Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991 (C-260/89, EU:C:1991:254, punti 43 sa 45), (iktar ’il quddiem “is-sentenza ERT”).


45      C-52/16 u C-113/16, EU:C:2017:410, punt 121.


46      Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


48      B’mod aktar speċifiku, dawn il-ġustifikazzjonijiet jidhru fl-Artikolu 56 KE (li sar l-Artikolu 52 TFUE) u huma applikabbli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bir-referenza fl-Artikolu 66 KE (li sar l-Artikolu 62 TFUE).


49      Sentenza ERT, punt 26.


50      L-espressjoni kienet intużat għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja ftit ta’ snin qabel fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400).


51      Sentenza ERT, punt 42.


52      Sentenza ERT, punt 43 (enfasi miżjuda minni).


53      Ara s-sentenza ERT, punt 44.


54      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza ERT, punt 45.


55      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989 (5/88, EU:C:1989:321).


56      Moviment mibdi mis-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, EU:C:1969:57), tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114), kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni (4/73, EU:C:1974:51).


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114, punt 3), tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, EU:C:1979:290, punt 14); tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C-399/11, EU:C:2013:107, punt 60), kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C-206/13, EU:C:2014:126, punti 31 u 32).


58      Weiler, J.H.H. u Lockhart, N.J.S. (“‘Taking rights seriously’ seriously: the European court and its fundamental rights jurisprudence – part II”, Common Market Law Review, 1995, Nru 32, p. 579 sa 627, speċjalment p. 583 u 610.


59      Għal din ir-raġuni, il-ġurisprudenza “ERT” mhijiex daqstant kunsenswali daqs il-ġurisprudenza “Wachauf”. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja regolarment tintalab tabbanduna l-ġurisprudenza “ERT” (Jacobs, F.G., “Human Rights in the European Union: the role of the Court of Justice”, European Law Review, 2001, Nru 26, p. 331 sa 341; Huber, P.M., “The Unitary Effect of the Community’s Fundamental Rights: The ERT-Doctrine Needs to be Reviewed”, European Public Law, 2008, Nru 14, p. 323 sa 333; Kühn, Z., “Wachauf and ERT: On the Road from the Centralised to the Decentralised System of Judicial Review”, Poiares Maduro, M., Azoulai, L. (eds), The Past and Future of EU Law, Oxford and Portland, Oregon, 2010, p. 151 sa 161, speċjalment p. 157.) jew biex tkun prudenti fl-applikazzjoni tagħha (ara Weiler, “fundamental rights and fundamental boundaries”, The constitution of Europe, Kapitolu 3, Cambridge University Press, 1999, li jissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tillimita ruħha li tfakkar lill-Istati Membri l-obbligi tagħhom taħt il-KEDB, kif ukoll Snell, J., “Fundamental Rights Review of National Measures: Nothing New under the Charter?”, European Public Law, 2015, Volum 21, Nru 2, p. 285 sa 308, speċjalment p. 306).


60      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki meta l-Istati Membri jaġixxu taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom, huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din tal-aħħar, li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-libertajiet tal-moviment ipprovduti mit-Trattati. Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, EU:C:2003:539, punt 25), tal-11 ta’ Diċembru 2007, The International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C-438/05, EU:C:2007:772, punt 40), u tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 37 u 38).


61      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2013:747, punt 45); Tridimas, T., The General Principles of EU Law, Oxford University Press, it-2 edizzjoni, 2006, p. 325; Craig, P., “The ECJ and ultra vires action: a conceptual analysis”, Common Market Law Review, 2011, Nru 48, p. 395 sa 437, speċjalment p. 431; Eriksen, C.C., Stubberud, J.A., “Legitimacy and the Charter of Fundamental Rights Post-Lisbon”, Andenas, M., Bekkedal, T., Pantaleo, L., The Reach of Free Movement, Springler, 2017, p. 229 sa 252, speċjalment p. 240.


62      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C-159/90, mhux ippubblikati, EU:C:1991:249, punt 31), kif ukoll Weiler, J.H.H., Fries, S.C., “A human rights policy for the European Community and Union: The question of competences”, Alston, P., (ed.), The EU and Human Rights, Oxford University Press, 1999, p. 163, kif ukoll M. Dougan, M. op. cit., p. 1216, li jenfasizza li l-ġurisprudenzi “Wachauf” u “ERT” huma, fl-aħħar mill-aħħar, relatati minħabba l-istess rekwiżit ta’ unità u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.


63      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fis-sentenza Familiapress (C‑368/95, EU:C:1997:150, punt 26) u Eeckhout, P., “The EU Charter of Fundamental Rights and the Federal Question”, Common Market Law Review, 2002, Nru 39, p. 945 sa 994, speċjalment p. 978.


64      Ipoteżi inkwistjoni b’mod partikolari fis-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, EU:C:2003:333), u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, EU:C:2004:614).


65      Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1991, (C-159/90, EU:C:1991:378).


66      Ara Eeckhout, P., op. cit., p. 978 (l-eżempju huwa meħud minn dan l-Artikolu), u, von Danwitz, T., Paraschas, K., “A Fresh Start for the Charter: Fundamental Questions on the Application of the European Charter of Fundamental Rights”, Fordham International Law Journal, 2017, Nru 35, p. 1396 sa 1425, speċjalment p. 1406.


67      Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997 (C-368/95, EU:C:1997:325, punt 24).


68      Ara, contra, Besselink, L.F.M., “The member States, the National Constitutions and the Scope of the Charter”, Maastricht Journal, 2001, Nru 8, p. 68 sa 80, speċjalment p. 77.


69      Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C-368/95, EU:C:1997:325, punt 24). Ara, tal-istess opinjoni, Tridimas, T., op. cit., p. 326.


70      Dan il-karattru funzjonali jirriżulta wkoll mill-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Familiapress (C-368/95, EU:C:1997:150, punt 26): “[…] inqis li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-Artikolu 10 tal-[KEDB], li tqajmet matul il-proċedura, jistħoqqilha risposta min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. U dan, naturalment, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tar-rekwiżiti imperattivi li għadni kif eżaminajt.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


71      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda SEGRO u Horváth (C-52/16 u C‑113/16, EU:C:2017:410, punt 129).


72      Sentenza tat-30 ta’ April 2014 (C-390/12, EU:C:2014:281).


73      Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281, punt 36).


74      Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015 (C-98/14, EU:C:2015:386, punti 74 sa 91).


75      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016 (C-201/15, EU:C:2016:972, punti 61 sa 70 kif ukoll 102 u 103).


76      Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017 (C-322/16, EU:C:2017:985, punti 44 sa 50).


77      Sentenza tat-30 ta’ April 2014 (C-390/12, EU:C:2014:281).


78      Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281, punti 48 sa 55).


79      Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281, punti 59 u 60).


80      C-52/16 u C-113/16, EU:C:2017:410, punt 141.


81      Sentenza tat-30 ta’ April 2014 (C-390/12, EU:C:2014:281).


82      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Ruiz Zambrano (C-34/09, EU:C:2010:560, punt 162), kif ukoll Weiler, J.H.H. u Fries, S.C., op. cit.


83      Is-sitwazzjonijiet tad-“derogi” għandhom għalhekk jiġu distinti minn dawk fejn leġiżlazzjoni tal-Unjoni tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri: l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni f’dan l-aħħar kuntest hija għal kollox iġġustifikata ladarba din id-diskrezzjoni hija parti minn politika tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C-411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 68) kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C‑406/15, EU:C:2017:198, punti 52 u 53)] u l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jagħti lill-Istati Membri diskrezzjoni biex jiksru d-drittijiet fundamentali.


84      Nippreċiża li, f’din il-kawża, ebda regola tal-Unjoni ma hija implimentata, fis-sens strett tal-kelma, mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża. B’mod partikolari, din ma tirriżultax minn implimentazzjoni tal-Anness X tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tal-Ungerija, peress li dan l-att kien jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-akkwist tal-proprjetà u mhux l-użufrutt. Lanqas ma huwa każ ta’ traspożizzjoni ħażina tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [KE, artikolu mħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), sa fejn, b’mod partikolari, din id-Direttiva ma għadhiex fis-seħħ.


85      Ara wkoll Eeckhout, P., op. cit., p. 975.


86      Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


87      Ara b’mod partikolari n-nota tal-Presidju tal-Konvenzjoni tal-15 ta’ Frar 2000 (KARTA 4123/1/00 REV 1) li tindika illi l-Karta għandha tapplika għall-Istati Membri biss meta dawn jittrasponu jew jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, motivata mix-xewqa li jiġi evitat li dawn l-Istati jkunu marbutin biha meta jaġixxu fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom. L-abbozzi suċċessivi kienu varjaw bejn l-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” (KARTA 4149/00 u KARTA 4235/00) u l-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” (KARTA 4316/00).


88      Spjegazzjonijiet relatati mal-[Karta] (ĠU 2007, C 303, p. 17).


89      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013 (C-617/10, EU:C:2013:105).


90      Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


91      Ara l-25 Kungress tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dritt Ewropew (FIDE), l-introduzzjoni ta’ J.M. Sauvé, magħmula fit-30 ta’ Mejju 2012 f’Tallinn (l-Estonja), li tenfasizza t-tliet movimenti mħaddma fil-kontinent Ewropew b’rabta mad-drittijiet fundamentali, jiġifieri l-espansjoni tad-drittijiet, il-proliferazzjoni tas-sorsi tagħhom u l-pluralità tal-interpreti tagħhom.


92      Ara l-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan il-kontroll tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni mill-Istati Membri jimplika dak tar-rimedji previsti minn dawn l-Istati, abbażi tal-Artikolu 19 TUE, sabiex jiġi żgurat li l-partijiet fil-kawża jkollhom, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, possibbiltà effettiva li jikkontestaw fil-qorti l-legalità ta’ kull att nazzjonali li jimplimenta dan id-dritt. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C-64/16, EU:C:2018:117, punti 29 sa 37).


93      Id-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni kienet ser tniedi “[k]ull meta jkun meħtieġ […] proċeduri kontra l-Istati Membri għal nuqqas ta’ konformità mal-Karta fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, imfakkra fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kienet hija stess f’kuntest fejn din l-istituzzjoni riedet tiżgura li l-azzjoni tal-UE tkun impekkabbli għal dak li jirrigwarda d-drittijiet fundamentali, peress li l-Karta trid isservi bħala kumpass għall-politiki tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri [ara “Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea”, COM (2010) 0573 finali, p. 4].


94      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2010:560, punt 155).


95      Skont din id-dispożizzjoni, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.


96      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281, punti 57 sa 60); tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C-98/14, EU:C:2015:386, punti 90 u 91); tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punti 102 u 103), kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C-322/16, EU:C:2017:985, punt 50).


97      Ara Kovar, R., “Droit de propriété”, Répertoire du droit européen, Jannar 2007, § 4, u Gauthier, C., Platon, S., Szymczak, D., Droit européen des droits de l’Homme, Sirey, 2017, p. 215.


98      Ara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


99      Sentenza SEGRO u Horváth, punti 62 u 63.


100      Ara l-punti 157 sa 159 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


101      Ara, minn naħa, il-punti 92 u 106 ta’ SEGRO u Horváth u, min-naħa l-oħra, il-punt 176 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


102      Ara, minn naħa, il-punt 91 tas-sentenza SEGRO u Horváth u, min-naħa l-oħra, il-punti 179 sa 182 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


103      Ir-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-danni mġarrba minn dawn l-individwi. Ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51), kif ukoll għal applikazzjoni aktar reċenti, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C-571/16, EU:C:2018:807, punt 94).


104      Ara b’mod partikolari s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-270/11, EU:C:2013:339, punt 49). Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat KE” [SEC (2005) 1658], punt 16.1: “Biex tivvaluta l-importanza tad-dispożizzjonijiet komunitarji miksura, il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni n-natura u l-portata tagħhom, iktar milli l-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija ta’ l-istandards […] il-ksur li jolqot id-drittijiet fundamentali u l-erba’ libertajiet fundamentali mħarsa mit-Trattat għandhom ikunu kkunsidrati bħala gravi u jirriżultaw f’penali finanzjarji adattati għal din il-gravità” (Enfasi miżjud minni).


105      Ara l-ġurisprudenza fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


106      Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (70/72, EU:C:1973:87, punt 13), u tas-16 ta’ Ottubru 2012, L-Ungerija vs Is-Slovakkja (C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 68).


107      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, K (C-245/11, EU:C:2012:685); tat‑18 ta’ April 2013, Irimie (C-565/11, EU:C:2013:250); tal-4 ta’ Lulju 2013, Gardella, C‑233/12, EU:C:2013:449, punti 37 sa 41); tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C-146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 64); tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C-543/12, EU:C:2014:2143, punt 39); tal-4 ta’ Frar 2015, Melchior (C-647/13, EU:C:2015:54, punt 29); tal-25 ta’ Ġunju 2015, Loutfi Management Propriété intellectuelle, C-147/14, EU:C:2015:420, punt 27), u tal-10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski, C-408/14, EU:C:2015:591, punt 53).


108      Anki għas-sempliċi fatt li l-interpretazzjoni tal-kontenut ta’ dritt fundamentali, ta’ regola ta’ grad għoli, li torbot b’mod partikolari l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kompetenza normattiva tiegħu, ma huwiex eżerċizzju bla ħsara.


109      Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni (4/73, EU:C:1974:51), u tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, EU:C:1979:290).


110      L-Artikolu 17(2) tal-Karta jikkonċerna l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u għaldaqstant ma huwiex inkwistjoni f’din il-kawża.


111      Din id-dispożizzjoni, intitolata “Dritt għar-rispett tal-proprjetà”, tipprovdi li “[k]ull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara għal[l]-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali. Iżda d-disposizzjonijiet ta’ qabel ma għandhom b’ebda mod inaqqsu d-dritt ta’ Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta’ proprjetà skont l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra jew pieni.”


112      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punt 356), u tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C-258/14, EU:C:2017:448, punt 49).


113      Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 23 ta’ Frar 1995, Gasus Dosier- und Fördertechnik GmbH vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:1995:0223JUD001537589, § 53, Qorti EDB, 12 ta’ Diċembru 2002, Wittek vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2002:1212JUD003729097, § 42, kif ukoll Qorti EDB, 18 ta’ Novembru 2010, Consorts Richet u Le Ber vs Franza, CE:ECHR:2010:1118JUD001899007, § 89. Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 34).


114      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 29 ta’ Novembru 1991, Pine Valley Developments Ltd et vs L-Irlanda, CE:ECHR:1991:1129JUD001274287, § 51, Qorti EDB, 20 ta’ Novembru 1995, Pressos Compania Naviera S.A. et vs Il-Belġju, CE:ECHR:1995:1120JUD001784991, § 29, kif ukoll Qorti EDB, 18 ta’ April 2002, Ouzounis et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2002:0418JUD004914499, § 24.


115      Sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C-283/11, EU:C:2013:28, punt 34), kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni (C-398/13 P, EU:C:2015:535, punt 60).


116      F’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ użu, huwa l-usus biss jiġi ttrasferit lid-detentur tiegħu, filwaqt li s-sid iżomm il-fructus u l-abusus.


117      Ara, għal deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-użufrutt, kif previst storikament fid-dritt Ruman u fid-dritt tal-Istati Membri differenti, konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża “Goed Wonen” (C-326/99, EU:C:2001:115, punti 54 sa 56).


118      Bħala eżempju, fil-kuntest tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB, il-Qorti EDB ikkunsidrat bħala “proprjetà” użufrutt (Qorti EDB, 12 ta’ Diċembru 2002, Wittek vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2002:1212JUD003729097, § 43 u 44, kif ukoll Qorti EDB, 16 ta’ Novembru 2004, Bruncrona vs Il-Finlandja, CE:ECHR:2004:1116JUD004167398, § 78), forom oħrajn ta’ servitù (Kummissjoni EDB, 13 ta’ Diċembru 1984, S vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1984:1213DEC001074184, p. 238 u 239), jew ukoll dritt personali ta’ tgawdija ta’ proprjetà li tirriżulta minn kuntratt ta’ kiri (Qorti EDB, 24 ta’ Ġunju 2003, Stretch vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2003:0624JUD004427798, § 35).


119      F’dan ir-rigward, nirrileva li f’diversi drittijiet nazzjonali, it-trasferiment tad-dritt ta’ użufrutt huwa eskluż mil-liġi, jew tal-inqas suġġett għall-kunsens tas-sid. Barra minn hekk, bħala servitù personali, l-użufrutt huwa, l-iktar, vitalizju, b’tali mod li ma jiġix trażmess lill-eredi tal-użufruttwarju meta dan imut iżda jirritorna lura għand il-proprjetarju. (Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża “Goed Wonen”, C-326/99, EU:C:2001:115, punt 56).


120      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C-283/11, EU:C:2013:28, punt 35). Fi kliem ieħor, il-fatt li l-użufrutt ma jistax jiġi ttrasferit mill-użufruttwarju lil parti terza ma jibdlux fi dritt ekstrapatrimonjali mingħajr valur kwantifikabbli.


121      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża “Goed Wonen” (C‑326/99, EU:C:2001:115, punt 56).


122      Ara l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 88 tal-15 ta’ Ġunju 2001 li jimplimenta l-Liġi Nru. XCV tal‑1995 dwar il-Muniti.


123      Artikoli 6:110 u 6:111 tal-Kodiċi Ċivili l-ġdid isostnu din is-soluzzjoni.


124      Ara, b’analoġija, is-sentenza SEGRO u Horváth, punt 103. Ara wkoll, Qorti EDB, 29 ta’ Novembru 1991, Pine Valley Developments Ltd et vs L-Irlanda, CE:ECHR:1991:1129JUD001274287, § 51, kif ukoll Qorti EDB, 22 ta’ Lulju, 2008, Köktepe vs It-Turkija, CE:ECHR:2008:0722JUD003578503, § 89: “fl-1993 ir-rikorrent akkwista in bona fede l-art kontenzjuża li, f’dak iż-żmien, kienet inkontestabbilment ikkwalifikata bħala art agrikola […] u li kienet eżentata minn kwalunkwe iskrizzjoni restrittiva fir-Reġistru tal-Artijiet li huwa biss huwa awtentiku taħt il-liġi Torka […]. L-akkwist tal-art mir-rikorrent ma kienx ivvizzjat minn irregolarità li setgħet tiġi invokata kontrih; li kieku ma kienx hekk, id-Direttorat Ġenerali tar-Reġistru tal-Artijiet żgur ma kienx se joħroġilha t-titolu debitu ta’ proprjetà […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Enfasi miżjuda minni).


125      Skont l-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet “għandu jiġi preżunt, sakemm ma titressaqx prova kuntrarja, li data dwar proprjetà immobbli mniżżla fir-Reġistru teżisti u data dwar proprjetà immobbli mħassra mir-Reġistru ma teżistix” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


126      Artikolu 3 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet, li tħassar b’effett mill-15 ta’ Marzu 2014 mill-Artikolu 12(a) tal-Liġi Nru CCIV tal-2013, li jemenda [l-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet], sa dak iż-żmien kien jipprevedi li dritt jitnissel biss meta jitniżżel f’dan ir-reġistru u li kull emenda timplika reġistrazzjoni ġdida.


127      Ara, b’analoġija, is-sentenza SEGRO u Horváth, punt 109 u punt 110. Ara wkoll Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 2014, Valle Pierimpiè Società Agricola S.p.a. vs l‑Italja, CE:ECHR:2014:0923JUD004615411, § 48 sa 51.


128      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza SEGRO u Horváth, punti 116, 117 u 121.


129      Ara Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 1982, Sporrong u Lönnroth vs L-Isvezja, CE:ECHR:1982:0923JUD000715175, § 67, Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1986, James et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1986:0221JUD000879379, § 37, kif ukoll Qorti EDB, 12 ta’ Diċembru 2002, Wittek vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2002:1212JUD003729097, § 41.


130      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 1982, Sporrong u Lönnroth vs l‑Isvezja, CE:ECHR:1982:0923JUD000715275, § 62 u 63, kif ukoll Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1986, James et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1986:0221JUD000879379, § 40.


131      Ara, b’analoġija, is-sentenza SEGRO u Horváth, punt 63.


132      Il-Qorti EDB irrikonoxxiet bħala każijiet ta’ “trasferiment ta’ proprjetà” u għalhekk ta’ “ċaħda” tal-obbligu impost fuq individwu li jittrasferixxi l-proprjetà immobbli tiegħu lil individwu ieħor (ara l-Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1986, James et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1986:0221JUD000879379, 21 ta’ Frar 1990, Håkansson u Sturesson vs L-Isvezja, CE:ECHR:1990:0221JUD001185585 kif ukoll Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2014, Milhau vs Franza, CE:ECHR:2014:0710JUD000494411).


133      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 1982, Sporrong u Lönnroth vs l-Isvezja, CE:ECHR:1982:0923JUD000715175, § 69, kif ukoll 12 ta’ Diċembru 2002, Wittek vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2002:1212JUD003729097, § 53.


134      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 12 ta’ Diċembru 2002, Wittek vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2002:1212JUD003729097, § 54.


135      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1986, James et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1986:0221JUD000879379, § 54. Għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB ma jinkludi l-ebda referenza għal tali kumpens għad-danni. Madankollu, kif il-Qorti EDB osservat f’din is-sentenza, l-assenza ta’ obbligu ta’ kumpens tirrendi l-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà “ferm illużorja u ineffikaċi”. Din il-qorti għalhekk irrimedjat is-silenzju tat-test billi ddeċidiet li l-bżonn għal kumpens “jirriżulta impliċitament mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 fit-totalità tiegħu” (Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 1986, Lithgow et vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:1986:0708JUD000900680, § 109).


136      L-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB ma jiggarantixxix id-dritt għal kumpens sħiħ, peress li għanijiet leġittimi ta’ utilità pubblika jistgħu jxaqilbu favur kumpens li jkun inferjuri għall-valur sħiħ tas-suq. Barra minn hekk, il-Qorti EDB tirrikonoxxi lill-Istat, f’dan il-qasam, marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni (Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1986, James et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1986:0221JUD000879379, § 54).


137      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1986, James et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1986:0221JUD000879379, § 54, Qorti EDB, 9 ta’ Diċembru 1994, Il-Monasteri Qaddisa vs Il-Greċja, CE:ECHR:1994:1209JUD001309287, § 71, kif ukoll 23 ta’ Novembru 2000, L-ex Re tal-Greċja et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2000:1123JUD002570194, § 89.


138      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1997, Guillemin vs Franza, CE:ECHR:1997:0221JUD001963292, § 54.


139      Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-kundizzjonijiet (3) u (5) huma kosostanzjali. Miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà ma tistax tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà jekk ma tipprovdix, bħala kontroparti għal dan it-teħid tal-pussess, kumpens ġust fi żmien raġonevoli — ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali.


140      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2005, Păduraru vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2005:1201JUD006325200, § 77.


141      Ara l-Artikolu 5(13) tal-Liġi tal-2013 dwar l-Artijiet Agrikoli.


142      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1986, James et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1986:0221JUD000879379, § 46, Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2004, Broniowski vs Il-Polonja, CE:ECHR:2004:0622JUD003144396, § 149, kif ukoll Qorti EDB, 14 ta’ Frar 2006, Lecarpentier et vs Franza, CE:ECHR:2006:0214JUD006784701, § 44.


143      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


144      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017 Florescu et (C-258/14, EU:C:2017:448, punt 57).


145      Ara, b’analoġija, is-sentenza SEGRO u Horváth, punti 92, 93, 106, 121 kif ukoll 122.


146      Infakkar li dan il-perijodu tranżitorju li inizjalment kien stabbilit għal 20 sena, finalment tnaqqas għal erba’ xhur u 15-il jum (ara l-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


147      Kif ġie indikat fil-punti 29 u 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, fis-sentenza Nru 25 tagħha, tal-21 ta’ Lulju 2015, li tali arranġamenti ta’ kumpens kienu kompatibbli mal-liġi fundamentali Ungeriża, inkwantu s-sid jista’, min-naħa tiegħu, jirċievi kumpens mill-Istat.


148      Skont din id-dispożizzjoni “meta jitneħħa l-użufrutt, l-użufruttwarju jista’ jitlob lis-sid, skont ir-regoli dwar l-arrikkiment indebitu, ħlas lura li jikkorrispondi għaż-żieda fil-valur tal-proprjetà wara x-xogħol straordinarju ta’ restawr jew ta’ tiswija li jkun wettaq għan-nom tiegħu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


149      Skont din id-dispożizzjoni “[j]ekk ir-responsabbiltà biex ma jkunx jista’ jitwettaq il-kuntratt ma tista’ tiġi attribwita lill-ebda waħda mill-partijiet, il-valur monetarju tas-servizz ipprovdut qabel it-tmiem tal-kuntratt għandu jiġi kkumpensat. Jekk il-parti l-oħra ma tkunx ipprovdiet is-servizz korrispondenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja li diġà tħallset, din għandha titħallas lura”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Kif enfasizzat il-Kummissjoni, huwa tal-inqas stramb, fid-dawl tal-argumenti tal-Ungerija dwar l-allegata invalidità ab initio tal-kuntratti ta’ użufrutt inkwistjoni, li hija tinvoka f’dan il-kuntest, ir-regoli tad-dritt ċivili dwar l-eżekuzzjoni impossibbli ta’ kuntratt — ipotetikament validu — minflok dawk dwar ir-restitutio in integrum fil-każ ta’ nullità tal-kuntratt.


150      Ara, b’analoġija, is-sentenza SEGRO u Horváth, punt 91.


151      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 30 ta’ Mejju 2000, Carbonara u Ventura vs L-Italja, CE:ECHR:2000:0530JUD002463894, § 67, kif ukoll Qorti EDB, 9 ta’ Ottubru 2003, Biozokat A.E. vs Il-Greċja, CE:ECHR:2003:1009JUD006158200, § 29. Ara wkoll Kjølbro, J.F., Den Europæiske Menneskerettighedskonvention: for praktikere, 4. udgave, p. 1230.


152      Ara, b’analoġija, is-sentenza SEGRO u Horváth, punt 91.


153      Ara, b’analoġija, Qorti EDB, 12 ta’ Ġunju 2003, Lallement vs Franza, CE:ECHR:2003:0612JUD004604499, § 10.


154      Ara, b’analoġija, is-sentenza SEGRO u Horváth, punt 91. Fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li jgħid li l-persuni mċaħħda mid-dritt tagħhom ta’ użufrutt jistgħu jkomplu jgawdu l-art agrikola inkwistjoni billi, pereżempju, jikkonkludu qbiela mas-sidien tal-art, huwa biżżejjed li jiġi osservat, kif għamlet il-Kummissjoni, li din is-soluzzjoni ma toffri ebda garanzija lil tal-ewwel, peress li xejn ma jobbliga lil dawn tal-aħħar jikkonkludu tali kuntratt.