Language of document : ECLI:EU:T:2008:595

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

18 ta’ Diċembru 2008(*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna nnotifikata mir-Renju Unit rigward ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Gvern ta’ Ġibiltà – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Selettività reġjonali – Selettività materjali”

Fil-Kawżi T‑211/04 u T‑215/04,

Government of Gibraltar, irrappreżentat minn M. Llamas, barrister, J. Temple Lang, solicitor, kif ukoll, inizjalment, minn A. Petersen u K. Nordlander, sussegwentement minn K. Karl, avukati,

rikorrent fil-Kawża T‑211/04,

sostnut minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrapreżentat inizjalment minn M. Bethell, bħala aġent, assitit minn D. Anderson, QC, u H. Davies, barrister, sussegwentement minn E. Jenkinson u E. O’Neill, bħala aġenti,

intervenjenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn M. Bethell, E. Jenkinson, bħala aġenti, assistiti minn D. Anderson, QC, u H. Davies, barrister, sussegwentement minn E. Jenkinson, E. O’Neill u S. Behzadi‑Spencer, bħala aġenti,

rikorrent fil-Kawża T‑215/04,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. Khan u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, abogado del Estado,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/261/KE, tat-30 ta’ Marzu 2004, dwar l-iskema ta’ għajnuna li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplementa rigward ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Gvern ta’ Ġibiltà (ĠU 2005, L 85, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili, J. Azizi, E. Cremona (Relatur) u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

I –  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1        L-Artikolu 87(1) KE jipprevedi:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

2        L-Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett [Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 384/03 dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tal-kumpanniji] (ĠU 1998, C 384, p. 3, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-tassazzjoni diretta tal-kumpanniji”) tippreċiża, fil-punt 2 tagħha, li hija intiża sabiex tipprovdi kjarifiki dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna taħt l-Artikolu 87(1) KE fil-każ tal-miżuri fiskali.

3        Skont il-punt 16 tal-komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-tassazzjoni diretta tal-kumpanniji:

“Il-kriterja [kriterju] prinċipali biex jiġi adottat [applikat] l-Artikolu 92(1) ma’ [għal] miżura tat-taxxa [fiskali] hija [huwa] għaldaqstant li l-miżura tipprovdi favur ċerti impriżi fl-Istat Membru eċċezzjoni għal l- [għall-]applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa [fiskali]. Is-sistema komuni applikabbli għandha għaldaqstant l-ewwel tiġi determinata. Imbagħad għandha tiġi eżaminata sabiex wieħed jara [għandu jiġi eżaminat] jekk l-eċċezzjoni għas-sistema jew id-differenzi fis-sistema humiex iġġustifikati "bin- [minn] natura jew bl [mill]-iskema ġenerali" tas-sistema tat-taxxa [fiskali], dan ifisser li, wieħed jara jekk dawn jirriżultawx direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida tas-sistema tat-taxxa [fiskali] fl [tal]-Istat Membru ikkonċernat. Jekk dan mhux il-każ, allura hija involuta għajnuna ta’ l [mill]-Istat.”

4        L-Artikolu 299(4) KE jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat japplikaw għat-territorji Ewropej li Stat Membru jkun responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tagħhom.

II –  L-istatus ta’ Ġibiltà

5        Ġibiltà hija kolonja (jew territorju Brittaniku lil hinn mill-ibħra) tar-Renju Brittaniku mill-1713 u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq huwa responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tagħha. Ġibiltà ma tagħmilx parti mir-Renju Unit.

6        Fiż-żmien tal-fatti tal-każ, it-testi li jistabbilixxu s-sistema ta’ governanza ta’ Ġibiltà kienu l-Gibraltar Constitution Order 1969 (digriet tal-1969 dwar il-kostituzzjoni ta’ Ġibiltà, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni tal-1969”) u l-Accompanying Despatch (Nota ta’ akkompanjament) tat-23 ta’ Mejju 1969.

7        Il-poter eżekuttiv hemmhekk huwa eżerċitat minn Gvernatur maħtur mir-reġina li tagħha huwa rappreżentant u, fir-rigward ta’ affarijiet interni speċifiċi, mill-Kunsill tal-Ministri ta’ Ġibiltà. Dan huwa kompost minn Chief Minister u minn ministri, maħtura mill-Gvernatur fost il-membri eletti tal-House of Assembly.

8        Il-poter leġiżlattiv huwa mqassam bejn il-House of Assembly u l-Gvernatur. Il-House of Assembly hija komposta mill-Ispeaker, l-Attorney General, mill-Financial and Development Secretary u minn ħmistax-il membru elett. L-elezzjonijiet għall-kostituzzjoni tal-House of Assembly jinżammu, bħala regola ġenerali, kull erba’ snin.

9        Ġibiltà għandha l-qrati tagħha stess. Madankollu, teżisti possibbiltà ta’ appell mis-sentenzi tal-ogħla qorti ta’ Ġibiltà quddiem il-Judicial Committee of the Privy Council (kumitat ġudizzjarju tal-Kunsill privat) tar-Renju Unit.

10      Minħabba li Ġibiltà hija territorju Ewropew, skont l-Artikolu 299(4) KE, li r-Renju Unit huwa responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tagħha, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat japplikaw għaliha. Filwaqt li, skont l-Artikolu 28 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, anness mat-Trattat dwar l-adeżjoni ta’ dawn (ĠU 1972, L 73, p. 5), l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji intiżi, b’mod partikolari, għall-“armonizzazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat, ma japplikawx għal Ġibiltà” fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tiddisponi mod ieħor, ir-regoli tad-dritt Komunitarju fuq il-kompetizzjoni, inkluż dawk dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, għandom japplikaw għal Ġibiltà .

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  L-isfond tar-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Gvern ta’ Ġibiltà

11      Fil-11 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura formali ta’ investigazzjoni taħt l-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta’ żewġ miżuri applikati f’Ġibiltà dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji u li jikkonċernaw, rispettivament, il-“kumpanniji eżenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2002, C 26, p. 13) u l-“kumpanniji li jikkwalifikaw” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 2002, C 26, p. 9).

12      Il-kumpanniji eżenti ma kinux stabbiliti f’Ġibiltà, filwaqt li l-kumpanniji li jikkwalifikaw kellhom bini (a bricks and mortar presence) u kienu attivi f’diversi setturi.

13      Sabiex tgawdi minn status ta’ kumpannija eżenti, impriża kellha tissoddisfa diversi kundizzjonijiet; fost dawn il-kundizzjonijiet kien hemm il-projbizzjoni li tkun eżerċitata attività kummerċjali jew kull attività oħra f’Ġibiltà, ħlief ma’ kumpanniji oħra eżenti u kumpanniji li jikkwalifikaw. Iċ-ċittadini ta’ Ġibiltà u r-residenti ma setgħux ikollhom ishma jew jibbenefikaw minn ishma f’kumpannija eżenti, ħlief permezz ta’ kumpannija pubblika b’ responsabbiltà limitata u bħala azzjonarju ta’ din. Bla ħsara għal xi eċċezzjonijiet limitati, kumpannija eżenti kienet eżentata mit-taxxa fuq il-qliegħ f’Ġibiltà u kellha tħallas biss taxxa annwali fissa ta’ 225 lira sterlina (GBP).

14      Il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ kumpannija li tikkwalifika kienu, essenzjalment, identiċi għal dawk neċessarji għall-għoti tal-istatus ta’ kumpannija eżenti. Il-kumpanniji li jikkwalifikaw iħallsu taxxa abbażi ta’ rata li kienet innegozjata mal-awtoritajiet fiskali ta’ Ġibiltà li tvarja bejn 2 u 10 % tal-profitti tagħhom.

15      Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ April 2002, Il-Gvern ta’ Ġibilità vs Il-Kummissjoni (T-195/01 u T-207/01, Ġabra p. II-2309), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni dwar il-kumpanniji eżenti u, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ dwar il-kumpanniji li jikkwalifikaw.

16      Fis-27 ta’ April 2002, bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk is-sistemi fiskali dwar il-kumpanniji eżenti u l-kumpanniji li jikkwalifikaw kinux jikkostitwixxu jew le għajnuna mill-Istat, il-Gvern ta’ Ġibiltà ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jabroga l-leġiżlazzjoni kollha tiegħu fil-qasam tat-tassazjoni tal-impriżi u li jistabbilixxi sistema fiskali kompletament ġdida għall-kumpanniji kollha ta’ Ġibiltà. Din ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Gvern ta’ Ġibiltà hija s-suġġett ta’ din il-kawża.

II –  Ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Gvern ta’ Ġibiltà

17      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Awwissu 2002, ir-Renju Unit innotifika r-riforma tal-Gvern ta’ Ġibiltà dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88(3)KE.

18      Din ir-riforma fiskali tinkludi sistema ta’ tassazzjoni applikabbli għall-kumpanniji kollha stabbiliti f’Ġibiltà u taxxa supplimentari (jew ta’ penalità) (top-up tax) applikabbli biss għall-kumpanniji ta’ servizzi finanzjarji u għall-impriżi ta’ netwerk, li jinkludu l-impriżi attivi fis-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, tal-elettriku u tal-ilma.

19      Ir-riforma fiskali ser tkun implementata permezz ta’:

–        il-Companies (Payroll Tax) Ordinance [ordinanza dwar il-kumpanniji (taxxa fuq in-numru ta’ impjegati)];

–        il-Companies (Annual Registration Fee) Ordinance [ordinanza dwar il-kumpanniji (taxxi annwali ta’ reġistrazzjoni)];

–        ir-Rates Ordinance (ordinanza fuq ir-rati);

–        il-Companies (Taxation of Designated Activities) Ordinance [ordinanza dwar il-kumpanniji (tassazzjoni ta’ ċertu attivitajiet)].

20      Il-leġiżlazzjoni rigward ir-riforma fiskali ser tkun implementata mill-Gvern ta’ Ġibiltà wara li tkun ġiet adottata mill-House of Assembly. Fil-kuntest ta’ din ir-riforma, il-leġiżlazzjoni li tirregola l-kumpanniji eżenti u l-kumpanniji li jikkwalifikaw ser tkun abrogata b’effett immedjat.

A –  Sistema ta’ tassazzjoni introdotta mir-riforma fiskali

21      Is-sistema ta’ tassazzjoni introdotta mir-riforma fiskali u applikabbli għall-kumpanniji kollha stabbiliti f’Ġibiltà hija magħmula minn taxxa fuq in-numru ta’ impjegati (payroll tax), minn taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju (business property occupation tax) u minn taxxa ta’ reġistrazzjoni (registration fee):

–        it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati: il-kumpanniji kollha ta’ Ġibiltà se jkunu suġġetti għal taxxa fuq in-numru ta’ impjegati sa massimu ta’ GBP 3 000 għal kull impjegat u fis-sena; kull “persuna li timpjega” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ Ġibiltà għandha tħallas taxxa fuq in-numru ta’ impjegati għat-totalità tal-“impjegati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħha li jaħdmu full-time jew part-time u “impjegati f’Ġibiltà” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; il-leġiżlazzjoni dwar ir-riforma fiskali fiha definizzjoni tat-termini ċċitati iktar ’il fuq;

–        it-taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju (Business Property Occupation Tax, iktar ’il quddiem il-“BPOT”): il-kumpanniji kollha li jokkupaw proprjetà f’Ġibiltà għal skopijiet ta’ negozju għandhom iħallsu taxxa fuq l-okkupazzjoni tal-imsemmija proprjetà stabbilita għal rata ekwivalenti għal perċentwali ta’ dak li jridu jħallsu skont ir-rata ġenerali tat-taxxa fuq il-proprjetà f’Ġibiltà;

–        it-taxxa ta’ reġistrazzjoni: il-kumpanniji kollha ta’ Ġibiltà għandhom iħallsu taxxa ta’ reġistrazzjoni annwali ta’ ammont ta’ GBP 150 għall-kumpanniji mhux maħsuba biex jagħmlu profitti u ta’ GBP 300 għall-kumpanniji bi skop ta’ profitt.

22      L-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT huwa limitat għal 15 % tal-profitti. Ir-riżultat ta’ dan il-limitu huwa li l-kumpanniji jħallsu t-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT biss jekk jagħmlu profitt u l-ammont tat-taxxa ma jissuperax il-15 % tal-imsemmija profitti.

B –  Taxxa supplimentari (jew ta’ penalità)

23      Ċertu attivitajiet, jiġifieri s-servizzi finanzjarji u dawk ta’ netwerk, huma suġġetti għal taxxa supplimentari (jew ta’ penalità) fuq il-profitti ġġenerati minn dawn l-attivitajiet. It-taxxa supplimentari tapplika biss għall-profitti li jistgħu jkunu attribwiti għal dawn l-attivitajiet.

24      B’hekk, il-kumpanniji ta’ servizzi finanzjarji huma suġġetti, minbarra għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, għal taxxa supplimentari (jew ta’ penalità) fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji għal rata ta’ bejn l-4 u s-6 % tal-profitti (kkalkolati skont l-istandards ta’ kontabbiltà rikonoxxuti internazzjonalment; l-intaxxar totali ta’ dawn il-kumpanniji (taxxa fuq in-numru ta’ impjegati, BPOT u taxxa supplimentari) huwa limitata għal 15 % tal-profitti.

25      L-impriżi ta’ netwerk huma suġġetti, minbarra għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, għal taxxa supplimentari (jew ta’ penalità) fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet tagħhom li hija ekwivalenti għal 35 % tal-profitti (ikkalkolati skont l-istandards ta’ kontabbiltà rikonoxxuti internazzjonalment). Dawn l-impriżi huma awtorizzati jnaqqsu t-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT mit-taxxa supplimentari tagħhom. Għalkemm l-intaxxar annwali totali tal-impriżi ta’ netwerk (taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u BPOT) huwa wkoll limitat għal 15 % tal-profitti, il-funzjonament tat-taxxa supplimentari għall-impriżi ta’ netwerk jiżgura li dawn tal-aħħar iħallsu dejjem taxxa ekwivalenti għal 35 % tal-profitti tagħhom.

III –  Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

26      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet tar-Renju Unit bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE rigward ir-riforma fiskali, u stiednet lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ĠU C 300, p. 2). Ir-Renju Unit ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu b’ittra tat-13 ta’ Diċembru 2002.

27      Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tal-Confederación Española de Organizaciones Empresariales (Konfederazzjoni Spanjola tal-Assoċjazzjonijiet ta’ Impriżi), tal-Ålands Landskapsstyrelse (Eżekuttiv tal-gżejjer Åland tal-Finlandja), tar-Renju ta’ Spanja u tal-Gvern ta’ Ġibiltà. Il-Kummissjoni bagħtet dawn l-osservazzjonijiet lir-Renju Unit, li informaha bil-kummenti tiegħu b’ittra tat-13 ta’ Frar 2003.

28      Fit-30 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/261/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplementa fir-rigward tar-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Gvern ta’ Ġibiltà (ĠU L 85, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.

29       Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jistipola kif ġej:

“Artikolu 1

Il-proposti nnotifikati mir-Renju Unit fid-dawl tar-riforma tas-sistema fiskali tal-impriżi f’Ġibiltà jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

Għalhekk, dawn il-proposti ma jistgħux jiġu implementati.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30      Insostenn tal-konkluzjoni tagħha dwar in-natura selettiva tar-riforma fiskali, il-Kummissjoni tistipola, essenzjalment, fil-premessi 98 sa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija riforma hija selettiva kemm fuq il-livell reġjonali, kif ukoll fuq il-livell materjali. Din hija selettiva fuq il-livell reġjonali inkwantu din tipprevedi sistema ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li abbażi tagħha l-kumpanniji f’Ġibiltà huma intaxxati, b’mod ġenerali, b’rata iktar baxxa mill-kumpanniji fir-Renju Unit (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aspetti segwenti tar-riforma fiskali huma selettivi fuq il-livell materjali: l-ewwel nett, il-kundizzjoni li kumpannija għandha tagħmel profitt qabel ma tkun suġġetta għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT, peress li din il-kundizzjoni tiffavorixxi lill-impriżi li ma jagħmlux profitt (premessi 128 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata); it-tieni nett, il-limitu ta’ 15 % tal-profitti applikat għall-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT, peress li dan il-limitu jiffavorixxi lill-impriżi li, għas-sena fiskali inkwistjoni, għandhom profitti mhux għolja ħafna meta mqabbla man-numru ta’ impjegati tagħhom u mal-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju (premessi 134 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata); it-tielet nett, it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, peress li dawn iż-żewġ taxxi jiffavorixxu, min-natura tagħhom, lill-impriżi li m’għandhomx preżenza fiżika reali f’Ġibiltà u li, minħabba dan, mhumiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji (premessi 142 sa 144 u 150 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tikkonkludi li “[i]l-miżuri nnotifikati jagħtu għalhekk lok għal selettività reġjonali u materjali u [li] din tal-aħħar tirriżulta minn serje ta’ karattersitiċi speċifiċi għas-sistema proposta u mill-analiżi ta’ din is-sistema fit-totalità tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ talbiet ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Ġunju 2004, il-Gvern ta’ Ġibiltà, rikorrent fil-Kawża T-211/04, u r-Renju Unit, rikorrent fil-Kawża T-215/04, ippreżentaw dawn ir-rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Ottubru 2004, ir-Renju Unit talab jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrent fil-Kawża T-211/04.

33      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Ottubru 2004, ir-Renju ta’ Spanja talab jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-Kawżi T-211/04 u T-215/04.

34      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrent fil-Kawża T-211/04 talab, skont l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Anness 2 tar-rikors jingħata trattament kunfidenzjali fil-konfront tal-partijiet intervenjenti. Huwa rtira din it-talba permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ April 2005.

35      Permezz ta’ digrieti tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2004 u tal-15 ta’ Frar 2005, it-talbiet għal intervent fil-Kawżi T‑211/04 u T‑215/04 ġew milqugħa.

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Marzu 2005, ir-Renju Unit talab li għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza l-Kawżi T-211/04 u T-215/04 jingħaqdu flimkien, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet kkonċernati ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba fit-terminu preskritt.

37      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Marzu 2005 u fil-15 ta’ April 2005 rispettivament, ir-rikorrenti fil-Kawżi T-211/04 u T‑215/04 talbu li jingħata trattament prijoritarju lil dawn il-kawżi skont l-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

38      Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta s-sottomissjonijiet tal-intervent tiegħu fid-29 ta’ April 2005 fil-Kawża T-215/04 u fl-20 ta’ Ġunju 2005 fil-Kawża T-211/04. Il-partijiet prinċipali f’dawn il-kawżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn is-sottomissjonijiet fit-termini preskritti. Ir-Renju Unit ma ppreżentax sottomissjonijiet tal-intervent fil-Kawża T-211/04.

39      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-12 ta’ Mejju 2005 u tat-13 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, abbażi tal-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tilqa’ t-talba għal trattament prijoritarju fil-Kawżi T-211/04 u T-215/04.

40      Fis-6 ta’ Ġunju, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tassenja l-Kawżi T-211/04 u T-215/04 lit-Tielet Awla Estiża.

41      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Diċembru 2006, il-Kawżi T-211/04 u T-215/04 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali.

42      Abbażi ta’ rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet fil-Kawżi T-211/04 u T-215/04 jissottomettu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jiġu dedotti mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-88/03, Ġabra p. I-7115, iktar ’il quddiem is-“sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores”), fir-rigward tal-kawżi preżenti. Il-partijiet irrispondew għal din it-talba fit-terminu mogħti.

43      Is-sottomissjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi li sarulhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fl-14 ta’ Marzu 2007.

44      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hemm lok li għall-finijiet tas-sentenza ż-żewġ kawżi jingħaqdu flimkien wara li l-partijiet qablu fuq dan il-punt matul is-seduta.

45      Ir-rikorrent fil-Kawża T-211/04 jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

46      Ir-rikorrent fil-Kawża T‑215/04 jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata; 

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

47      Fil-Kawżi T‑211/04 u T‑215/04, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

48      Fil-Kawżi T‑211/04 u T‑215/04, ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; 

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

49      Ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ selettività reġjonali, it-tieni, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ selettività materjali u, it-tielet, fuq il-ksur tal-forom sostanzjali fil-kuntest tal-eżami tat-tielet aspett tar-riforma fiskali kklassifikat bħala selettiv fuq il-livell materjali, jiġifieri n-natura inerenti tat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT. L-aħħar motiv jinqasam f’żewġ partijiet, l-ewwel dwar il-ksur tad-dritt għal smigħ u t-tieni dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

I –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ selettività reġjonali

A –  L-argumenti tal-partijiet

50      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni f’dan il-każ applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ selettività reġjonali meta kkunsidrat it-territorju tar-Renju Unit u s-sistema fiskali tal-kumpanniji tiegħu bħala l-kuntest ta’ referenza xieraq sabiex tevalwa r-riforma fiskali ta’ Ġibiltà. Huma jinvokaw, essenzjalment, erba’ elementi insostenn tat-teżi tagħhom.

51      L-ewwel nett, huma jargumentaw li l-kriterju ta’ selettività reġjonali ma jistax japplika f’dan il-każ bil-mod kif il-Kummissjoni applikatu, minħabba li Ġibiltà ma tagħmilx parti mir-Renju Unit la fir-rigward tad-dritt nazzjonali, la tad-dritt internazzjonali u lanqas tad-dritt Komunitarju. Il-ġurisprudenza, il-komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-tassazzjoni diretta tal-impriżi u r-raġunament li tibbaża ruħha fuqu l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kollha jirrigwardaw miżuri fiskali applikabbli għal entità territorjali li tagħmel parti minn Stat Membru. Ġibiltà ma tistax titqabbel ma’ tali entità.

52      It-tieni nett, ir-rikorrenti jargumentaw li, anki jekk Ġibiltà kellha tkun kkunsidrata bħala li tagħmel parti mir-Renju Unit għall-fini tal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat, ir-Renju Unit ma jistax jikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza xieraq, minħabba n-nuqqas ta’ sistema fiskali komuni bejn iż-żewġ entitajiet. Ir-riforma fiskali ta’ Ġibiltà mhijiex “deroga”, “eċċezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew “tnaqqis” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mis-sistema fiskali tal-kumpanniji tar-Renju Unit; din tal-aħħar mhijiex is-sistema fiskali “normali” li tapplika għal Ġibiltà fin-nuqqas tar-riforma fiskali kkontestata. Konsegwentement, il-kriterju ta’ selettività reġjonali ma jistax jiġi applikat.

53      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet pubbliċi tar-Renju Unit m’għandhom l-ebda rwol fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku ta’ Ġibiltà. Fuq il-livell politiku, l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Ġibiltà jinkludu poter eżekuttiv, leġiżlattiv u ġuridiku proprju tagħha u distint minn dak tar-Renju Unit. Fuq il-livell ekonomiku, Ġibiltà ma tirċievi l-ebda sussidju u lanqas kwalunkwe għajnuna finanzjarja mingħand ir-Renju Unit. Id-dħul tagħha joriġina kompletament mit-taxxi li hija stess tistabbilixxi. Hija tadotta l-politika ekonomika li tqis l-aktar adattata għat-territorju tagħha mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-politika ekonomika tar-Renju Unit. Hija tipproduċi u tistampa l-munita tagħha, tiddetermina l-massa monetarja tagħha u tiddeċiedi waħedha dwar is-self u l-ispejjeż tagħha. Id-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji ta’ fatt dwar l-importanza għal Ġibiltà tal-eżerċizzju tal-poter ċentrali fir-Renju Unit.

54      Ir-rikorrenti jsostnu, fit-tieni lok, li Ġibiltà u r-Renju Unit jikkostitwixxu żewġ territorji fiskali totalment separati u distinti. Il-Gvern ta’ Ġibiltà u l-House of Assembly jistabbilixxu s-sistema fiskali applikabbli f’dan it-territorju fid-dawl biss tal-kundizzjonijiet partikolari li jikkaratterizzaw l-ekonomija ta’ dan it-territorju mingħajr l-ebda influwenza jew limitazzjoni mil-leġiżlazzjonijiet jew mill-politika fiskali adotatti fir-Renju Unit. Il-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit qatt ma ġiet applikata f’Ġibiltà u lanqas ma tapplika fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, ma teżisti l-ebda norma ma’ liema t-taxxi applikati f’Ġibiltà jistgħu jkunu kkomparati jew li jistgħu jaħarbu minnha.. Id-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji ta’ fatt f’dak li jikkonċerna d-deskrizzjoni ta’ Ġibiltà bħala post fejn il-kompetenzi fiskali huma deċentralizzati imma fejn teżisti sistema ċentrali ta’ referenza (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata), id-deskrizzjoni tar-riforma fiskali bħala tnaqqis tat-taxxa miġbura fuq il-livell nazzjonali (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li “is-sistema fiskali li hija attwalment applikata f’Ġibiltà tikkorrispondi fil-biċċa l-kbira mal-mudell [tar-Renju Unit], bl-eċċezzjoni tal-vantaġġi mogħtija lill-ekonomija offshore” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Skont il-Gvern ta’ Ġibiltà, il-kriterju ta’ selettività jimplika li l-miżura fiskali kkontestata tista’ tkun imqabbla ma’ rata ta’ tassazzjoni normali li, fin-nuqqas ta’ din il-miżura, tapplika għall-attività prevista fir-reġjun inkwistjoni. Dan ifisser neċessarjament li l-element ta’ paragun użat għandu jkun taxxa jew miżura oħra applikabbli fl-istess ċirkoskrizzjoni fiskali. Issa, f’dan il-każ, Ġibiltà u r-Renju Unit jikkostitwixxu żewġ ċirkoskrizzjonijiet fiskali distinti; anki fin-nuqqas ta’ skema speċifika ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji f’Ġibiltà, is-sistema fiskali tar-Renju Unit ma tapplikax. Dan in-nuqqas ta’ applikazzjoni ma jirriżultax minn għażla magħmula mir-Renju Unit li jittrasferixxi jew jabbanduna l-kompetenzi fiskali tiegħu f’Ġibiltà, kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt ir-Renju Unit ma jistax jagħżel li japplika l-liġijiet fiskali tiegħu għat-territorji kolonjali tiegħu u qatt ma eżerċita poter fiskali fuq Ġibiltà.

56      Ir-rikorrenti jsostnu, fit-tielet lok, li, kuntrarjament għat-teżi sostnuta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-awtonomija politika u fiskali li tgawdi minnha entità infrastatali tikkostitwixxi kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura fiskali adottata minn din l-entità, sa fejn din l-awtonomija politika u fiskali tippermetti li l-entità infrastatali inkwistjoni tiġi kkunsidrata bħala kuntest ta’ referenza xieraq.

57      It-tielet nett, fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub dwar il-konklużjonijiet li għandhom jiġu dedotti mis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, filwaqt li jsostnu li l-kriterju ta’ selettività reġjonali ma setax japplika f’dan il-każ, peress li Ġibiltà ma tagħmilx parti mir-Renju Unit u m’hemmx sistema fiskali komuni bejn iż-żewġ entitajiet, jisħqu, sussidjarjament, li l-kuntest ta’ referenza f’dan il-każ huwa t-territorju ta’ Ġibiltà b’applikazzjoni tal-metodu ta’ definizzjoni tal-imsemmi kuntest, espost fil-punti 67 u 68 tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq.

58      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk ir-riforma fiskali tirriżulta selettiva fuq il-livell reġjonali, din tkun ġġustifikata min-natura tagħha jew mill-iskema ġenerali tagħha.

59      Il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni rilevanti f’dan il-każ mhijiex dwar jekk Ġibiltà tagħmilx parti jew le mir-Renju Unit għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt intern jew tad-dritt internazzjonali, imma jekk tagħmilx parti mir-Renju Unit għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistabbilixxi s-sistema legali tiegħu. Skont il-Kummissjoni dan huwa l-każ.

60      Hija ssostni wkoll li s-separazzjoni ekonomika bejn Ġibiltà u r-Renju Unit m’għandhiex importanza f’dan il-każ. Din it-tip ta’ kunsiderazzjoni qatt ma ttieħdet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, peress li, anki meta tkun teżisti separazzjoni ekonomika vera bejn l-awtorità ċentrali u r-reġjun awtonomu, ir-regoli rigward l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali japplikaw esklużivament fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti li ċerti impriżi minħabba li jkunu stabbiliti jew ikollhom l-attività tagħhom f’parti minn Stat Membru.

61      Il-Kummissjoni tikkontensta fi kwalunkwe każ l-awtonomija ekonomika u fiskali ta’ Ġibiltà fir-rigward tar-Renju Unit invokata mir-rikorrenti u tagħti eżempji ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija mir-Renju Unit lil Ġibiltà.

62      Il-Kummissjoni ssostni wkoll, kuntrarjament għat-teżi tar-rikorrenti, li l-awtoritajiet ċentrali tar-Renju Unit għandhom rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku f’Ġibiltà minħabba li, b’mod partikolari, ir-Renju Unit huwa responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju f’Ġibiltà u minħabba l-fatt li l-istabbiltà monetarja tagħha tiddependi kompletament mir-Renju Unit (il-munita ta’ Ġibiltà mhijiex altru ħlief il-lira sterlina taħt isem ieħor). Bl-istess mod, il-Kummissjoni tallega li l-kunċett ta’ “affarijiet interni speċifiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li taqa’ taħtu t-tassazzjoni skont ir-rikorrenti, ma jfissirx ħafna fil-kuntest tad-dritt Komunitarju, essenzjalment minħabba żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, il-Kostituzzjoni tal-1969 tipprevedi li l-awtoritajiet ċentrali (fil-forma tal-Gvernatur) jistgħu jintervjenu, b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu t-twettieq tal-obbligi internazzjonali f’Ġibiltà u, fit-tieni nett, kuntrarjament għar-Renju-Unit, Ġibiltà ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ atti Komunitarji li jaffettwaw l-affarijiet interni speċifiċi tagħha u li għandhom jiġu implementati fit-territorju tagħha.

63      F’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ sistema fiskali komuni bejn Ġibiltà u r-Renju Unit, il-Kummissjoni tikkunsidra, essenzjalment, li, mill-mument li jiġi stabbilit li Ġibiltà tagħmel parti mir-Renju Unit għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fuq l-għajnuna mill-Istat, il-kuntest ta’ referenza xieraq ma jistax ikun ieħor għajr dak ikkostitwit mis-sistema fiskali tar-Renju Unit.

64      Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 87 KE jagħmel referenza għall-għajnuna “mogħtija minn Stat Membru” li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hija ssostni li l-kwistjoni determinanti mhijiex jekk ir-Renju Unit u Ġibiltà jagħmlux parti mill-istess territorju fiskali, imma jekk sistema fiskali applikabbli f’Ġibiltà tistax tikkostitwixxi għajnuna mogħtija minn Stat Membru. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv minħabba li r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw integralment għal Ġibiltà bħal ma jirrikonoxxi l-Gvern ta’ Ġibiltà stess. L-Istat Membru li jipproponi li jagħti għajnuna fit-territorju ta’ Ġibiltà ma jistax ikun ħlief ir-Renju Unit, u l-kwistjoni dwar jekk l-iskema ta’ għajnuna hijiex selettiva fuq il-livell reġjonali tista’ tkun evalwata biss b’referenza għar-Renju Unit bħala Stat Membru responsabbli għall-osservanza tad-dritt Komunitarju f’Ġibiltà.

65      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li n-nuqqas ta’ sistema fiskali komuni (jew normali) li tapplika għal Ġibiltà f’każ ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sistema fiskali ta’ Ġibiltà ma jeskludix l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ selettività reġjonali. Dan in-nuqqas ta’ sistema fiskali komuni huwa r-riżultat ta’ għażla magħmula mir-Renju Unit. Dan tal-aħħar għażel li jistabbilixxi rabta kostituzzjonali partikolari ma’ Ġibiltà u għażel ukoll li jissottometti lil Ġibiltà, permezz tal-att ta’ adeżjoni tiegħu mal-Komunità, għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Ir-Renju Unit għandu wkoll poteri biżżejjed fuq Ġibiltà sabiex jiggarantixxi li din tadotta skema ta’ taxxa fuq il-kumpanniji kompatibbli mat-Trattat. Jirriżulta minn dan li l-kuntest ta’ referenza ma jistax ikun ieħor ħlief dak ipprovdut mir-Renju Unit.

66      Il-Kummissjoni tikkontesta barra minn hekk ir-rilevanza tal-grad ta’ awtonomija fiskali tal-entità infrastatali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. Hija tikkunsidra li dan l-argument huwa wkoll bbażat fuq l-aċċettazzjoni tal-premessa li Ġibiltà tagħmel parti mir-Renju Unit. Fid-dawl ta’ din il-premessa, l-affermazzjoni li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tiddependi mill-grad ta’ awtonomija li jgawdi minnha r-reġjun inkwistjoni għandha bilfors tkun bla bażi (ħlief fil-każ ta’ delega simetrika tal-poteri fiskali invokata fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

67      Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fuq il-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta mis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja fiha ssostni t-teżi tagħha li l-kriterju li jippermetti li jkun determinat il-kuntest ta’ referenza għall-evalwazzjoni tas-selettività reġjonali huwa l-entità li tgawdi minn rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li joperaw fih l-impriżi, imma tiċħad it-teżi tagħha li din l-entità ma tistax tkun ħadd ieħor ħlief l-Istat Membru.

68      Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-kuntest ta’ referenza jistax jew le jkun Ġibiltà jiddependi mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, u mhux mill-istatus kostituzzjonali ta’ Ġibiltà skont id-dritt nazzjonali.

69      Il-Kummissjoni ssostni li l-ħtieġa li r-reġjun “jokkupa rwol fundamentali fid-definizzjoni ta’ l-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi preżenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza [tiegħu]”, imsemmija fil-punt 66 tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, timplika raba’ kundizzjoni preliminari u distinta mit-tliet kundizzjonijiet elenkati fil-punt 67 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza xieraq.

70      Din ir-raba’ kundizzjoni teħtieġ li r-reġjun inkwistjoni jgwadi, fir-rigward tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi stabbiliti fit-territorju tiegħu, minn grad ta’ awtonomija li huwa komparabbli mal-influwenza eżerċitata mill-gvern ċentrali ta’ Stat Membru li l-kostituzzjoni tiegħu ma tipprevedix awtonomija reġjonali. Il-Kummissjoni tispjega li l-loġika wara din il-ħtieġa, fid-dawl tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, hija li sabiex jiġi ddeterminat jekk ċerti impriżi jibbenefikawx minn vantaġġ, huwa neċessarju li s-sitwazzjoni tagħhom titqabbel ma’ dik ta’ impriżi oħra li joperaw fl-istess ambjent politiku u ekonomiku.

71      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Gvern ta’ Ġibiltà m’għandux rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent poltiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi stabbiliti f’Ġibiltà u li, għalhekk, it-territorju ta’ Ġibiltà ma jistax jikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza xieraq. Mill-mument li fih din il-ħtieġa preliminari ma tkunx sodisfatta, ikun għal xejn li jittieħed kont tat-tliet kriterji elenkati fil-punt 67 tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq.

72      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tezamina t-tliet kriterji msemmija iktar ’il fuq u ssostni li Ġibiltà ma tissodisfax tnejn minnhom, jiġifieri l-kriterju dwar il-poter tal-Gvern tar-Renju Unit li jintervjeni direttament fil-qasam tal-miżuri fiskali adottati mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà u l-kriterju dwar l-eżistenza ta’ sussidji li jikkumpensaw il-konsegwenzi finanzjarji għal Ġibiltà tas-sistema fiskali tagħha. Għalhekk, it-territorju ta’ Ġibiltà ma jikkostitwixxix il-kuntest ta’ referenza xieraq.

73      Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-intervent tiegħu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni m’għandux ikun interpretat, espliċitament jew impliċitament, bħala manifestazzjoni ta’ sostenn għall-motivi tad-deċiżjoni kkontestata dwar is-selettività reġjonali. Huwa jikkunsidra li jaqbel li l-każ ta’ Ġibiltà jiġi distint mill-kawżi dwar is-sistema fiskali tat-territorji awtonomi tal-Pajjiż Bask u ta’ Navarra minħabba l-eżistenza f’dawn it-territorju ta’ kuntest ta’ armonizzazzjoni fiskali.

74      Fl-istess ħin, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li mhuwiex possibbli li tkun applikata fir-rigward ta’ Ġibiltà sistema fiskali totalment differenti minn dik tar-Renju Unit mingħajr ebda limitu jew regola ta’ koordinazzjoni, peress li dan ikun jimplika li, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, it-territorju ta’ Ġibiltà ikun trattat bħala Stat Membru distint, fatt li r-Renju ta’ Spanja jikkunsidra bħala ta’ dannu sostanzjali għall-istatus internazzjonali tal-imsemmi territorju.

75      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar il-konklużjonijiet li għandhom jiġu dedotti mis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li jaqbel li tkun inkluża raba’ kundizzjoni mat-tliet kundizzjonijiet diġa stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, sabiex ikun iddeterminat jekk l-entità infrastatali tikkonstitwixxix il-kuntest ta’ referenza xieraq għall-evalwazzjoni tal-miżuri fiskali adottati minn din l-entità. Skont din ir-raba’ kundizzjoni, il-miżura fiskali inkwistjoni ma tkunx selettiva jekk din kienet inkwadrata minn serje ta’ kriterji ta’ armonizzazzjoni analogi għal dawk li japplikaw, bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, għall-miżuri fiskali adottati mill-Istat Membru li minnu tiddependi l-entità infrastatali u intiżi sabiex jipproteġu l-moviment liberu tal-persuni, tal-kapital, tal-oġġetti u tas-servizzi u sabiex tiġi evitata d-distorzjoni tas-suq intern.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

76      Għandu jiġi mfakkar li r-regoli tad-dritt Komunitarju dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri japplikaw għal Ġibiltà (sentenza Il-Gvern ta’ Ġibilità vs Il-Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, punt 12). L-Artikolu 87(1) KE jikkostitwixxi għalhekk il-punt ta’ tluq tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

77      Dan l-artikolu jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri għajnuna selettiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra p. I-10901, punt 94).

78      F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-Artikolu 87(1) KE jirrikjedi li jkun iddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, Ġabra p. I‑8365, punt 41; tad-29 ta’ April 2004, GIL Insurance et, C‑308/01, Ġabra p. I‑4777, punt 68, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra p. I‑1627, punt 40).

79      Tali analiżi għandha ssir ukoll fil-każ ta’ miżura adottata mhux mil-leġiżlatur nazzjonali imma minn awtorità infrastatali, peress li miżura adottata minn kollettività territorjali u mhux mill-awtorità ċentrali tista’ tikkostitwixxi għajnuna ladarba jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 248/84, Ġabra p. 4013, punt 17).

80      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tkun evalwata s-selettività tal-miżura inkwistjoni, jaqbel li jkun eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, l-imsemmija miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali għaliex l-eżistenza nfisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali”. Ir-rata ta’ tassazzjoni normali hija r-rata fis-seħħ fiż-żona ġeografika li tikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza (sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, punt 56).

81      F’dan il-każ, jaqbel li jkun eżaminat jekk it-territorju tar-Renju Unit jikkostitwixxix il-kuntest ta’ referenza xieraq għall-evalwazzjoni tas-selettività reġjonali tar-riforma fiskali. Risposta negattiva għal din id-domanda timplika neċessarjament li t-territorju ta’ Ġibiltà jikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza xieraq sabiex tkun evalwata r-riforma fiskali u tinvalida kull konklużjoni dwar is-selettività reġjonali ta’ din ir-riforma.

82      Jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 104 u 125 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq żewġ elementi sabiex tikkonkludi li t-territorju tar-Renju Unit kien jikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza xieraq sabiex tkun evalwata n-natura reġjonalment selettiva tar-riforma fiskali: l-ewwel nett, hija kkunsidrat, essenzjalment, li l-kuntest ta’ referenza ma setax ikun ieħor ħlief dak tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minħabba l-iskema ġenerali tat-Trattat u tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’mod partikolari, u li l-grad ta’ awtonomija tal-entità infrastatali fir-rigward tal-gvern ċentrali ma kinx relevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imsemmi kuntest; it-tieni nett, hija bbażat il-konklużjoni tagħha fuq l-irwol li kellhom l-awtoritajiet tar-Renju Unit fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih l-impriżi joperaw f’Ġibiltà.

1.     Dwar ir-relevanza tal-grad ta’ awtonomija tal-entità infrastatali fir-rigward tal-gvern ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kuntest ta’ referenza xieraq

83      F’dak li jikkonċerna l-ewwel element li fuqu l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar id-determinazzjoni tat-territorju tar-Renju Unit bħala kuntest ta’ referenza xieraq f’dan il-każ (ara l-punt 82 hawn fuq), għandu jiġi kkonstatat li, kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub dwar il-konklużjonijiet li għandhom jiġu dedotti mis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-analiżi tagħha fil-punti 57 u 58 tal-imsemmija sentenza fil-kliem li ġej:

“57 [I]l-kuntest ta’ referenza m’għandux neċessarjament jiġi definit fil-limiti tat-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat, b’mod li miżura li tagħti vantaġġ f’parti biss tat-territorju nazzjonali mhijiex, minħabba dan il-fatt biss, selettiva fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

58 Ma jistax jiġi eskluż li entità infrastatali għandha status fid-dritt u fil-fatt li jagħmilha suffiċjentement awtonoma fil-konfront tal-gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, permezz tal-miżuri li hija tadotta, tkun din l-entità, u mhux il-gvern ċentrali, li jkollha rwol fundamentali fid-definizzjoni ta’ l-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi. F’każ bħal dan, huwa t-territorju li fuqu l-entità infrastatali, awtriċi tal-miżura, teżerċita l-kompetenza tagħha u mhux it-territorju nazzjonali fit-totalità tiegħu li jikkostitwixxi l-kuntest rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk miżura adottata minn tali entità tiffavorixxix ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, fid-dawl ta’ l-għan imfittex mill-miżura jew mill-iskema [sistema] ġuridika kkonċernata”.

84      Għalhekk, huwa biżżejjed, li tkun eżaminata l-fondatezza tat-tieni element li jsostni l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tar-Renju Unit bħala kuntest ta’ referenza, jiġifieri r-rwol li kellhom l-awtoritajiet tar-Renju Unit fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih l-impriżi joperaw f’Ġibiltà (ara l-punt 82 iktar ’il fuq).

2.     Fuq ir-rwol tar-Renju Unit fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku f’ Ġibiltà bħala kriterju ta’ determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza f’dan il-każ

a)     Sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores

85      Fis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq (punt 65), il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tas-sitwazzjoni fejn awtorità reġjonali jew lokali tadotta, fl-eżerċizzju ta’ poteri suffiċjentement awtonomi fir-rigward tal-awtorità ċentrali, rata ta’ tassazzjoni inqas mir-rata nazzjonali u li tapplika biss għall-impriżi preżenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha, ikkonstatat b’mod partikolari dan li ġej:

“66 F’din is-sitwazzjoni [...] il-kuntest ġuridiku rilevanti sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura fiskali jista’ jiġi ristrett għaż-żona ġeografika kkonċernata fil-każ meta l-entità infrastatali, b’mod partikolari minħabba l-istatus tagħha u s-setgħat tagħha, għandha rwol fundamentali fid-definizzjoni ta’ l-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi preżenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha.

67 Sabiex deċiżjoni meħuda f’ċirkustanzi simili tista’ titqies bħala waħda li ġiet adottata fl-eżerċizzju ta’ poteri suffiċjentement awtonomi, jeħtieġ l-ewwel nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din id-deċiżjoni tkun ittieħdet minn awtorità reġjonali jew lokali li għandha, fuq il-livell kostituzzjonali, status politiku u amministrattiv distint minn dak tal-gvern ċentrali. It-tieni nett, hija għandha tkun ġiet adottata mingħajr ma l-gvern ċentrali seta’ jintervjeni direttament fir-rigward tal-kontenut tagħha. Fl-aħħar nett, il-konsegwenzi finanzjarji ta’ tnaqqis tar-rata ta’ tassazzjoni nazzjonali applikabbli għall-impriżi preżenti fir-reġjun m’għandhomx jiġu kkumpensati permezz ta’ għajnuna jew sussidji minn reġjuni oħra jew mill-gvern ċentrali.

68      Minn dak li ntqal jirriżulta li awtonomija politika u fiskali fil-konfront tal-gvern ċentrali li hija suffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat tippresupponi, kif sostna l-Gvern tar-Renju Unit, li l-entità infrastatali jkollha mhux biss il-kompetenza sabiex tadotta, fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha, miżuri ta’ tnaqqis tar-rata ta’ tassazzjoni indipendentement minn kull kunsiderazzjoni marbuta mal-aġir tal-[i]stat ċentrali, iżda li hija tassumi, barra minn hekk, il-konsegwenzi politiki u finanzjarji ta’ tali miżura”.

86      F’dan il-każ, jaqbel, għalhekk, li jiġi eżaminat jekk ir-riforma fiskali tissodisfax it-tliet kundizzjonijiet elenkati fil-punt 67 tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq. Għalhekk, jaqbel li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk ir-riforma fiskali ġietx maħsuba minn awtorità reġjonali jew lokali li għandha, fuq il-livell kostituzzjonali, status politiku u amministrattiv distint minn dak tal-gvern ċentrali tar-Renju Unit, it-tieni nett, jekk ir-riforma fiskali ġietx maħsuba mingħajr ma l-gvern ċentrali tar-Renju Unit jkun jista’ jintervjeni direttament fuq il-kontenut tagħha u, it-tielet nett, jekk il-konsegwenzi finanzjarji, għal Ġibiltà, tal-introduzzjoni tar-riforma fiskali humiex ikkumpensati b’għajnuna jew sussidji li joriġinaw minn reġjuni oħrajn jew mill-gvern ċentrali tar-Renju Unit.

87      It-teżi tal-Kummissjoni li l-punt 66 tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, fih raba’ kundizzjoni, preliminari u distinta mit-tliet kundizzjonijiet elenkati fil-punt 67, jiġifieri l-kundizzjoni li l-entità infrastatali tokkupa rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi preżenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, din it-teżi ma ssib l-ebda sostenn la fis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, u lanqas fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed dwar din is-sentenza (Ġabra p. I-7119, punti 54 u 55).

88      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tilqa’ t-teżi mressqa mir-Renju ta’ Spanja dwar l-eżistenza tar-raba’ kundizzjoni li tiżdied mat-tliet kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, li twassal għaċ-ċirkoskrizzjoni tal-miżura fiskali kkontestata minn kriterji ta’ armonizzazzjoni imposti mid-dritt Komunitarju fuq il-miżuri fiskali adottati mill-Istat Membru li minnu tiddependi l-entità infrastatali inkwistjoni. Barra min-natura vaga tagħha f’dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni u l-kontenut tal-kriterji ta’ armonizzazzjoni invokati, din it-teżi ma ssib l-ebda sostenn fis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Aores, punt 42 iktar ’il fuq, u għandha għalhekk, hija wkoll, tkun miċħuda.

b)     Fuq l-applikazzjoni tal-ewwel u t-tieni kundizzjonijiet elenkati fis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores

89      Rigward l-ewwel kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirrikonoxxu l-partijiet prinċipali, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Ġibiltà li ħasbu r-riforma fiskali għandhom, fuq il-livell kostituzzjonali, status politiku u amministrattiv distint minn dak tal-gvern ċentrali tar-Renju Unit u li, għalhekk, din l-ewwl kundizzjoni hija sodisfatta.

90      Rigward it-tieni kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, jaqbel li jkun eżaminat f’dan il-każ jekk ir-riforma fiskali ġietx maħsuba mingħajr ma l-gvern ċentrali tar-Renju Unit jista’ jintervjeni direttament fuq il-kontenut tagħha.

91      Il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, din il-kundizzjoni mhijiex sodisfatta, peress li, skont l-Artikoli 33 u 34 tal-Kostituzzjoni tal-1969, ir-Renju Unit għandu l-poter li jintervjeni direttament, permezz tal-Gvernatur f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-oqsma marbuta mal-“istabbiltà finanzjarja u ekonomika”, li taħthom għandha taqa’ t-tassazzjoni.

92      Rigward l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-poter residwu tar-Renju Unit li jilleġiżla f’Ġibiltà qatt ma kien eżerċitat fil-qasam fiskali, il-Kummissjoni tirrispondi li t-tieni kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, tqajjem id-domanda dwar jekk l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru għandhomx il-possibbiltà li jintervjenu u mhux jekk huma jagħmlux hekk fil-prattika.

93      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, bħal ma jirriżulta mill-proċessi f’dan il-każ u tas-sentenza Il-Gvern ta’ Ġibilità vs Il-Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (punt 53), it-tassazzjoni tal-impriżi taqa’ taħt il-kategorija tal-affarijiet interni speċifiċi. Mhuwiex ikkontestat li l-kompetenza eżekuttiva għal dawn l-affarijiet taqa’ taħt il-Kunsill tal-Ministri ta’ Ġibiltà. Dan tal-aħħar għandu kompetenza sabiex jabbozza u jippreżenta lill-awtorità leġiżlattiva ta’ Ġibiltà għal adozzjoni l-miżuri fiskali applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà.

94      Għandu jiġi rrilevat, it-tieni nett, li skont l-Artikolu 32 tal-Kostituzzjoni tal-1969, u b’ċertu riżervi, l-awtorità leġiżlattiva ta’ Ġibiltà għandha kompetenza sabiex tadotta liġijiet “għall-paċi, l-ordni pubbliku u l-amministrazzjoni xierqa ta’ Ġibiltà”. Mhuwiex ikkontestat li din il-kompetenza tinkludi l-adozzjoni ta’ miżuri fiskali. Skont l-Artikolu 33(1) tal-Kostituzzjoni tal-1969 il-poter leġiżlattiv huwa eżerċitat, prinċipalment, permezz li jiġu mgħoddija abbozzi ta’ liġijiet mill-House of Assemly bil-kunsens tar-reġina jew tal-Gvernatur f’isem ir-reġina. Mhuwiex ikkontestat li l-membri tal-House of Assembly huma eletti demokratikament mill-poplu ta’ Ġibiltà u jirrappreżentaw biss lil dan l-istess poplu. L-Artikolu 33(2) tal-Kostituzzjoni tal-1969 jipprevedi wkoll il-possibbiltà għall-Gvernatur li jirrifjuta l-kunsens tiegħu għall-imsemmija abbozzi ta’ liġijiet jew li jirriżerva l-approvazzjoni ta’ ċerti liġijiet għad-diskrezzjoni tar-reġina. Barra minn hekk, l-Artikolu 34(2) tal-Kostituzzjoni tal-1969, jipprevedi wkoll il-possibbiltà għall-Gvernatur li jintroduċi, taħt ċerti kundizzjonijiet, abbozzi ta’ liġijiet lill-House of Assembly u li jadotta, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-imsemmija abbozzi billi jagħtihom il-kunsens tiegħu f’oqsma li jaqgħu taħt affarijiet interni speċifiċi u dan fl-interess taż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja u ekonomika ta’ Ġibiltà.

95      It-tielet nett, jirriżulta mill-proċessi li r-Renju Unit għandu eventwalment poter residwu li jilleġiżla f’Ġibiltà imma li dan il-poter ġie eżerċitat biss b’mod eċċezzjonali u qatt fil-qasam fiskali L-ebda leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit ma tapplika u qatt applikat għal Ġibiltà.

96      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tikkontestax li, f’dan il-każ, ir-riforma fiskali ta’ Ġibiltà kienet maħsuba mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà mingħajr l-intervent tal-awtoritajiet tar-Renju Unit.

97      Għandu jiġi kkunsidrat li l-poteri mogħtija lill-Gvernatur mill-Artikoli 33 u 34 tal-Kostituzzjoni tal-1969, li, barra minn hekk, qatt ma ġew eżerċitati fil-qasam fiskali, ma jurux kapaċità ta’ intervent “dirett” tal-“gvern ċentrali” tar-Renju Unit fuq il-kontenut tar-riforma fiskali, fis-sens tat-tieni kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq. Minkejja l-fatt li huwa maħtur mir-reġina – bħala r-reġina ta’ Ġibiltà – u huwa r-rappreżentant tagħha f’Ġibiltà (Artikolu 18 tal-Kostituzzjoni tal-1969), mill-proċessi ma jirriżultax li l-Gvernatur ta’ Ġibiltà jista’ jkun imqabbel mal-gvern ċentrali tar-Renju Unit u li l-kapaċità ta’ intervent tiegħu fil-proċess leġiżlattiv ta’ Ġibiltà tista’ tiġi kklassifikata bħala “intervent dirett” tal-“gvern ċentrali” tar-Renju Unit skont il-punt 67 tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq.

98      Barra minn hekk, għandu jkun ikkunsidrat li l-poter residwu li għandu r-Renju Unit sabiex jilleġiżla f’Ġibiltà u d-diversi poteri ta’ parteċipazzjoni fil-proċess leġiżlattiv mogħtija lill-Gvernatur bis-saħħa tal-Kostituzzjoni tal-1969, għandhom ikunu interpretati fid-dawl tal-istatus ta’ Ġibiltà bħala kolonja jew “territorju mhux awtonomu” fir-rigward tal-Artikolu 73 tal-Kapitolu XI tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li tagħha r-Renju Unit bħala “Poter amministrattiv” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiżgura r-relazzjonijiet esterni. L-obbligi tar-Renju Unit bħala poter amministrattiv fil-konfronti ta’ Ġibiltà huma spjegati fl-Artikolu 73 iċċitat iktar ’il fuq, li jipprovdi fil-parti relevanti tiegħu:

“Il-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jew jassumu r-responsabbiltajiet għall-amministrazzjoni ta’ territorji li l-popli tagħhom għadhom ma jiggvernawx lilhom infushom għal kollox jaċċettaw il-prinċipju li l-interessi tan-nies ta’ dawn it-territorji jiġu qabel kollox, u jaċċettaw bħala responsabbiltà sagra l-obligu li jippromwovu kemm jistgħu, skond is-sistema tal-paċi u s-sigurezza internazzjonali stabbilita permezz tal-Karta preżenti, il-prosperità tan-nies ta’ dawn it-territorji, u, għal dan il-għan:

a)      li jassiguraw, bir-rispett kollu għall-kultura tal-popoli konċernati, il-progress politiku, soċjali u ekonomiku u edukattiv tagħhom, it-trattament ġust tagħhom, u l-ħarsien tagħom kontra abbużi;

b)      li jiżviluppaw sistema kif huma jiggvernaw lilhom infushom, li jagħtu konsiderazzjoni xierqa ta’ aspirazzjonijiet politiċi tal-popli, u li jgħinuhom fl-iżvilupp progressiv ta’ l-istituzzjonijiet politiċi ħielsa tagħom, skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull territorju u l-popli tiegħu u l-istadji varji tagħhom ta’ progress;

[…]”

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-poter residwu tar-Renju Unit li jilleġiżla f’Ġibiltà u d-diversi poteri mogħtija lill-Gvernatur għandhom ikunu interpretati bħala mezzi li jippermettu lir-Renju Unit jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu lejn il-popolazzjoni ta’ Ġibiltà u jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt internazzjonali, u mhux bħala li jagħtu kapaċità ta’ intervent dirett fuq il-kontenut ta’ miżura fiskali adottata mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà, iktar u iktar meta dawn il-poteri residwi qatt ma ġew eżerċitati fil-qasam fiskali.

100    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li t-tieni kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, hija sodisfatta f’dan il-każ.

c)     Fuq l-applikazzjoni tat-tielet kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores

101    Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat f’dan il-każ jekk l-eventwali konsegwenzi finanzjarji għal Ġibiltà tal-introduzzjoni tar-riforma fiskali humiex ikkumpensati b’għajnuna jew sussidji li joriġinaw minn reġjuni oħra jew mill-gvern ċentrali tar-Renju Unit.

102    Il-Kummissjoni ssostni li din il-kundizzjoni timplika li l-ebda għajnuna ma hija lanqas biss potenzjalment disponibbli għall-entità infrastatali sabiex tikkumpensa l-effetti tad-deċiżjonijiet meħuda minn din l-entità fil-qasam fiskali. Hija tikkontesta, konsegwentament, li din il-kundizzjoni teħtieġ l-eżistenza ta’ rabta bejn kull miżura reġjonali ta’ tnaqqis tat-taxxa, minn naħa, u kull sussidju li joriġina mill-gvern ċentrali jew minn reġjun ieħor, min-naħa l-oħra. Skont il-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni ma taqbilx mal-allegata raba’ kundizzjoni li abbażi tagħha l-entità infrastatali għandha tokkupa rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi preżenti fit-territorju tagħha. Fil-fatt, sabiex ikun evalwat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta, għandu jittieħed kont tas-sorsi kollha ta’ finanzjament li joriġinaw mill-gvern ċentrali, peress li l-flus huma funġibbli u ħlas li jeħles lil Ġibiltà minn spiża pubblika jippermettilha tiddedika iktar flus għal proġett ieħor jew tnaqqas it-taxxi. Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, il-Kummissjoni tikkontesta li t-tielet kundizzjoni hija sodisfatta f’dan il-każ, minħabba l-allegata għajnuna finanzjarja mogħtija mir-Renju Unit lil Ġibiltà.

103    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka, b’mod partikolari, il-finanzjament mir-Renju Unit tal-fondi ta’ sigurtà soċjali ta’ Ġibiltà, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tħallas il-pensjonijiet taċ-ċittadini Spanjoli attwalment residenti fi Spanja u li kienu ħadmu f’Ġibiltà qabel ma l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jagħlqu l-fruntiera bejn Spanja u Ġibiltà fl-1969. Hija tinvoka barra minn hekk l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mir-Renju Unit lil Ġibiltà f’diversi okkażjonijiet wara l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Komunità, il-finanzjament mir-Renju Unit ta’ skema ta’ provvista ta’ kapital ta’ riskju lill-impriżi żgħar u medji (SMEs) stabbiliti fir-Renju Unit u f’Ġibiltà u s-sussidju tal-operazzjoni tal-ajruport ta’ Ġibiltà mill-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit.

104    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

105    F’dan ir-rigward, jaqbel li jkun imfakkar l-ewwel nett li t-teżi tal-eżistenza ta’ raba’ kundizzjoni fil-punt 66 tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, mhijiex fondata (ara l-punt 87 iktar ’il fuq). Huwa, għalhekk, żbaljat li l-Kummissjoni tirreferi għaliha sabiex issostni l-argument tagħha.

106    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-użu tal-verb “tikkumpensa” mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 67 tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, jimplika n-neċessità tal-eżistenza ta’ rabta ta’ kawża u effett bejn il-miżura fiskali kkontestata adottata mill-entità infrastatali u l-għajnuna finanzjarja li toriġina minn reġjuni oħrajn jew mill-gvern ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat. L-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni tirrendi t-tielet kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, mingħajr effett, peress li jkun diffiċli ħafna li tkun ipperċepita entità infrastatali li ma tirċievi l-ebda għajnuna finanzjarja, taħt kwalunkwe forma tkun, min-naħa tal-gvern ċentrali.

107    Issa, għandu jkun ikkonstatat li l-għajnuna finanzjarja tar-Renju Unit lil Ġibiltà invokata mill-Kummissjoni, hija marbuta ma’ ċirkustanzi speċifiċi u m’għandha l-ebda rabta ta’ kawża u effett mar-riforma fiskali.

108    Fil-fatt, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-proċessi, il-finanzjament mir-Renju Unit mill-1985 tal-fondi ta’ sigurtà soċjali ta’ Ġibiltà jikkonċerna l-ħlas tal-pensjonijiet taċ-ċittadini Spanjoli li kienu jaħdmu f’Ġibiltà qabel ma l-awtoritajiet Spanjoli għalqu l-fruntiera bejn Spanja u Ġibiltà matul il-perijodu bejn l-1969 u l-1985.

109    It-tieni nett, kif jirriżulta mid-dokument invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha, l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mir-Renju Unit lil Ġibiltà tikkonċerna l-perijodu bejn l-1978 u l-1986 u kienet intiża għal proġetti relatati mal-iżvilupp tal-infrastruttura f’Ġibiltà, proġetti edukattivi u proġetti għal djar ta’ residenza.

110    It-tielet nett, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2003, dwar fondi ta’ kapital ta’ riskju u ta’ self intiżi għall-SMEs (għajnuna N 620/2002, ĠU C 110, p. 14), l-iffinanzjar mir-Renju Unit ta’ sistema ta’ provvista ta’ kapital ta’ riskju lill-SMEs stabbiliti fir-Renju Unit u f’Ġibiltà, innotifikat mir-Renju Unit fil-11 ta’ Settembru 2002, jibbenefika lill-SMEs iċċitati iktar ’il fuq u lill-investituri kkonċernati.

111    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda s-sussidju għall-operazzjoni tal-ajruport ta’ Ġibiltà, ir-rikorrenti sostnew waqt is-seduta, mingħajr ma ġew ikkontestati mill-Kummissjoni, li dan l-ajruport inbena mill-armata tar-Renju Unit waqt it-tieni gwerra dinjija u dejjem kien ajruport militari tar-Renju Unit, li tqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-utenti ċivili.

112    Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi preċedenti, u fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja mressqa mill-Kummissjoni, għandu jkun ikkonstatat li l-ebda finanzjament imsemmi iktar ’il fuq ma jservi sabiex jikkumpensa l-eventwali konsegwenzi finanzjarji li r-riforma tinvolvi għal Ġibiltà, fis-sens tat-tielet kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq.

113    Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ element li jista’ jinvalida l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li Ġibiltà ma rċeviet ebda għajnuna finanzjarja mir-Renju Unit li tikkumpensa l-konsegwenzi finanzjarji tar-riforma fiskali, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tielet kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, hija sodisfatta f’dan il-każ.

114    Fid-dawl tal-fatt li ġew sodisfatti t-tliet kundizzjonijiet tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li r-rwol tar-Renju Unit fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi f’Ġibiltà mhuwiex biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li t-territorju tar-Renju Unit jikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza xieraq f’dan il-każ. B’hekk, it-tieni element li jsostni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi l-kuntest ta’ referenza bħala li hu t-territorju tar-Renju Unit (ara l-punt 84 iktar ’il fuq) lanqas ma huwa fondat.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jaqbel li jkun konkluż li dan il-kuntest ta’ referenza jikkorrispondi esklużivament għal-limiti ġeografiċi tat-territorju ta’ Ġibiltà, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kwistjoni tal-appartenenza ta’ Ġibiltà għar-Renju Unit u dwar in-nuqqas ta’ sistema fiskali komuni bejn Ġibiltà u r-Renju Unit. Din id-delimitazzjoni tal-kuntest ta’ referenza timplika li ebda paragun ma jista’ jsir bejn is-sistema fiskali applikabbli għall-impriżi stabbiliti f’Ġibiltà u dik applikabbli għall-impriżi stabbiliti fir-Renju Unit, sabiex tkun stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv għall-benefiċċju ta’ dawk tal-ewwel.

116    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar is-selettività reġjonali tar-riforma fiskali hija vizzjata bi żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni.

117    Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ.

II –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ selettività materjali

A –  L-argumenti tal-partijiet

118    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar is-selettività materjali tat-tliet aspetti tas-sistema fiskali introdotta permezz tar-riforma, jiġifieri l-ewwel nett, il-kundizzjoni li kumpannija tagħmel profitt qabel ma tkun suġġetta għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT (premessi 128 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata); it-tieni nett, il-limitu ta’ 15 % tal-profitti applikat għall-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u u għall-BPOT (premessi 134 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata) u t-tielet nett, in-natura inerenti tat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT (premessi 142 sa 144 u 150 tad-deċiżjoni kkontestata).

119    Il-Gvern ta’ Ġibiltà jikkunsidra li t-tliet aspetti kontenzjużi ċċitati iktar ’il fuq huma ta’ applikazzjoni ġenerali f’Ġibiltà u ma jiffavorixxux la lil impriżi speċifiċi u lanqas il-produzzjoni ta’ merkanzija speċifika. Skont il-Gvern ta’ Ġibiltà, ir-riforma tikkostitwixxi sistema fiskali fiha nnifisha, ibbażata fuq il-kriterji tal-impjieg u tal-okkupazzjoni ta’ proprjetà, u ma tikkostitwixxix deroga minn xi sistema fiskali bbażata fuq il-profitti. Il-Kummissjoni ma identifikatx il-punt ta’ referenza li meta mqabbla miegħu r-riforma tagħti vantaġġ selettiv. Hija ħalltet u ddeformat iż-żewġ elementi tar-riforma, jiġifieri t-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, minn naħa, u l-limitu ta’ 15 %, min-naħa l-oħra, billi trattat element wieħed daqs li kieku kien jikkostitwixxi r-regola ġenerali u l-ieħor daqs li kieku kien eżenzjoni minn din ir-regola ġenerali jew viċiversa, u billi ma trattathomx bħala żewġ elementi ta’ importanza ugwali għall-funzjonament tal-mekkaniżmu fiskali propost minn Ġibiltà.. Fl-istess sens, ir-Renju Unit isostni li, skont is-sistema fiskali introdotta mir-riforma, il-fatt li jiġġenera l-issuġġettar għat-taxxa huwa l-impjegar bi profitt ta’ impjegat jew l-użu bi profitt ta’ beni immobbli.

120    Riward il-kundizzjoni li jsir profitt qabel l-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT, ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura selettiva tagħha fuq il-livell materjali billi jsostnu li l-kumpanniji li ma jagħmlux profitt mhumiex eżenti minn kwalunkwe piż fiskali li japplika normalment. Il-ħtieġa ta’ profitt ma tikkostitwixxix eżenzjoni jew deroga minn sistema komuni ta’ tassazzjoni u għalhekk ma tistax tkun ikkunsidrata bħala selettiva.

121    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni, barra minn hekk, li ma identifikatx il-benefiċjarji tal-miżura fiskali inkwistjoni skont kif jeħtieġ l-Artikolu 87(1) KE. F’dan il-każ, il-kumpanniji benefiċjarji tal-kundizzjoni li jsir profitt, jiġifieri dawk li ma jagħmlux profitt matul sena partikolari, jistgħu biss ikunu identifikati abbażi taċ-ċirkustanzi temporanji li huma jaffaċċjaw jew minħabba r-riżultati attwali, li joħloq grupp varjabbli ta’ kumpanniji li jista’ jinbidel b’mod sinjifikattiv minn sena għall-oħra. Issa, il-ġurisprudenza teħtieġ li grupp ta’ impriżi li jista’ jiġi definit u previst b’mod suffiċjenti jkun iffavorizzat minn miżura ġenerali ta’ tassazzjoni bħall-ħtieġa li jsir profitt, sabiex din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

122    Ir-rikorrenti jsostnu, sussidjarjament, li l-kundizzjoni li jsir profitt hija ġġustifikata min-natura u l-iskema ġenerali tar-riforma fiskali u taħrab, għalhekk, mill-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, ir-riforma fiskali hija bbażata fuq il-prinċipju li t-taxxa għandha tkun imħallsa fuq id-dħul u mhux fuq il-kapital tal-kumpannija. It-tassazzjoni tal-kumpanniji li ma jagħmlux profitt twassal għat-tassazzjoni fuq il-kapital tal-kumpannija tagħhom, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ bażi tar-riforma fiskali.

123    Rigward il-limitu ta’ 15 % tal-profitt applikat għall-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, ir-rikorrenti jsostnu li dan mhuwiex selettiv, minħabba li ma jiffavorixxix la ċerti kategoriji definiti ta’ impriżi u lanqas il-produzzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ merkanzija. Dan il-limitu huwa ta’ applikazzjoni ġenerali għall-impriżi kollha ta’ Ġibiltà. F’dan ir-rigward ukoll, huwa impossibbli li jkun previst minn qabel jekk ċerti impriżi jibbenefikawx minn dan il-limitu u, fl-affermattiv, liema. Dan il-limitu jagħmel parti mis-sistema komuni ta’ tassazzjoni bl-istess mod bħall-impjegar tal-impjegati u l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju u ma jikkostitwixxix deroga mill-imsemmija skema.

124    Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-limitu ta’ 15 % tal-profitt huwa ġġustifikat min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema. Fil-fatt, huma jikkunsidraw dan il-limitu bħala fattur ta’ digressjoni tas-sistema introdott permezz tar-riforma fiskali u jsostnu li l-Kummissjoni m’għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat l-eżenzjoni fiskali li tkopri l-ammont ta’ taxxa li jaqbeż l-imsemmi limitu. Il-Gvern ta’ Ġibiltà jiġġustifika wkoll l-introduzzjoni tal-limitu bil-bżonn li tkun evitata sovratassazzjoni tal-kumpanniji li tista’ twassal għal tkeċċijiet u għal instabbiltà fil-perijodi ċikliċi ta’ fluttwazzjonijiet fis-suq jew ta’ depressjoni.

125    Fl-aħħar nett, rigward it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, billi tikkritika l-għażla mill-Gvern ta’ Ġibiltà tal-bażi ta’ tassazzjoni, jiġifieri l-ħaddiema u l-okkupazzjoni tal-art, tikkontesta fil-verità n-natura stess tas-sistema fiskali ġenerali maħsuba mill-Gvern ta’ Ġibiltà, billi tidħol b’hekk fuq il-prerogattivi tal-Istati Membru dwar il-ħolqien ta’ politika fiskali li taqblilhom l-aħjar. Il-fatt li l-kumpanniji li ma jimpjegawx ħaddiema u ma jokkupawx proprjetà tan-negozju f’Ġibiltà mhumiex intaxxati ma jikkostitwixxix deroga minn taxxa “normali”; din is-sitwazzjoni tirriżulta sempliċement min-natura tas-sistema fiskali ġenerali ta’ Ġibiltà.

126    Skont ir-rikorrenti, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, skont il-Kummissjoni, l-uniku metodu ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji li jista’ jkun ikkunsidrat b’mod validu bħala ġenerali huwa sistema bbażata fuq it-tassazzjoni tal-profitt tal-kumpanniji. Il-Kummissjoni jidher li trid tistabbilixxi skema “normali” ta’ tassazzjoni minn perspettiva Komunitarja, jiġifieri skema bbażata fuq it-tassazzjoni ta’ profitti, sabiex tikkonkludi li kull diverżjoni minnha tista’ tkun ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat. Dan l-approċċ tal-Kummissjoni jirrendi illużorju l-poteri tal-Istati Membri fil-qasam fiskali u huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni.

127    Sussidjrajament, ir-rikorrrenti jsostnu li l-użu tal-ħaddiema u tal-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju bħala bażi ta’ tassazzjoni huwa ġġustifikat min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali li l-Gvern ta’ Ġibiltà jrid jistabbilixxi. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit jenfasizza n-neċessità għal Ġibiltà li tistabbilixxi taxxa li hija sempliċi u faċli biex tinġabar minn amministrazzjoni fiskali b’persunal limitat, filwaqt li l-Gvern ta’ Ġibiltà jressaq il-karatteristiċi speċifiċi tal-ekonomija ta’ Ġibiltà, jiġifieri riżorsi ta’ ħaddiema limitati, dipendenza sinjifikattiva fil-konfront tal-ħaddiema li jiġu kuljum minn Spanja u spazju territorjali limitat.

128    Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li l-applikazzjoni, potenzjalment wiesgħa, tal-kriterju ta’ selettività materjali kif meqjus fid-deċiżjoni kkontestata hija ġġustifikata fid-dawl tal-ġurisprudenza, li minnha jirriżulta li miżuri apparentement miftuħa għall-operaturi ekonomiċi kollha ta’ territorju partikolari huma xorta waħda ta’ natura selettiva meta jiffavorixxu fil-fatt uħud minn dawn l-operaturi jew kategorija speċifika ta’ dawn l-operaturi. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll, fid-dawl tal-ġurisprudenza, l-allegata neċessità li jkunu identifikati b’mod preċiż u prevedibbli l-benefiċjarji tar-riforma fiskali.

129    Rigward in-natura selettiva tal-kundizzjoni li jsir profitt u tal-limitu ta’ 15 % tal-profitti, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li hija tat lil wieħed mill-elementi tar-riforma fiskali iktar importanza milli lill-ieħor. Hija tikkunsidra, għall-kuntrarju, li din ir-riforma toħloq sistema ibrida fis-sens li l-profit magħmul minn kumpannija huwa element kapitali fl-applikazzjoni ta’ dak li fl-apparenza huwa taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u BPOT.

130    Il-Kummissjoni tirrileva li kull element tal-imsemmija sistema għandu l-effett li jneħħi, għal ċertu impriżi, l-issuġġettar għat-taxxa li jqum normalment mill-element l-ieħor. B’mod iktar partikolari, kumpannija tista’ tkun estremament profittabbli, imma jekk tieħu l-forma ta’ dik li llum hija msejħa “kumpannija eżenti”, hija ma jkollha bżonn la proprjetà u lanqas impjegati, għalhekk, prattikament ma tkunx taxxabbli. Kuntrarjament, kumpannija jista’ jkollha impjegati u tokkupa proprjetà, imma jekk ma tagħmilx profitt, ir-riforma fiskali tippermettilha xorta waħda ma tħallasx taxxa..

131    Il-karattru ibridu tar-riforma fiskali jirrendi n-natura u l-iskema ġenerali tagħha indixxernibbli. Filwaqt li, skont ir-rikorrenti, il-ħaddiema u l-art huma żewġ fatturi ta’ produzzjoni rari f’Ġibiltà, għandu jkun konkluż li dawn ir-riżorsi limitati għandhom ikunu imposti mingħajr eżenzjonijiet jew limiti, sabiex jiġi garantit li jkunu allokati għall-użu l-iktar effikaċi. Skont din il-loġika allegata tar-riforma fiskali, il-kundizzjoni li jsir profitt qabel l-issuġġettar għal kull tassazzjoni u l-kundizzjoni tal-limitu ta’ 15 % tal-profitti ma jinftehmux u, għalhekk, in-natura selettiva ta’ dawn iż-żewġ aspetti tar-riforma fiskali ma tistax tkun iġġustifikata min-natura u l-iskema ġenerali tal-imsemmija riforma.

132    Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll li l-limitu ta’ 15 % tal-profitti jista’ jkun iġġustifikat bħala aġġustament tekniku intiż sabiex jiggarantixxi n-natura digressiva tat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u tal-BPOT.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta barra minn hekk kemm l-allegata neċessità li t-taxxa tkun miġbura fuq il-qligħ u mhux fuq il-kapital tal-kumpannija kif ukoll l-allegata neċessità li l-livell ta’ tassazzjoni m’għandux jeċċedi l-kunsens tal-persuna taxxabbli li tħallas.

134    F’dak li jirrigwarda l-ewwel minn dawn il-ġustifikazzjonijiet, il-Kummissjoni tesprimi l-inkapaċità tagħha li tifhem ir-raġuni għalfejn il-Gvern ta’ Ġibiltà għażel is-soluzzjoni ta’ taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u ta’ BPOT suġġetta għal-limitu ta’ 15 % tal-profitti. Dawn it-taxxi għandhom min-natura tagħhom portata ristretta, u l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għad-dħul fiskali miġbur mill-kumpanniji ta’ Ġibiltà hija iktar limitata bir-regola tal-15 %.

135    F’dak li jirrigwarda t-tieni minn dawn il-ġustifikazzjonijiet, il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjonijiet imposti fuq il-ġbir ta’ dħul fiskali li huma dovuti għal-limiti tal-kunsens tal-persuni taxxabbli li jħallsu t-taxxa huma mnaqqsa billi jiġi mmodifikat il-livell ta’ tassazzjoni. Jekk ammont ta’ GBP 3 000 kull sena u għal kull impjegat huwa kkunsiderat bħala livell adattat għal taxxa miġbura fuq ir-riżorsa rara li jikkostitwixxu l-ħaddiema f’Ġibiltà, xejn fin-notifika tar-riforma fiskali ma jispjega għal-liema raġuni persuna li tħaddem li tuża l-ħaddiema b’mod ineffiċjenti għandha tkun ivvantaġġata bl-eżenzjoni effettiva mit-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati bi skambju ma’ taxxa ta’ 15 % fuq il-profitti.

136    Rigward in-natura selettiva inerenti tat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u tal-BPOT, il-Kummissjoni tinnota li l-argument, li hija tfittex li tattakka n-natura stess tas-sistema fiskali li l-Gvern ta’ Ġibiltà jixtieq jistabbilixxi, ma jagħmel xejn ħlief li jqajjem id-domanda fundamentali f’dan il-każ, li hija li jkun magħruf jekk ir-riforma fiskali hijiex effettivament skema ġenerali ta’ tassazzjoni. Hija tfakkar li, skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-riforma fiskali hija materjalment selettiva min-natura tagħha, għaliex din tuża t-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT bħala bażijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji f’ekonomija bħal dik ta’ Ġibiltà, li għandha settur offshore kbir kompost minn kumpanniji mingħajr impjegati u lanqas proprjetà.

137    Mhuwiex eżatt li jkun ikkunsidrat li dawn il-kumpanniji huma identifikabbli biss minħabba ċirkustanzi temporanji jew tibdil fiċ-ċiklu ekonomiku. Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm, wara r-riforma fiskali l-istatus tal-kumpannija eżentata għandu jisparixxi, din ir-riforma żżomm l-istess karatterstiċi li llum irendu attraenti l-istabbiliment ta’ kumpannija eżenti. Skont il-Kummissjoni, ma hemm xejn temporanju fis-sitwazzjoni tal-kumpanniji li, min-natura tagħhom, jiffunzjonaw mingħajr preżenza fiżika u mingħajr impjegati.

138    Il-Kummissjoni tikkunsidra, ukoll, li l-vantaġġi tal-iskema mhumiex effettivament miftuħa għall-kumpanniji kollha bl-istess mod u tikkontesta l-ġustifikazzjoni misluta min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema. Hija tippreċiża li din l-allegata ġustifikazzjoni ma setgħetx tkun eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-konstatazzjoni f’din id-deċiżjoni li kien impossibbli li tkun żvelata l-eżistenza ta’ skema ġenerali minħabba n-natura ibrida tar-riforma fiskali. Hija tikkunsidra li l-fatt li r-riforma twassal għall-iffissar ta’ rati ta’ tassazzjoni differenti għal tipi differenti ta’ impriżi jeskludi l-possibbiltà li r-riforma tista’ tkun ġġustifikata minħabba n-natura u l-iskema ġenerali tagħha. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ din il-ġustifikazzjoni u tikkonkludi li xejn fin-natura u l-iskema ġenerali tar-riforma fiskali ma jiġġustifika l-esklużjoni selettiva mit-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ numru daqshekk għoli ta’ kumpanniji li għandom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom f’Ġibiltà.

139    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li r-riforma proposta minn Ġibiltà hija selettiva fuq il-livell materjali. Essenzjalment, huwa jikkunsidra bħala selettiv il-fatt li l-karatteristiċi differenti tar-riforma fiskali ma japplikawx bl-istess mod għas-setturi kollha ta’ attività ekonomika, li jkollu bħala konsegwenza li ċerti setturi, a priori identifikabbli, ikunu sottomessi għal rati globali ta’ tassazzjoni iktar baxxi minn oħrajn.

140    Ir-Renju ta’ Spanja jallega wkoll li l-kundizzjoni li jkun hemm profitt hija wkoll estranja għan-natura tat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u tal-BPOT, li jwassal sabiex ikun konkluż li din il-kundizzjoni tfittex li tintroduċi element ta’ selettività materjali fis-sistema fiskali proposta minn Ġibiltà. Huwa jikkontesta wkoll il-ġustifikazzjoni tal-allegata selettività tar-riforma fiskali bin-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

141    Rigward il-kundizzjoni dwar in-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti minn miżura fiskali kkontestata, jaqbel li jitfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jeżiġi li jkun determinat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq).

142    L-istħarriġ ġudizzjarju fuq l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward huwa, prinċipalment, stħarriġ komplet, fid-dawl tal-fatt li l-kunċett ta’ għajnuna, kif definit fit-Trattat u li l-kundizzjoni ta’ selettività hija element kostituttiv tiegħu, huwa kunċett ġuridiku u għandu jkun interpretata fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 25; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T‑296/97, Ġabra p. II‑3871, punt 95, u tas-17 ta’ Ottubru 2002, Linde vs Il-Kummissjoni, T‑98/00, Ġabra p. II‑3961, punt 40).

143    Issa, kif iddikjarat il-Kummissjoni stess fil-punt 16 tal-komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-tassazzjoni diretta tal-kumpanniji, il-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżura fiskali bħala selettiva tissoponi, neċessarjament, l-ewwel nett, l-identifikazzjoni u l-eżami preliminari minnha tal-iskema komuni jew “normali” tas-sistema fiskali applikabbli fiż-żona ġeografika li tikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza rilevanti. Huwa fir-rigward ta’ din is-sistema fiskali komuni jew “normali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li l-Kummissjoni għandha, it-tieni nett, tevalwa u tistabbilixxi n-natura selettiva eventwali tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni billi turi li din il-miżura tidderoga mill-imsemmija skema komuni, inkwantu din tintroduċi differenzazzjoni bejn operaturi ekonomiċi li jinsabu, f’sitwazzjoni fattwali u legali komaparbbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 100; tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Beljġu u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 120, u s-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, punt 56; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, Ġabra p. I‑887, I‑903, punti 50 sa 72).

144    Jekk il-Kummissjoni tkun eżaminat u wriet, fil-kuntest tal-ewwel żewġ stadji tal-evalwazzjoni tagħha previsti fil-punt 143 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ derogi mis-sistema fiskali komuni jew “normali” li għandha bħala konsegwenza differenzazzjoni bejn impriżi, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li tali differenzazzjoni mhijiex madankollu selettiva, meta tirriżulta min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema ta’ ħlas li taqa’ taħtha. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, il-Kummissjoni għandha tivverfika, it-tielet nett, jekk il-miżura statali inkwistjoni hijiex ta’ natura selettiva, anki jekk din tagħti vantaġġ lill-impriżi li jistgħu jgawdu minnha (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 78 iktar ’il fuq, punt 42; tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 52, u sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, punt 52). Issa, f’dan ir-rigward, fid-dawl tan-natura derogatorja u a priori selettiva tad-differenzazzjonijiet previsti meta mqabbla mas-sistema fiskali komuni jew “normali”, huwa l-Istat Membru li għandu juri li dawn id-differenzazzjonijiet huma ġġustifikati min-natura u mill-iskema ġenerali tas-sistema fiskali tiegħu inkwantu dawn jirriżultaw direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida tal-imsemmija sistema. F’dan il-kuntest, għandha ssir distinzjoni bejn, min-naħa, l-għanijiet assenjati lil sistema fiskali partikolari u li huma estrinsiċi għaliha, u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali stess li huma neċessarji sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, punt 81).

145    Jaqbel madankollu li jingħad ukoll li, jekk il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-ewwel u t-tieni partijiet tal-istħarriġ tan-natura selettiva ta’ miżura (ara l-punt 143 iktar ’il fuq), hija ma tistax tibda t-tielet u l-aħħar stadju tal-evalwazzjoni tagħha għaliex inkella tmur lil hinn mil-limiti ta’ dan l-istħarriġ. Fil-fatt, tali approċċ jista’, minn naħa, jippermetti lill-Kummissjoni tassumi r-rwol tal-Istat Membru għal dik li jikkonċerna d-determinazzjoni tas-sistema fiskali tiegħu u tas-sistema komuni jew “normali” tiegħu, inkluż f’dak li jirrigwarda l-għanijiet, il-mekkaniżmi inerenti għal tali sistema sabiex dawn tal-aħħar jintlaħqu u l-bażijiet ta’ tassazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, jpoġġi b’hekk lill-Istat Membru fl-impossibbiltà li jiġġustifika d-differenzazzjonijiet inkwistjoni abbażi tan-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali nnotifikata, peress li l-Kummissjoni ma tkunx identifikat minn qabel l-iskema komuni jew “normali” taħt dik is-sistema u lanqas stabbiliet minn qabel in-natura derogatorja tal-imsemmija differenzazzjonijiet.

146    Issa, rigward id-determinazzjoni tas-sistema fiskali inkwistjoni, għandu jkun ikkonstatat li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt Komunitarju, it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar u l-entitajiet infrastatali li jiddisponu minn awtonomija suffiċjenti fir-rigward tal-gvern ċentrali, kif definita fis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores, punt 42 iktar ’il fuq, huma biss kompetenti sabiex jistabbilixxu sistemi ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li huma jikkunsidraw l-aħjar adattati għall-bżonnijiet tal-ekonomiji tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C‑204/90, Ġabra p. I‑249, punt 23, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, Ġabra p. I‑11673, punt 50; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 54; ara, wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, I‑10839, punti 23 u 24). Barra minn hekk, kif jirriżulta wkoll, essenzjalment, mill-punt 13 tal-komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-tassazzjoni diretta tal-impriżi, l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat hija bla ħsara għall-poter tal-Istati Membri li jagħżlu l-politika ekonomika tagħhom u, għalhekk, is-sistema fiskali u l-iskema komuni jew “normali” tagħhom li huma jiġġudikaw l-aktar xierqa u, partikolarment, li jqassmu kif jaraw li xieraq l-piż fiskali fuq id-differenti fatturi ta’ produzzjoni u setturi ekonomiċi.

147    Jaqbel li jiġi vverifikat issa, jekk f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonformatx ruħha ma’ dawn il-prinċipji meta evalwat in-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni.

1.     Premessi rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata

148    Għandu jiġi mfakkar li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li tliet aspetti tas-sistema fiskali introdotta bir-riforma jagħtu vantaġġi selettivi lill-kumpanniji li jibbenefikaw minnha u huma għalhekk jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, jiġifieri, l-ewwel nett, il-kundizzjoni li l-kumpannija tagħmel profitt qabel ma tkun suġġetta għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT, it-tieni nett, il-limitu ta’ 15% tal-profitti applikat għall-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT u, it-tielet nett, in-natura inerenti tat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT.

149    L-ewwel nett, rigward il-kundizzjoni li l-kumpannija tagħmel profitt, fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikkjarat li din il-kundizzjoni “taġixxi bħala eżenzjoni għall-impriżi li ma jagħmlux profitt u tikkostitwixxi vantaġġ li jeħlishom mill-issuġġettar għat-taxxa fuq [in-numru ta’ impjegati] u [għall-BPOT] li normalment huma għandhom iħallsu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

150    Il-Kummissjoni żiedet li din l-eżenzjoni mit-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u mill-BPOT kienet selettiv peress li din tapplika biss għall-impriżi li ma jagħmlux profitt (premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

151    B’risposta għall-argument tar-Renju Unit li, anki jekk jingħad li l-eżenzjoni ta’ impriżi li ma jagħmlux profitt hija selettiva, din hija ġġustifikata bin-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“Filwaqt li l-eżenzjoni ta’ impriżi li ma jagħmlux profitt hija karatteristika intrisika ta’ sistema bbażata fuq it-tassazzjoni tal-profitti, dan mhuwiex il-każ meta t-taxxa hija miġbura abbażi tan-numru ta’ impjegati jew fuq l-użu għan-negozju ta’ proprjetà. Dawn is-sistemi ġew maħsuba b’mod li tkun stabbilita bażi ta’ tassazzjoni kompletament differenti għall-kumpanniji. Bħala eżempju, mil-loġika interna ta’ sistema ta’ taxxa fuq [in-numru ta’ impjegati] jirriżulta li kull wieħed mill-impjegati għandu obbligu fiskali korrispondenti taħt it-taxxa fuq [in-numru ta’ impjegati] għall-impriża li timpjegah [...]. Anki jekk taxxa fuq [in-numru ta’ impjegati] kienet ġiet introdotta sabiex tissostitwixxi taxxa fuq il-profitti (dan l-argument mhuwiex imressaq mir-Renju Unit), xorta jibqa’ inerenti għal-loġika ta’ sistema ta’ tassazzjoni skont [in-numru ta’ impjegati] li l-kumpanniji li ma jagħmlux profitt jkunu suġġetti għat-taxxa. L-użu [tan-numru ta’ impjegati] sabiex tiġi sostitwita l-profittabbiltà jneħħi l-ħtieġa li jkunu aċċertati l-profitti jew jevita b’hekk diffikultajiet. Dan mhuwiex il-każ f’Ġibiltà fejn, fil-kuntest tar-riforma, il-miżura tal-profitti tal-impriżi hija waħda mill-bażijiet tar-regoli tal-kalkolu tat-taxxa fuq [in-numru tal-impjegati] u tat-taxxa supplimentari.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

152    Barra minn hekk, b’risposta għall-allegazzjoni tar-Renju Unit li s-sistema fiskali introdotta bir-riforma hija bbażata fuq l-użu bi profitt ta’ ħaddiema u hija għalhekk koerenti, il-Kummissjoni qalet, fil-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“Din l-allegazzjoni tissuġġerixxi l-eżistenza ta’ sistema ibrida, li fiha żewġ bażijiet ta’ tassazzjoni differenti huma użati skont is-sitwazzjoni tal-impriżi. F’dawn il-kundizzjonijiet, isir impossibbli li jkunu magħrufa n-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema u li tkun użata din il-ġustifikazzjoni. B’mod partikolari, ma jistax ikun ikkunsidrat li kull karatteristika partikolari ta’ sistema tagħmel parti mis-sistema ġenerali, peress li dan ikun ifisser li tkun aċċettata ġustifikazzjoni awtomatika ta’ din is-sistema.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

153    It-tieni nett, rigward il-limitu ta’ 15 % tal-profitti applikat għall-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT, il-Kummissjoni ddikjarat li konsegwenza tal-istabbiliment tiegħu “[kienet] li l-kumpanniji li jagħmlu profitt li l-obbligu fiskali tagħhom kieku jeċċedi dan il-limitu [kienu] eżentati mit-taxxa li huma kien ikollhom iħallsu ’lil hinn minn dan il-perċentwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-Kummissjoni, “[d]an it-tnaqqis fiskali jikkostitwixxi vantaġġ għall-impriżi li jibbenefikaw minnu inkwantu jeħlishom minn piż li normalment kien ikollhom isostnu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

154    Il-Kummissjoni kompliet billi affermat li dan il-limitu ta’ 15 % kien selettiv minħabba li numru ristrett biss ta’ impriżi jibbenefikaw minn tnaqqis fiskali b’riżultat tal-applikazzjoni tiegħu. Skont il-Kummissjoni, “[i]l-benefiċjarji huma impriżi li jimpjegaw ħafna ħaddiema, jiġifieri dawk li, għas-sena fiskali inkwistjoni, m’għandhomx ħafna profitt meta mqabbel man-numru ta’ impjegati tagħhom u mal-użu ta’ proprjetà tan-negozju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “[l-]applikazzjoni ta’ sistema fiskali esklużivament ibbażata fuq taxxa fuq [in-numru ta’ impjegati] u fuq taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju tista’ twassal għal livell ta’ tassazzjoni għoli ħafna għal dawn l-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata).

155    Fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-Renju Unit li anki jekk il-limitu ta’ 15 % kien selettiv, huwa ġġustifikat min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema li minnha huwa jagħmel parti, skont kif ġej:

“L-ebda element intrinsiku għal sistema ta’ tassazzjoni bbażata fuq l-użu bi profitt ta’ ħaddiema u fuq l-okkupazzjoni bi qligħ ta’ proprjetà tan-negozju ma jimponi li jkun iffissat limitu fuq il-parti tal-profitti li impriża għandha tħallas minħabba l-użu tagħha ta’ dawn l-elementi taxxabbli. Il-loġika inerenti ta’ tali sistema hija li iktar ma impriża timpjega persuni u iktar ma tokkupa proprjetà, iktar ikun kbir l-obbligu fiskali tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

156    Il-premessa 137 iċċitata iktar ’il fuq għandha tkun moqrija mal-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni, partikolarment, affermat, l-ewwel nett, li “[f]ilwaqt li s-sistemi konvenzjonali ta’ tassazzjoni tal-impriżi [kienu] jillimitaw il-parti tal-profitti mħallsa bħala taxxa permezz tal-iffissar tar-rati ta’ tassazzjoni (is-sistemi ta’ qsim ta’ tassazzjoni jinkludu rata massima), il-miżura teknika ekwivalenti f’sistema ta’ tassazzjoni fuq [in-numru ta’ impjegati kienet] ir-rata ta’ tassazzjoni għal kull impjegat iffissata, fil-każ ta’ Ġibiltà, għal rata uniformi ta’ GBP 3 000” [traduzzjoni mhux uffiċjali], it-tieni nett, li “[l-]introduzzjoni f’sistema ta’ taxxa bbażat fuq [in-numru ta’ ħaddiema] u fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju ta’ limitu ta’ 15 % marbut ma’ kriterju differenti, jiġifieri l-livell tal-profitti, ma tistax tkun imqabbla mal-applikazzjoni ta’ rati varjabbli f’sistema ta’ tassazzjoni progressiva tal-profitti, li hija ġġustifikata min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema” u, it-tielet nett, li “[d]an il-limitu ma [kienx] direttament marbut mal-ispejjeż salarjali jew relatati mal-proprjetà, imma pjuttost mal-profittabbiltà tal-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[d]in tal-aħħar [kienet] esterjuri għal taxxa fuq [in-numru ta’ impjegati] u għal taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

157    It-tielet nett, rigward it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti vantaġġ selettiv mogħti minn dawn, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

158    L-ewwel nett, fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikkjarat, essenzjalment li taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju setgħu jkunu kkunsidrati bħala selettivi meta kienu applikati fin-nuqqas ta’ sistema ġenerali ta’ taxxa fuq il-profitti tal-impriżi u kienu joperaw f’ekonomija, bħal dik ta’ Ġibiltà, ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ settur offshore sinjifikanti mingħajr preżenza fiżika li tevita kull taxxa bbażata fuq it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u t-taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju. Is-sistema fiskali ffurmata miż-żewġ taxxi ċċitati iktar ’il fuq, anki jekk tapplika formalment għall-impriżi kollha mingħajr diskriminazzjoni, fil-fatt tiffavorixxi l-impriżi eżenti attwali u tikkostitwixxi vantaġġ speċifiku favur l-impriżi li mhumiex realment preżenti f’Ġibiltà u li, minħabba f’hekk, mhumiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

159    Imbagħad, fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet, b’mod partikolari, li “din is-sistema, li kienet intiża biss għan-numru ta’ impjegati jew l-użu kummerċjali ta’ beni immobbli f’kuntest fejn numru kbir ta’ impriżi ma kellhom la impjegati u lanqas beni immobbli, m’għandhiex l-istess natura ġenerali bħat-tassazzjoni tal-profitti tal-impriżi, li kienet intiża sabiex tintaxxa r-riżultat tal-attività ekonomika fit-totalità tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[s]etgħet għalhekk tkun ikkunsidrata bħala selettiva, tal-anqas f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ preżenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

160    Fl-aħħar nett, fil-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qalet li r-riforma fiskali kienet tippreserva t-trattament fiskali favorevoli tal-kumpanniji li għandhom il-forma ġuridika ta’ kumpannija eżenti fis-sens tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ qabel ir-riforma. Abbażi tal-premessa li, bħala regola ġenerali, dawn il-kumpanniji mhumiex fiżikament preżenti f’Ġibiltà, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kumpanniji eżenti li ma jaqgħux taħt is-settur tas-servizzi finanzjarji jkomplu jkunu intaxxati b’rata effettiva ta’ żero, filwaqt li l-kumpanniji eżenti mis-settur tas-servizzi finanzjarji huma suġġetti għal taxxa ta’ 5 % tal-profitti tagħhom, fejn din ir-rata tirriżulta mill-applikazzjoni fil-konfront tagħhom tat-taxxa supplimentari (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Kuntrarjament, il-bqija tal-ekonomija ta’ Ġibiltà hija suġġetta għal limitu superjuri ta’ 15 jew ta’ 35 % tal-profitti magħmula.

161    Ir-raba’ u l-aħħar nett, jaqbel li jkun rilevat li, fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq it-tabella li ġejja:

“Tabella 1: Data fuq l-impriżi ta’ Ġibiltà

  

Rata ta’ tassazzjoni (f’%)

 

Numru

Attwali

Wara r-riforma

L-impriżi kollha (imqassma skont is-settur)

29 000

  

         Servizzi finanzjarji

179

0-35

5-15 (3)

         Impriżi ta’ netwerk

23

35

35

         Oħrajn

28 798

0-35

0-15

L-impriżi kollha (imqassma skont id-dħul)

29 000

  

         Bi dħul

10 400

0-35

0-15 (1)

         Mingħajr dħul

18 600

---

---

Impriżi bi dħul (imqassma skont l-istatus)

10 400

  

         Mhux [eżenti]

1 400

0-35

0-15 (1)

         [Eżenti]

9 000

0

0-5 (2) (3)

Mhux [eżenti] bi dħul (imqassma skont il-profitti)

1 400

  

         Bi profitt

[900]

0-35

0-15 (1)

         Mingħajr profitt

500

---

---

Mhux [eżenti] bi dħul (imqassma skont l-istatus)

1 400

  

         [Li jikkwalifikaw]

140

2-10 (4)

0-15

         Mhux eliġibbli

1 260

35 (5)

0-15

         Impriżi ta’ netwerk

23

35

35

Eżenti bi dħul (imqassma skont is-settur)

9 000

  

         Servizzi finanzjarji

70

0

5 (2) (3)

         Servizzi mhux finanzjarji

8 930

0

0 (2)


(1)         Bil-preżunzjoni li t-taxxa supplimentari fuq is-servizzi finanzjarji hija ta’ 5 %.

(2)         Minbarra impriżi ta’ netwerk, li huma intaxxati bi 35 %.

(3)         Bil-preżunzjoni li dawn huma intaxxati bir-rata standard sħiħa tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

(4)         Il-parti l-kbira tal-[impriżi li jikkwalifikaw]. Uħud minnhom għandhom rata ta’ tassazzjoni li taqa’ barra din il-kategorija.

(5)         Bil-preżunzjoni li [l-kumpanniji eżenti] mhumiex fiżikament preżenti f’Ġibiltà u għalhekk mhumiex suġġetti għat-taxxa fuq [in-numru ta’ impjegati] jew għat-taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

162    Minn dan il-Kummissjoni iddeduċiet, fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“It-tabella 1 turi kif ċerti setturi definiti b’mod ċar tal-ekonomija ta’ Ġibiltà huma affettwati mill-implementazzjoni tar-riforma fuq il-livell fiskali. Għalkemm il-Kummissjoni tirrikonoxxi li bir-riforma, id-distinzjoni formali bejn l-ekonomija offshore u onshore ma tibqax issir, il-paragun tat-tassazzjoni jservi sabiex tintwera n-natura intrinsikament selettiva tas-sistema fiskali proposta. Tipi differenti ta’ impriżi jkunu suġġetti għal rati ta’ tassazzjoni differenti, fatt li jikkostitwixxi element supplimentari li jikkonferma li s-sistema proposta tagħti vantaġġi selettivi lis-setturi li jibbenefikaw mir-rati inqas għoljin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2.     Fuq l-għoti ta’ vantaġġ selettiv mill-aspetti kkontestati tar-riforma

163    Fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sistema fiskali u tal-iskema komuni jew “normali” tagħha f’dan il-każ, jirriżulta mill-proċessi u mill-premessi 5, 6, 10, 12 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata li Ġibiltà ddeċidiet li tabolixxi, permezz tar-riforma fiskali, it-taxxa fuq il-profitti tal-impriżi, bl-eċċezzjoni tat-taxxa supplimentari fuq l-impriżi ta’ netwerk u l-kumpanniji ta’ servizzi finanzjarji, u li tissostitwiha biż-żewġ taxxi kkontestati, jiġifieri t-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT. Fl-istess ħin, hija ddeċidiet li tillimita l-issuġġettar għaż-żewġ taxxi ċċitati iktar ’il fuq għal 15 % tal-profitti. Skont l-affermazzjonijiet tal-Gvern ta’ Ġibiltà matul il-proċedura amministrattiva, iż-żewġ taxxi kkontestati jikkostitwixxu b’hekk is-sistema fiskali ġdida “ġenerali” l-ġdida tal-kumpanniji introdotta bir-riforma fiskali.

164    Matul il-proċedura amministrattiva u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Gvern ta’ Ġibiltà ssottometta li l-għażla tal-ħaddiema u tal-okkupazzjoni ta’ proprjetà għal skopijiet ta’ negozju bħala bażijiet ta’ tassazzjoni kienet ikkunsidrat bħala essenzjali fid-dawl tal-karatteristiċi tal-ekonomija ta’ Ġibiltà jiġifieri, riżorsi limitati ta’ ħaddiema, dipendenza sinjifikativa fil-konfront tal-ħaddiema li jiġu kuljum minn Spanja, numru kbir ta’ impriżi żgħar u n-neċessità li jkunu introdotti taxxi sempliċi fid-dawl tal-limiti operazzjonali tal-amministrazzjoni ta’ Ġibiltà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkontestatx ir-rarità taż-żewġ fatturi ta’ produzzjoni koperti mit-taxxi kkontestati, jiġifieri l-ħaddiema u l-art.

165    Il-Gvern ta’ Ġibiltà sostna wkoll, matul il-proċeduri amministrattivi u kontenzjużi, li l-limitu ta’ 15 % tal-profitti applikat għall-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT huwa mmotivat mir-rieda li t-tassazzjoni tkun ibbażata fuq il-prinċipju tal-kapaċità kontributtiva u li tkun evitata sovratassazzjoni tal-kumpanniji li tista’ twassal għal tkeċċijiet, instabbiltà serja f’ekonomija żgħira bħal dik ta’ Ġibiltà u għal telf sussegwenti fil-livell tad-dħul fiskali.

166    Huwa paċifiku li l-limitu ta’ 15 % tal-profitti jintroduċi impliċitament kundizzjoni preliminari għall-issuġġettar għat-taxxa msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri dik li l-kumpannija tagħmel profitt qabel ma tkun suġġetta għall-imsemmija tassazzjoni. Il-Gvern ta’ Ġibiltà sostna, matul il-proċeduri amministrattivi u kontenzjużi, li l-profitabbiltà hija kundizzjoni sine qua non għall-issuġġettar għal kull tassazzjoni imma li din ma tikkostitwixxix bażi ta’ tassazzjoni. Huwa sostna wkoll, matul dawn il-proċeduri, li l-introduzzjoni ta’ dan il-limitu hija mmotivata mir-rieda li t-tassazzjoni tkun ibbażata fuq il-prinċiju tal-kapaċità ta’ ħlas tal-kumpanniji u r-rieda li jiġi evitat li din tkun ittrasformata f’taxxa fuq il-kapital tal-kumpanniji.

167    Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Gvern ta’ Ġibiltà ddeskriva r-riforma fiskali bħala li hija bbażata fuq żewġ kolonni, l-art u l-impjieg bħala bażijiet tat-taxxa b’limitu tad-dejn fiskali għal 15 % tal-profitti u sostna li jekk waħda minn dawn il-kolonni tar-riforma tkun imneħħija, il-mekkaniżmu fiskali propost għal Ġibiltà jaqa’.

168    Fl-aħħar nett, il-gvern ta’ Ġibiltà jsostni, essenzjalment, li l-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq tar-riforma fiskali, jiġifieri t-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati, il-BPOT, il-limitu ta’ 15 % tal-profitti u l-kundizzjoni, li toħroġ impliċitament mill-introduzzjoni tal-limitu ta’ 15 % tal-profitti, li l-kumpannija tagħmal profitt bħala kundizzjoni preliminari għall-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT, jikkostitwixxu sistema fiskali fiha nnifisha li jaqbel li tkun trattata bħala li hija s-sistema fiskali komuni jew “normali” introdotta bir-riforma fiskali fit-territorju ta’ Ġibiltà.. Fil-kuntest ta’ din l-iskema, m’hemmx rati “normali” ta’ tassazzjoni u m’hemmx taxxa “prinċipali” u taxxa “sekondarja” jew “derogatorja”. Il-piż fiskali ta’ kumpannija matul sena partikolari huwa ddeterminat abbażi taż-żewġ elementi li ġejjin li jinteraġixxu: in-numru ta’ impjegati u s-superfiċje tal-art okkupata mill-kumpannija, minn naħa, u l-profitti magħmula minnha, min-naħa l-oħra.

169    Ir-Renju Unit isostni, essenzjalment, il-pożizzjoni tal-Gvern ta’ Ġibiltà dwar is-sistema fiskali komuni jew “normali” introdotta mir-riforma, billi jsostni, b’mod partikolari, li, skont din l-iskema, il-fatt li jiġġenera l-issuġġettar għat-taxxa huwa l-impjegar bi profitt ta’ impjegat jew l-użu bi profitt ta’ beni immobbli (ara l-punt 119 iktar ’il fuq).

170    Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet pprovduti mill-Gvern ta’ Ġibiltà u mir-Renju Unit, mill-proċedura amministrattiva ’il quddiem, il-Kummissjoni ma setgħetx tirrinunzja milli twettaq id-dmir tagħha, kif deskritt fil-punt 143 iktar ’il fuq, li tidentifika preliminarjament u, fejn japplika, li tikkontesta l-klassifikazzjoni mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà tal-iskema komuni jew “normali” tas-sistema fiskali nnotifikata. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ identifikazzjoni u ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija skema, il-Kummissjoni ma tistax tistabbilixxi, skont kif meħtieġ mil-liġi, li wħud mill-elementi tas-sistema fiskali nnotifikata huma ta’ natura derogatorja, u għalhekk a priori selettiva, fir-rigward tal-iskema komuni jew “normali” tagħha. Bl-istess mod, f’dawn il-kundizzjonijiet, huwa wkoll impossibbli għall-Kummissjoni li tevalwa korrettement jekk differenzjazzjonijiet eventwali bejn impriżi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ miżura fiskali derogatorja mis-sistema fiskali komuni jew “normali” jistgħux ikunu ġġustifikati min-natura jew mill-iskema tas-sistema fiskali tal-Istat Membru kkonċernat, peress li l-Kummissjoni la identifikat u lanqas eżaminat minn qabel is-sistema komuni.

171    Issa, ma jirriżulta mill-ebda motiv tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni wettqet l-eżami preliminari indispensabbli, previst fil-punt 170 iktar ’il fuq, li jikkonsisti f’li jkun iddeterminat jekk id-differenti aspetti ikkontestati tas-sistema fiskali introdotta mir-riforma jistgħux jifformaw sistema fiskali komuni jew “normali” fiha nnifisha.

172    Kuntrarjament, rigward il-kundizzjoni li għandu jsir profitt u l-limitu ta’ 15 %, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat immedjatament in-natura derogatorja, u għalhekk a priori selettiva, ta’ dawn iż-żewġ aspetti tar-riforma, meta mqabbla mat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT (premessi 128, 129, 134 u 135 tad-deċiżjoni kkontestata) li hija b’hekk ikkunsidrat, impliċitament imma neċessarjament, bħala li jifformaw l-iskema komuni jew “normali” introdotta mir-riforma.

173    Barra minn hekk, rigward it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 157 sa 160 iktar ’il fuq) li l-Kummissjoni ma segwiet l-ebda stadju tal-analiżi dwar id-determinazzjoni tas-selettività billi naqset, l-ewwel nett, milli tidentifika u teżamina l-isema fiskali komuni jew “normali” li dawn iż-żewġ taxxi jidderegow minnha, it-tieni nett, milli turi l-eventwali natura derogatorja tagħhom u, it-tielet nett, milli tevalwa l-eventwali ġustifikazzjoni ta’ din l-allegata natura derogatorja permezz tan-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali introdotta mir-riforma.

174    Fil-fatt, huwa biss b’risposta għal argumenti tar-Renju Unit rigward l-eventwali ġustifikazzjoni tal-allegati differenzi bejn impriżi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-aspetti fiskali ċċitati iktar ’il fuq – jiġifieri fil-kuntest tat-tielet u l-aħħar stadju tal-analiżi dwar id-determinazzjoni tas-selettività (ara l-punt 144 iktar ’il fuq) – li l-Kummissjoni, minn naħa, affermat fil-premessi 131, 136 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjoni li jsir profitt u l-limitu ta’ 15 % kienu, essenzjalment, elementi estranji għal-loġika inerenti ta’ sistema fiskali bbażata fuq it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u fuq il-BPOT u, min-naħa l-oħra, invokat, fil-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod qasir u mhux ċar, l-“eżistenza ta’ sistema ibrida” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li huwa “impossibbli li jkunu magħrufa n-natura u l-iskema ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħha u tafferma li “ma jistax ikun ikkunsidrat li kull karatteristika partikolari ta’ sistema tagħmel parti mis-sistema ġenerali, peress li dan ikun ifisser li tkun aċċettata ġustifikazzjoni awtomatika ta’ din is-sistema” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tal-punti 145 u 146 iktar ’il fuq li, meta għamlet hekk, fid-dawl tal-kompetenza statali fil-qasam fiskali, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-istħarriġ tagħha.

175    Barra minn hekk, barra minn nuqqas ta’ rispett mill-Kummissjoni tal-kuntest ta’ analiżi dwar id-determinazzjoni tas-selettività, kif ikkonstatat iktar ’il fuq, la l-kunsiderazzjonijiet stipulati fid-deċiżjoni kkontestata, kif imsemmija fil-punt 174 iktar ’il fuq, u lanqas l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mir-Renju ta’ Spanja matul il-kawża ma huma biżżejjed sabiex tiġi ddubitata l-fondatezza tad-definizzjoni tal-iskema komuni jew “normali” tas-sistema fiskali nnotifikata.

176    L-ewwel nett, l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li huwa inerenti għal-loġika ta’ sistema ta’ tassazzjoni bbażata fuq it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati jew fuq il-BPOT li l-kumpanniji li ma jagħmlux profitt jkunu suġġetti għat-taxxa (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata) jew li l-piż fiskali tal-kumpanniji intaxxati jipprogressa b’mod lineari skont il-progress lineari tal-ħaddiema impjegati u tas-superfiċje tal-art okkupata, fejn kull limitu għal dan il-piż abbażi tal-profitti magħmula huwa kkunsidrat bħala derogatorju (premessi 136 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata), waħedhom , ma jistgħux jikkompromettu l-fondatezza ta’ din id-definizzjoni.

177    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kkontestatx biżżejjed skont il-liġi, l-argument tal-Gvern ta’ Ġibiltà li l-kundizzjoni li jsir profitt hija inerenti għal-loġika ta’ sistema ta’ tassazzjoni skont in-numru ta’ impjegati u l-użu tas-superfiċje tal-art okkupata, minħabba li din tikkorrispondi għal għan fundamentali tal-imsemmija sistema, jiġifieri dak li l-kumpanniji li ma jagħmlux profitt ma jkunux suġġetti għat-taxxa. Għalhekk, il-Kummissjoni ma wrietx li dan in-nuqqas ta’ suġġettar għat-taxxa ma kienx jista jkun ikkunsidrat bħala li jagħmel parti integrali mill-iskema komuni jew “normali” tas-sistema fiskali nnotifikata.

178    Barra minn hekk, għal raġunijiet analogi, il-Kummissjoni lanqas ma stabbiliet li l-awtoritajiet ta’ Ġibiltà ma kinux awtorizzati jistabbilixxu fit-territorju tagħhom, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam fiskali, sistema fiskali komuni jew “normali”, li tinkludi l-applikazzjoni ġenerali ta’ limitu ta’ tassazzjoni ta’ 15 % tal-profitti sabiex ikun evitat li l-impriżi jħallsu parti eċċessiva mill-profitti tagħhom f’taxxa. F’dan ir-rigward, is-sempliċi affermazzjoni tal-Kummissjoni li f’sistema fiskali kif proposta mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà, iktar ma impriża tkun timpjega persuni u iktar ma din tokkupa proprjetà, iktar l-obbligu fiskali tagħha għandu jkun kbir (premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata), mhijiex biżżejjed sabiex tqiegħed f’dubju l-fondatezza tal-għażla magħmula mill-imsemmija awtoritajiet rigward l-elementi li jikkostitwixxu l-iskema komuni jew “normali” tal-imsemmija sistema fiskali.

179    It-tieni nett, il-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni, fil-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tas-sistema fiskali introdotta mir-riforma bħala “ibrida” [traduzzjoni mhux uffiċjali] huwa biss mod kif tkun deskritta l-imsemmija sistema, li hija magħmula minn elementi kostituttivi differenti. Fil-fatt, din il-klassifikazzjoni ma turix, waħidha, li tali sistema ma tistax tikkostitwixxi sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà, inkwantu, minn naħa, din is-sistema hija bbażata, essenzjalment, fuq żewġ għanijiet – jiġifieri dak li jiġi intaxxat l-użu ta’ żewġ fatturi ta’ produzzjoni rari f’Ġibiltà u dak li tiġi rrispettata l-kapaċità kontributtiva tal-kumpanniji – li kienu determinati mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam fiskali, u, min-naħa l-oħra, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt Komunitarju m’hemmx standard armonizzat dwar is-sistema “komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew “normali” ta’ sistema fiskali nazzjonali.

180    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja ma jistgħux validament isostnu, b’mod purament ipotetiku, li, f’ċerti sitwazzjonijiet, iż-żewġ għanijiet assenjati lis-sistema fiskali u lill-iskema komuni jew “normali” tagħha introdotti mir-riforma (ara l-punt 179 iktar ’il fuq) huma inkompatibbli bejniethom, bħal fil-każ ta’ kumpannija li tagħmel ħafna profitti imma li, minħabba l-fatt li m’għandhiex preżenza fiżika f’Ġibiltà, mhijiex suġġetta għat-taxxa fuq l-impjegati u għall-BPOT jew bħal fil-każ ta’ kumpannija li timpjega ħafna nies f’Ġibiltà imma li, hija ukoll, mhijiex suġġetta għal dawn iż-żewġ taxxi minħabba li ma tagħmilx profitt. Fil-fatt, dawn is-sitwazzjonijiet ipotetiċi mhumiex biżżejjed sabiex juru li s-sistema fiskali u l-iskema komuni jew “normali” tagħha ċċitati iktar ’il fuq ma jistgħux jilħqu żewġ għanijiet differenti, kif determinati mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà.

181    Din l-evalwazzjoni mhijiex ikkontestata mill-affermazzjoni vaga tal-Kummissjoni, li ma jistax ikun ikkunsidrat li kull karatteristika partikolari ta’ sistema tagħmel parti mis-sistema ġenerali, peress li dan ikun ifisser li tkun aċċettata ġustifikazzjoni awtomatika ta’ din is-sistema (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li tali approċċ ma jirrispettax id-diversi stadji ta’ analiżi, kif elenkati fil-punti 143 u 144 iktar ’il fuq, u, għalhekk, taqbeż il-limitu tal-istħarriġ li għandha l-Kummissjoni fid-dawl tal-kompetenza statali fil-qasam fiskali. (ara l-punti 145 u 146 iktar ’il fuq).

182    It-tielet nett, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni staqsiet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dwar ir-raġuni li għaliha Ġibiltà għażlet is-soluzzjoni li tintroduċi taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u BPOT suġġetti għal-limitu ta’ 15 % tal-profitti, fid-dawl tal-portata limitata tat-tassazzjoni li tirriżulta minnha. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata li s-sistema fiskali kkostitwita miż-żewġ taxxi ċċitati iktar ’il fuq “m’għandhiex l-istess natura ġenerali bħat-tassazzjoni tal-profitti tal-impriżi, li kienet intiża sabiex tintaxxa r-riżultat tal-attività ekonomika fit-totalità tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, hija akkużat lill-Gvern ta’ Ġibiltà li ma tax spjegazzjoni rigward il-kwistjoni li jkun magħruf għal-liema raġuni l-limitu ta’ 15 % jirrifletti l-kapaċità kontributtiva tal-impriżi u tistaqsi għal-liema raġuni dan il-limitu kien adottat, minkejja r-rieda tal-Gvern ta’ Ġibiltà li jintaxxa l-użu tar-riżorsi rari tiegħu. Fl-aħħar nett, hija ssuġġeriet li l-kapaċità kontributtiva tal-kumpanniji intaxxati tista’ tkun irrispettata billi l-livell tat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati jkun emendat minn sena għall-oħra skont l-ekonomija lokali

183    Issa, għandu jkun ikkonstatat li, b’dawn id-domandi u ipoteżijiet vagi u ta’ natura ġenerali, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tqiegħed f’dubju l-fondatezza tal-klassifikazzjoni mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà tal-iskema komuni jew “normali” tas-sistema fiskali nnotifikata u tal-elementi kostituttivi tagħha.

184    B’hekk jirriżulta mill-punti 170 sa 183 iktar ’il fuq, li, minħabba li ma rrispettatx il-kuntest ta’ analiżi dwar id-determinazzjoni tas-selettività, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula f’din id-deċiżjoni kkontestata mhumiex biżżejjed sabiex tkun ikkontestata d-definizzjoni tal-iskema komuni jew “normali” tas-sistema fiskali kif imressqa mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà. Minn dan jirriżulta wkoll li, fin-nuqqas tar-rispett tal-imsemmi kuntest ta’ analiżi, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-istħarriġ tagħha fid-dawl tal-portata tal-kompetenza tal-awtoritajiet ta’ Ġibiltà dwar id-determinazzjoni tas-sistema fiskali tagħha u tal-iskema komuni jew “normali” tagħha. Fil-fatt, jirriżulta mir-raġunament, kif espost, b’mod partikolari, fil-premessi 131, 132, 136, 137 u 144 tad-deċiżjoni kkontestata, li, billi naqset milli tuża bħala punt ta’ tluq għall-analiżi tagħha fuq is-selettività materjali l-iskema li r-rikorrenti kkwalifikaw, f’dan il-każ, bħala sistema fiskali komuni jew “normali” u billi naqset milli tidentifika l-imsemmija skema u milli teżamina l-fondatezza tagħha l-Kummissjoni, minflok eżerċitat l-istħarriġ imsemmi fil-punti 143 u 144 iktar ’il fuq, imponiet il-loġika tagħha rigward il-kontenut u l-funzjonament tas-sistema fiskali nnotifikata.

185    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jkun konkluż li l-ebda wieħed minn dawn it-tliet aspetti kkontestati tas-sistema fiskali kif innotifikata ma jista’ jkun ikkunsidrat bħala li jagħti vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE minħabba li l-Kummissjoni naqset milli turi skont kif meħtieġ mil-liġi li dawn jikkostitwixxu derogi mis-sistema fiskali komuni jew “normali” introdotta bir-riforma f’Ġibiltà li jagħtu lok għal differenzazzjonijiet bejn impriżi fir-rigward tal-piż fiskali.

186    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-paragun tal-allegati effetti tas-sistema fiskali introdotta mir-riforma ma’ l-effetti tas-sistema fiskali preċedenti għaliha, kif magħmul mill-Kummissjoni fit-Tabella 1 u fil-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax, f’dan il-każ, ikun aċċettat għall-finijet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa indifferenti li s-sitwazzjoni tal-preżunt benefiċjarju tal-miżura kkontestata tjiebet jew saret agħar meta mqabbla mal-istat tad-dritt preċedenti jew, kuntrarjament, li din ma nbidlitx biż-żmien (sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 78 iktar ’il fuq, punt 41). Li huwa importanti huwa li jkun magħruf jekk is-sistema fiskali inkwistjoni, evalwata indipendentement mill-antika, tiffavorixxix jew le ċerti impriżi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, 57/86, Ġabra p. 2855, punt 10).

187    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta’ vantaġġi selettivi li jirriżultaw mit-tliet aspetti kkontestati tar-riforma fiskali. Għalhekk, il-Kummissjoni, billi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat l-imsemmija aspetti kkontestati, wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

188    Għalhekk, it-tieni motiv, għandu jiġi milqugħ.

189    Peress li l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġu milqugħa, id-deċiżjoni kkontestata għandha tkun annullata fit-totalità tagħha, mingħajr m’hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-forom sostanzjali.

 Fuq l-ispejjeż

190    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

191    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Isegwi li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, bħala intervenjent fil-Kawża T‑211/04, u r-Renju ta’ Spanja, bħala intervenjent fil-Kawżi T‑211/04 u T‑215/04, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑211/04 u T‑215/04 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/261/KE, tat-30 ta’ Marzu 2004, dwar l-iskema ta’ għajnuna li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplementa rigward ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Gvern ta’ Ġibiltà, hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż tal-Government of Gibraltar u dawk tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq fil-Kawża T-215/04, kif ukoll għall-ispejjeż tagħha.

4)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq bħala intervenjent fil-Kawża T‑211/04, huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu.

5)      Ir-Renju ta’ Spanja, bħala intevenjent fil-Kawżi T‑211/04 u T‑215/04, huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu.

Jaeger

Tiili

Azizi

Cremona

 

       Czúcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Diċembru 2008.

E. Coulon

 

       M. Jaeger

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

I –  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

II –  L-istatus ta’ Ġibiltà

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  L-isfond tar-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Gvern ta’ Ġibiltà

II –  Ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Gvern ta’ Ġibiltà

A –  Sistema ta’ tassazzjoni introdotta mir-riforma fiskali

B –  Taxxa supplimentari (jew ta’ penalità)

III –  Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ selettivitŕ reġjonali

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1.  Dwar ir-relevanza tal-grad ta’ awtonomija tal-entità infrastatali fir-rigward tal-gvern ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kuntest ta’ referenza xieraq

2.  Fuq ir-rwol tar-Renju Unit fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku f’ Ġibiltà bħala kriterju ta’ determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza f’dan il-każ

a)  Sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores

b)  Fuq l-applikazzjoni tal-ewwel u t-tieni kundizzjonijiet elenkati fis-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores

c)  Fuq l-applikazzjoni tat-tielet kundizzjoni tas-sentenza dwar is-sistema fiskali tal-Azores

II –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ selettivitŕ materjali

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

1.  Premessi rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata

2.  Fuq l-għoti ta’ vantaġġ selettiv mill-aspetti kkontestati tar-riforma

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawż a : l-Ingliż’.