Language of document : ECLI:EU:T:2011:494

Kawża T-461/08

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizz ta’ għajnuna għall-manutenzjoni, għas-sostenn u għall-iżvilupp ta’ sistema informatika — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Kompetenza — Obbligu ta’ motivazzjoni — Dritt għal rimedju effettiv — Trasparenza — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni — Kriterji ta’ għażla u ta’ għoti — Rikors għad-danni — Ammissibbiltà — Telf ta’ qligħ”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti tal-Bank Ewropew tal-Investiment

(Artikoli 225(1) KE, 230 KE u 237(b) u (ċ) KE)

2.      Rikors għad-danni — Awtonomija fil-konfront tar-rikors għal annullament — Limiti — Talba għal kumpens għad-danni kkawżati mill-Bank Ewropew tal-Investiment li jaġixxi bħala awtorità kontraenti

(Artikoli 225(1) KE u 235 KE, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

3.      Rikors għal annullament — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Interess ġuridiku — Eżami ex officio mill-qorti — Applikazzjoni b’analoġija għar-rikorsi li fihom b’mod aċċessorju talba għad-danni

(Artikolu 230 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 113)

4.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors kontra deċiżjoni eżegwita

(Artikoli 230 KE u 233 KE)

5.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Kontestazzjoni tal-legalità tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

6.      Bank Ewropew tal-Investiment — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ffinanzjati minn riżorsi proprji tal-Bank — Dispożizzjonijiet applikabbli

(Artikoli 28 KE, 43 KE u 49 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 88(1); Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE u Artikolu 253 KE)

8.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Dritt tal-offerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Portata

(Artikoli 225(1) KE, 242 KE, 243 KE u 253 KE)

9.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Dritt tal-offerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt li titressaq kawża kontra d-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor

10.    Bank Ewropew tal-Investiment — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ffinanzjati minn riżorsi proprji tal-Bank — Għoti ta’ kuntratti — Għoti lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament — Kriterji — Għażla mill-awtorità kontraenti — Limiti

11.    Rikors għal annullament — Motivi — Ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza — Proċedura ta’ sejħa għal offerti

12.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Rabta kawżali — Dannu li jirriżulta, għal offerent, mit-telf ta’ kuntratt fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti — Assenza ta’ prova bejn dan id-dannu u d-deċiżjoni illegali ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt lil offerent ieħor

(Artikolu 266 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Il-ħtieġa ta’ kontroll komplet tal-legalità tal-atti Komunitarji tirrikjedi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 225(1) KE u l-Artikolu 230 KE fis-sens li ma teskludix il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali li tieħu konjizzjoni ta’ rikors għall-annullament ta’ att, dwar it-tmexxija ta’ negozju kurrenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment mill-Kumitat ta’ Tmexxija li jipproduċi effetti legali definittivi fir-rigward ta’ terzi.

Għalkemm ma huwiex istituzzjoni tal-Komunità, il-Bank minkejja dan jikkostitwixxi korp Komunitarju istitwit u kopert b’personalità ġuridika mit-Trattat u għaldaqstant huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment fit-termini previsti fl-Artikolu 237(b) KE. L-atti adottati formalment fi ħdan il-Bank minn korpi li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 237(b) u (ċ) KE, jiġifieri korpi li ma humiex il-Bord tad-Diretturi jew il-Kumitat ta’ Tmexxija, għandhom, għalhekk, ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju jekk huma definittivi u jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi.

(ara l-punti 46, 50, 52)

2.      Jekk, taħt is-sistema ta’ rimedji legali stabbilita mit-Trattat, ir-rikors għad-danni jikkostitwixxi rimedju ta’ dritt awtonomu fir-rigward tar-rikors għal annullament, għandhom jitqiesu r-“rabta diretta” jew il-“komplementarjetà” li jeżistu, f’dan il-każ, bejn ir-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni kif ukoll in-natura aċċessorja tat-tieni fir-rigward tal-ewwel fl-istadju tal-kunsiderazzjoni u l-ammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi, sabiex jiġi evitat li l-eżitu tar-rikors għad-danni jiġi disassoċjat artifiċjalment minn dak tar-rikors għal annullament, li tiegħu huwa sempliċiment aċċessorju jew kumplementari.

Sa fejn id-danni li ġew ikkawżati mill-Bank Ewropew tal-Investiment lil rikorrent joriġinaw mill-eżerċizzju mill-Bank ta’ attivitajiet dwar l-eżekuzzjoni ta’ missjonijiet tal-amministrazzjoni Komunitarja u, iktar preċiżament, jirrigwardaw l-intervent ta’ din l-amministrazzjoni bħala awtorità kontraenti u li dawk id-danni ma jirriżultawx, għalhekk, mill-attivitajiet tal-Bank jew mill-operazzjonijiet tiegħu fil-qasam finanzjarju jew fis-swieq finanzjarji, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tiddeċiedi wkoll fuq it-talba għad-danni mressqa kontra l-Bank, fuq il-bażi tal-Artikolu 225(1) KE, tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, meta tali talba jkollha natura aċċessorja fir-rigward ta’ talba għal annullament, hija stess ammissibbli, ta’ att tal-Bank li jipproduċi effetti ta’ dritt definittivi fir-rigward ta’ terzi.

(ara l-punti 55-58)

3.      Peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, partikolarment jekk hemmx interess ġuridiku, jirrigwardaw finijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika ex officio jekk ir-rikorrent għandux interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Din is-soluzzjoni hija applikabbli, b’analoġija, għat-talbiet għal annullament ifformulati fil-kuntest ta’ rikors li fih, b’mod aċċessorju, talba għad-danni.

(ara l-punt 62)

4.      Anki fl-ipoteżi fejn, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, deċiżjoni ta’ għoti kienet ġiet eżegwita kompletament favur kompetituri oħrajn, offerent ikollu interess fl-annullament ta’ din id-deċiżjoni, kemm sabiex jitpoġġa mill-awtorità kontraenti fl-istat oriġinali tiegħu, kif ukoll sabiex, għall-futur, l-awtorità kontraenti tagħmel tibdil xieraq fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, fil-każ fejn dawn jiġu rrikonoxxuti bħala li jmorru kontra ċerti rekwiżiti legali.

Il-fatt li kuntratt dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku ġie ffirmat, u anki eżegwit, qabel ma ngħatat id-deċiżjoni li ġġib fit-tmiem ir-rikors prinċipali, ippreżentat minn offerent mhux magħżul kontra d-deċiżjoni tal-għoti ta’ dan il-kuntratt, u l-fatt li l-awtorità kontraenti hija kuntrattwalment marbuta mal-offerent magħżul ma jipprekludix l-obbligu li għandha l-awtorità kontraenti, jekk ir-rikors prinċipali jintlaqa’, skont l-Artikolu 233 KE, li tiddeċiedi l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata protezzjoni xierqa tal-interessi tal-offerent mhux magħżul.

Meta, wara rikors ta’ offerent mhux magħżul ta’ kuntratt pubbliku, id-deċiżjoni ta’ għoti tiġi annullata, imma l-awtorità kontraenti ma tkunx għadha f’pożizzjoni li terġa’ tiftaħ il-proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-kuntratt pubbliku inkwistjoni, l-interessi ta’ dan l-offerent jistgħu jiġu ssalvagwardati, pereżempju, b’kumpens monetarju li jikkorrispondi għat-telf tal-possibbiltà li jingħatalu l-kuntratt jew, jekk jista’ jiġi stabbilit b’mod ċert li l-offerent kellu jingħatalu l-kuntratt, għat-telf tal-qligħ. Fil-fatt jista’ jingħata valur ekonomiku għat-telf tal-opportunità li wieħed jingħata kuntratt pubbliku subit mill-offerent mhux magħżul ta’ dak il-kuntratt minħabba deċiżjoni illegali.

(ara l-punti 64-66)

5.      Dokument ta’ sejħa għal offerti, bħall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att li jikkonċerna kull offerent b’mod individwali. Fil-fatt, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, bħad-dokumenti kollha ta’ sejħa għal offerti maħruġa mill-awtorità kontraenti u li jagħmlu parti minnhom, japplikaw għal sitwazzjonijiet stabbiliti oġġettivament u jinvolvu effetti legali fil-konfront tal-kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt. Għaldaqstant, huma għandhom natura ġenerali u ma jistax jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni individwali tagħhom lill-offerenti mill-awtorità kontraenti tippermetti li tiġi individwalizzata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kull waħda minn dawn l-impriżi meta mqabbla mal-persuni l-oħra kollha. Għaldaqstant, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors dirett taħt ir-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija l-ewwel att kontestabbli u, għaldaqstant, l-ewwel att li jawtorizza lil offerent jikkontesta inċidentalment il-legalità tal-formula użata matul l-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti li kienu ntgħażlu mill-awtorità kontraenti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

(ara l-punti 73, 74)

6.      Proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-Bank Ewropew tal-Investiment, iffinanzjata mir-riżorsi proprji tal-Bank, ma hijiex suġġetta la għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-tieni parti tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat, u lanqas, a fortiori, għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tat-tieni parti tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, kif emendat. Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx ħlief għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u, kif jirriżulta mill-Artikolu 88(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti pubbliċi rregolati mir-Regolament Finanzjarju huma kuntratti pubbliċi li huma ffinanzjati, totalment jew parzjalment, minn dan il-baġit ġenerali.

Madankollu jibqa’ l-fatt li l-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi tal-Bank għandhom jikkonformaw mar-regoli fundamentali tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, kif ukoll mal-għanijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dwar, b’mod partikolari, il-moviment liberu tal-merkanzija (Artikolu 28 KE), id-dritt ta’ stabbiliment (Artikolu 43 KE), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 49 KE), in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza fit-trattament, it-trasparenza u l-proporzjonalità.

Barra minn hekk, anki għalkemm id-direttivi dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi jirregolaw biss il-kuntratti mogħtija minn korpi jew awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri u ma humiex direttament applikabbli għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-amministrazzjoni Komunitarja, ir-regoli jew il-prinċipji stabbiliti jew li jirriżultaw mill-qafas ta’ dawk id-direttivi jistgħu jintużaw kontra l-amministrazzjoni msemmija meta huma stess jidhru sempliċiment li huma espressjoni speċifika tar-regoli fundamentali tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tal-liġi li huma applikabbli direttament għall-amministrazzjoni Komunitarja. Fil-fatt, f’komunità tad-dritt, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt hija rekwiżit fundamentali u kull persuna hija suġġetta għall-prinċipju ta’ osservanza tal-legalità. Barra minn hekk, ir-regoli jew prinċipji stabbiliti jew li jirriżultaw fil-kuntest ta’ dawn id-direttivi jistgħu jiġu invokati kontra l-amministrazzjoni Komunitarja meta, fl-eżerċizzju tal-awtonomija operattiva u istituzzjonali tagħha u fil-limiti tas-setgħat li jagħtiha t-Trattat, hija tkun adottat att li jirreferi espressament, biex jirregola l-kuntratti pubbliċi li tikkonkludi għaliha nnifisha, għal ċerti regoli jew ċerti prinċipji ddikjarati fid-direttivi u li minħabba fihom dawn ir-regoli u prinċipji japplikaw skont il-prinċipju patere legem quam ipse fecisti.

Barra minn hekk, mill-Gwida għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi, għal provvisti u għal xogħlijiet mill-Bank Ewropew tal-Investiment għalih innifsu, jirriżulta li, għalkemm id-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] ma tapplikax bħala tali għall-Bank, hija tikkostitwixxi riferiment xieraq biex jiġu stabbiliti l-proċeduri tal-Bank. Il-Gwida tistabbilixxi regoli ta’ portata ġenerali li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, partikolarment dawk li jiddeċiedu li jippreżentaw offerta għal kuntratt pubbliku ffinanzjat, għalkollox jew parzjalment, mir-riżorsi proprji tal-Bank, u torbot legalment lill-Bank meta dan jiddeċiedi li jikkonkludi kuntratt pubbliku għalih. Konsegwentement, meta l-Bank jintervjeni billi jirrikorri għas-suq tal-kapital u għar-riżorsi tiegħu proprji, partikolarment meta jikkonkludi kuntratti pubbliċi għalih innifsu, huwa suġġett kemm għar-regoli fundamentali tat-Trattat, għall-prinċipji ġenerali tad-dritt u għall-għanijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tal-Gwida, kif interpretati fid-dawl tal-prinċipji li l-imsemmija dispożizzjonijiet jimplementaw u, jekk ikun il-każ, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 li għalihom jirreferu dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punti 87-90, 92, 93)

7.      Meta amministrazzjoni Komunitarja tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li tagħti motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjonijiet tagħha.

Issa, mill-Gwida għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi, għal provvisti u għal xogħlijiet mill-Bank Ewropew tal-Investiment għalih innifsu, jirriżulta li, fuq talba tal-parti kkonċernata, il-Bank għandu jinforma, fi 15-il ġurnata wara li jirċievi t-talba bil-miktub lil kull offerent li jkun għamel offerta ammissibbli, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul jew il-partijiet fil-ftehim qafas.

Dan il-mod ta’ kif wieħed jipproċedi huwa konformi mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni li hemm fl-Artikolu 253 KE. Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, il-fatt li l-offerenti kkonċernati ma jirċevux deċiżjoni motivata ħlief wara talba speċifika min-naħa tagħhom ma jnaqqas xejn mill-possibbiltà li għandhom li jsostnu d-drittijiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, it-terminu previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE jibda jiddekorri biss mill-mument tan-notifika tad-deċiżjoni motivata, bil-kundizzjoni li l-offerent ikun ressaq it-talba tiegħu li jikseb deċiżjoni motivata f’ħin xieraq wara li jsir jaf biċ-ċaħda tal-offerta tiegħu.

Madankollu, minħabba l-fatt li l-awtorità kontraenti għandha diskrezzjoni wiesgħa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, hija obbligata li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti lill-offerenti li ma ntgħażlux li jagħmlu talba għaliha, li jfisser li għandha tieħu ħsieb b’mod partikolari biex tiżgura li l-motivi li tikkomunika jirriflettu l-elementi kollha li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha.

F’dan ir-rigward, ittra mibgħuta mill-Bank lil offerent fejn jinformah bl-isem tal-offerent magħżul, bil-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti u bit-tqassim tal-punti mogħtija, filwaqt li tista’ titqies bħala tentattiv ta’ spjegazzjoni, fi kwalunkwe każ ma tistax titqies bħala suffiċjenti fid-dawl tal-ħtieġa li l-motivazzjoni għandha turi, b’mod ċar u mingħajr ekwivoċi, ir-raġunament tal-awtur tal-att. Tali deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tal-offerent hija, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ivvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti u, għalhekk, tikser id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Gwida u, b’mod iktar ġenerali, l-obbligu ta’ motivazzjoni li hemm fl-Artikolu 253 KE.

(ara l-punti 100, 106-108, 112, 114, 116)

8.      Fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti, min jagħmel l-offerti għandu jiġi protett kontra deċiżjonijiet arbitrarji mill-awtorità kontraenti billi jiġi żgurat li deċiżjonijiet illegali li tieħu dik l-awtorità jistgħu jiġu mistħarrġa effettivament u kemm jista’ jkun malajr.

Qabelxejn, protezzjoni ġuridika sħiħa kontra d-deċiżjonijiet arbitrarji min-naħa tal-awtorità kontraenti tippresupponi l-obbligu li jiġu informati l-offerenti kollha bid-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, sabiex dawn ikollhom possibbiltà reali li jippreżentaw rikors għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa. Imbagħad, din il-protezzjoni ġuridika sħiħa teħtieġ li tkun teżisti l-possibbiltà għall-offerent mhux magħżul li jeżamina f’ħin xieraq il-kwistjoni tal-validità tad-deċiżjoni ta’ għoti, li tippresupponi li għandu jkun hemm terminu raġonevoli bejn il-mument meta d-deċiżjoni ta’ għoti tiġi kkomunikata lill-offerenti mhux magħżula u l-firma tal-kuntratt sabiex, b’mod partikolari, dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jippreżentaw talba għal miżuri provviżorji skont id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikoli 242 KE u 243 KE, kif ukoll tal-Artikolu 225(1) KE, intiża biex l-Imħallef għal miżuri provviżorji jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-qorti li teżamina l-mertu tiddeċiedi fuq ir-rikors ewlieni tagħhom għal annullament ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, id-dritt għal protezzjoni ġuridika kompleta u effettiva jimplika li tista’ tiġi żgurata l-protezzjoni provviżorja tas-suġġetti tad-dritt, jekk din hija meħtieġa biex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li tingħata fil-kawża prinċipali, sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika mogħtija fil-qrati kompetenti. Fl-aħħar nett, biex il-ħtieġa ta’ protezzjoni ġuridika effettiva tiġi ppreservata jeħtieġ li l-awtorità kontraenti tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti lil kull offerent mhux magħżul li jressaq talba sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ juża dan id-dritt fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiġi rrikonoxxuta fil-konfront tiegħu l-fakultà li jiddeċiedi, f’għarfien sħiħ, jekk huwiex utli għalih li jressaq kawża quddiem il-qorti kompetenti.

(ara l-punti 119-122)

9.      Fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, id-dritt ta’ offerent mhux magħżul għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt pubbliku lil offerent ieħor kif ukoll l-obbligu korrelattiv li għandha l-awtorità kontraenti li tinformah, wara talba, bil-motivi tad-deċiżjoni tagħha għandhom jiġu kkunsidrati bħala forom proċedurali sostanzjali, sa fejn dawn jiżguraw il-formulazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ garanziji li jippermettu l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv fuq l-imparzjalità tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti li waslet għal din id-deċiżjoni. In-nuqqas ta’ osservanza mill-awtorità kontraenti tal-forom proċedurali sostanzjali għandha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 130, 131)

10.    Il-fakultà mogħtija lill-Bank Ewropew tal-Investiment li jagħżel liberament il-kriterji ta’ għoti li fuq il-bażi tagħhom huwa biħsiebu jagħti l-kuntratti pubbliċi, għalih innifsu, jippermettilu li jieħu inkunsiderazzjoni n-natura, l-għan u l-ispeċifiċitajiet proprji ta’ kull kuntratt.

Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti stabbiliti fil-Gwida għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi, għal provvisti u għal xogħlijiet mill-Bank Ewropew tal-Investiment għalih innifsu u intiżi sabiex jiggarantixxu li l-fakultà mogħtija lill-Bank fl-għażla tal-kriterji ta’ għoti tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza fl-istadju ta’ evalwazzjoni tal-offerti fl-għoti tal-kuntratt. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa, fil-fatt, min-naħa, sabiex l-offerenti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti jkunu jistgħu jinterpretaw il-kriterji ta’ għoti bl-istess mod u, għaldaqstant, ikollhom opportunità ugwali fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerta tagħhom u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Filwaqt li huwa minnu li l-imsemmija Gwida ma tipprovdix lista eżawrjenti tal-kriterji li jistgħu jingħażlu mill-awtorità kontraenti meta jingħata l-kuntratt lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament u li din tkun tista’ tagħżel il-kriterji ta’ għażla li tikkunsidra l-iktar xierqa, dik l-għażla hija limitata għal kriterji intiżi biex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Għaldaqstant, huma esklużi, bħala kriterji ta’ għoti, kriterji li ma humiex intiżi biex jidentifikaw l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, imma li huma essenzjalment marbuta mal-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-offerenti li jeżegwixxu l-kuntratt inkwistjoni, li jkunu diġà ġew ivverifikati fil-fażi tal-għażla tal-kandidaturi u li ma jistgħux jerġgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti.

Jekk l-offerta ta’ offerent, li ma ġietx eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti u li tissodisfa l-kriterji ta’ għażla ddikjarati fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ma tidhirx, min-naħa tal-awtorità kontraenti, bħala li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, fir-rigward tal-kriterji ta’ għoti ddikjarati fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, din għandha titwarrab mill-awtorità kontraenti, iżda din tal-aħħar ma hijiex awtorizzata tibdel is-sinjifikat ġenerali tal-kuntratt billi tibdel waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali tal-għoti tiegħu. Fil-fatt, kieku l-awtorità kontraenti kienet awtorizzata timmodifika kif trid, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-kundizzjonijiet stess ta’ għoti, bħall-piżijiet applikati għall-kriterji ta’ għoti, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni espressa f’dak is-sens fid-dispożizzjonijiet rilevanti, kien ikun hemm distorsjoni tat-termini li jirregolaw l-għoti tal-kuntratt, kif stipulati inizjalment. Barra minn hekk, prattika bħal din twassal neċessarjament għal ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, billi l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet ta’ għoti u l-oġġettività tal-proċedura ma jibqgħux iktar iggarantiti.

(ara l-punti 137, 138, 141, 142, 160)

11.    Meta, fil-kuntest ta’ proċedura għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Qorti Ġenerali ma għandha l-ebda prova li tippermettilha tikkonkludi jew teskludi, b’ċertezza, li t-tibdil tal-offerta tal-offerent magħżul u l-piżijiet applikati għall-kriterji tekniċi u għall-kriterju finanzjarju, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu ta’ natura li joħolqu distorsjoni fl-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti għad-detriment tal-offerenti mhux magħżula, b’mod li l-eżitu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ġie affettwat b’dan, din l-inċertezza għandha tiġi interpretata kontra l-Bank Ewropew tal-Investiment bħala awtorità kontraenti.

(ara l-punt 181)

12.    Peress li, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, huwa impossibbli li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-adozzjoni, mill-awtorità kontraenti, tad-deċiżjoni li teskludi offerent ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, ivvizzjata b’illegalità, u d-dannu invokat mir-rikorrent li jirriżulta mit-telf tal-kuntratt innifsu, huwa ma għandux bażi sabiex iressaq talba għad-danni bħala kumpens għat-telf li jirriżulta mill-fatt li ma kkonkludiex il-kuntratt mal-awtorità kontraenti jew, a fortiori, li jeżegwixxi l-kuntratt.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kumpens li jista’ jkun dovut lir-rikorrent, skont l-Artikolu 266 TFUE, biex jitqiegħed adegwatament fis-sitwazzjoni oriġinali tiegħu wara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 212, 214)