Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ottubru 2008 - Evropaïki Dynamiki vs BEI

(Kawża T-461/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u P. Katsimani, avukati)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti u li tassenja l-kuntratt lill-kuntrattur rebbieħ;

tordna lill-Bank Ewropew tal-Investiment iħallas kumpens lir-rikorrenti tad-dannu subit minħabba l-proċedura ta' sejħa għall-offerti inkwistjoni f'ammont ta' EUR 1 940 000.00;

tordna lill-Bank Ewropew tal-Investiment iħallas l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti relatati ma' dan ir-rikors, anki fil-każ li dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha mressaq abbażi tal-Artikoli 230 KE u 235 KE, ir-rikorrenti titlob, minn naħa, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment, tas-26 ta' Lulju 2008, li tiċħad l-offerta tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti "Għajnuna għall-manutenzjoni, għall-għajnuna u għall-iżvilupp tas-sistema 'Loans Front Office' (SERAPIS) tal-Bank Ewropew tal-Investiment" (ĠU 2007/S 176-215155) u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu subit.

Ir-rikorrenti tallega li r-riżultat tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt ma ġiex ikkomunikat lilha, u tallega li kien biss b'kunbinazzjoni li saret taf bil-pubblikazzjoni tal-avviż tal-għoti tal-kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali 1 tas-26 ta' Lulju 2008. Hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-konvenut bi ksur tal-prinċipji ta' trasparenza u ta' trattament ugwali, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Linji Gwida tal-BEI għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi, u tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li billi naqas milli jinnotifikaha bid-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti tal-kuntratt, billi ma mmotivax biżżejjed id-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kuntratt lil offerent ieħor, billi stabbilixxa kriterji li rriżultaw fi trattament mhux ugwali, billi ħawwad il-kriterji tal-għażla u tal-għoti, billi uża formula ta' evalwazzjoni diskriminatorja b'rata ta' 75 % / 25 %, il-konvenut naqas mill-obbligu tiegħu li jassigura kompetizzjoni mhux distorta, u b'hekk kiser diversi drabi l-obbligi tiegħu ta' trasparenza u ta' trattament ugwali.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza, jekk tqis li l-konvenut kiser id-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi u/jew il-prinċipji legali ta' trasparenza u ta' trattament ugwali, sabiex tordna lill BEI iħallas kumpens tad-dannu subit, fl-ammont ta' 50 % tas-somma ta' EUR 3 880 000 (jiġifieri EUR 1 940 000), li huwa l-ammont stmat tar-riżultat gross li r-rikorrenti kienet tirċievi fil-kuntest tal-proċedura msemmija iktar 'il fuq li kieku l-kuntratt kien jingħata lilha.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż anki fil-każ li r-rikors jiġi miċħud, b'mod konformi mal-Artikolu 87(3)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għaliex din tqis li l-evalwazzjoni żbaljata tal-offerta tagħha min-naħa tal-konvenut, in-nuqqas ta' motivazzjoni u l-fatt li hija ma ġietx infurmata fi żmien utli bir-raġunijiet għalfejn l-offerta tal-offerent magħżul ġiet ippreferita iktar mill-offerta tagħha, obbligawha tressaq din il-proċedura.

____________

1 - ĠU 2008/S 144-192307