Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2018 – Gas Natural vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-328/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Gas Natural SDG, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: F. González Díaz u V. Romero Algarra, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-motivi ta’ annullament esposti f’dan ir-rikors ammissibbli u fondati.

skont l-Artikolu 263 TFUE, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Novembru 2017 fil-Każ SA.47912 (2017/NN) li biha tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward tal-inċentiv għall-investimenti ambjentali mogħtija mir-Renju ta’ Spanja lill-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-inċentiv għall-investiment ambjentali mogħti mir-Renju ta’ Spanja lill-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam.

Skont ir-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni hija inċerta jekk il-valuri limitu tal-emissjonijiet imposti fuq l-istallazzjonijiet li jibbenefikaw mill-inċentiv imsemmi għall-investiment ambjentali humiex intiżi biss sabiex japplikaw il-livelli ta’ protezzjoni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2001/80/KE, li kienet applikabbli għall-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam. Jekk dan huwa l-każ, l-inċentiv għal investiment ambjentali ma jkollu l-ebda effett ta’ inċentiv. Barra minn hekk, l-inċentiv għall-investiment ambjentali jkun kuntrarju għall-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, li jiddikjara li l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu għajnuna pubblika lill-impriżi sabiex dawn ikunu jistgħu jikkonformaw mal-istandards vinkolanti tal-Unjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi.

1.    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżura.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jista’ jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku għaliex il-miżura inkwistjoni hija ta’ natura selettiva, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tispjegax jekk is-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi ta’ impjanti tal-enerġija mħaddma bil-faħam tistax titqabbel ma’ dik tal-bqija tal-impjanti ta’ enerġija u jekk, fil-każ li huma, l-inċentiv inkwistjoni jistax jiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi ” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fil-konfront ta’ impriżi oħra li, fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi paragunabbli.

2.    It-tieni motiv huwa bbażat, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżura.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li r-remunerazzjoni mogħtija lill-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam li jkomplu jsostnu l-investimenti ma tista’ bl-ebda mod tkun selettiva, peress li r-remunerazzjoni inkwistjoni hija limitata li tqiegħed fuq livell ugwali l-kundizzjonijiet tal-investimenti kbar kollha wara l-1998, irrispettivament mit-teknoloġija u/jew mill-fatt li l-impjanti inkwistjoni kienu impjanti b’ċiklu kombinat jew impjanti li jaħdmu bil-faħam, filwaqt li jiġi adattat, ċertament, l-ammont tar-remunerazzjoni skont kemm huwa kbir l-investiment ikkonċernat.

Fi kwalunkwe każ, u anki jekk jitqies li l-konklużjonijiet espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma korretti, ir-rikorrenti tindika li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u tas-sitwazzjoni legali tagħhom, l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam ma kinux f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi paragunabbli ma’ dik ta’ impjanti li jużaw tip ieħor ta’ enerġija. Fil-fatt, l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam kienu l-uniċi impjanti stabbiliti qabel l-1998 u li kienu obbligati li jagħmlu investimenti kbar ħafna sabiex ikomplu joperaw u li kienu jkunu mġiegħla jgħalqu, mingħajr ir-remunerazzjoni inkwistjoni, li kien ipperikola s-sigurtà tal-provvista tas-sistema elettrika Spanjola.

____________