Language of document : ECLI:EU:C:2015:604

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Settembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Artikolu 3(3) — Kunċett ta’ ‘karattru distintiv miksub permezz tal-użu’ — Trade mark tridimensjonali — Wajfer taċ-ċikkulata b’erba’ bars Kit Kat — Artikolu 3(1)(e) — Sinjal ikkostitwit kemm mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott u kemm minn dik neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Proċess ta’ manifattura inkluż fir-riżultat tekniku”

Fil-Kawża C‑215/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Qorti Superjuri (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal-Kanċellerija (Proprjetà Intellettwali) [High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Intellectual Property), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2014, fil-proċedura

Société des Produits Nestlé SA

vs

Cadbury UK Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, E. Levits, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Société des Produits Nestlé SA, minn T. Scourfield u T. Reid, solicitors, kif ukoll minn S. Malynicz, barrister,

–        għal Cadbury UK Ltd, minn P. Walsh u S. Dunstan, solicitors, kif ukoll minn T. Mitcheson, QC,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn N. Saunders, barrister,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, B. Czech, u J. Fałdyga, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. W. Bulst u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) u (e)(i) u (ii) u (3) tad-Direttiva 2008/95/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25 u rettifika ĠU 2009, L 11, p. 86).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Société des Produits Nestlé SA (iktar ʼil quddiem “Nestlé”) u Cadbury UK Ltd (iktar ʼil quddiem “Cadbury”) dwar l-oppożizzjoni mressqa minn din tal-aħħar kontra t-talba ta’ Nestlé intiża għar-reġistrazzjoni bħala trade mark fir-Renju Unit ta’ sinjal tridimensjonali li jirrappreżenta forma ta’ wajfer taċ-ċikkulata b’erba’ bars.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2008/95 ħassret u ssostitwiet l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

4        Il-premessa 1 tad-Direttiva 2008/95 tispeċifika:

“Id-Direttiva [89/104/KEE] ġiet emendata [...] fil-kontenut tagħha. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.”

5        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, “[t]rade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament […], sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra”.

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità” u li huwa bbażat, mingħajr emendi sostanzjali, fuq il-kontenut tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/104, jipprovdi:

“1.      Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

[...]

b)      trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

[...]

e)      sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

i)      l-għamla [forma] li tirriżulta min-natura tal-merkanzija stess,

ii)      l-għamla tal-merkanzija li tkun meħtieġa sabiex jiġi ottenut riżultat tekniku,

iii)      l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

[...]

3.      Trade mark m’għandhiex tiġi rifjutata reġistrazzjoni jew tiġi dikjarata nulla skond il-paragrafu 1 (b), (c) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ addizzjonalment jistipula li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.

[...]”

 Id-dritt tar-Renju Unit

7        Skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks (Trade Marks Act 1994), għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li ma għandhomx karattru distintiv, ħlief jekk, qabel id-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, hija tkun effettivament kisbet karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha.

8        Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, sinjal ma għandux jiġi rreġistrat bħala trade mark jekk ikun ikkostitwit esklużivament minn forma imposta min-natura stess tal-prodott jew minn forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku.

 Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali beda jiġi kkummerċjalizzat fir-Renju Unit fl-1935 minn Rowntree & Co Ltd, taħt l-isem “Rowntree’s Chocolate Crisp”. Fl-1937, l-isem tal-prodott inbidel għal “Kit Kat Chocolate Crisp” u sussegwentement, tqassar għal “Kit Kat”. Matul is-sena 1988, din il-kumpannija, li l-isem il-ġdid tagħha sar Rowntree plc, ġiet akkwistata minn Nestlé.

10      Filwaqt li l-prodott inbiegħ għal żmien twil f’ippakkjar b’żewġ kisjiet, dik interna kulur il-fidda u dik esterna stampata u bil-logo aħmar u abjad ikkaratterizzat bil-kliem “Kit Kat” fuqha, l-ippakkjar kurrenti huwa b’kisja waħda li fuqha jinsab dan l-istess logo. Ir-rappreżentazzjoni tal-logo evolviet matul iż-żminijiet, mingħajr madankollu ma kienet suġġetta għal tibdil kbir.

11      Il-forma bażika tal-prodott baqgħet kważi identika sa mill-1935, u kienu biss id-dimensjonijiet tiegħu li nbidlu xi ftit. L-apparenza ta’ bħalissa tal-prodott mhux ippakkjat hija din li ġejja:

Image not found

12      Għandu jiġi rrilevat li kull bar hija mmarkata bil-kliem intaljat “Kit Kat” kif ukoll minn partijiet tal-ovali li jifforma parti mil-logo.

13      Fit-8 ta’ Lulju 2010, Nestlé applikat għar-reġistrazzjoni tas-sinjal tridimensjonali grafikament muri hawn taħt (iktar ’il quddiem it-“trade mark inkwistjoni”) bħala trade mark fir-Renju Unit.

Image not found

14      It-trade mark inkwistjoni hija għalhekk differenti mill-forma proprja tal-prodott peress li ma tinkludix il-kliem “Kit Kat” intaljati.

15      L-applikazzjoni saret għall-prodotti segwenti tal-klassi 30 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat:

“Ċikkulata; ħelu taċ-ċikkulata; prodotti taċ-ċikkulata; ħelu; preparazzjonijiet bil-bażi taċ-ċikkulata; prodotti tal-ħobż; pasti friski; gallettini; gallettini miksija biċ-ċikkulata; wajfers miksija biċ-ċikkulata; kejkijiet; cookies; wajfers.”

16      L-applikazzjoni kienet aċċettata mill-Uffiċċju tat-trade marks Brittaniku u kienet ippubblikata għall-finijiet ta’ oppożizzjoni. Fl-opinjoni tal-Uffiċċju msemmi, minkejja li t-trade mark inkwistjoni ma għandhiex karattru distintiv intrinsiku, l-applikant għal reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark kien wera li hija kienet kisbet karattru distintiv wara l-użu li sar minnha.

17      Fit-28 ta’ Jannar 2011, Cadbury għamlet oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni billi invokat diversi motivi, b’mod partikolari, dak li jiddikjara li r-reġistrazzjoni kellha tiġi miċħuda abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks, li jittrasponu l-Artikoli 3(1)(b) u (e)(i) u (ii) u 3(3) tad-Direttiva 2008/95.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2013, l-eżaminatur tal-Uffiċċju tat-trade marks Brittaniku kkunsidra li t-trade mark inkwistjoni ma kellhiex karattru distintiv intrinsiku u li lanqas ma kienet kisbet tali karattru wara l-użu li kien sar minnha.

19      L-eżaminatur ikkunsidra li l-forma li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tippreżenta tliet karatteristiċi:

–        il-forma rettangolari bażika ta’ pjanċa;

–        il-preżenza, il-pożizzjoni u l-profondità tal-kanali magħmula matul it-tul tal-pjanċa; u

–        in-numru ta’ kanali li jiddetermina, flimkien mal-wisa’ tal pjanċa, in-numru ta’ “bars”.

20      L-eżaminatur qies li l-ewwel waħda minn dawn il-karatteristiċi hija forma li tirriżulta min-natura stess tal-prodott u li għalhekk ma tistax tkun is-suġġett ta’ reġistrazzjoni, bl-eċċezzjoni madankollu tal-“kejkijiet” u tal-“pasti friski”, li fir-rigward tagħhom il-forma tat-trade mark hija sinjifikattivament differenti mill-istandards tas-settur. Peress li ż-żewġ karatteristiċi l-oħra huma neċessarji għall-kisba ta’ riżultat tekniku, huwa ċaħad il-kumplament tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

21      Fit-18 ta’ Lulju 2013, Nestlé ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Superjuri (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal-Kanċellerija (Proprjetà Intellettwali), filwaqt li kkontestat id-dikjarazzjoni li t-trade mark inkwistjoni ma kinitx kisbet karattru distintiv permezz tal-użu tagħha qabel id-data rilevanti. Barra minn hekk, Nestlé ssostni li t-trade mark inkwistjoni ma tikkonsistix esklużivament fil-forma imposta min-natura stess tal-prodott jew fil-forma neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku.

22      Permezz ta’ appell inċidentali tal-istess ġurnata, Cadbury tikkontesta d-deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2013 inkwantu l-imsemmija qorti sostniet li, fir-rigward tal-kejkijiet u tal-pasti friski, it-trade mark inkwistjoni għandha karattru distintiv intrinsiku u li hija ma tikkonsistix esklużivament fil-forma imposta min-natura stess tal-prodott jew fil-forma neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku.

23      Il-Qorti Superjuri (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal-Kanċellerija (Proprjetà Intellettwali), tikkunsidra, l-ewwel nett, li l-eżaminatur ma kienx imissu ħoloq distinzjoni bejn il-kejkijiet u l-pasti friski, minn naħa, u l-prodotti l-oħra kollha tal-klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice, min-naħa l-oħra, la fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni u lanqas fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1)(e)(i) u (ii) tad-Direttiva 2008/95.

24      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trade mark inkwistjoni kinitx kisbet karattru distintiv permezz tal-użu tagħha qabel id-data rilevanti, il-qorti tar-rinviju, wara li fakkret il-ġurisprudenza f’dan il qasam, tistaqsi jekk huwiex suffiċjenti, sabiex jiġi stabbilit li trade mark kisbet karattru distintiv, li fid-data rilevanti, proporzjon sinjifikattiv tal-klassi rilevanti ta’ persuni jirrikonoxxu t-trade mark u jassoċjawha mal-prodotti tal-applikant għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, din il-qorti tqis li huwa pjuttost l-applikant li għandu jistabbilixxi li proporzjon sinjifikattiv tal-klassi rilevanti ta’ persuni jqisu li t-trade mark, ipparagunata ma’ kull trade mark oħra li tista’ tkun ukoll preżenti, tindika l-oriġini tal-prodott.

25      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-forma imposta min-natura stess tal-prodott u fir-rigward ta’ dik neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku, il-qorti tar-rinviju tirrileva li teżisti biss ftit ġurisprudenza dwar l-Artikolu 3(1)(e)(i) u (ii) tad-Direttiva 2008/95.

26      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Superjuri (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal-Kanċellerija (Proprjetà Intellettwali), iddeċidiet illi tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Sabiex jiġi stabbilit li trade mark kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li [kien] sar minnha fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/95/KE, huwa biżżejjed li l-applikant għal reġistrazzjoni jagħti prova li fid-data rilevanti, proporzjon sinjifikattiv tal-klassi rilevanti ta’ persuni jirrikonoxxu t-trade mark u jassoċjawha mal-prodotti tal-applikant għal reġistrazzjoni, fis-sens li, kieku kellhom jikkunsidraw min ikkumerċjalizza l-prodotti li juru dik it-trade mark, huma jidentifikaw lill-applikant għal reġistrazzjoni; jew l-applikant għal reġistrazzjoni għandu jagħti prova li proporzjon sinjifikattiv tal-klassi rilevanti ta’ persuni jqisu li t-trade mark (ipparagunata ma’ trade marks oħra li wkoll jistgħu jkunu preżenti) tindika l-oriġini tal-prodotti?

2)      Meta forma tikkonsisti fi tliet karatteristiċi essenzjali, fejn waħda minnhom tirriżulta min-natura nnifisha tal-prodott u fejn it-tnejn l-oħra huma neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku, l-Artikolu 3(1)(e)(i) u/jew (ii) tad-Direttiva 2008/95/KE jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ din il-forma bħala trade mark?

3)      L-Artikolu 3(1)(e)(ii) tad-Direttiva 2008/95/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ forom li huma meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku fir-rigward tal-mod li bih huma mmanifatturati l-prodotti meta mqabbla mal-mod li bih il-prodotti jiffunzjonaw?”

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

27      Peress li l-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fil-11 ta ‘Ġunju 2015 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Nestlé talbet għal ftuħ mill-ġdid ta’ din il-fażi orali permezz tal-ittra tas-26 ta’ Ġunju 2015, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ġunju 2015.

28      Insostenn ta’ din it-talba, Nestlé b’mod partikolari ssostni li, sa fejn il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma kinux jirrispondu b’mod sodisfaċenti l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju ma tistax tieħu deċiżjoni fir-rigward tagħha.

29      Barra minn hekk, Nestlé ssostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minnha.

30      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, li għandha informazzjoni biżżejjed sabiex tieħu deċiżjoni, li ma jeżisti l-ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva u li din il-kawża ma għandhiex ħtieġa li tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argumenti li ma kinux ġew indirizzati mill-partijiet.

32      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġu l-intervent tiegħu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta la mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mal-motivazzjoni li tagħti lok għall-imsemmija konklużjonijiet (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Konsegwentement, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

34      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/95.

35      Kif jirriżulta mis-sentenza Oberbank et (C‑217/13 et C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 31), id-Direttiva 2008/95 sempliċement wettqet kodifikazzjoni tad-Direttiva 89/104, hekk li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġew milquta minn ebda emenda sostanzjali fir-rigward tal-kliem, tal-kuntest u tal-għan tagħhom, meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 89/104. Minn dan jirriżulta li riferiment għall-ġurisprudenza rigward id-Direttiva 89/104 tibqa’ rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża.

36      Fit-tieni lok, konformement mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, sinjal li jirrappreżenta l-forma ta’ prodott jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi trade mark sakemm dan ikun jista’, minn naħa, jiġi rrappreżentat grafikament u, min-naħa l-oħra, ikun ta’ natura tali li jiddistingwi l-prodott jew is-servizz ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

37      Issa, l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 jindividwalizza espliċitament ċerti sinjali kkostitwiti mill-forma ta’ prodott billi jelenka r-raġunijiet speċifiċi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri meta dawn is-sinjali huma kkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott, mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku u mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott.

38      Peress li l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 huwa ostakolu preliminari li jista’ jfixkel ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal kkostitwit biss mill-forma ta’ prodott, minn dan isegwi li, fil-każ li wieħed mit-tliet kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni huwa ssodisfatt, tali sinjal ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Philips, C-299/99, EU:C:2002:377, punt 76, kif ukoll Linde et, C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 44).

39      Barra minn hekk, sinjal li ma jistax jiġi rreġistrat abbażi tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 ma jista’ qatt jikseb karattru distintiv għall-finijiet tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva permezz tal-użu li jsir minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Philips, C-299/99, EU:C:2002:377, punt 75, kif ukoll Linde et, C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 44).

40      Konsegwentement, fil-kuntest ta’ talba għal reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma ta’ prodott, għandu jiġi vverifikat, qabel kollox, jekk jeżistix xi ostakolu skont l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 li jista’ jfixkel ir-reġistrazzjoni sabiex jiġi analizzat, sussegwentement, jekk is-sinjal inkwistjoni setax, f’dan il-każ, jikseb karattru distintiv għall-finijiet tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.

41      Għalhekk, u sabiex tiġi osservata l-loġika u l-ordni magħżul mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-formulazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, hemm lok li jinqaleb l-ordni tal-eżami tad-domandi preliminari, billi l-ewwel issir analiżi tat-tieni u tat-tielet domandi, rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95, qabel ma tiġi eżaminata l-ewwel domanda dwar l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

42      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-reġistrazzjoni, bħala trade mark, ta’ sinjal ikkostitwit mill-forma ta’ prodott meta din il-forma tikkonsisti fi tliet karatteristiċi essenzjali fejn waħda minnhom tirriżulta min-natura nnifisha tal-prodott u fejn it-tnejn l-oħra huma neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

43      Qabel kollox, għandu jitfakkar li d-diversi raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-interess ġenerali wara kull wieħed minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230, punti 25 sa 27, kif ukoll Philips, C-299/99, EU:C:2002:377, punt 77).

44      Ir-ratio wara r-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 tikkonsisti f’li jiġi evitat li l-protezzjoni tad-dritt tat-trade marks twassal sabiex tagħti lill-proprjetarju tagħha monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li jistgħu jkunu mfittxija mill-utent fil-prodotti tal-kompetituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Philips, C-299/99, EU:C:2002:377, punt 78, u Hauck, C-205/13, EU:C:2014:2233, punt 18).

45      Fil-fatt, dan jirrigwarda l-fatt li jiġi evitat li d-dritt esklużiv u permanenti mogħti minn trade mark jista’ jservi sabiex jiġu fis-seħħ, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet oħra li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jissuġġetta għal termini perentorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hauck, C-205/13, EU:C:2014:2233, punt 19, u, dwar l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), dispożizzjoni li hija essenzjalment identika għall-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95, sentenza Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 45).

46      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-diversi raġunijiet għal rifjut jistgħux ikunu s-suġġett ta’ applikazzjoni simultanja, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 li t-tliet raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni huma ta’ natura awtonoma, kull wieħed minnhom japplika indipendentement mill-oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hauck, C-205/13, EU:C:2014:2233, punt 39).

47      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li għalkemm wieħed biss mill-kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni huwa ssodisfatt, is-sinjal li huwa kkostitwit esklużivament mill-forma ta’ prodott ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark, mhuwiex rilevanti jekk is-sinjal jistax jiġi rrifjutat abbażi ta’ diversi raġunijiet għal rifjut, ġaladarba wieħed biss minn dawn ir-raġunijiet japplika għal kollox għall-imsemmi sinjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hauck, C-205/13, EU:C:2014:2233, punti 40 u 41).

48      Konsegwentement, l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 ma jeskludix il-fatt li l-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal jistgħu jaqgħu taħt wieħed jew diversi raġunijiet għal rifjut stabbiliti. Madankollu, f’każ bħal dan, ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li minn tal-inqas wieħed minn dawn ir-raġunijiet japplika għal kollox għas-sinjal inkwistjoni.

49      Fil-fatt, l-għan tal-interess ġenerali wara l-applikazzjoni tat-tliet raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 jostakola r-rifjut ta’ reġistrazzjoni meta l-ebda wieħed minn dawn it-tliet raġunijiet ma japplika għal kollox (sentenza Hauck, C-205/13, EU:C:2014:2233, punt 42).

50      Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 li ma tippermettix li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark meta l-analiżi turi li iktar minn wieħed mit-tliet raġunijiet għal rifjut japplikaw, jew li, għal kuntrarju, tippermetti applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ li kull wieħed mit-tliet raġunijiet għal rifjut stabbiliti huwa biss parzjalment ivverifikat, tmur manifestament kontra l-għan tal-interess ġenerali wara l-applikazzjoni tat-tliet raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95, kif imfakkar fil-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit mill-forma ta’ prodott bħala trade mark meta din il-forma tikkonsisti fi tliet karatteristiċi essenzjali fejn waħda minnhom tirriżulta min-natura nnifisha tal-prodott u fejn it-tnejn l-oħra huma neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku, suġġett għall-kundizzjoni, madankollu, li minn tal-inqas waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tapplika għal kollox għall-forma inkwistjoni.

 Fuq it-tielet domanda

52      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 3(1)(e)(ii) tad-Direttiva 2008/95, li jippermetti li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tas-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma ta’ prodott neċessarja għall-kisba tar-riżultat tekniku, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż unikament għall-mod li bih il-prodott inkwistjoni jiffunzjona jew japplika wkoll fir-rigward tal-mod li bih huwa mmanifatturat.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni hija intiża espressament għall-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ “riżultat tekniku”, mingħajr ma tinkludi l-proċess ta’ manifattura ta’ dan il-prodott.

54      Permezz ta’ interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni, ir-raġuni għal rifjut li hija hemmhekk intiża hija limitata għall-mod li bih il-prodott jiffunzjona, peress li r-riżultat tekniku jikkostitwixxi l-għan aħħari tal-manifattura tal-forma inkwistjoni.

55      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan segwit mill-Artikolu 3(1)(e)(ii) tad-Direttiva 2008/95 li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, f’li jevita milli monopolju jingħata fuq soluzzjonijiet tekniċi li jistgħu jkunu mfittxija mill-utent fil-prodotti tal-kompetituri. Fil-fatt, mill-perspettiva tal-konsumatur, il-funzjonalità ta’ prodott hija determinanti u l-metodi ta’ manifattura tiegħu ma humiex daqstant importanti.

56      Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-metodi ta’ manifattura lanqas ma huma determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karatteristiċi funzjonali essenzjali tal-forma ta’ prodott. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit mill-forma unikament attribwibbli għar-riżultat tekniku għandha tiġi rrifjutata anki jekk ir-riżultat tekniku inkwistjoni jista’ jinkiseb minn forom oħra, u konsegwentement, minn proċessi oħra ta’ manifattura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Philips, C-299/99, EU:C:2002:377, punt 83).

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(e)(ii) tad-Direttiva 2008/95, li jippermetti li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tas-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma ta’ prodott neċessarja għall-kisba tar-riżultat tekniku, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż unikament għall-mod li bih il-prodott inkwistjoni jiffunzjona u ma japplikax fir-rigward tal-mod li bih huwa mmanifatturat.

 Fuq l-ewwel domanda

58      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-applikant għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li jkun sar minnha fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/95 għandux jagħti l-prova li l-klassi rilevanti ta’ persuni jirrikonoxxu l-prodott jew is-servizz koperti minn din l-unika trade mark, ipparagunata ma’ trade marks oħra li wkoll jistgħu jkunu preżenti, bħala li jkunu jipprovjenu minn impriża partikolari, jew jekk huwiex biżżejjed li jagħti prova li proporzjon sinjifikattiv tal-klassi rilevanti jirrikonoxxi l-imsemmija trade mark u jassoċjaha mal-prodotti tal-applikant.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark, billi permezz tagħha jkun jista’ jiddistingwi mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew servizz, minn dawk ta’ oriġini differenti (sentenza Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 30).

60      Fil-fatt, permezz tal-karattru distintiv tagħha, trade mark tista’ tidentifika l-prodott jew is-servizz li hija tkopri bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u b’hekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott jew servizz u dawk ta’ impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230, punt 46; Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 35, u Oberbank et, C-217/13 u C-218/13, EU:C:2014:2012, punt 38).

61      Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat fid-dawl, minn naħa, tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn din it-trade mark u, min-naħa l-oħra, tal-perċezzjoni preżunta tal-klassi rilevanti ta’ persuni, jiġifieri l-konsumaturi medji tal-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, normalment informati u raġonevolment attenti u avżati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; Nestlé, C‑353/03, EU:C:2005:432, punt 25, u Oberbank et, C‑217/13 u C‑218/13, EU:C:2014:2012, punt 39).

62      Il-karattru distintiv, li għalhekk jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet ġenerali meħtieġa sabiex sinjal ikun jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark, jista’ jkun intrinsiku, konformement mal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95, jew ikun inkiseb bl-użu li jkun sar minnu fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.

63      Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kisba ta’ karattru distintiv konformement mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/95, l-espressjoni “l-użu tat-trade mark bħala trade mark” għandha tinftiehem li qiegħda tirreferi biss għall-użu tat-trademark għal skopijiet tal-identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz mill-klassi rilevanti ta’ persuni bħala wieħed li joriġina minn impriża determinata (sentenza Nestlé, C‑353/03, EU:C:2005:432, punt 29).

64      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li tali identifikazzjoni, u għaldaqstant il-ksib ta’ karattru distintiv, tista’ tirriżulta kemm mill-użu, bħala parti ta’ trademark irreġistrata, bħala element tagħha, kif ukoll mill-użu ta’ trademark distinta flimkien ma’ trademark irreġistrata. Hija madankollu ppreċiżat li, fiż-żewġ każijiet, huwa importanti li, b’konsegwenza ta’ dan l-użu, il-klassi rilevanti ta’ persuni tirrikonoxxi effettivament il-prodott jew is-servizz, koperti minn l-unika trade mark li għaliha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari (sentenza Nestlé, C-353/03, EU:C:2005:432, punt 30, kif ukoll, fil-kuntest tar-Regolament Nru 40/94, fejn l-Artikolu 7(3) essenzjalment jikkorrispondi għall-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/95, sentenza Colloseum Holding, C-12/12, EU:C:2013:253, punt 27).

65      Għalhekk, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-użu jikkonċernax sinjal bħala parti minn trade mark irreġistrata jew li jkun magħqud flimkien magħha, il-kundizzjoni essenzjali hija li, b’konsegwenza ta’ dan l-użu, is-sinjal li saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għalih bħala trade mark jista’ jkopri, f’moħħ il-klassi rilevanti ta’ persuni, il-prodotti li jirreferi għalihom bħala li jkunu provenjenti minn impriża determinata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Colloseum Holding, C-12/12, EU:C:2013:253, punt 28).

66      Minn dan hemm lok li jiġi dedott, kif jirriżulta mill-punti 48 sa 52 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li għalkemm it-trade mark li saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għaliha setgħet kienet is-suġġett ta’ użu bħala parti minn trade mark irreġistrata jew flimkien ma’ tali trade mark, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tar-reġistrazzjoni tat-trade mark stess, l-applikant għal reġistrazzjoni għandu jagħti l-prova li din it-trade mark tindika weħidha, ipparagunata ma’ kull trade mark oħra li tista’ tkun ukoll preżenti, l-oriġini tal-prodotti bħala li jkunu jipprovjenu minn impriża stabbilita.

67      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li, sabiex tinkiseb ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li jkun sar minnha fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/95, sew jekk bħala parti minn trade mark oħra rreġistrata jew flimkien magħha, l-applikant għal reġistrazzjoni għandu jagħti l-prova li l-klassi rilevanti ta’ persuni jirrikonoxxu l-prodott jew is-servizz koperti minn din l-unika trade mark, ipparagunata ma’ trade marks oħra li wkoll jistgħu jkunu preżenti, bħala li jkunu jipprovjenu minn impriża partikolari.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit mill-forma ta’ prodott bħala trade mark meta din il-forma tikkonsisti fi tliet karatteristiċi essenzjali fejn waħda minnhom tirriżulta min-natura nnifisha tal-prodott u fejn it-tnejn l-oħra huma neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku, suġġett għall-kundizzjoni, madankollu, li minn tal-inqas waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tapplika għal kollox għall-forma inkwistjoni.

2)      L-Artikolu 3(1)(e)(ii) tad-Direttiva 2008/95, li jippermetti li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tas-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma ta’ prodott neċessarja għall-kisba tar-riżultat tekniku, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż unikament għall-mod li bih il-prodott inkwistjoni jiffunzjona u ma japplikax fir-rigward tal-mod li bih huwa mmanifatturat.

3)      Sabiex tinkiseb ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li jkun sar minnha fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/95, sew jekk bħala parti minn trade mark oħra rreġistrata jew flimkien magħha, l-applikant għal reġistrazzjoni għandu jagħti l-prova li l-klassi rilevanti ta’ persuni jirrikonoxxu l-prodott jew is-servizz koperti minn din l-unika trade mark, ipparagunata ma’ trade marks oħra li wkoll jistgħu jkunu preżenti, bħala li jkunu jipprovjenu minn impriża partikolari.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.