Language of document : ECLI:EU:C:2015:38

Kawża C‑417/13

ÖBB Personenverkehr AG

vs

Gotthard Starjakob

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u (2)(a) — Artikolu 6(1) — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-akkreditazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena għal proroga tat-termini tal-avvanz — Ġustifikazzjoni — Kapaċità li jintlaħaq l-għan imfittex — Dritt li tiġi kkontestata l-proroga tat-termini tal-avvanz”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Jannar 2015

1.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-akkreditazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, ta’ perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena għal proroga tat-termini tal-avvanz — Leġiżlazzjoni li tinkludi diskriminazzjoni — Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-kisba ta’ għanijiet leġittimi — Rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Proporzjonalità — Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2 u 6(1))

2.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni — Konsegwenzi — Obbligu li jingħata b’mod retroattiv lill-membri tal-persunal ddiskriminat ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni effettivament miksuba u dik miksuba mill-membri tal-persunal ivvantaġġati — Assenza — Dritt tal-membri tal-persunal iddiskriminati għall-vantaġġi mogħtija lill-membri tal-persunal ivvantaġġati

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 16)

3.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni — Konsegwenzi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi obbligu għall-membri tal-persunal iddiskriminati li jipprovdu lill-persuna li timpjega, għall-finijiet tal-akkreditazzjoni tagħhom, il-provi marbuta mal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena — Ammissibbiltà — Rifjut ta’ kooperazzjoni u introduzzjoni ta’ azzjoni intiża li tikseb il-ħlas iddestinat li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament — Assenza ta’ abbuż ta’ dritt

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 16)

4.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Drittijiet mogħtija lill-individwi — Modalitajiet proċedurali nazzjonali — Osservanza tal-prinċipju ta’ effettività — Dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni — Terminu li jibda jiddekorri qabel id-data ta’ meta tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkjarifika s-sitwazzjoni ġuridika fil-qasam — Ammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

1.        Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, li, sabiex telimina diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, takkredita l-perijodi ta’ servizz ta’ qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, iżda li, fl-istess ħin, tinkludi regola, li hija intiża fir-realtà sabiex tapplika biss għall-membri tal-persunal vittmi minn din id-diskriminazzjoni, li ttawwal b’sena l-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli ta’ remunerazzjoni u li, b’dan il-mod, iżżomm definittivament differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

Fil-fatt, sa fejn din il-proroga ta’ sena tapplika biss għall-membri tal-persunal li jkunu wettqu perijodi ta’ servizz qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċitata iktar ʼil fuq fiha differenza fit-trattament diretta bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

Għal dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni għal tali differenza fit-trattament, għandu jiġi osservat, minn naħa, li kunsiderazzjonijiet baġitarji waħedhom ma jistgħux jikkostitwixxu għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li dawn jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol li jistgħu jiġġustifikaw, matul perijodu tranżitorju, iż-żamma tar-remunerazzjonijiet preċedenti u, konsegwentement, iż-żamma ta’ sistema diskriminatorja bbażata fuq l-età.

Madankollu, dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġġustifikaw miżura li żżomm b’mod definittiv, anki jekk għal ċerti persuni biss, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li r-riforma ta’ sistema diskriminatorja, li din il-miżura tagħmel parti minnha, hija intiża li telimina. Tali miżura, minkejja li tista’ tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti, ma hijiex idonea sabiex tistabbilixxi sistema nondiskriminatorja għall-membri tal-persunal żvantaġġati mill-imsemmija sistema preċedenti.

(ara l-punti 31, 36, 37, 39, 40 u d-dispożittiv 1)

2.        Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija intiża li twaqqaf diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ma għandhiex neċessarjament tippermetti lill-membru tal-persunal, li l-perijodi ta’ servizz miksuba qabel ma għalaq l-età ta’ 18-il sena ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-avvanz tiegħu, li jikseb kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għall-ħlas tad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kieku kien jikseb fl-assenza ta’ tali diskriminazzjoni u dik li effettivament kiseb.

Minkejja dan, meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata, sistema li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ referenza valida.

Din is-soluzzjoni tista’ tapplika biss fil-preżenza ta’ sistema ta’ referenza valida.

Għalhekk, fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sakemm sistema li tipproċedi għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba fl-età konformement ma’ dak li tipprovdi d-Direttiva 2000/78 ma tkunx ġiet adottata, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament jimplika l-għoti lill-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema preċedenti tal-istess vantaġġi li kienu setgħu jibbenefikaw minnhom il-membri tal-persunal ivvantaġġati minn din is-sistema, għal dak li jirrigwarda kemm l-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, kif ukoll l-avvanz fil-livell tar-remunerazzjonijiet.

(ara l-punti 45-47, 49 u d-dispożittiv 2)

3.        Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-leġiżlatur nazzjonali jipprevedi, għall-finijiet tal-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, obbligu ta’ kooperazzjoni skont liema l-membru tal-persunal għandu jipprovdi lil persuna li timpjegah il-provi marbuta mal-imsemmija perijodi.

La l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78 u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jfixklu milli dispożizzjoni nazzjonali tipprovdi għal obbligu ta’ kooperazzjoni skont liema l-membru tal-persunal għandu jipprovdi lil persuna li timpjegah, il-provi marbuta mal-perijodi ta’ servizz preċedenti mwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena.

Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ l-għaqda ta’ element oġġettiv u element suġġettiv. Fir-rigward tal-element oġġettiv, miċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha għandu jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx. Fir-rigward tal-element suġġettiv, għandha tidher li teżisti volontà li jinkiseb vantaġġ inġust li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment ir-rekwiżiti sabiex dan jinkiseb.

Ma jikkostitwixxix abbuż ta’ dritt il-fatt li membru tal-persunal jirrifjuta milli jikkoopera għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tmur kontra d-Direttiva 2000/78, kif ukoll il-kawża tiegħu intiża li tikseb il-ħlas sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti.

(ara l-punti 54, 56, 58 u d-dispożittiv 3)

4.        Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li terminu nazzjonali ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fid-dritt tal-Unjoni jibda jiddekorri qabel id-data ta’ meta tingħata sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkjarifikat is-sitwazzjoni ġuridika fil-qasam.

Fil-fatt, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika, meta jkun neċessarju, is-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Fi kliem ieħor, sentenza preliminari ma għandhiex valur kostituttiv, iżda purament dikjarattiv, bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, huwa jaqa’, bħala prinċipju, taħt id-dritt nazzjonali u l-konstatazzjoni sussegwenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jkollhiex impatt fuq dan il-bidu tad-dekorrenza.

(ara l-punti 63, 64, 69 u d-dispożittiv 4)