Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ Mejju 2023 minn Harley-Davidson Europe Ltd u Neovia Logistics Services International mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fl-1 ta’ Marzu 2023 fil-Kawża T-324/21, Harley-Davidson Europe Ltd u Neovia Logistics Services International vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-297/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Harley-Davidson Europe Ltd u Neovia Logistics Services International (rappreżentanti: E. Righini, avvocato u S. Völcker, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 1 (iktar ’il quddiem l-“UCC-DA”). Il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-għan u l-kuntest tal-Artikolu 33 UCC-DA, injorat inġustament id-dritt tal-kummerċjanti li jirrispondu għall-miżuri tal-politika kummerċjali tal-Unjoni billi jirrilokaw l-operazzjonijiet ta’ produzzjoni tagħhom, u interpretat b’mod żbaljat l-istandard tal-prova meħtieġ sabiex l-oneru tal-prova jiġi ttrasferit fuq l-appellanti.

It-tieni aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Artikolu 33 UCC-DA ma jaqbiżx il-limiti tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 1 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

It-tielet aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt tal-appellanti għal amministrazzjoni tajba. Il-Qorti Ġenerali ikkonfermat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata minkejja li kkonstatat ksur tad-dritt għal smigħ tal-appellanti, u kkonkludiet b’mod żbaljat li t-tul tal-proċedura tal-Kummissjoni, inkluż it-terminu għall-ftuħ ta’ proċeduri formali, ma kienx eċċessiv bi ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u tal-aspettattivi leġittimi tal-appellanti.

____________

1     Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41 u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60).

1     Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2).