Language of document : ECLI:EU:C:2016:140

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2016 (1)

Kawżi C‑404/15 u C‑659/15 PPU

Pál Aranyosi (C‑404/15)

u

Robert Căldăraru (C‑659/15 PPU)

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ priġunerija – Konsenja ta’ persuni rikjesti lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Artikolu 1(3) – Drittijiet fundamentali – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti – Riskju ta’ trattament inuman jew degradanti – Neċessità ta’ kontroll ta’ proporzjonalità fil-ħruġ tal-mandati ta’ arrest Ewropej”





I –    Introduzzjoni

1.        L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew twassal għat-tqegħid fid-detenzjoni tal-persuna rikjesta. In-natura stess potenzjalment jew probabbilment degradanti tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jirriżultaw minn nuqqas sistematiku fl-istabbilimenti penitenzjarji tal-Istat Membru emittenti, tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-eżekuzzjoni sabiex jirrifjutaw il-konsenja tal-interessat?

2.        Fil-fatt, mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2), jirriżulta li “[din] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE]”.

3.        Il-kwistjoni sottostanti hija dik sabiex isir magħruf jekk is-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ssibx limitu fi ksur tal-aspettattivi li għandhom ikollhom l-Istati Membri minħabba ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali li huwa preżunt li jirrispettaw.

4.        Issa, ir-rikonoxximent reċiproku, li l-mandat ta’ arrest Ewropew stess huwa eżempju tal-implementazzjoni tiegħu, huwa, kif jgħidu, il-“bażi” (3) tal-ispazju tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja li l-Unjoni Ewropea tat lilha nnifisha bħala għan hekk kif jinsab stabbilit fit-Trattati.

5.        Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tilħaq bilanċ bejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta u n-neċessità assoluta li jitwettaq dan l-ispazju komuni, b’mod partikolari permezz tal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni terzi. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tistaqsi jekk il-prinċipji li hija stabbilixxiet f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk li jinsabu fis-sentenza N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) dwar is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, humiex transponibbli fil-mekkaniżmu speċifiku tal-mandat ta’ arrest Ewropew, bir-riskju li jiġi bblokkat il-mekkaniżmu, li ksur ma jiġix ippenalizzat u li jkun hemm konsegwenzi serji ħafna għall-awtoritajiet ġudizzjarji tal-eżekuzzjoni.

6.        Fir-realtà, naħseb li s-soluzzjoni tinstab fl-ekwilibriju stess tas-sistema stabbilita permezz tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li minnha llum għandna nisiltu l-konsegwenzi. Filwaqt li tinżamm is-saħħa li jagħtih il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, huwa mir-referenza impliċita jew espliċita mwettqa mid-Deċiżjoni Qafas għal ċerti prinċipji essenzjali, u b’mod partikolari, għall‑prinċipju ta’ proporzjonalità, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li tirriżulta s-soluzzjoni.

7.        Ser nispjega għalfejn, meta l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti jaffaċċjaw sovrapopolazzjoni ġenerali fil-ħabs, li jkollha bħala konsegwenza xi kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni li jkunu kuntrarji għad-drittijiet fundamentali, dawn l-awtoritajiet ikunu marbuta jipproċedu għal kontroll tal-proporzjonalità sabiex jaġġustaw in-neċessità li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kemm fir-rigward tan-natura tal-ksur kif ukoll tal-modalitajiet konkreti tal-eżekuzzjoni tal-piena.

8.        Peress li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa strument maħluq u rregolat mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tiegħu, l-awtoritajiet ġudizzjarji li jixtiequ joħorġu tali mandat għandhom jiżguraw mhux biss li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ mertu u ta’ forma tad-Deċiżjoni Qafas, iżda wkoll li jinħareġ konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Tali kontroll, sa fejn jippermetti osservanza aħjar tal-kundizzjonijiet u, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi tal-konsenja tal-persuna rikjesta, għandu jiġi interpretat bħala li jagħmel iktar parti mill-obbligi imposti fuq l-Istat Membru emittenti sabiex jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u konsegwentement, bħala garanzija tal-fiduċja li għandhom ikollhom fih, a priori, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni.

9.        Fl-aħħar, nippreċiża li dan il-kontroll ma għandux jevadi r-responsabbiltajiet imposti fuq l-Istat Membru emittenti fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-individwi li jitqiegħdu f’dentenzjoni, abbażi ta’ mhux biss l-Artikolu 6 TUE, iżda wkoll tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tiegħu, kif ukoll l-azzjonijiet li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jkollhom neċessarjament iwettqu sabiex isaħħu l-effettività tas-sistema.

II – Il-kuntest ġuridiku

10.      Qabel ma nanalizza l-problemi li jqajmu d-domandi preliminari magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandi, qabel kollox, infakkar il-prinċipji fundamentali li fuqhom ser tkun ibbażata l-analiżi tiegħi. Dawn jinstabu fit-Trattati.

A –    It-Trattati

11.      Skont il-kliem tal-Artikolu 3(2) TUE u l-Artikolu 67(1) TFUE, l-Unjoni għandha bħala għan li żżomm u li tiżviluppa ruħha fi spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, li fih jiġu żgurati, b’rispett għad-drittijiet fundamentali ta’ kull wieħed, il-moviment liberu tal-persuni permezz ta’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.

12.      Għal dan il-għan, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE jipprovdi li “l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar 'il quddiem, il-‘Karta’)]”.

13.      Mill-Artikolu 6(3) TFUE jirriżulta wkoll li, “[i]d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-‘KEDB’)] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni”.

14.      Taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE intitolat “L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”, l-Artikolu 82 TFUE jipprovdi li “l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku”. Dan il-prinċipju, kif diġà ntqal, jikkostitwixxi l-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali bejn l-Istati Membri.

B –    Id-Deċiżjoni Qafas

15.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas ġie kkonċepit sabiex jissostitwixxi l-mekkaniżmu klassiku ta’ estradizzjoni, li jimplika deċiżjoni ta’ setgħa eżekuttiva, strument ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali bbażat fuq il-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri (4).

16.      Id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi sistema ġdida ssemplifikata u iktar effettiva ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali (5), billi tillimita b’mod strett ħafna l-motivi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u billi tistabbilixxi t-termini għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet relattivi għall-mandat ta’ arrest Ewropew (6).

17.      Billi jistabbilixxi proċedura intiża sabiex tkun iktar effettiva u effiċjenti mill-proċedura preċedenti, il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi, qabel u fuq kollox, kontribuzzjoni essenzjali għar-repressjoni tal-attivitajiet kriminali fl-Unjoni. Sa fejn jippermetti li jiġu żgurati l-azzjoni, id-deċiżjoni u l-kundanna ta’ dawk li jwettqu reat kriminali mwettaq f’wieħed mill-Istati Membri, dan jikkostitwixxi llum salvagwardja essenzjali tal-abolizzjoni tal-fruntieri interni tal-Unjoni u jsaħħah ukoll il-protezzjoni tal-vittmi tar-reati kriminali billi jiżgura li, minn naħa, l-awturi ta’ dawn ir-reati ser ikunu jistgħu jiġu pproċessati u kkundannati għar-reati li wettqu u, min-naħa l-oħra, li l-ġustizzja sseħħ iktar malajr u b’mod iktar effettiv.

18.      Il-premessi 10 sa 13 tad-Deċiżjoni Qafas huma mfassla b’dan il-mod:

“(10) Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE], imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu (7).

(11)      Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jissostitwixxi kull strument preċedenti dwar l-estradizzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen li jikkonċernaw l-estradizzjoni.

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-Karta […] b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu […]

(13)      L-ebda persuna m’għandha tiġi mneħħija, espulsa jew estradita lejn Stat fejn hemm riskju serju li tiġi soġġettata għall-piena tal-mewt, tortura jew trattament jew piena inumana jew degradanti.”

19.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

20.      L-Artikoli 3 sa 4a tad-Deċiżjoni Qafas huma ddedikati għar-raġunijiet tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u għar-raġunijiet tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

III – Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

21.      Ir-rinviji preliminari preżenti jaqgħu taħt il-kuntest tal-eżami, mill-Generalstaatsanwaltschaft Bremen (ministeru pubbliku ta’ Bremen), tal-legalità tal-konsenja ta’ P. Aranyosi u R. Căldăraru lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom (8).

22.      Fil-kuntest tal-kawża Aranyosi (C‑404/15), tressqet talba quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi għall-konsenja tal-interessat abbażi ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej, li nħarġu rispettivament fl-4 ta’ Novembru u fil-31 ta’ Diċembru 2014 mill-Miskolci járásbíróság (qorti tad-distrett ta’ Miskolc, l-Ungerija), għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali. P. Aranyosi huwa ċittadin Ungeriż, li attwalment jirresjedi fi Bremerhaven (il-Ġermanja) ma’ ommu, u għandu sieħba u wild ta’ età żgħira.

23.      Huwa ġie akkużat, minn naħa, li wara li daħal bi sgass f’dar fi Sajohidveg (l-Ungerija), seraq EUR 2,500 u HUF 100,000 (Forint Ungeriż), (madwar EUR 313) f’kontanti kif ukoll diversi oġġetti prezzjużi u, min-naħa l-oħra, li daħal fi skola f’Sajohidveg u vvandalizza xi tagħmir u seraq, minbarra xi dispożittivi tekniċi kif ukoll kontanti b’valur totali stmat għal HUF 244,000 (madwar EUR 760).

24.      Fil-kuntest tal-kawża ta’ R. Căldăraru (C‑659/15 PPU), din id-darba, tressqet quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi, talba għall-konsenja tal-interessat abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li nħareġ fid-29 ta’ Ottubru 2015 mill-Judecătoria Făgăraş (qorti tal-ewwel istanza ta’ Fagaras, ir-Rumanija), għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija ta’ sena u tmien xhur permezz ta’ deċiżjoni li saret definittiva. R. Căldăraru huwa ċittadin Rumen.

25.      Filwaqt li kien ġie kkundannat, fis-17 ta’ Diċembru 2013, għal piena ta’ priġunerija sospiża minħabba r-reat ta’ sewqan mingħajr liċenzja, fil-5 ta’ Awwissu 2014, dan sar reċidiv meta saq sad-dar ta’ missieru.

26.      R. Căldăraru ġie arrestat fi Bremen (il-Ġermanja), fit-8 ta’ Novembru 2015, u tqiegħed taħt arrest għall-estradizzjoni.

27.      Waqt is-seduta tagħhom, P. Aranyosi u R. Căldăraru t-tnejn oġġezzjonaw għall-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti, billi ddikjaraw li ma jagħtux il-kunsens tagħhom għall-proċedura ta’ konsenja ssemplifikata.

28.      F’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi, il-Ministeru Pubbliku ta’ Bremen talab lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti sabiex jindikaw l-isem tal-ħabsijiet li fihom l-interessati kienu ser jinżammu fil-każ tal-konsenja tagħhom, u dan b’referenza għall-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li ma jissodisfawx l-istandards minimi Ewropej. L-ebda minn dawn l-awtoritajiet ma setgħu jintrabtu fuq dan il-punt, u konsegwentement, il-Ministeru Pubbliku ta’ Bremen jistaqsi ruħu, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-termini tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas u tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 73 tal-IRG (9), fuq il-legalità ta’ tali konsenji.

29.      Għaldaqstant, ir-rinviji preliminari preżenti jaqgħu taħt kuntest partikolari ħafna, ikkaratterizzati fil-konstatazzjoni mqajma mhux mill-Kunsill Ewropew bl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sanzjoni previst fl-Artikolu 7 TUE u espressament previst fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas, iżda mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

30.      Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Iavoc Stanciu vs Ir-Rumanija (10) u fis-sentenza pilota (11) Varga et vs L-Ungerija (12), din ikkonstatat l-eżistenza ta’ problemi ta’ funzjonament iġġeneralizzati fis-sistemi penitenzjarji Rumeni u Ungeriżi, li jirriżultaw, b’mod partikolari, f’sovrapopolazzjoni ġġeneralizzata u li bħala konsegwenza tagħha l-priġunieri huma, jew qegħdin fir-riskju li jiġu esposti għal trattament inuman jew degradanti waqt id-detenzjoni tagħhom, li huwa kuntrarju għall-Artikoli 2, 3 u 5 tal-KEDB.

31.      Għalkemm huwa minnu li fir-Rumanija, għaxar priġunieri jistgħu jiġu kkonfinati f’9 m2, u jiddisponu għaldaqstant minn spazju biex jgħixu fih ta’ inqas minn 2 m2, u għalkemm huwa minnu li f’dan ir-rigward, tressqu diversi mijiet ta’ rikorsi individwali quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ma nistax ħlief nistaqsi dwar il-legalità tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, kemm jekk jinħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ priġunerija, fid-dawl tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta.

32.      Din il-konstatazzjoni diġà ġiet indirizzata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi tliet sentenzi piloti li jikkonċernaw rispettivament lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika tal-Bulgarija u lill-Ungerija (13).

33.      Madankollu, il-ġurisprudenza tagħha turi l-eżistenza ta’ problemi rikorrenti fl-univers penitenzjarju tas-47 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, fosthom Stati Membri tal-Unjoni.

34.      F’xi kawżi li jimplikaw lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Repubblika tal-Polonja u lir-Repubblika tas-Slovenja (14), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li s-sovrapopolazzjoni fil-ħabs kienet laħqet livell tat-tip li dan il-fattur setgħa, fih innifsu, jitqies li huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Barra minn hekk, anki jekk dan ma tax lok għall-pronunzja ta’ sentenza pilota, din il-Qorti kkonstatat li l-problemi li jirriżultaw mis-sovrapopolazzjoni fil-ħabs fil-Belġju huma ta’ natura strutturali, li jmorru lil hinn mis-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrent fil-kawża preżenti (15).

35.      Fl-2011, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tennew il-preokkupazzjoni tagħhom fir-rigward tal-mod kif il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’dawn l-Istati Membri jistgħu jaffettwaw il-fiduċja reċiproka u l-funzjonament tajjeb tal-istrumenti tar-rikonoxximent reċiproku fl-ispazju tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja (16).

36.      Ħames snin wara din il-konstatazzjoni, illum tressqet din il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ dawn it-talbiet għal domanda preliminari.

37.      Billi qieset li kien neċessarju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li estradizzjoni għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali [(Kawża C‑404/15) jew li estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali (Kawża C‑659/15 PPU)] ma hijiex ammissibbli jekk jeżistu indizji serji li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni fl-Istat Membru emittenti jiksru d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata u l-prinċipji ġenerali tad-dritt stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE jew għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dawn il-każijiet, l-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jew għandu jissuġġetta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-legalità ta’ estradizzjoni għall-kundizzjoni li jiġi ggarantit li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni jkunu osservati? L-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jew għandu jifformula, f’dan ir-rigward, rekwiżiti minimi konkreti applikabbli għall-kundizzjonijiet tad-detenzjoni li għandhom jiġu ggarantiti?

2)      L-Artikoli 5 u 6(1) tad-Deċiżjoni qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti jistgħu wkoll jagħtu garanziji rigward l-osservanza tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni jew inkella assigurazzjonijiet f’dan ir-rigward jibqgħu suġġetti għar-regoli nazzjonali ta’ kompetenza tal-Istat Membru emittenti?”

38.      Għalkemm id-domandi magħmula fil-kuntest tal-Kawża C‑404/15 jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali u għalkemm dawk magħmula fil-kuntest tal-Kawża C‑659/15 PPU huma, min-naħa l-oħra, relattivi għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, dawn id-domandi jeħtieġu eżami konġunt għaliex huma bbażati fuq problematika identika. Barra minn hekk, ser neżamina flimkien liż-żewġ domandi magħmula minħabba l-konnessjoni li ttihom il-komplimentarità tagħhom.

IV – Osservazzjonijiet preliminari dwar id-diffikultajiet imqajma minn traspożizzjoni tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza N. S. et

39.      Diversi Stati Membri pproponew li jiġi traspost il-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) (17). Huwa minnu li l-idea ppreżentat ruħha kemxejn spontanjament minħabba analoġija fattwali li, bħal meta ninjoraw l-istampa ġenerali minħabba dettall, tiffoka fuqha l-attenzjoni u r-raġunament.

40.      Din l-analoġija hija bbażata fuq il-fatt li, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, bħal fil-kawżi prinċipali, kien jeżisti nuqqas sistematiku fl-Istat Membru li fih kellha titwettaq id-detenzjoni fil-każ tat-tneħħija tal-persuna li qed titlob l-ażil, liema nuqqas ġie kkonstatat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem wara rikorsi individwali li tressqu quddiemha.

41.      Fis-sentenza N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, huma meħtieġa li ma jittrasferixxux persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil lejn l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 meta ma jistgħux jinjoraw, permezz tal-istrumenti li jiddisponu minnhom, li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dan l-Istat Membru jistgħu jwasslu biex il-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil tkun esposta għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta (18).

42.      Ir-raġunament fl-imsemmija sentenza jwassal sabiex jimponi fuq l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinstab il-persuna li qed tfittex l-ażil sabiex jipproċedi huwa stess għall-eżami tat-talba għal ażil jekk l-Istat Membru “responsabbli”, fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003, ma joffrix garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni.

43.      Minkejja li hija attraenti, b’mod partikolari minħabba s-sempliċità tagħha, din il-ġurisprudenza ma tidhirlix li hija applikabbli b’analoġija għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas.

44.      Fil-fatt, raġunijiet differenti jidhru li jopponuha.

45.      Fl-ewwel lok, il-prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza tagħha, N. S. et (C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865), huwa t-traspożizzjoni, fl-Unjoni kollha, tal-prinċipju essenzjali li jirregola r-regoli ta’ tneħħija u ta’ tkeċċija fil-kuntest tad-dritt għall-ażil. Dan il-prinċipju li jipprovdi li ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jiġi estradit lejn Stat fejn jeżisti riskju serju għalih li jiġi kkundannat għall-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti huwa stabbilit fl-Artikolu 19(2) tal-Karta kif ukoll fl-Artikolu 3 tal-KEDB.

46.      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, it-traspożizzjoni tal-imsemmi prinċipju hija eskluża bir-reqqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni minħabba t-termini li hija tuża fil-premessa 13 tad-Deċiżjoni Qafas.

47.      Din il-premessa tiddikjara li “[l]-ebda persuna m’għandha tiġi mneħħija, espulsa jew estradita lil Stat fejn hemm riskju serju li tiġi assoġġettata għall-piena tal-mewt, għal tortura jew trattament jew piena inumana jew degradanti”.

48.      Ma hemm l-ebda referenza għall-persuna “kkonsenjata”. Issa, peress li dan it-terminu jiddeskrivi l-mekkaniżmu essenzjali u ġdid li nħoloq mill-mandat ta’ arrest Ewropew, ma huwiex probabbli li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien naqas milli jinkludih kieku kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-proċedura ta’ konsenja tal-persuna rikjesta minn mandat ta’ arrest Ewropew għall-prinċipji stabbiliti fl-imsemmija premessa. Billi għamel dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq distinzjoni ċara bejn ir-regoli li jirregolaw il-mandat ta’ arrest Ewropew u dawk li jirregolaw is-sistema ta’ ażil Ewropew komuni. Huwa wera wkoll ir-rieda tiegħu li jitbiegħed mir-regoli tradizzjonali li jirregolaw l-estradizzjoni, ħaġa li hija perfettament iġġustifikata meta huwa mixtieq li jiġu ssostitwiti bil-kooperazzjoni ġudizzjarja bbażata fuq ir-rikonoxximent u l-fiduċja reċiproċi (19).

49.      Fit-tieni lok, is-sistema tal-ażil Ewropew komuni u l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, peress li jipparteċipaw it-tnejn fir-realizzazzjoni tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, jissodisfaw għanijiet distinti u jippreżentaw it-tnejn xi karatteristiċi partikolari, strutturati madwar regoli u prinċipji speċifiċi.

50.      L-ewwel nett, is-sistema ta’ ażil Ewropew komuni hija bbażata fuq numru sħiħ ta’ regoli armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Minn naħa tiegħu, id-dritt penali, materjali u proċedurali ma huwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni estiża fl-Unjoni u jibqa’, minkejja kollox, irregolat mit-territorjalità tal-liġi kriminali.

51.      It-tieni nett, is-sistema tal-ażil Ewropew komuni hija intiża sabiex toffri spazju ta’ protezzjoni u ta’ solidarjetà favur individwi li qed jaħarbu minn persekuzzjoni jew attentati gravi kontra l-persuna tagħhom u li jitolbu protezzjoni internazzjonali. Il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa, minn naħa tiegħu, intiż sabiex jassigura r-repressjoni ta’ attivitajiet kriminali fl-Unjoni billi jippermetti l-proċedura, id-deċiżjoni u l-kundanna tal-awturi ta’ reati kriminali.

52.      It-tielet nett, is-sistema ta’ ażil Ewropew komuni hija bbażata fuq proċedura tal-eżami ta’ natura purament amministrattiva fejn l-isfida hija li jsir magħruf jekk il-persuna kkonċernata għandhiex dritt jew le għall-istatus ta’ refuġjat u, jekk dan ma jkunx il-każ, li titneħħa mit-territorju tal-Unjoni. Fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew, dan jaqa’ taħt mekkaniżmu purament intern tal-Unjoni u huwa bbażat, barra minn hekk, fuq proċedura esklużivament ġudizzjarja. Ma huwiex l-Istat Membru, iżda l-qorti nazzjonali li titlob il-priġunerija ta’ persuna u d-Deċiżjoni Qafas timponi, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri ċerti riżervi, fuq l-Istati Membri sabiex jilqgħu din it-talba.

53.      Ir-raba’ nett, fil-kuntest tas-sistema ta’ ażil Ewropew komuni, id-deċiżjoni ta’ tqegħid f’detenzjoni tikkostitwixxi, għall-Istat Membru responsabbli, l-aħħar miżura possibbli, kompletament sussidjarja, marbuta man-neċessità ta’ tneħħija forzata. It-tqegħid f’detenzjoni li jimplika l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa, minn naħa tiegħu, ir-regola u jirriżulta mid-deċiżjoni tal-qorti li tikkundanna lill-awtur ta’ reat kriminali jew li teżiġi li, minħabba motivi ta’ infurzar, jidher quddiem qorti sabiex jiġi deċiż il-każ.

54.      Fl-aħħar lok, għandna nieħdu inkunsiderazzjoni l-isfida u l-konsegwenzi konkreti ħafna li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-ġurisprudenza N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) fuq il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-limiti ta’ tali applikazzjoni fid-dawl tar-rwol u tal-kompetenzi tal-Istat Membru fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

55.      Fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), l-isfida kienet li jsir magħruf liema mill-Istati Membri kien responsabbli għall-eżami ta’ talba ta’ ażil fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003. B’mod konkret ħafna, is-soluzzjoni magħżula mill-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex iktar konsegwenzi għajr dawk li teżiġi lill-awtoritajiet tar-Renju Unit u Irlandiżi kompetenti sabiex jidentifikaw, skont il-kriterji previsti minn dan ir-regolament, “Stat Membru responsabbli” ieħor, jew li huma stess jittrattaw it-talba għal ażil, jekk ikun il-każ, billi jeżiġu t-tneħħija tal-interessati mit-territorju tagħhom. Għaldaqstant, din tirrigwarda l-eċċezzjoni għal regola ta’ kompetenza territorjali stabbilita sabiex jitwettaq tqassim tal-oneru tal-proċeduri amministrattivi suġġetti għal kriterji ta’ mertu komuni għall-Istati Membri kollha.

56.      Fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, l-isfida hija ta’ natura oħra peress li tirrigwarda l-garanzija tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika billi tippermetti l-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kontra P. Aranyosi u billi tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija kontra R. Căldăraru.

57.      Il-konsegwenzi prattiċi huma wkoll ta’ skala kompletament differenti peress li, fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-eżekuzzjoni huma marbuta li jirrifjutaw il-konsenja tal-persuna rikjesta.

58.      Issa, kuntrarjament għas-sistema ta’ ażil Ewropew komuni li hija, kif għidna, fil-maġġoranza tagħha armonizzata, id-dritt penali, materjali u proċedurali, ma huwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni estiża fl-Unjoni, u jibqa’ minkejja kollox, irregolat mit-territorjalità tal-liġi kriminali.

59.      Dan ifisser li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, it-traspożizzjoni tal-prinċipji stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) twassal għas-sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux iktar jikkonsenjaw lill-persuna rikjesta għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri u lanqas ma jiddisponu, u bħala prinċipju, mill-kompetenza sabiex iressqu proċeduri kontrihom, minflok l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-kawża C‑404/15, u b’mod partikolari mill-argumenti magħmula mit-tribunal tad-distrett ta’ Miskolc, l-istabbiliment tal-ksur u l-għażla tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati jaqgħu taħt il-kamp tal-kompetenzi inaljenabbli tal-awtoritajiet ġudizzjarji Ungeriżi.

60.      Għaldaqstant, jeżisti riskju ċar u evidenti li r-reat jibqa’ mhux sanzjonat u li l-awtur tiegħu jsir reċidiv, u b’hekk iwassal għal ksur tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni.

61.      Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, il-problema tista’ tidher inqas delikata fil-każ fejn, jekk l-individwu rikjest jirrisjedi fuq it-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat ikunu jistgħu eventwalment jintrabtu sabiex jeżegwixxu din il-piena, fuq il-bażi tat-termini tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas. L-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti jkunu jistgħu wkoll, min-naħa tagħhom, jinvokaw it-termini tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ priġunerija jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (20), sabiex dan l-individwu jkun jista’ jeżegwixxi l-piena tiegħu fuq it-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

62.      Għalkemm tali soluzzjoni hija possibbli, xorta jibqa’ l-fatt li, bl-applikazzjoni tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) għall-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, ikun hemm differenza fit-trattament u, għaldaqstant, ksur fil-prinċipju tal-ugwaljanza li jgħid li l-persuna rikjesta hija akkużata jew diġà ġiet ikkundannata.

63.      Barra minn hekk, ma nistgħux neskludu li tali soluzzjoni finalment ma tinċentivax lill-persuni rikjesti għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ priġunerija sabiex isiefru lejn Stati Membri oħra sabiex jaħarbu minn dawn il-proċeduri jew sabiex ikunu jistgħu jbatu l-piena hemm. Għaldaqstant, dawn l-Istati jsiru Stati ta’ refuġju kif wara kollox enfasizza b’mod espress il-Prokuratur Ġenerali ta’ Bremen waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Kif jista’ jiġi evitat li dawn tal-aħħar jirrikonoxxu min-naħa tagħhom id-diffikultajiet u ma jsirux inadempjenti? Mingħajr dubju jistgħu jaħarbu dan billi ma jeżegwixxux il-pieni li għalihom irrifjutaw li jeżerċitaw il-mandat ta’ arrest Ewropew. Tali konsegwenzi għandhom jiġu kkunsidrati b’mod serju.

64.      Qabel kollox, barra minn hekk, jekk niġġudikaw dan permezz tan-numru ta’ Stati Membri li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew mill-Kummissjoni għandhom jitqiesu li huma inadempjenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, dawn jidhru li huma kenn xieraq. Peress li diġà huma sovrapopolati, ma tantx hemm ċans li ser iżidu r-rata ta’ okkupazzjoni fil-ħabsijiet tagħhom billi jilqgħu individwi kkundannati minn awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri l-oħra.

65.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat għaldaqstant li traspożizzjoni tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) toħloq ostakoli serji marbuta man-natura u l-għanijiet tal-mandat ta’ arrest Ewropew u timplika barra minn hekk, mhux biss il-paraliżi tal-mekkaniżmu stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas, iżda wkoll konsegwenzi estremament serji u dannużi għall-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni, elementi li ser nerġa’ nsemmi.

V –    L-analiżi

66.      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl tat-termini tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hijiex marbuta sabiex tikkonsenja lill-persuna rikjesta għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ priġunerija jew ta’ miżura li tirrestrinġi l-libertà meta din tkun suxxettibbli li tinżamm, fl-Istat Membru emittenti, f’kundizzjonijiet kuntrarji għad-drittijiet fundamentali tagħha u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet u skont liema formalitajiet.

67.      Il-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju ma hijiex marbuta ma’ difett li jaffettwa l-validità intrinsika tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew ma’ difett li jivvizzja lill-proċedura ta’ investigazzjoni, lid-deċiżjoni jew lill-mezzi ta’ appell applikabbli fl-Istat Membru emittenti. Id-difett jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’dan l-Istat, jiġifieri l-fażi sussegwenti għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Dan id-difett għandu riskju, dak li l-persuna tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni li huma kuntrarji għall-garanziji previsti fl-Artikolu 4 tal-Karta.

68.      Il-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju hija marbuta għaldaqstant mal-problema klassika ta’ bilanċ bejn l-għanijiet fundamentali differenti, man-neċessità li jintlaħqu u mal-possibbiltà li jitwettqu mingħajr ma jiġu nnegati u mingħajr lanqas biss jitnaqqsu l-garanziji tal-Unjoni fl-ispazju tad-dritt u tal-libertà.

69.      Fl-ewwel lok, ser nipproċedi għall-analiżi klassika tat-termini tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas, tal-ekonomija tagħha, u tal-prinċipji gwida li hija bbażata fuqhom. Wara dan l-eżami, ser nikkonkludi li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas ma jistax jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

70.      Madankollu, m’iniex ser nikkonkludi li hemm obbligu bażiku ta’ konsenja meta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jirriskja li jwassal għal riżultati bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju.

71.      Fit-tieni nett, effettivament, ser nispjega r-raġunijiet għalfejn il-kontroll ta’ proporzjonalità huwa impost meta l-awtorità ġudizzjarja tiddeċiedi, minkejja n-nuqqas ta’ post fil-ħabsijiet tal-Istat u d-diversi kundanni li kien is-suġġett tagħhom dan tal-aħħar minħabba l-kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni li huma kuntrarji għad-drittijiet fundamentali, li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għal reat minuri.

A –    It-termini tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas

72.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas huwa intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”.

73.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa għaldaqstant, fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-għan tal-mandat ta’ arrest Ewropew u jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tal-artikolu msemmi, il-prinċipju li abbażi tiegħu l-Istati Membri huma marbuta li jeżegwuh skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

74.      Meta stabbilixxa, fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li d-“deċiżjoni [qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE]”, il-leġiżlatur tal-Unjoni fakkar biss lil kull wieħed mill-Istati Membru li huma marbuta, skont din l-aħħar dispożizzjoni, li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

75.      Dan l-obbligu jikkostitwixxi, kif ser naraw, espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sens kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fl-opinjoni 2/13 tagħha (EU:C:2014:2454).

76.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa għaldaqstant, fl-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew, jiġifieri rispettivament, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

77.      Dawn il-paragrafi 2 u 3 jikkomplementaw lil xulxin, peress li ż-żewġ prinċipji li jistabbilixxu huma indissoċjabbilment marbuta sa fejn il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku huwa bbażat fuq il-fiduċja li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tar-rispett ta’ kull wieħed minnhom għar-rispett tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali.

78.      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas ma jistax jiġi interpretat bħala li għandu bħala suġġett eċċezzjoni għall-prinċipju tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

B –    Fuq l-istruttura tas-sistema

79.      Jekk għandna ninterpretaw l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas bħala dispożizzjoni li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew minħabba l-fatt li l-persuna rikjesta tista’ tiġi esposta għal kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni kuntrarji għad-drittijiet fundamentali tagħha, tali interpretazzjoni tkun, barra minn hekk, manifestament kuntrarja għall-istruttura tas-sistema.

80.      Minn naħa, din ikollha bħala effett li tintroduċi motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni li manifestament ma ġiex previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

81.      Għaldaqstant, dan imur mhux biss kontra r-rieda affermata b’mod ċar tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi b’mod eżawrjenti, minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-każijiet li fihom il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi eżegwit, iżda wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li żammet interpretazzjoni stretta ħafna tad-Deċiżjoni Qafas u b’mod partikolari tal-motivi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikoli 3 sa 4a ta’ din tal-aħħar.

82.      Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni jkollha bħala effett li tintroduċi motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni sistematika tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-Istati Membri li qed jaffrontaw diffikultajiet serji fil-funzjonament tal-ħabsijiet tagħhom, apparti minn dawk previsti b’mod espress fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas.

83.      F’din il-premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi b’mod espress il-possibbiltà li jiġi sospiż il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward ta’ Stat Membru fil-każ ta’ ksur gravi u persistenti tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) UE minn dan tal-aħħar.

84.      Il-ksur “persistenti” huwa ddefinit mill-Kummissjoni bħala li jfisser ir-“repetizzjoni sistematika ta’ każijiet individwali ta’ ksur” (21), fejn il-Kummissjoni ħadet ħsieb li tirrimarka li jikkostitwixxi ċirkustanza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li “l-Istat li ġie kkundannat, b’mod ripetut għall-istess tip ta’ ksur matul ċertu perijodu, minn qorti internazzjonali, bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem […], mingħajr ma wera l-intenzjoni li jadotta konsegwenzi prattiċi” (22).

85.      Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li qegħdin f’sitwazzjoni simili.

86.      Issa, fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas, il-leġiżlatur tal-Unjoni lanqas ma jsemmi l-intervent finali tar-responsabbli politiċi sabiex jissospendu l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, peress li huwa biss il-Kunsill Ewropew, bl-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7(2) UE, li jista’ jibda l-proċedura ta’ sospensjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni. Madankollu, il-proċedura hija tqila u kumplessa, peress li l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi b’unanimità fuq proposta ta’ terz mill-Istati Membri jew tal-Kummissjoni u wara approvazzjoni tal-Parlament, u jeħtieġ evidentement rieda politika b’saħħitha.

87.      Billi rriżerva għall-Kunsill Ewropew biss il-possibbiltà li jissospendi l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-mekkaniżmu ta’ sanzjoni previst fl-Artikolu 7(2) UE, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jinkwadra b’mod strett ħafna dan il-każ u wera manifestament li ma riedx iħalli lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni l-possibbiltà li jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew f’tali ċirkustanzi.

88.      Barra minn hekk, kieku xtaq joffri tali possibbiltà, l-okkażjonijiet kienu diversi.

89.      Qabel kollox, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jafferma dan fil-kuntest tal-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas.

90.      Wara, seta’ japplika b’analoġija l-prinċipju essenzjali li jirregola r-regoli ta’ tneħħija, ta’ tkeċċija u tal-estradizzjoni, previst fil-premessa 13 tad-Deċiżjoni Qafas u li jipprovdi, kif ser infakkar li “[l]-ebda persuna m’għandha tiġi mneħħija, espulsa jew estradita lejn Stat fejn hemm riskju serju li tiġi soġġettata għall-piena tal-mewt, tortura jew trattament jew piena inumana jew degradanti”.

91.      Issa, it-termini ta’ din il-premessa ntgħażlu b’attenzjoni, peress li ma jagħmlu l-ebda referenza għall-persuna “kkonsenjata” abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Hemm nara rieda sabiex ikun hemm distinzjoni bejn ir-regoli li jirregolaw il-mandat ta’ arrest Ewropew minn dawk li jinkwadraw is-sistema ta’ ażil Ewropew komuni u wkoll ir-rieda li jkun hemm ksur mir-regoli tradizzjonali li jirregolaw l-estradizzjoni, li hija perfettament iġġustifikata meta jkun hemm ix-xewqa li jissostitwixxu kooperazzjoni ġudizzjarja bbażata fuq ir-rikonoxximent u l-fiduċja reċiproċi.

92.      Fl-aħħar, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jinkludi dan il-motiv espliċitament fil-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, obbligatorji jew fakultattivi, previsti fl-Artikoli 3 sa 4a tad-Deċiżjoni Qafas, iżda ma għamilx hekk.

93.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nista’ nikkonstata li, billi stabbilixxa l-prinċipju msemmi fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-eżekuzzjoni jirrifjutaw il-konsenja tal-persuna rikjesta f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi preżenti.

C –    Fuq il-prinċipji gwida tad-Deċiżjoni Qafas

94.      Kif nafu, id-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka, li jimponu fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-eżekuzzjoni sabiex jikkunsidraw li, fl-implementazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtoritajiet ġuridiċi emittenti jassiguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonsenjata.

1.      Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji

95.      L-użu tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku huwa impost għat-twettiq tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, għan li l-Unjoni assenjat lilha nnifisha abbażi tal-Artikolu 3(2) TUE u l-Artikolu 82 TFUE.

96.      Billi kkonsagraw lil dan il-prinċipju bħala l-“bażi” ta’ dan l-ispazju, huwa ċar li l-Istati Membru riedu jirrealizzawh mingħajr ma jipproċedu neċessarjament għall-armonizzazzjoni preċedenti tal-leġiżlazzjonijiet kriminali nazzjonali. L-esperjenzi fil-passat urew suffiċjentement li dan il-pass, għalkemm loġikament meħtieġ, huwa finalment il-mezz l-iktar ċert sabiex jwassal għal blokkar. Għaldaqstant, l-Istati Membri xtaqu jisfurzaw dan l-imblokkar, billi ppreżervaw l-idea li armonizzazzjoni tista’ tibqa’ neċessarja, peress li din issa għandha biss rwol aċċessorju.

97.      Din l-affermazzjoni, li ma hijiex opinjoni dottrinali, hija dedotta b’mod ċar ħafna mit-termini tal-Artikolu 82(1) u (2) TFUE.

98.      Din il-loġika ġiet perfettament integrata mill-Qorti tal-Ġustizzja, anki qabel ir-redazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, meta din iddefiniet il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem, fis-sentenza tagħha Gözütok u Brügge (23). L-operat ta’ dan il-prinċipju ma jistax japplika b’mod transkonfinali ħlief jekk id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istati Membri differenti ma jkunux injorati bħala prinċipju u jkunu rrikonoxxuti fil-kundizzjonijiet u bl-effetti preskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, ir-rikonoxximent reċiproku jimplika neċessarjament, li jkunu xi jkunu l-modalitajiet li abbażi tagħhom ġiet imposta piena, li teżisti fiduċja reċiproka bejn dawn l-Istati Membri fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħrajn anki jekk l-implementazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu twassal għal soluzzjoni differenti (24).

99.      Minn dan jirriżulta li, fir-rapporti “rikonoxximent reċiproku/fiduċja reċiproka”, tal-ewwel timponi t-tieni fuq l-Istati Membri. Mill-mument li fih il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku japplika u jikkostitwixxi r-“regola essenzjali” li fuqha hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja (25), l-Istati Membru għandhom ikollhom fiduċja reċiproka.

100. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li t-termini tal-Artikolu 82 TFUE jikkostitwixxu konferma impliċita tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet tkun faċli ħafna sabiex tinqaleb fl-okkażjoni tar-redazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona. Infakkar li dan l-Artikolu, fil-paragrafu 2 tiegħu, jipprovdi bażi ġuridika għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sabiex jiġi ffaċilitat l-operat tar-rikonoxximent reċiproku.

101. Id-domandi preliminari ppreżentati fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ippermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiffissa r-regoli li jwasslu għall-istabbiliment u għaż-żamma tal-ispazju ġudizzjarju kriminali Ewropew u li tagħti s-saħħa kollha u t-tifsira tagħha lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

102. Mis-sentenza tagħha Gözütok u Brügge (26) sa llum, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem żammet interpretazzjoni stretta ħafna ta’ dan il-prinċipju, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura awtomatika tal-konsenja tal-persuna rikjesta meta l-ebda eċċezzjoni għal din il-konsenja ma tkun invokabbli billi tibbaża ruħha fuq applikazzjoni estremament rigoruża tal-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi u fuq il-promozzjoni tal-funzjonament effettiv u rapidu tal-mekkaniżmu ta’ konsenja li tipprevedi d-Deċiżjoni Qafas.

103. Isegwi li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru titlob il-konsenja ta’ persuna, kemm abbażi ta’ kundanna definittiva, kif ukoll minħabba l-fatt li din il-persuna hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, id-deċiżjoni tagħha għandha tiġi rrikonoxxuta awtomatikament mill-Istat Membru tal-eżekuzzjoni u dan huwa marbut, skont it-termini tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas, sabiex jeżegwixxi lil dan il-mandat mingħajr ma jkun hemm motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni possibbli ħlief dawk previsti b’mod limitat fl-Artikolu 3 sa 4a tagħha (27). Barra minn hekk, l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni ma jistax jissuġġetta l-eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat għal iktar mill-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas.

104. Għaldaqstant, skont espressjoni stabbilita, huwa sabiex “tiffaċilita l-konsenja tal-persuni mfittxija, inkonformità mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku” (28) u biex “isaħħaħ is-sistema ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas favur spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” (29) li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616), inkoraġġiet lill-Istati Membri sabiex jillimitaw, kemm jista’ jkun, is-sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew, billi stiednet lil dawn tal-aħħar sabiex ma japprofittawx neċessarjament ruħhom mill-possibbiltajiet li jtihom l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, u dan minkejja l-importanza tal-għanijiet previsti f’dan l-Artikolu (30). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li minkejja l-importanza tal-għan ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna rikjesta (31), prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas (32), l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jillimitaw, skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, is-sitwazzjonijiet li fihom ikun possibbli li tiġi rrifjutata l-konsenja ta’ tali individwu.

105. Fis-sentenza tagħha West (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404), għal darb’oħra, kien sabiex tiffaċilita l-konsenja u sabiex issaħħaħ is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-konsenji suċċessivi tal-istess persuna, illimitat il-kunċett ta’ “l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni” għall-Istat li wettaq l-aħħar konsenja sabiex tillimita s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (33).

2.      Il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri

106. Il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri jinsab, illum il-ġurnata, fost il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effett dirett.

107. Fl-Opinjoni 2/13 (EU:C:2014:2454) tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, waqt seduta plenarja, affermat mill-ġdid l-“importanza fundamentali” ta’ dan il-prinċipju “li d-dritt tal-Unjoni jimponi […] bejn […] l-Istati Membri” sa fejn din “tippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni” u fejn ir-rispett huwa essenzjali għall-“ekwilibriju li fuqu hija bbażata l-Unjoni” (34).

108. Fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet l-imsemmi prinċipju bħala li jimponi fuq kull wieħed mill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (35).

109. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jopponi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li Stat Membru jivverifika jekk Stat Membru ieħor irrispettax effettivament, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni, peress li dan “[jikkomprometti] l-ekwilibriju li fuq hija bbażata l-Unjoni” (36).

110. Il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri hija bbażata fuq fatturi diversi.

111. Fl-ewwel lok, il-fiduċja li kull Stat Membru għandu jkollu fis-sistemi rispettivi ta’ ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra tidher li hija r-riżultat loġiku u assolutament inevitabbli tat-tneħħija ta’ fruntieri interni u tal-ħolqien ta’ spazju uniku ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.

112. Fit-tieni lok, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/13 (EU:C:2014:2454) tagħha, din il-fiduċja hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li tipprovdi li kull Stat Membru jaqsam mal-Istati Membri l-oħra kollha, u li jirrikonoxxi li dawn jaqsmu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, bħalma huma r-rispett għad-dinjità umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, tal-Istat tad-dritt kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet umani, hekk kif jippreċiża l-Artikolu 2 TUE (37). B’hekk, l-Istati Membri kollha wrew, meta ħolqu l-Komunitajiet Ewropej jew ingħaqdu magħhom, li huma kienu Stati ta’ dritt, li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

113. Fit-tielet lok, l-imsemmija fiduċja hija bbażata fuq il-fatt li kull wieħed mill-Istati Membri jibqa’ suġġett għall-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif inhuma stabbiliti mill-KEDB, mill-Karta, jew mid-dritt nazzjonali tagħhom, u dan anki fil-kuntest tad-dritt kriminali, materjali jew proċedurali, li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u tad-dritt tal-Unjoni (38).

114. Minkejja n-nuqqas, illum il-ġurnata, tal-armonizzazzjoni estiża tad-dritt kriminali u proċedurali fi ħdan tal-Unjoni, l-Istati Membri setgħu għaldaqstant jiġu konvinti li l-kundizzjonijiet fl-Istati Membri l-oħra li fihom il-persuni rikjesti huma akkużati, iġġudikati u, jekk ikun il-każ, miżmuma f’detenzjoni, josservaw id-drittijiet ta’ dawn l-individwi u jippermettulhom li jiddefendu ruħhom b’mod korrett.

115. Huwa dan l-obbligu impost fuq l-Istati Membri kollha biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jippermetti lill-Istati Membri sabiex ikollhom fiduċja “dwar jekk l-ordinamenti legali nazzjonali rispettivi humiex kapaċi jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fl-Unjoni, b’mod partikolari fil-Karta” (39).

116. B’hekk, huwa bl-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha F. (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358) (40), iddeċidiet li “huwa fl-ordinament legali tal-Istat Membru emittenti li l-persuni suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew jistgħu jużaw l-eventwali rimedji li jippermettu li tiġi kkontestata l-legalità tal-proċeduri kriminali jew tal-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-ordni ta’ detenzjoni, jew ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali fuq il-mertu li wasslu għal din il-piena jew miżura” (41).

117. Għal darba oħra, bl-applikazzjoni tal-imsemmija prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107) (42), iddeċidiet li l-kunsinna awtomatika tapplika anki jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jiżviluppa fl-ordni kostituzzjonali tiegħu kunċett iktar eżiġenti tad-dritt għal smigħ xieraq.

118. B’hekk, mill-mument li fih l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tinvoka wieħed mill-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 3 sa 4a tad-Deċiżjoni Qafas, din hija marbuta li tikkunsinna lill-persuna rikjesta lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti anki meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha, anki jekk huma parti mill-ordni kostituzzjonali, jikkonferixxu livell ta’ protezzjoni ogħla mid-drittijiet fundamentali minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas.

119. B’hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk Stat Membru jiġi permess li jinvoka standard ta’ protezzjoni ogħla mid-drittijiet fundamentali fl-ordni kostituzzjonali tiegħu sabiex jissuġġetta l-kunsinna ta’ persuna kkundannata fil-kontumaċja, dan iwassal b’hekk għal ksur tal-prinċipju ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas u, għaldaqstant, sabiex tiġi kompromessa l-effettività ta’ din tal-aħħar.

120. Huwa dan l-obbligu intiż għar-rispett tad-drittijiet fundamentali li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, finalment jiġġustifika l-kliem tal-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas, li jgħid li l-implementazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) UE, determinat mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 7(2) UE, bil-konsegwenzi stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu (43).

121. Għaldaqstant, huwa l-imsemmi obbligu li, għal darb’oħra skont il-Qorti tal-Ġustizzja, isostni l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

122. Ser naraw, fit-tmiem ta’ din l-analiżi, li motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni bbażat fuq ir-riskju ta’ ksur, fl-Istat Membru emittenti, tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonsenjata jippreġudika b’mod serju r-rabta ta’ fiduċja li fuqha titqies li hija bbażata l-kooperazzjoni minn qorti lejn qorti prevista fid-Deċiżjoni Qafas, li għaldaqstant iġib fix-xejn il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

123. B’teħid inkunsiderazzjoni tan-numru ta’ Stati Membru li jaffrontaw disfunzjonament fil-ħabsijiet tagħhom, u b’mod partikolari problema ġġeneralizzata ta’ sovrapopolazzjoni ġenerali fil-ħabsijiet, tali interpretazzjoni jkollha bħala effett, kif rajna, li tintroduċi eċċezzjoni sistematika għall-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa minn dawn l-Istati, li twassal sabiex tipparalizza l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

124. Barra minn hekk, huwa fatt li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jkunux jistgħu jikkunsenjaw lill-persuna rikjesta għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

125. Fir-realtà, jekk jiġi pparalizzat il-mekkaniżmu tad-Deċiżjoni Qafas, ikun wieħed mill-għanijiet tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja li jispiċċa fix-xejn, jiġifieri dak li jiżgura r-repressjoni tal-attivitajiet kriminali mhux biss fl-interess komuni tal-Istati Membri, iżda wkoll dak tal-vittmi, peress li, fil-każ fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jkunu jiddisponu, bħala prinċipju, mill-ebda ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-interessat minflok l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti, u dan b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġi kriminali. Fil-każ fejn, bħalma jidher li huwa l-każ fil-kawża preżenti, dawn jiddisponu, bil-kontra, minn din il-ġurisdizzjoni, il-Ministeru Pubbliku ta’ Bremen enfassizza d-diffikultajiet u l-mezzi sproporzjonati li dan jinvolvi.

126. Issa, minn naħa, ma għandux ikun l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, anki fil-kuntest tad-dover ta’ solidarjetà tiegħu stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jiżgura, minħabba d-disfunzjonament tal-ħabsijiet tal-Istat Membru emittenti, l-eżekuzzjoni tal-piena li l-persuna rikjesta flimkien mal-ispejjeż li din timplika, sakemm, evidentement, tali teħid ta’ responsabbiltà ma hijiex imposta abbażi tal-integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan tal-aħħar, li hija possibbiltà offruta mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas. Minbarra dawn il-każijiet, it-tnaqqis tas-sovrapopolazzjoni fi Stat Membru sabiex tiżdied dik ta’ ieħor ma hijiex soluzzjoni.

127. Min-naħa l-oħra, ma għandniex ninsew li qegħdin tassew fil-kuntest tal-prevenzjoni ta’ riskju u mhux fil-konstatazzjoni u s-sanzjoni ta’ ksur. Għalkemm l-eżistenza ta’ nuqqas sistematiku tikkostitwixxi motiv leġittimu sabiex ikun hemm domandi dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuni kkunnsinnati, din il-konstatazzjoni mwettqa f’mument partikolari ma tippermettix, madankollu, li jkun hemm suspett a priori ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni rikjesti u li jiġi bblokkat l-operat tar-rikonoxximent reċiproku mill-istituzzjoni minħabba motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni “sistematiku”.

128. Fl-aħħar, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra li l-eżistenza ta’ nuqqas sistematiku fil-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, mela dan jikkostitwixxi wkoll motiv ta’ nuqqas ta’ trasferiment abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

129. Fir-rigward tal-kwistjonijiet li jinsabu u li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma għandhomx, għaldaqstant, iktar possibbiltajiet ħlief dawk li jinvokaw il-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorji jew fakultattivi previsti fl-Artikoli 3 sa 4a tad-Deċiżjoni Qafas u, jekk l-ebda minn dawn il-motivi ma huma invokabbli, ikollhom jikkonsenjaw lill-persuni rikjesti abbażi tal-fiduċja reċiproka fejn huma jkollhom jissodisfaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti.

130. B’dan ikkunsidrat, il-loġika tas-sistema timplika għaldaqstant li r-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha tkun, bħala prinċipju, li hija marbuta sabiex teżegwixxi l-mandati ta’ arrest Ewropej li huma ppreżentati quddiemha.

131. Madankollu, huwa possibbli li jkun hemm konklużjoni bażika ta’ obbligu ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej li l-implementazzjoni tagħhom twassal għal riżultati sproporzjonati bħal dawk deskritti fid-deċiżjonijiet tar-rinviju?

132. Jien nirrispondi fin-negattiv.

133. F’dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali (44) bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ikkaratterizzati minn nuqqas sistematiku fil-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet tal-Istat Membru emittenti, ikkonstatat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa leġittimu li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tistaqsi fuq il-punt jekk il-persuna kkonsenjata “tirriskjax” effettivament li tinżamm fil-kundizzjonijiet imsemmija minn din il-Qorti.

134. Għaldaqstant, huwa permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni bbażat fuq il-kooperazzjoni minn qorti lejn qorti li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tevalwa jekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, il-persuna kkonsenjata tkunx effettivament qed tinżamm f’kundizzjonijiet li ma humiex sproporzjonati.

D –    Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fuq il-ħruġ tal-mandati ta’ arrest Ewropej

135. Rajna sew li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, huwa neċessarju li jiġu bbilanċjati d-drittijiet tal-persuna kkonsenjata man-neċessitajiet li jimponu l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddiehor. Hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84), l-Artikolu 6 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna mhux biss għal-libertà, iżda wkoll għas-sigurtà (45). Dan id-dritt, bħal dak iggarantit mill-Artikolu 4 tal-Karta, huwa dritt assolut u inderogabbli. Meta l-persuna li kontriha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tkun rikjesta minħabba atti ta’ terroriżmu jew ta’ stupru fuq minorenni, huwa evidenti li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat iqajjem il-kwistjoni tal-preżervazzjoni neċessarja tas-sigurtà nazzjonali u tal-ordni pubblika.

136. Għaldaqstant, dan il-bilanċ huwa indispensabbli u jaqa’ kompletament fuq ir-rwol tal-qorti ġudizzjarja, gwardjana tal-libertajiet individwali li hawn tinsab fi stat reali ta’ neċessità li tagħmel għażla, u huwa permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li dan il-bilanċ jista’, fl-opinjoni tiegħi, jiġi żgurat.

1.      Il-portata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

137. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu applikazzjoni partikolarment importanti fil-qasam ġudizzjarju li jirrigwarda l-“individwalizzazzjoni” tal-piena.

138. L-individwalizzazzjoni tal-piena tgawdi żewġ dimensjonijiet: fil-fażi tal-pronunzja tal-piena, minn naħa, u fil-fażi tal-eżekuzzjoni tagħha, min-naħa l-oħra.

139. Fil-fażi tal-pronunzja tal-piena, il-prinċipju tal-individwalizzazzjoni tal-piena jeskludi l-prinċipju tal-piena awtomatika u kompletament iddeterminata. Għaldaqstant, il-qorti tiddetermina l-piena permezz tal-personalità tad-delinkwent, kif tirriżulta b’mod partikolari min-natura tar-reat imwettaq, miċ-ċirkustanzi li fihom twettaq, mill-investigazzjoni tal-personalità, mix-xhieda, mill-esperti psikoloġiċi u psikjatriċi u mill-possibbiltajiet ta’ reintegrazzjoni offruti mill-personalità ta’ dan l-individwu.

140. Meta l-qorti tagħti piena ta’ priġunerija, għandha tieħu inkunsiderazzjoni neċessarjament, għall-finijiet tal-iffissar tad-dewmien tagħha, il-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, u b’mod partikolari tas-severità eventwali tagħha. Fil-fatt, l-għan huwa li jiġi evitat li t-tqegħid f’detenzjoni tal-persuna rikjesta jirriżulta f’konsegwenzi sproporzjonati għaliha.

141. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet ospitanti tal-ħabsijiet u tal-eventwali inkapaċità tas-sistema biex tiżgura kundizzjonijiet ta’ detenzjoni korretti minħabba problema ta’ sovrapopolazzjoni fil-ħabsijiet.

142. Dan il-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni japplika wkoll, u bl-istess saħħa, fuq il-fażi ta’ implementazzjoni tal-piena. Għaldaqstant, qed nitkellmu dwar l-applikazzjoni tal-pieni. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni jiddaħlu inkwistjoni, u dan għal żewġ raġunijiet prinċipali, indipendenti mill-aspetti li jolqtu lid-dinjità umana.

143. Qabel kollox, il-kriminoloġija moderna hija unanima sabiex tenfasizza l-effett pervers ta’ promiskwità kbira wisq, peress li tirrigwarda fattur ta’ korruzzjoni tal-ħsibijiet. Is-sentiment ta’ inġustizzja li jirriżulta mit-trattament degradanti subit ma jservix ħlief biex isaħħaħ in-nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni tal-persuna f’detenzjoni u għaldaqstant ma jagħmel xejn ħlief iżid b’mod esponenzjali r-riskju ta’ reċediviżmu. L-għan tal-piena li huwa, fl-aħħar mill-aħħar, il-korrezzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkundannata jkun għaldaqstant manifestament kompromess.

144. Isegwi li s-sanzjoni ma tistax issir umiljazzjoni. Il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni eċċessivament iebsa jaslu biex jagħtu lill-piena aspett ta’ severità supplimentari li ma hijiex mixtieqa mill-qorti u li ssaħħaħ is-sentiment ta’ inġustizzja deskritt iktar 'il fuq.

145. L-istess proporzjonalità għandha tiġi osservata fil-każ tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali.

146. Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni, il-preżunzjoni ta’ innoċenza li tibbenefika minnha l-persuna rikjesta hija diġà motiv li, fih innifsu, jinkoraġġixxi l‑moderazzjoni. Barra minn hekk, it-tqegħid fid-detenzjoni li tirriżulta mill-implementazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa, fir-realtà, paragunabbli mad-detenzjoni temporanja qabel id-deċiżjoni, peress li t-tul ta’ dan it-tqegħid ikun dedott mill-piena li tiġi ppronunzjata fit-tmiem tal-proċedura. Għaldaqstant, huwa leġittimu li ma jinħariġx mandat ta’ arrest Ewropew ħlief fil-każijiet li fihom il-pronunzja ta’ piena tkun probabbli, minħabba n-natura oġġettiva tal-fatti mwettqa.

147. Huwa minnu li l-ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ma teżiġi espressament li jseħħ kontroll ta’ proporzjonalità. Madankollu, fil-każ fejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, hija invokabbli, bħala tali, kontra l-azzjoni tal-Istati Membri meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, li minnu tirriżulta d-Deċiżjoni Qafas.

148. Barra minn hekk, il-libertà ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni mill-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas ma hija xejn ħlief applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Din il-libertà li tiddisponi minnha l-qorti li tintalab teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew hija intiża, fil-fatt, sabiex tippermetti l-adattament tal-miżura koerċittiva, li din tipprevedi l-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, sabiex tevita, permezz tal-operat ta’ eżekuzzjoni awtomatika u għamja, sitwazzjoni li twassal għan-nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni tal-persuna kkonċernata.

149. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, fl-opinjoni tiegħi għandu jiġi applikat kontroll tal-proporzjonalità.

150. Oħrajn jidhru li għandhom l-istess opinjoni anki jekk jibbażawha fuq motivi differenti, bħal dawk ibbażati, b’mod partikolari, fuq il-libertà ta’ moviment, iżda li fir-realtà huma komplementari.

151. Il-manwal Ewropew dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (46) jistieden b’hekk, b’mod ċar ħafna lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti sabiex jipproċedu għal tali kontroll. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi gravi li għandha l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat fir-rigward tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà ta’ moviment tal-persuna rikjesta, dan il-manwal jinsisti fuq il-fatt li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jintuża “b’mod effettiv u proporzjonat”, bil-għan li jiġu żgurati l-proċeduri kontra r-reati “l-iktar serji u l-iktar dannużi”.

152. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2014 li fiha xi rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni fuq ir-reviżjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (47), il-Parlament irrakkomanda wkoll li, meta jinħareġ tali mandat, l-awtorità ġudizzjarja “tevalwa b’kura n-neċessità tal-miżura rikjesta fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi kollha u tal-fatturi rilevanti kollha, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata u tad-disponibbiltà tal-miżuri ta’ sostituzzjoni li huma inqas intrużivi sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa” (48).

153. F’numru kbir ta’ Stati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti diġà stabbilixxew dan il-kontroll preċedenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (49), fejn dan jipproċedi mill-att ta’ traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas (50) jew mill-prattika tagħhom stess (51).

154. Jiena naqbel mal-opinjoni espress mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni sa fejn dawn jenfasizzaw li huwa waqt il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew li l-kontroll tal-proporzjonalità għandu jsir.

155. Fil-fatt, l-ispirtu stess tas-sistema jimponi li dan il-kontroll ikun impost fuq l-awtorità ġudizzjarja emittenti, peress li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jissodisfa din il-kundizzjoni qabel ma jinħareġ mill-fruntieri tat-territorju nazzjonali.

156. Issa, dan mhux dejjem iseħħ minħabba raġunijiet differenti.

157. Ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali jipprojbixxu b’mod partikolari tali kontroll bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-legalità tal-azzjonijiet kriminali. Dan huwa l-każ tal-Ungerija u tar-Rumanija (52) li ntrabtu sabiex jipproċedu għal applikazzjoni stretta ta’ dan il-prinċipju waqt l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni.

158. L-imsemmi prinċipju jipprojbixxi kull evalwazzjoni ta’ proporzjonalità fil-fażi tad-deċiżjoni jekk titkompliex proċedura jew tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja sabiex tiġi żgurata kompletament l-indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja. L-għan tiegħu, li huwa validu ħafna, u huwa impost fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji mhux ġurisdizzjonali, huwa li jiżgura permezz tan-natura awtomatika tiegħu, li l-ebda influwenza esterna, b’mod partikolari ta’ oriġini politika, ma tipprova tfixkel l-iter tal-ġustizzja.

159. Minn dan tirriżulta natura awtomatika li tista’ tirriżulta fi brutalità reali fl-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet sal-punt li tiddiskredita l-mekkaniżmi bħal dak tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, din twassal għal ħruġ sistematiku u kultant mhux iġġustifikat tal-mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-konsenja tal-persuni rikjesti għal xi reati ta’ spiss minuri (53), bħas-serq ta’ 2 m2 ta’ madum jew ta’ rota minn rota, prattika li l-Kummissjoni stess ikkritikat fir-rapport tagħha msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

160. Għal dawn ir-raġunijiet, jidhirli li huwa leġittimu li l-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi evokata quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

161. Ċertament, ma hijiex kwistjoni għalina li npoġġu indiskussjoni l-prinċipju tal-awtonomija proċedurali.

162. Madankollu, meta d-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti toħroġ mit-territorju nazzjonali fejn hija biss għandha l-forza eżekuttiva sabiex tapplika fl-ispazji ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, hija għandha tikkonforma mar-regoli u mal-prinċipji ġenerali li jirregolaw lil dan l-ispazju ġudizzjarju uniku u li jippermettu l-applikazzjoni uniformi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

163. L-obbligu impost fuq l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex jagħti lid-deċiżjoni “barranija” l-istess forza daqs li kieku kienet deċiżjoni tiegħu stess, anki jekk id-dritt nazzjonali tiegħu kien iwassal għal soluzzjoni differenti, ma jistax jobbligah jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa espliċitament u impliċitament mid-Deċiżjoni Qafas li tirregola aspett partikolari tar-rikonoxximent reċiproku.

164. Skont l-analiżi tiegħi, din is-sitwazzjoni għandha tiġi distinta minn dik li fiha l-awtorità ġudizzjarja tipprova tevalwa l-legalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-istandard proprju tagħha ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sitwazzjoni rregolata b’mod partikolari mis-sentenza Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107). Fil-fatt, din tirrigwarda l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk, fil-qasam speċifiku tad-dritt penali u fil-kuntest ta’ djalogu “orrizontali” bejn il-qrati ġudizzjarji sovrani, għandhiex titqajjem il-kwistjoni tal-proporzjonalità.

165. Qabel kollox, nippreċiża li, fl-opinjoni tiegħi, peress li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, hija l-Qorti tal‑Ġustizzja u hija biss li għandha tiddefinixxi l-portata u l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu, jekk ikun neċessarju. Għaldaqstant, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, jekk ikun il-każ, li għandha tippreżenta domanda preliminari quddiemha.

166. Għad irid jiġi ddeterminat skont liema modalitajiet tista’ sseħħ l-evalwazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

2.      Il-modalitajiet konkreti tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fuq il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew

167. Meta, fuq il-bażi ta’ informazzjoni fattwalment affidabbli, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas sistematiku fil-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti, dan għandu jipproċedi sabiex jevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ individwali, jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta tistax tesponiha għal kundizzjonijiet ta’ detenzjoni sproporzjonati.

168. Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tkun tista’ titlob l-informazzjoni kollha li hija tqis utli mill-awtorità ġudizzjarja emittenti. Minħabba l-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fl-opinjoni tiegħi, tindirizza lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħha sabiex din tikkuntattja direttament lill-awtorità nazzjonali kompetenti fl-Istat Membru emittenti u r-risposti għandhom jiġu kkomunikati lilu bl-istess mezz.

169. Fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, dan ikollu, fil-fehma tiegħi, jitqies li huwa proporzjonat meta l-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni ma jwasslux għal konsegwenzi ta’ kastig mingħajr miżura komuni ma’ dawk li kienu jirriżultaw mill-piena ppronunzjata kieku din ġiet eżegwita taħt kundizzjonijiet normali.

170. Fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, dan ikun proporzjonat jekk il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni jkunu kompatibbli mal-unika neċessità taż-żamma tal-persuna rikjesta għad-dispożizzjoni tal-ġustizzja. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha, Ladent vs Il-Polonja (54), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-Kummissjoni għal reat li għalih id-detenzjoni provviżorja normalment titqies li hija inadatta tista’ twassal għal konsegwenzi sproporzjonati fuq il-libertà tal-persuna rikjesta suxxettibbli li tiġi arrestata taħt l-angolu tal-garanziji previsti fl-Artikolu 5 tal-KEDB (55).

171. Fl-aħħar, huwa ċar li l-possibbiltajiet offerti mill-Artikolu 4 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu eżaminati sistematikament.

172. Jekk, fil-kuntest tal-kontroll tal-proporzjonalità, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tħabbat wiċċha ma’ diffikultà partikolari ta’ evalwazzjoni, din tkun marbuta sabiex tippreżentaha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din tal-aħħar hija l-unika kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq dan il-punt tad-dritt tal-Unjoni.

173. F’kull każ, ma nistgħux ninsew li l-kontroll tal-proporzjonalità jaqa’ fl-ewwel lok, fuq l-awtorità ġudizzjarja emittenti. Fir-rigward tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija din li għandha twettaqha, anki jekk, minħabba dan, hija jkollha ma tapplikax il-liġi nazzjonali tagħha li timponi l-prinċipju tal-legalità tal-proċeduri, peress li dan jirrigwarda l-ħtieġa li ssir deċiżjoni konformement mad-dritt tal-Unjoni, li s-supremazija tiegħu tapplika wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas.

174. Barra minn hekk, qabel kollox, kieku dan il-kontroll twettaq, id-domandi bħal dawk imqajma fir-rinviji preżenti kienu jkunu inkontestabbilment rari.

175. Ma ħarabx mill-attenzjoni tiegħi l-fatt li l-pożizzjoni li qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tfisser, parzjalment, li din tintalab sabiex taġixxi kif kienet tagħmel qorti tad-drittijiet tal-bniedem. Fil-qasam tad-dritt kriminali, jidhirli li dan l-approċċ ser ikollu ġurnata jew oħra jiġi indirizzat.

176. Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li s-sitwazzjoni li rrivelat ruħha llum hija wkoll il-konsegwenza ta’ nuqqas dannuż, kemm minn naħa tal-Istat Membri kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

177. Ikun utli li jitfakkar li kull wieħed mill-Istati Membri huwa marbut sabiex jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali skont it-termini tal-Artikolu 6 TUE. Dan l-obbligu huwa impost, kif rajna, mhux biss abbażi tal-fiduċja reċiproka, iżda wkoll fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (56). Wieħed ma jeżistix mingħajr l-ieħor. Barra minn hekk, infakkar li, fis-sentenza tagħha Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat espressament li “[j]kun diffiċli għall-Unjoni li twettaq ix-xogħol tagħha b’mod effikaċji jekk il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jimplika partikolarment li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi tagħhom taħt d-dritt ta’ l-Unjoni […], ma jkunx impost ukoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li fuq kollox hija bbażata kompletament fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet” (57).

178. Jekk neżiġu mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni li jikkonsenjaw, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, lill-persuna rikjesta, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimplika, minn naħa tiegħu, li l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti li fihom hemm din il-fiduċja, u b’mod partikolari l-Istat Membru li lilu ser tiġi kkonsenjata l-persuna rikjesta, jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, inklużi r-riformi li huma imposti skont il-politika kriminali, sabiex jiżguraw li din il-persuna ser teżegwixxi l-piena tagħha taħt kundizzjonijiet rispettużi tad-drittijiet fundamentali tagħha u tkun tista’ tuża l-mezzi ta’ appell disponibbli kollha sabiex tiddefendi l-libertajiet individwali tagħha.

179. F’dan ir-rigward, nistgħu biss nikkuntentaw ruħna bl-impenji meħuda f’dan is-sens mill-Ungerija u mir-Rumanija.

180. Nikkonstata wkoll, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-numru importanti ħafna tar-rikorsi individwali ppreżentati quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li r-rimedji previsti fl-Ungerija u fir-Rumanija jippermettu lill-individwi esposti għal kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni kuntrarji għall-garanziji previsti fl-Artikolu 3 tal-KEDB sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

181. Fl-aħħar, ma narax soluzzjoni oħra għajr dik li jissaħħaħ il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalkemm il-Kummissjoni indirizzat, fl-2011, il-konstatazzjoni tal-biki dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’ċerti Stati Membri u tal-konsegwenzi fuq l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, nirrileva li la l-Kunsill u lanqas hija ma ħadu azzjoni sabiex jiżguraw li l-Istati Membri jissodisfaw kompletament l-obbligi tagħhom jew, mill-inqas, bdew il-miżuri neċessarji.

182. Madankollu, l-Artikolu 82 TFUE jtihom bażi ġuridika sabiex jagħmlu dan.

VI – Konklużjoni

183. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi ppreżentati mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen) kif ġej:

L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ priġunerija, ibbażat fuq ir-riskju ta’ ksur, fl-Istat Membru emittenti, tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta.

Huma l-qrati ġudizzjarji emittenti li għandhom jipproċedu għal kontroll tal-proporzjonalità sabiex jaġġustaw il-ħtieġa li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tan-natura tar-reat u tal-modalitajiet konkreti tal-eżekuzzjoni tal-piena.

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li huma kkaratterizzati minn nuqqas sistematiku tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ leġittimament titlob lill-awtorità ġudizzjarja ta’ emissjoni, jekk ikun hemm lok, permezz tal-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, sabiex tagħtiha kull informazzjoni utli li tippermettilha sabiex tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ individwali, jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta tistax tesponiha għal kundizzjonijiet ta’ detenzjoni sproporzjonati.

Barra minn hekk, huwa wkoll l-Istat Membru emittenti, skont l-obbligi li għandu taħt l-Artikolu 6 TUE, u d-doveri tiegħu abbażi tal-prinċipji tal-fiduċja reċiproka u tal-kooperazzjoni leali, li għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji, inklużi r-riformi imposti fuqu abbażi tal-politika kriminali, sabiex jiżgura li l-persuna kkonsenjata teżegwixxi l-piena tagħha f’kundizzjonijiet rispettużi tad-drittijiet fundamentali tagħha u tkun tista’ tuża r-rimedji disponibbli kollha sabiex tiddefendi l-libertajiet individwali tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifikat fil-ĠU L 17, 22.1.2009, p. 45. Kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


3 – Skont l-espressjoni li ntużat fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas.


4 – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 82(1) TFUE u l-premessi 5, 6, 10 u 11 tad-Deċiżjoni Qafas.


5 – Sentenzi Radu (C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 34) kif ukoll Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 37).


6 – Sentenza F. (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punti 57 u 58).


7 –      Għalkemm il-premessa 10 tirreferi għall-Artikolu 7(1) UE u għall-Artikolu 7(2) UE, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jirreferi rispettivament għall-Artikolu 7(2) UE u għall-Artikolu 7(3) UE.


8 – Abbażi tal-Artikolu 29(1) tal-liġi fuq l-assistenza ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali (Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen), tat-23 ta’ Diċembru 1982, kif emendata bil-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (Europäisches Haftbefehlsgesetz), tal-20 ta’ Lulju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1721, iktar 'il quddiem il-“IRG”), l-Oberlandesgericht (qorti reġjonali superjuri, il-Ġermanja) għandha tiddeċiedi, fuq talba tal-Ministeru Pubbliku, dwar il-legalità tal-estradizzjoni meta l-persuna rikjesta ma tkunx tat il-ftehim tagħha għall-estradizzjoni. Id-deċiżjoni tingħata permezz ta’ digriet skont l-Artikolu 32 tal-IRG.


9 – L-Artikolu 73 tal-IRG jipprovdi li, “[f]in-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens, l-assistenza ġudizzjarja u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni huma illegali jekk jiksru prinċipji essenzjali tal-ordni ġuridika Ġermaniża. Fil-każ ta’ talba abbażi tal-partijiet tmienja, disa’ u għaxra, l-assistenza ġudizzjarja hija illegali jekk tikser il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 [TUE]”.


10 – Nru 35972/05, tal-24 ta’ Lulju 2012. F’din is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem issostni li, minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet Rumeni sabiex itejbu s-sitwazzjoni, teżisti problema strutturali f’dan il-qasam.


11 – Il-proċedura tas-sentenza pilota tippermetti lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tal-KEDB minħabba problemi sistematiċi, rikorrenti u persistenti li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jaffettwaw jew li jistgħu jaffettwaw lil numru kbir ta’ persuni.


12 – Nri 14097/12, 45135/12, 73712/12, 34001/13, 44055/13 u 64586/13, tal-10 ta’ Marzu 2015. F’din is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tenfasizza l-problemi ta’ funzjonament iġġeneralizzati fis-sistemi penitenzjarji Ungeriżi, li kienu l-oriġini ta’ kundanni varji diġà subiti mill-Ungerija abbażi tal-Artikolu 3 tal-KEDB u fl-oriġini ta’ 450 rikors attwalment pendenti kontra dan l-Istat (ara, b’mod partikolari, § 99 u 100).


13 – Ara, rispettivament, is-sentenzi tal-QEDB Torreggiani et vs L-Italja, Nri 43517/09, 46882/09, 55400/09, 57875/09, 61535/09, 35315/10 u 37818/10, tat-8 ta’ Jannar 2013; Neshkov et vs Il-Bulgarija, Nri 36925/10, 21487/12, 72893/12, 73196/12, 77718/12 u 9717/13, tas-27 ta’ Jannar 2015, kif ukoll Varga et vs L-Ungerija, iċċitata iktar ’il fuq.


14 – Ara, rispettivament, is-sentenzi tal-QEDB Karalevičius vs Il-Litwanja, Nru 53254/99, tas-7 ta’ April 2005; Norbert Sikorski vs Il-Polonja, Nru 17599/05, tat-22 ta’ Ottubru 2009, kif ukoll Mandic u Jovic vs Is-Slovenja, Nri 5774/10 u 5985/10, tal-20 ta’ Ottubru 2011.


15 – Ara s-sentenza tal-QEDB Vasilescu vs Il-Belġju, Nru 64682/12, tal-25 ta’ Novembru 2014.


16 – Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-UE (ĠU 2013, C 168 E, p. 82) u l-punt 4 tar-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri [COM(2011) 175 finali].


17 – Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, persuni li qed ifittxu l-ażil li joriġinaw mill-Afganistan, mill-Iran u mill-Alġerija opponew it-trasferiment tagħhom mir-Renju Unit u mill-Irlanda lejn il-Greċja, l-Istat Membru kompetenti sabiex jeżamina t-talba tagħhom abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109) sa fejn huma rriskjaw li jiġu suġġetti, fil-Greċja, għal trattament inuman u degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħhom.


18 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 86, 94 u 106 ta’ din is-sentenza.


19 – Il-premessa 13 tad-Deċiżjoni Qafas għandha tinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28 ta’ din, peress li l-prinċipju li tistabbilixxi japplika, ladarba jkun ġie eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew, meta jkun hemm kwistjoni ta’ tneħħija, tkeċċija jew ta’ estradizzjoni fl-Istat Membru emittenti.


20 – ĠU L 327, p. 27.


21 – Ara l-punt 1.4.4 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fuq l-Artikolu 7 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea – Rispett u promozzjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni [COM(2003) 606 finali].


22 – Idem.


23 – C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87.


24 – Punt 33 ta’ din is-sentenza.


25 – Sentenza West (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87.


27 – Ara s-sentenzi Leymann u Pustovarov (C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669, punt 51); Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 57); Radu (C‑396/11, EU:C:2013:39, punti 35 u 36); kif ukoll Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 38).


28 – Sentenzi Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 59) u West (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 62).


29 – Sentenza Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 58).


30 – Sentenza Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31 – Ara s-sentenza Kozłowski (C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 45).


32 – Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija meta l-persuna rikjesta “toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni”, u li dan l-Istat “intrabat li jesegwixxi l-piena”.


33 – Punt 62 ta’ din is-sentenza.


34 – Punti 191 u 194 ta’ din l-Opinjoni.


35 – Punt 191 tal-imsemmija Opinjoni.


36 – Opinjoni 2/13 (EU:C:2014:2454, punt 194).


37 – Punt 168.


38 – Sentenza F. (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 48).


39 – Sentenza F. (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 50).


40 – Din is-sentenza tirrigwarda l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors sospensiv kontra l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.


41 – Punt 50.


42 – F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha fuq il-portata tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas li tipprevedi motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ priġunerija, jekk l-interessat ma deherx personalment fil-proċedura li wasslet għall-kundanna tiegħu.


43 – Sentenza F. (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 49).


44 – Hawn qed nagħmel referenza għaċ-ċirkustanzi eċċezzjonali previsti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 191 tal-Opinjoni 2/13 (EU:C:2014:2454) tagħha.


45 – Punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.


46 – Dokument 17195/1/10 REV 1 – COPEN 275 EJN 72 Eurojust 139.


47 – Dokument T7-0174/2014.


48 – Ara l-Anness għal din ir-Riżoluzzjoni. Huwa interessati li jiġi rrilevat li l-ħtieġa ta’ proporzjonalità hija diġà stabbilita fil-kuntest tal-istabbiliment, tal-funzjonament u tal-użu tas-sistema ta’ informazzjoni Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, tat-12 ta’ Ġunju 2007 (ĠU L 205, p. 63). Fil-fatt, l-Artikolu 21 ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li, qabel ma jintroduċi allert, l-Istat Membru li qed jallerta għandu jivverifika jekk il-każ huwiex “adegwat, rilevanti u importanti biżżejjed li jistħoqqlu dħul ta’ l-allert fis-SIS II”.


49 – Ara, b’mod partikolari, ir-rapport finali fuq ir-raba’ serje ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi, intitolat “L-applikazzjoni prattika ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u tal-proċeduri korrispondenti ta’ konsenja bejn l-Istati Membri”, adottat mill-Kunsill fl-4 u fil-5 ta’ Ġunju 2009 (dokument 8302/4/09 REV 4 – Crimorg 55 COPEN 68 EJN 24 Eurojust 20), li jevalwa għal kull Stat Membru l-applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.


50 – B’mod partikolari fir-Repubblika Ċeka, fil-Latvja, fil-Litwanja u fl-Islovakkja.


51 – B’mod partikolari fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Irlanda (mill-forzi tal-pulizija u mill-prokuratur), fi Spanja, fi Franza, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Portugal, fl-Islovenja, fil-Finlandja, fl-Isvezja (mill-prokuratur) u wkoll fir-Renju Unit.


52 – Dan jirriżulta espressament mir-risposti mogħtija minn dawn l-Istati Membri fil-kuntest tar-rapport tal-Kummissjoni msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53 – Kif ġie enfasizzat ħafna mill-aħħar dokumenti istituzzjonali dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Ara, b’mod partikolari, il-punt 4 tar-Rapport tal-Kummissjoni msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54 – Nru 11036/03.


55 – § 55 u 56.


56 – Dan id-dover ta’ lealtà jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, fid-dawl tal-fatt li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, dan l-obbligu jiġi applikat ukoll fir-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni (ara l-Avviż 2/13, EU:C:2014:2454, punt 202).


57 – Punt 42.