Language of document :

Kawżi magħquda C511/18, C512/18 u C520/18

La Quadrature du Net et

vs

Premier ministre et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) u mill-Cour constitutionnelle (il‑Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2020

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis‑settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u fornituri ta’ aċċess għall-internet – Żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni – Analiżi awtomatizzata ta’ data – Aċċess f’ħin reali għad-data – Salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu – Ġlieda kontra l-kriminalità – Direttiva 2002/58/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(3) u Artikolu 3 – Kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Artikolu 5 u Artikolu 15(1) – Direttiva 2000/31/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 4, 6 sa 8 u 11 u Artikolu 52(1) – Artikolu 4(2) TUE”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu d-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità – Inklużjoni

(Artikolu 4(2) TUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bidDirettiva 2009/136, Artikoli 1(1) u (3), 3 u 15(1))

(ara l-punti 92 sa 96, 98 sa 101, 103, 104)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Miżuri nazzjonali li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu taż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni –Għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali – Inammissibbiltà – Miżuri nazzjonali li jippermettu ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ din id-data f’każ ta’ theddida gravi u imminenti għas-sigurtà nazzjonali – Ammissibbiltà – Miżuri nazzjonali li jippermettu ż-żamma mmirata u rapida għal perijodu stabbilit ta’ din id-data abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji – Miżuri nazzjonali li jipprevedu ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju – Miżuri nazzjonali li jipprevedu ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr terminu partikolari – Għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 4(2) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bidDirettiva 2009/136, Artikoli 5(1) u 15(1))

(ara l-punti 107, 109, 111 sa 119, 122 sa 128, 130 sa 165, 168 u d-dispożittiv 1)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet l-obbligu ta’ użu ta’ analiżi awtomatizzata u l-ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 4(2) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bidDirettiva 2009/136, Artikoli 5(1) u 15(1))

(ara l-punti 172 sa 174, 175 sa 182, 186 sa 192 u d-dispożittiv 2)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Kummerċ elettroniku – Direttiva 2000/31 – Kamp ta’ applikazzjoni – Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Esklużjoni – Applikabbiltà, skont il-każ, tad-Direttiva 2002/58 jew tar-Regolament 2016/679

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Regolament talParlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, premessa 10 u Artikolu 23(1) u (2); Direttivi talParlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/31, premessi 14 u 15 u Artikoli 1(2) u (5) u 2(a), u 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikoli 5(1) u 15(1))

(ara l-punti 197 sa 202, 204, 205, 207 sa 212 u d-dispożittiv 3)

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58 – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi – Miżuri nazzjonali li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali – Inammissibbiltà – Annullament, mill-qorti nazzjonali, ta’ miżuri inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva – Possibbiltà li jinżammu leffetti ta’ dawn il-miżuri – Kundizzjonijiet – Inapplikabbiltà fil-każ preżenti – Konsegwenzi li għandhom jiġu misluta mill-qorti nazzjonali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u 52(1); Direttiva talParlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikoli 5(1) u 15(1))

(ara l-punti 216 sa 220, 223 sa 228 u d-dispożittiv 4)


Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq i fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għal finijiet tal-ġlieda kontra r-reati b’mod ġenerali jew is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-obbligu ta’ trażmissjoni jew ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni

Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru huwa affaċjat b’theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta reali u attwali jew prevedibbli, huwa jista’ jidderoga mill-obbligu li jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ data relatata malkomunikazzjonijiet elettroniċi billi jimponi, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ din id-data għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk ittheddida tippersisti. Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju għas-sigurtà pubblika, Stat Membru jista’ jipprevedi wkoll iżżamma mmirata tal-imsemmija data kif ukoll iż-żamma rapida tagħha. Tali ndħil fid-drittijiet fundamentali għandu jkun akkumpanjat minn garanziji effettivi u stħarriġ minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti. Bl-istess mod, huwa possibbli li Stat Membru jipproċedi b’żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ komunikazzjoni meta l-perijodu taż-żamma huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju kif ukoll li jipproċedi b’żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data relatata mal-identità ċivili tal-utenti talmezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr limitazzjoni, f’dan l-aħħar każ, għal perijodu partikolari

F’dawn l-aħħar snin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’diversi sentenzi, dwar iż-żamma u l‑aċċess għad-data personali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (1). Il-ġurisprudenza li tirriżulta minnhom, b’mod partikolari s-sentenza Tele2 Sverige u Watson et, li fiha hija kkunsidrat b’mod partikolari li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni, qajmet tħassib fi ħdan ċerti Stati, li beżgħu li kienu ġew imċaħħda minn strument li huma jqisu neċessarju għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità.

Kien f’dan l-isfond li l-Investigatory Powers Tribunal (it-Tribunal responsabbli għas-setgħat ta’ investigazzjoni, ir-Renju Unit) (Privacy International, C‑623/17), il-Conseil d’État (il‑Kunsill tal-Istat, Franza) (La Quadrature du Net et, Kawżi magħquda C‑511/18 u C‑512/18) u l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) (Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑520/18) ġew aditi b’kawżi li jikkonċernaw il-legalità tal-leġiżlazzjoni adottata minn ċerti Stati Membri f’dawn l-oqsma, li jipprevedu b’mod partikolari obbligu għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jibagħtu lil awtorità pubblika jew li jżommu b’mod iġġeneralizzat jew mingħajr distinzjoni d-data tal‑utenti dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni.

Permezz ta’ żewġ sentenzi mogħtija mill-Awla Manja, fis-6 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja l‑ewwel nett qiegħda tiddeċiedi li d-Direttiva “ħajja privata u komunikazzjonijiet elettroniċi” tapplika għal leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jipproċedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, bi pproċessar ta’ data personali, bħat-trażmissjoni tagħhom lil awtoritajiet pubbliċi jew iż-żamma tagħhom. Barra minn hekk, filwaqt li tikkonferma l‑ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza Tele2 Sverige u Watson et, dwar in-natura sproporzjonata ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti spjegazzjonijiet, b’mod partikolari, dwar il‑portata tas-setgħat li din id-direttiva tirrikonoxxi għall-Istati Membri fil-qasam taż-żamma ta’ tali data għall-finijiet hawn fuq iċċitati.

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu ħsieb twarrab id-dubji dwar l-applikabbiltà tad‑Direttiva “ħajja privata u komunikazzjonijiet elettroniċi” imqajma fil-kuntest ta’ dawn il‑kawżi. Fil-fatt, diversi Stati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja esprimew opinjoni diverġenti f’dan ir-rigward. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li din id-direttiva ma għandhiex tapplika għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, sa fejn l-għan tagħhom huwa s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, li taqa’ fil-kompetenza esklużiva tagħhom, kif jidher b’mod partikolari mit-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimponu fuq il‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu ta’ żamma ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni jew inkella li jibagħtu din id-data lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni għal dan il-għan taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑direttiva.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li d-“Direttiva ħajja privata u komunikazzjonijiet elettroniċi” (2) ma tippermettix li d-deroga għall-obbligu ta’ prinċipju li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u ta’ data relatata magħhom u l‑projbizzjoni ta’ ħażna ta’ din id-data ssir ir-regola. Dan jimplika li din id-direttiva ma tawtorizzax lill-Istati Membri jadottaw, fost oħrajn għal finijiet ta’ sigurtà nazzjonali, miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex tkun limitata l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi previsti minn din id‑direttiva, b’mod partikolari l-obbligu li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet u ta’ data dwar it-traffiku (3), jekk mhux bl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal‑Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (4).

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, minn naħa waħda, fil-kawża Privacy International, li d-Direttiva “ħajja privata u komunikazzjonijiet elettroniċi”, moqrija fid-dawl tal-Karta, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bil-għan tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-obbligu ta’ trażmissjoni ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni lis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, fil-kawżi magħquda La Quadrature du Net et, u fil-kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et, il‑Qorti tal-Ġustizzja tqis li din l-istess direttiva tipprekludi miżuri leġiżlattivi li jimponu fuq il‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod preventiv, obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni. Fil‑fatt, dawn l-obbligi ta’ trażmissjoni u ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ tali data jikkostitwixxu ndħil partikolarment serju fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill‑Karta, mingħajr ma l-aġir tal-persuni li d-data tagħhom tkun ikkonċernata jkun jippreżenta rabta mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. B’mod analogu, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 23(1) tar-Regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data (5), moqri fid-dawl tal‑Karta, fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online u fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting l-obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, ta’ data personali relatata ma’ dawn is-servizzi.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta reali u attwali jew prevedibbli, id-Direttiva “ħajja privata u komunikazzjonijiet elettroniċi”, moqrija fid-dawl tal‑Karta, ma tipprekludix li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jiġu ordnati jżommu b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni data dwar it-traffiku u dwar il‑lokalizzazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li d-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet u l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji previsti. Fl‑istess ċirkustanzi, l-imsemmija direttiva lanqas ma tipprekludi l-analiżi awtomatizzata ta’ data, b’mod partikolari dik dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni, tal-utenti kollha ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li d-Direttiva “ħajja privata u komunikazzjonijiet elettroniċi”, moqrija fid-dawl tal-Karta, ma tipprekludix miżuri leġiżlattivi li jippermettu l-użu ta’ żamma mmirata, limitata ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni, li tkun iddefinita, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku. Bl-istess mod, din id-direttiva ma tipprekludix tali miżuri li jipprevedu żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ komunikazzjoni, sa fejn il-perijodu ta’ żamma huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, u lanqas dawk li jipprevedu tali żamma ta’ data dwar l-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr l-obbligu, f’dan l-aħħar każ, li l-Istati Membri jillimitaw iż-żamma ratione temporis. Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva ma tipprekludix miżura leġiżlattiva li tippermetti l-użu ta’ żamma rapida ta’ data li għandhom il-fornituri ta’ servizzi meta jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm il‑bżonn li l-imsemmija data tinżamm lil hinn mit-termini legali ta’ żamma ta’ data għall‑finijiet ta’ tagħrif dwar reati kriminali serji jew ta’ attentati għas-sigurtà nazzjonali, meta dawn ir-reati jew attentati jkunu diġà ġew ikkonstatati jew meta l-eżistenza tagħhom tista’ raġonevolment tkun issuspettata.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiddeċiedi li d-Direttiva “ħajja privata u komunikazzjonijiet elettroniċi”, moqrija fid-dawl tal-Karta, ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jipproċedu bil-ġbir f’ħin reali, b’mod partikolari, ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni, meta dan il-ġbir huwa limitat għall-persuni li fil-konfront tagħhom teżisti raġuni valida ta’ suspett li huma involuti, b’mod jew ieħor, f’attivitajiet ta’ terroriżmu u huwa suġġett għal stħarriġ minn qabel, magħmul jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, sabiex jiġi żgurat li tali ġbir f’ħin reali huwa awtorizzat biss fil-limitu ta’ dak li huwa strettament neċessarju. F’każ ta’ urġenza, l-istħarriġ għandu jsir fi żmien qasir.

Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja tittratta l-kwistjoni taż-żamma ratione temporis tal-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija qiegħda tiddeċiedi li qorti nazzjonali ma tistax tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it‑traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni, li ġiet iddikjarata inkompatibbli mad-Direttiva “ħajja privata u komunikazzjonijiet elettroniċi”, moqrija fid-dawl tal-Karta.

Dan espost, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-ammissibbiltà u l-evalwazzjoni ta’ provi miksuba b’żamma ta’ data bi ksur tad-dritt tal‑Unjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati b’atti ta’ kriminalità serja, taqa’, fl-istat kurrenti tad-dritt tal-Unjoni, taħt id-dritt nazzjonali biss. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li d-Direttiva “ħajja privata u komunikazzjonijiet elettroniċi”, interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, tirrikjedi li qorti kriminali nazzjonali twarrab il-provi miksuba b’żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fil-qafas ta’ tali proċedura kriminali, jekk il-persuni ssuspettati b’atti ta’ kriminalità ma humiex f’pożizzjoni li jieħdu pożizzjoni b’mod effettiv fuq dawn il-provi.


1      Fil-fatt, fis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238) (ara KS Nru 54/14), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalida d-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal‑provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54), għaliex l-indħil fid‑drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, irrikonoxxuti mill-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li kien jinvolvi l-obbligu ġenerali ta’ żamma ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni previst minn din id-direttiva ma kienx limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. Fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970) (ara KS Nru 145/16), il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement interpretat l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal‑komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva ‘ħajja privata u komunikazzjonijiet elettroniċi’”). Dan l-artikolu jawtorizza lill-Istati Membri – għal raġunijiet ta’ protezzjoni, fost oħrajn, tas-sigurtà nazzjonali – sabiex jadottaw “miżuri leġiżlattivi” biex jillimitaw il-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi previsti mid-direttiva. Finalment, fis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788) (ara KS Nru 141/18), il-Qorti tal‑Ġustizzja interpretat dan l-istess Artikolu 15(1) f’kawża li kienet tirrigwarda l-aċċess ta’ awtoritajiet pubbliċi għal data dwar l-identità ċivili ta’ utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.


2      Artikolu 15(1) u (3) tad-Direttiva 2002/58.


3      Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58.


4      B’mod partikolari l-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta.


5      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id Direttiva 95/46 (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).