Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Novembru 2012 - Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-503/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (rappreżentanti: D. Wyatt, QC, V. Wakefield, Barrister, u C. Murrell, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/500/UE, tas-6 ta' Settembru 2012, li teskludi mill-finanzjament tal-UE, ċerta nefqa mġarrba mill-Istati Membri, sa fejn jirrigwardaw erba' entrati fl-Anness li jirrigwardaw rata fissa ta' korrezzjoni tan-nefqa ta' 5 % li seħħet fl-Irlanda ta' Fuq fis-sena Finanzjarja 2008 (li tammonta għal EUR 277 231.60 u EUR 13 671 558.90) u fis-sena Finanzjarja 2009 (li tammonta għal EUR 270 398.26 u EUR 15 844 193.29) (ĠU 2012 L 244, p. 11); u

tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' fatt, u naqset milli tikkunsidra elementi rilevanti għall-iskala tat-telf possibbli għall-fondi tal-UE, fir-rigward tar-riskju għal tali fondi minħabba nefqa fis-snin tat-talba 2007 u 2008 b'mod partikolari li jirriżulta minn żbalji fl-istabbiliment ta' żona eliġibbli fl-2005 li jaffettwa l-allokazzjoni inizjali ta' drittijiet.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' fatt, meta l-Kummissjoni kkonkludiet b'mod żbaljat li n-Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development (iktar 'il quddiem id-"DARD") naqas milli japplika, b'mod korrett jew b'ebda mod, dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet, ħlas lura ta' ħlasijiet indebiti u nuqqas ta' konformità intenzjonata, u li l-Kummissjoni b'hekk sovravalutat u/jew naqset milli tikkunsidra elementi rilevanti għall-iskala tat-telf possibbli għall-fondi tal-UE. B'mod partikolari, il-Kummissjoni:

ikkritikat b'mod żbaljat allegat kalkolu mill-ġdid "sistematiku" ta' drittijiet ta' ħlas minn DARD;

sostniet b'mod skorett li żbalji fl-2005 seta' jkollhom effetti materjali fuq l-element storiku tal-valur tad-drittijiet;

adottat metodu skorett tal-kalkolu tal-pagamenti żejda;

adottat approċċ żbaljat għall-penali, b'mod partikolari billi:

adottat metodu żbaljat għall-kalkolu tal-penali; u

sostniet b'mod żbaljat li penali għandha tiġi imposta għal kull sena f'każijiet fejn penali kienet applikabbli fl-2005 iżda mhux fi snin sussegwenti tat-talba, f'dan il-każ fl-2007 u fl-2008, fejn pagament żejjed irriżulta mill-istess żball bħal dak ippenalizzat fl-2005;

adottat approċċ żbaljat għal nuqqas ta' konformità intenzjonata.

____________