Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ April 2024 – Comptoir Sel Solaire vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-190/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Comptoir Sel Solaire (Boffa, il-Ginea) (rappreżentanti: T. Lachacinski u F. Fajgenbaum, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni;

tilqa’ t-talba tar-rikorrenti għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/423 tal-31 ta’ Jannar 2024 li jdaħħal isem fir-reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Sel de Camargue/Fleur de sel de Camargue (IĠP)) 1 ;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2024/423;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 1 , minħabba n-natura mhux valida għaliex hija illeċita tad-denominazzjoni “Fleur de sel de Camargue”. Ir-rikorrent jargumenta, l-ewwel, li din id-denominazzjoni ma hijiex konformi mad-definizzjoni tal-“Fleur de sel” mogħtija mil-leġiżlazzjoni Portugiża, Spanjola, Kroata u dik Slovena u, it-tieni, li indikazzjoni ġeografika protetta (iktar ’il quddiem “IĠP”) li ma tistax tkun is-suġġett ta’ użu fil-kummerċ ma għandhiex effett u interess għaliex hija extra commercium.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament 1151/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar aspetti tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar l-APIK” u l-Artikolu 10a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, għar-raġuni li r-reġistrazzjoni tal-IĠP “Sel de Camargue/Fleur de sel de Camargue” toħloq sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni żleali bejn operaturi u b’mod partikolari dawk suġġetti għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tadotta definizzjoni vinkolanti tal-kunċett ta’ “Fleur de sel”.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament 1151/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(a) u mal-punt (c) tal-Artikolu 4 tal-istess regolament, għar-raġuni li d-denominazzjoni “Fleur de sel de Camargue” tqarraq bil-konsumatur. Ir-rikorrent iqis li l-prodotti indikati taħt l-IĠP “Sel de Camargue/Fleur de sel de Camargue” ma jikkorrispondux mal-prodott komunament imsejjaħ “Fleur de sel” li huwa osservat mid-DOP-IĠP “Fleur de sel” l-oħrajn kollha.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkwantu l-Kummissjoni kien imissha issospendiet il-proċedimenti dwar ir-reġistrazzjoni tal-IĠP “Sel de Camargue/Fleur de sel de Camargue” sakemm tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti ta’ rikonoxximent ta’ speċjalità tradizzjonali ggarantita “Fleur de sel” ippreżentata f’Mejju 2020 minn Comptoir Sel Solaire u li għadha qiegħda tiġi eżaminata, konformement mad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

____________

1 ĠU L, 2024/423.

1 ĠU 2012, L 343, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27; fil-ĠU 2015, L 191, p. 10; fil-ĠU 2019, L 216, p. 40; u fil-ĠU 2023, L 200, p. 50.