Language of document : ECLI:EU:C:2023:462

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

8 ta’ Ġunju 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Kontenzjuż quddiem il-qorti nazzjonali – Ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 124 – Azzjoni ta’ ksur – Artikolu 128 – Kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Suġġett ta’ din it-talba – Artikolu 129(3) – Regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni rigward trade mark nazzjonali – Prinċipju ta’ awtonomija proċedurali”

Fil-Kawża C‑654/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ottubru 2021, fil-proċedura

LM

vs

KP

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal LM, minn R. Ratajczak, adwokat,

–        għal KP, minn E. Jaroszyńska-Kozłowska, radca prawny, u Z. Słupicka, radca prawny,

–        E. Jaroszyńska-Kozłowska u Z. Słupicka, radcowie prawni,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 124(d) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 128(1) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 129(3) ta’ dan ir-regolament.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn LM u KP fir-rigward ta’ azzjoni għal ksur ta’ trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 4 u 32 tar-Regolament Nru 2017/1001:

“(4)      […] [J]idher neċessarju li jkun hemm arranġamenti fl-Unjoni [Ewropea] għar-rigward ta’ trademarks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trademark tal-[Unjoni Ewropea] taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trademark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod fl-ispazju kollu tal-Unjoni [Ewropea]. Jinħtieġ li dejjem japplika l-prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trademark tal-[Unjoni Ewropea], espress f’dan is-sens, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor.

[…]

(32)      Huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-ksur ta’ trademarks tal-[Unjoni Ewropea] jkollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Unjoni, peress li dan huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti min-naħa tal-qrati u tal-[Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)] u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks tal-[Unjoni Ewropea] ma jiġix imxejjen. Id-disposizzjonijiet tar-Regolament [(UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1)] jenħtieġ li japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skont il-liġi li tirrigwarda trademarks tal-[Unjoni Ewropea], ħlief fejn dan ir-Regolament jidderoga minn dawn ir-regoli.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “It-trademark tal-Unjoni Ewropea”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“It-trademark tal-[Unjoni Ewropea] għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fl-Unjoni kollha: ma għandhiex tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma għandu jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

5        Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kif tinkiseb trademark tal-[Unjoni Ewropea]”, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tinkiseb permezz tar-reġistrazzjoni.

6        L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dawn li ġejjin ma għandhomx jiġu rreġistrati:

[…]

b)      trademarks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

c)      trademarks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

d)      trademarks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

e)      sinjali li jikkonsistu esklużivament f’dawn li ġejjin:

i)      il-forma, jew xi karatteristika oħra, li tirriżulta min-natura tal-oġġetti nnifishom;

ii)      il-forma, jew xi karatteristika oħra, tal-oġġetti li tkun meħtieġa biex jinkiseb riżultat tekniku;

iii)      il-forma, jew xi karatteristika oħra, li tagħti valur sostanzjali lill-oġġetti;

f)      trademarks li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità;

g)      trademarks li huma ta’ natura li tista’ tqarraq bil-pubbliku, per eżempju fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew is-servizz;

[…]

j)      trademarks li huma esklużi mir-reġistrazzjoni, skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali jew ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni jew l-Istat Membru kkonċernat ikun parti, li jipprevedu l-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi;

k)      trademarks li huma esklużi mir-reġistrazzjoni skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni tkun parti, li jipprevedu l-protezzjoni ta’ termini tradizzjonali għall-inbid;

l)      trademarks li huma esklużi mir-reġistrazzjoni skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni tkun parti, li jipprevedu l-protezzjoni ta’ termini tradizzjonali għall-inbid;

m)      trademarks li huma magħmulin minn, jew li jirriproduċu, fl-elementi essenzjali tagħhom, denominazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti preċedenti reġistrata skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, jew ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni jew l-Istat Membru kkonċernat ikunu partijiet, li jipprevedu l-protezzjoni ta’ drittijiet fuq varjetà ta’ pjanti, u li huma fir-rigward ta’ varjetajiet ta’ pjanti tal-istess speċi jew speċi relatata mill-qrib.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trademark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Unjoni.”

7        L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 2017/1001, intitolat “Raġunijiet assoluti ta’ invalidità”, jipprevedi:

“1.      Trademark tal-[Unjoni Ewropea] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-[EUIPO] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ ksur,

a)      meta trademark tal-[Unjoni Ewropea] tkun ġiet irreġistrata kuntrarju għad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 7;

b)      meta l-applikant jkun aġixxa morożament meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.

2.      Meta t-trademark tal-[Unjoni Ewropea] tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b), (c) jew (d), tista’ madanakollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza tal-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni akkwistat karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata.

3.      Jekk ir-raġuni ta’ invalidità tkun teżisti biss fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trademark tal-[Unjoni Ewropea] hija reġistrata, it-trade mark għandha tiġi dikjarata bħala invalida fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi biss.”

8        L-Artikolu 63 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Applikazzjoni għal revoka tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trademark tal-[Unjoni Ewropea] jew għal dikjarazzjoni li t-trade mark hija invalida tista’ tiġi preżentata lill-[EUIPO]:

a)      meta japplikaw l-Artikoli 58 u 59, minn kull persuna fiżika jew ġuridika u minn kull grupp jew organu mwaqqfa bil-għan li jirrapreżentaw l-interessi ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew konsumaturi, li għandhom il-kapaċità li jfittxu jew li jiġi mfittxija f’isimhom stess, skont il-liġi li tirregolahom;

[…]

3.      Applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibbli meta applikazzjoni li tirrigwarda l-istess materja u l-istess kawża, u li tinvolvi lill-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata fuq il-merti tagħha, jew mill-Uffiċċju jew permezz ta’ qorti għat-trademarks tal-UE kif imsemmi fl-Artikolu 123, u d-deċiżjoni tal-Uffiċċju jew dik il-qorti dwar dik l-applikazzjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ deċiżjoni finali.”

9        L-Artikolu 123 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-trademark tal-Unjoni Ewropea”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali tal-ewwel u tat-tieni istanza, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.”

10      L-Artikolu 124 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni fuq ksur u validità”, huwa redatt kif ġej:

“Il-qrati tat-trademarks tal-UE għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

a)      kull kawża ta’ ksur u – jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali – kawżi dwar theddida ta’ ksur ta’ trademarks tal-[Unjoni Ewropea];

[…]

d)      kull kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trademark tal-[Unjoni Ewropea] skont l-Artikolu 128.”

11      L-Artikolu 127 tar-Regolament Nru 2017/1001, intitolat “Preżunzjoni ta’ validità – Id-difiża fir-rigward tal-merti” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati tat-trademarks tal-[Unjoni Ewropea] għandhom jikkunsidraw it-trademark tal-UE bħala valida sakemm il-validità tagħha ma tiġix kontestata mill-konvenut permezz ta’ kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.”

12      L-Artikolu 128 tar-Regolament Nru 2017/1001, intitolat “Kontrotalbiet” jipprevedi:

“1.      Kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi ibbażata biss fuq ir-raġunijiet ta’ revoka jew ta’ invalidità msemmija f’dan ir-Regolament.

2.      Il-qorti għat-trademarks tal-[Unjoni Ewropea] għandha tiċħad kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk deċiżjoni meħuda mill-[EUIPO] li tinvolvi l-istess suġġett u l-istess kawża u li tinvolvi lill-istess partijiet tkun diġà saret finali.

[…]

4.      Il-qorti għat-trademarks tal-UE li permezz tagħha kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trademark tal-UE tkun ġiet ippreżentata ma għandhiex tipproċedi b’eżami tal-kontrotalba, sakemm jew il-parti interessata jew il-qorti tkun infurmat lill-[EUIPO] bid-data ta’ meta tkun ġiet ippreżentata l-kontrotalba. L-[EUIPO] għandu jirreġistra dik l-informazzjoni fir-Reġistru. Jekk applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trademark tal-UE tkun diġà ġiet ippreżentata quddiem l-Uffiċċju qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-kontrotalba, il-qorti għandha tkun infurmata b’dan mill-[EUIPO] u twaqqaf il-proċedimenti skont l-Artikolu 132(1) sakemm id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tkun finali jew sakemm l-applikazzjoni tiġi rtirata.

[…]

6.      Fejn qorti għat-trademarks tal-UE tkun tat sentenza li tkun saret finali dwar kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trademark tal-UE, kopja tas-sentenza għandha tintbagħat lill-[EUIPO] mingħajr dewmien, jew mill-qorti jew minn kwalunkwe parti fil-proċedimenti nazzjonali. L-[EUIPO] jew kwalunkwe parti interessata oħra tista’ titlob informazzjoni dwar tali trasmissjoni. L-[EUIPO] għandu jsemmi s-sentenza fir-Reġistru u għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mal-parti operattiva tiegħu.

7.      Il-qorti għat-trademarks tal-UE li tkun qiegħda tismal-kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tissospendi l-proċedimenti meta jsir rikors mill-proprjetarju ta’ trademark tal-UE u wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn u tista’ titlob lill-konvenut sabiex jippreżenta applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità lill-Uffiċċju fi żmien stabbilit minnha. Jekk l-applikazzjoni ma tiġix preżentata fiż-żmien stipulat, il-proċedimenti għandhom jitkomplew; il-kontrotalba għandha titqies li ġiet irtirata. Artikolu 132(3) għandu japplika f’dan il-każ.”

13      Skont l-Artikolu 129 ta’ dak ir-regolament, intitolat “Liġi applikabbli”:

“1.      Il-qrati għat-trademarks tal-[Unjoni Ewropea] għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.      Dwar il-kwistjonijiet kollha relattivi għat-trademarks mhux koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti rilevanti għat-trademark tal-[Unjoni Ewropea] għandha tapplika d-dritt nazzjonali.

3.      Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti għat-trademarks tal-[Unjoni Ewropea] għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti.”

14      L-Artikolu 132(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli speċifiċi dwar kawżi relatati”, jipprevedi:

“Qorti għat-trademarks tal-UE li tkun qiegħda tisma’ kawża msemmija fl-Artikolu 124, ħlief għal kawża għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur għandha, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ, minn jeddha u wara li tisma’ lill-partijiet jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn, tissospendi il-proċedimenti jekk il-validità ta’ trademark tal-UE tkun diġa’ qiegħda tiġi kontestata quddiem qorti għat-trademarks tal-UE oħra fuq bażi ta’ kontrotalba jew jekk applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun diġa’ ġiet ippreżentata l-[EUIPO].”

 Iddritt nazzjonali Pollakk

15      L-Artikolu 204 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal‑1964, Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni tagħha applikabbli fit-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprevedi:

“§1.      Kontrotalba għandha tkun ammissibbli jekk il-kontrotalba tkun marbuta mal-pretensjoni oriġinali jew jekk tista’ twassal għal tpaċija. Kontrotalba tista’ titressaq mhux iktar tard mir-risposta jew, fl-assenza tal-preżentata ta’ tali risposta, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja jew għall-ftuħ tal-ewwel seduta li kienet is-suġġett ta’ notifika jew ta’ konvokazzjoni [indirizzata lill-konvenut].

§ 2.      Il-kontrotalba għandha titressaq quddiem il-qorti li tieħu konjizzjoni tal-azzjoni prinċipali. Madankollu, jekk il-kontrotalba taqa’ taħt il-kompetenza ta’ din il-qorti reġjonali u l-kawża tressqet quddiem qorti distrettwali, din tal-aħħar għandha tittrasferixxi l-kawża kollha lill-qorti li għandha kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tal-kontrotalba.

§ 3.      Id-dispożizzjonijiet dwar l-azzjoni għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kontrotalba.”

16      L-Artikolu 479122 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġie inkluż fih mill-ustawa o zmianie ustawy – Kodeks postępowania cywilnego oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u Ċerti Liġijiet Oħra), tat‑13 ta’ Frar 2020 (Dz.U. tal‑2020, pożizzjoni 288), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2020. Dan l-artikolu jipprevedi:

“§ 1.      Kontrotalba fil-qasam tal-ksur ta’ trade mark jew ta’ disinn hija ammissibbli jekk hija tkun intiża għad-dikjarazzjoni tal-invalidità jew għar-revoka tat-trade mark jew għad-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn industrijali. L-Artikolu 204 japplika mutatis mutandis.

§ 2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew għal revoka ta’ trade mark kollettiva, tal-protezzjoni tad-dritt kollettiv relatat ma’ trade mark, ta’ trade mark ta’ garanzija, tar-rikonoxximent fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja tal-protezzjoni ta’ trade mark internazzjonali, kif ukoll għal talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikonoxximent fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja tal-protezzjoni ta’ disinn industrijali internazzjonali.”

17      L-Artikolu 22(2) ta’ din il-liġi madankollu jipprevedi kif ġej:

“Fil-kawżi mressqa u mhux magħluqa f’ċertu livell ta’ istanza jew quddiem is-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema, il-Polonja)] fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, ir-regoli dwar din il-proċedura ma humiex applikabbli. Il-qorti li għandha kompetenza skont ir-regoli attwali jibqa’ jkollha kompetenza sabiex tisma’ tali kawża.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

18      LM hija l-proprjetarja tat-trade mark verbali tal-Unjoni Multiselect (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”), irreġistrata fil‑5 ta’ Ġunju 2018 għal servizzi fil-klassijiet 9, 41 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Dawn il-prodotti u servizzi jinkludu, b’mod partikolari, il-konsulenza fil-qasam ta’ gwida professjonali, l-informazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ software kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ testi u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi online.

19      KP ipproponiet mill‑2009, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tagħha u f’forma kemm stampata kif ukoll iddiġitalizzata, manwal intiż għall-kandidati għall-eżamijiet tal-pulizija sabiex dawn jiġu ppreparati għat-testijiet psikoloġiċi koperti mit-trade mark ikkontestata, li jikkostitwixxu wieħed mill-istadji tal-imsemmija proċedura ta’ reklutaġġ. KP tippromwovi l-manwal tagħha fuq diversi siti internet.

20      Fis‑26 ta’ Frar 2020, LM ressaq quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, azzjoni għal ksur tat-trade mark ikkontestata sabiex KP tiġi ordnata tieqaf milli tindika taħt din it-trade mark il-prodotti u s-servizzi li hija tikkummerċjalizza kif ukoll tuża l-imsemmija trade mark f’kull komunikazzjoni marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti u servizzi.

21      Fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti, KP, fit‑30 ta’ Lulju 2020, ippreżentat kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata għal parti mill-prodotti u servizzi li għalihom din kienet ġiet irreġistrata, skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament 2017/1001, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) sa (d) u (2) ta’ dan ir-regolament.

22      Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-azzjoni ta’ ksur fl-intier tagħha.

23      Fir-rigward tal-kontrotalba, din il-qorti tistaqsi dwar il-portata tal-eżami li hija għandha twettaq fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, is-suġġett ta’ kontrotalba jmur lil hinn mill-kuntest ta’ “mezz ta’ difiża” kontra l-azzjoni ta’ ksur.

24      Fil-fatt, f’dan il-każ, filwaqt li t-talbiet tal-azzjoni prinċipali kienu jikkonċernaw biss is-servizzi u l-prodotti kkummerċjalizzati minn KP, il-portata tal-kontrotalba hija ħafna usa’, peress li KP tinvoka l-invalidità tat-trade mark ikkontestata sa fejn din tkopri mhux biss il-prodotti u s-servizzi koperti mill-azzjoni prinċipali iżda wkoll prodotti u servizzi oħra.

25      B’hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kull talba intiża għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, indipendentement mir-rabta effettiva tagħha mal-proċedimenti ta’ ksur, taqax taħt il-kunċett ta’ “kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”, fis-sens tal-Artikolu 124(d) u tal-Artikolu 128(1) tar-Regolament 2017/1001, jew jekk dan il-kunċett għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss it-talbiet li għandhom “rabta effettiva” mal-proċedimenti ta’ ksur, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt “il-qafas delimitat mill-azzjoni għal ksur”.

26      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li jiġi aċċettat li kontrotalba jista’ ma jkollhiex “rabta effettiva” mal-proċedimenti ta’ ksur joħloq ir-riskju li l-proċedura prinċipali tkun “iddominata” mill-kontrotalba u li l-kontrotalba titlef in-natura tagħha ta’ motiv ta’ difiża kontra l-pretensjonijiet tal-azzjoni prinċipali. Hija tiffavorixxi interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontrotalba” fis-sens li tista’ tirreferi biss għal talbiet li għandhom rabta effettiva mal-azzjoni għal ksur, rabta li ma hijiex “iddeterminata mill-kontenut tad-dritt mogħti mit-trade mark [ikkontestata] u lanqas mill-oqsma ta’ attività tal-konvenut, iżda mill-kontenut tat-talbiet ifformulati fil-kuntest tal-azzjoni [għal ksur]”.

27      Il-qorti tar-rinviju tqis li jimmilitaw f’dan is-sens, minn naħa, il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u l-Artikolu 129(3) tar-Regolament 2017/1001 u, min-naħa l-oħra, ir-regoli li jirregolaw il-kompetenza tal-EUIPO u l-ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, li minnhom jirriżulta li l-ġurisdizzjoni ta’ dawn tal-aħħar tikkostitwixxi eċċezzjoni fil-qasam ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

28      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fid-data tal-preżentata tal-azzjoni għal ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt Pollakk ma kienx jipprevedi l-possibbiltà, għall-konvenuti fi proċedimenti ta’ ksur mibdija minn proprjetarji ta’ trade marks irreġistrati fil-Polonja, li jressqu kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li l-Artikolu 479122 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li ġej mil-Liġi tat‑13 ta’ Frar 2020, kien għadu ma daħalx fis-seħħ f’din id-data. B’hekk, hija għandha dubji dwar jekk, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux jitqiesu li huma “regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 129(3) tar-Regolament 2017/1001.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“1)      L-Artikolu 124(d) moqri flimkien mal-Artikolu 128(1) tar-Regolament [2017/1001], għandu jinftiehem fis-sens li t-terminu ‘kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità’ li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet għandu jfisser talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità esklużivament sa fejn din tkun relatata mal-pretensjoni tar-rikorrent dwar ksur tat-trade mark tal-Unjoni, b’tali mod li l-qorti nazzjonali ma tiħux konjizzjoni tal-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li jkollha portata usa’ minn dik relatata mal-pretensjoni tar-rikorrent dwar il-ksur?

2)      L-Artikolu 129(3) tar-Regolament [2017/1001] għandu jinftiehem fis-sens li d-dispożizzjoni msemmija, li tirrigwarda ‘regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali’, tirreferi għal regoli proċedurali nazzjonali li jkunu applikabbli fi proċedimenti speċifiċi dwar ksur tad-dritt tat-trade mark tal-Unjoni (kif ukoll ta’ proċedimenti ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità), jew tirreferi ukoll b’mod ġenerali għal regoli proċedurali nazzjonali preżenti fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru, li huwa rilevanti fejn, fid-dawl tad-data ta’ tressiq ta’ proċedimenti speċifiċi għal ksur tad-dritt tat-trade mark tal-Unjoni, ir-regoli proċedurali dwar azzjonijiet ta’ kontrotalba għal dikjarazzjonijiet ta’ invalidità ta’ trade mark relatati ma’ trade marks nazzjonali ma kinux jeżistu fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 124(d) tar-Regolament 2017/1001, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 128(1) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ tikkonċerna d-drittijiet kollha li l-proprjetarju ta’ din it-trade mark jislet mir-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma din il-kontrotalba tiġi ristretta, fis-suġġett tagħha, mill-kuntest kontenzjuż iddefinit mill-azzjoni għal ksur.

31      Fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontrotalba” fir-Regolament 2017/1001, hemm lok li jiġi rrilevat li dan normalment jinftiehem bħala li jirreferi għal kontrorikors ippreżentat mill-konvenut fi proċedura mibdija kontrih mir-rikorrent quddiem l-istess qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, C‑256/21, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 36).

32      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li kontrotalba ma għandhiex tiġi konfuża ma’ sempliċi motiv ta’ difiża. Għalkemm ippreżentata fil-kuntest ta’ proċess mibdi permezz ta’ rimedju ġudizzjarju ieħor, din hija talba separata u awtonoma, li l-ipproċessar proċedurali tagħha huwa indipendenti mit-talba prinċipali u li jista’, b’hekk, jitkompla anki jekk l-applikant prinċipali jiġi miċħud (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022 Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      B’hekk, għalkemm il-kunċett ta’ “kontrotalba”, fis-sens tar-Regolament 2017/1001, għandu jinftiehem bħala rimedju ġuridiku li jibqa’ suġġett għat-tressiq ta’ azzjoni għal ksur u li huwa, konsegwentement, marbut ma’ din tal-aħħar, dan ir-rimedju ġuridiku huwa intiż sabiex jestendi s-suġġett tal-kawża u sabiex tiġi rrikonoxxuta pretensjoni distinta u awtonoma tat-talba prinċipali, b’mod partikolari sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark ikkonċernata (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 39).

34      Għaldaqstant, billi timplika l-estensjoni tas-suġġett tat-tilwima u minkejja din ir-rabta bejn ir-rikors prinċipali u l-kontrotalba, din tal-aħħar issir awtonoma. Il-kontrotalba tiddistingwi ruħha, għalhekk, minn sempliċi motiv ta’ difiża u l-eżitu tagħha ma jiddependix minn dak tal-azzjoni għal ksur li matulha tressqet (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 40).

35      B’hekk, fid-dawl tan-natura awtonoma tal-kontrotalba prevista fl-Artikolu 128 tar-Regolament 2017/1001, l-għan ta’ din tal-aħħar ma jistax jiġi ristrett minn dak tal-azzjoni għal ksur li fil-kuntest tagħha tressqet l-imsemmija talba.

36      Din il-konklużjoni hija kkorroborata, fl-ewwel lok, mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw ir-raġunijiet ta’ invalidità li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa skont l-Artikolu 128 tiegħu.

37      Ċertament, il-kontrotalba hija differenti minn talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiem l-EUIPO mill-perspettiva tal-persuni li jistgħu jressqu l-ewwel talba u li jippreżentaw it-tieni waħda. Fil-fatt, skont l-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’, fil-każijiet iddefiniti fl-Artikoli 58 u 59 tal-istess regolament, titressaq “minn kull persuna fiżika jew ġuridika” kif ukoll minn kull grupp mwaqqaf bil-għan li jirrappreżenta l-interessi ta’ fabbrikanti, ta’ produtturi, ta’ fornituri ta’ servizzi, ta’ negozjanti jew ta’ konsumaturi, u li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għalihom, għandhom il-locus standi in judicio. Min-naħa l-oħra, l-unika persuna, fiżika jew ġuridika, li tista’ tressaq kontrotalba fis-sens tal-Artikolu 128 tar-Regolament Nru 2017/1001 hija l-konvenut fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ ksur ikkonċernati. Madankollu, din ir-restrizzjoni fir-rigward tal-persuni li jistgħu jressqu kontrotalba bl-ebda mod ma timplika li s-suġġett ta’ din it-talba għandu jkun limitat sabiex ikopri biss dak li jaqa’ taħt l-interessi proprji tar-rikorrent.

38      Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 128(1) ta’ dan ir-regolament, “[i]l-kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi ibbażata biss fuq ir-raġunijiet ta’ revoka jew ta’ invalidità msemmija f’dan ir-Regolament”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, għalkemm kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fis-sens ta’ dan ir-regolament tista’ tkun ibbażata biss fuq ir-raġunijiet ta’ invalidità espressament imsemmija minn dan ir-regolament, hija tista’ madankollu tkun ibbażata fuq kull raġuni prevista minn dan tal-aħħar.

39      Issa, l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti ta’ invalidità”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata invalida, wara talba mressqa l-EUIPO jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ ksur, “meta [dik it-trade mark] tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 [ta’ dan ir-regolament]”.B’hekk, ir-Regolament 2017/1001 jassimila, mill-perspettiva tal-portata tagħhom, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiem l-EUIPO u l-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ ksur pendenti quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea.

40      Fil-fatt, minn naħa, konformement mal-ġurisprudenza, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-interess ġenerali li huwa l-bażi tagħhom u ma jistgħux, b’hekk, ikunu neċessarjament marbuta ma’ interessi ekonomiċi effettivi jew potenzjali għat-tħassir tat-trade mark ikkontestata (ara, għal dak il-għan, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Lancôme/OHMI, C‑408/08 P, EU:C:2010:92, punti 40 u 43).

41      Min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li wħud mir-raġunijiet ta’ invalidità msemmija taħt il-punti (a) sa (m) ta’ din id-dispożizzjoni u li fuqhom tista’ tiġi bbażata talba prinċipali għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jistgħu, min-natura tagħhom, jikkonċernaw il-prodotti jew is-servizzi kollha koperti mir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark.

42      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tar-raġuni ta’ invalidità msemmija taħt il-punt (f), li jirreferi għat-“trademarks li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità”, tar-raġuni ta’ invalidità msemmija taħt il-punt (g), li tkopri “trademarks li huma ta’ natura li tista’ tqarraq bil-pubbliku, per eżempju fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew is-servizz”, jew ukoll tar-raġunijiet ta’ invalidità msemmija taħt il-punti (j), (k), (l) u (m), li jirrigwardaw il-protezzjoni, rispettivament, tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, it-termini tradizzjonali għall-inbejjed, l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u d-drittijiet tal-varjetà tal-pjanti.

43      Bl-istess mod, ir-raġuni assoluta ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, jiġifieri l-mala fide tal-applikant waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, tista’ wkoll tikkonċerna d-drittijiet kollha li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jislet mir-reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar.

44      Issa, dan imur kontra l-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju, li huwa wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-kontrotalba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 56), li jitqies li tali talba bbażata fuq waħda mir-raġunijiet ta’ invalidità msemmija fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza tista’ twassal biss għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark li fuqha huma bbażati l-proċedimenti ta’ ksur kkonċernati.

45      Fil-fatt, l-Artikolu 59(3) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi li l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi ddikjarata biss għall-parti tal-prodotti jew tas-servizzi li għaliha teżisti r-raġuni ta’ invalidità invokata, jikkostitwixxi l-unika restrizzjoni prevista minn dan l-istess regolament fir-rigward tal-portata u tal-eżitu ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u, għaldaqstant, ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

46      Minn dan isegwi li kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mressqa skont l-Artikolu 128 tar-Regolament 2017/1001 tista’, minħabba n-natura tagħha, tirrigwarda d-drittijiet kollha li l-proprjetarju ta’ din it-trade mark jislet mir-reġistrazzjoni tagħha.

47      Fit-tieni lok, ir-regoli li jirregolaw l-effetti ta’ kontrotalba jikkonfermaw il-konklużjoni esposta fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, peress li dawn l-effetti huma l-istess bħal dawk irriżervati għal dikjarazzjoni ta’ revoka jew ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li seħħet wara proċedimenti mibdija quddiem l-EUIPO.

48      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjonijiet dwar il-validità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandhom effett erga omnes fl-Unjoni kollha, kemm meta jkunu joriġinaw mill-EUIPO kif ukoll meta jingħataw fuq kontrotalba mressqa quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Dan l-effett erga omnes huwa kkonfermat fl-Artikolu 128(6) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi li qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandha tibgħat kopja tad-deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata fuq kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-EUIPO li għandu jirreġistra din id-deċiżjoni fir-reġistru u jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-dispożittiv tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Il-kunsiderazzjonijiet li għadhom kif ġew esposti ma jistgħux, fl-aħħar nett, jiġu kkontestati mis-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-EUIPO u l-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea stabbilita mill-imsemmi regolament.

51      Ċertament, ir-Regolament 2017/1001 jirriżerva għall-EUIPO kompetenza esklużiva fil-qasam tar-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u tal-oppożizzjoni għal din ir-reġistrazzjoni. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-validità ta’ dawn it-trade marks. Fil-fatt, għalkemm dan ir-regolament jistabbilixxi l-prinċipju taċ-ċentralizzazzjoni tal-ipproċessar tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u għal revoka quddiem l-EUIPO, dan il-prinċipju huwa madankollu mtaffi, peress li l-ġurisdizzjoni sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità jew ir-revoka ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet attribwita, skont l-Artikoli 63 u 124 tal-imsemmi regolament, b’mod kondiviż, lill-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, indikati mill-Istati Membri konformement mal-Artikolu 123(1) tiegħu, u lill-EUIPO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Il-ġurisdizzjoni hekk attribwita lil dawn il-qrati tikkostitwixxi l-applikazzjoni diretta ta’ regola ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni prevista mir-Regolament 2017/1001 u ma tistax titqies li tikkostitwixxi “eċċezzjoni” għall-ġurisdizzjoni tal-EUIPO f’dan il-qasam (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 43).

53      Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni inkwistjoni hija eżerċitata skont il-prinċipju ta’ prijorità tal-istanza adita. Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 132(1) u (2) tar-Regolament 2017/1001 u “sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ”, hija l-ewwel istanza adita b’kawża dwar il-validità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li għandha ġurisdizzjoni f’dan il-qasam (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen, C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 44).

54      B’hekk, fid-dawl tas-sistema tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni deskritta fil-punti 51 sa 53 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mir-Regolament 2017/1001 li, konformement mal-premessa 4 u mal-Artikolu 1(2) tiegħu, jistabbilixxi n-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, bħall-EUIPO, jagħti lill-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, abbażi tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq kontrotalbiet, ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu l-validità tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gemeinde Bodman-Ludwigshafen C‑256/21, EU:C:2022:786, punt 47).

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 124(d) tar-Regolament 2017/1001, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 128(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ tikkonċerna d-drittijiet kollha li l-proprjetarju ta’ din it-trade mark jislet mir-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma din il-kontrotalba tiġi ristretta, fis-suġġett tagħha, mill-kuntest kontenzjuż iddefinit mill-azzjoni għal ksur.

 Fuq ittieni domanda

56      Għandu jiġi kkonstatat, bħall-Kummissjoni Ewropea, li t-tieni domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-kwistjoni tal-portata ta’ kontrotalba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex regolata mid-dritt tal-Unjoni. B’hekk, fl-assenza ta’ regoli nazzjonali speċifiċi fil-qasam tal-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade marks nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, b’“regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni” fis-sens tal-Artikolu 129(3) tar-Regolament 2017/1001, huwiex possibbli li wieħed jifhem ir-regoli proċedurali nazzjonali ta’ applikazzjoni ġenerali li jispeċifikaw il-portata tal-kontrotalbiet f’oqsma kontenzjużi oħra.

57      Issa, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 124(d) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 128(1) tiegħu,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ tikkonċerna d-drittijiet kollha li l-proprjetarju ta’ din it-trade mark jislet mir-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma din il-kontrotalba tiġi ristretta, fis-suġġett tagħha, mill-kuntest kontenzjuż iddefinit mill-azzjoni għal ksur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.