Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Prahova (ir-Rumanija) fit-18 ta’ Ottubru 2022 – SC Bitulpetrolium Serv SRL vs Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Prahova – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Ploieşti

(Kawża C-657/22)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Prahova

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SC Bitulpetrolium Serv SRL

Konvenut: Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Prahova – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Ploieşti

Domandi preliminari

Dispożizzjonijiet nazzjonali u prassi nazzjonali bħal dawk li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, li jipprovdu li l-introduzzjoni mill-ġdid fil-maħżen tat-taxxa ta’ kombustibbli għat-tisħin (żejt fjuwil) fl-assenza ta’ kontroll doganali [tikkostitwixxi] allegat ksur tas-sistema tal-ħażna [li] jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ sisa bir-rata stabbilita għaż-żejt tal-gass, kombustibbli [li s-sisa fuqu għandha] valur ta’ iktar minn 21 darba ogħla mis-sisa fuq iż-żejt fjuwil, imorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u [l-Artikolu] 2(3), [l-Artikolu] 5 u [l-Artikolu] 21(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 1 ?

Dispożizzjonijiet nazzjonali u prassi nazzjonali bħal dawk li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, li jipprovdu li l-VAT hija imposta fuq l-ammonti addizzjonali stabbiliti mill-awtoritajiet tat-taxxa bħala sisa fuq iż-żejt fjuwil bħala sanzjoni għal nuqqas ta’ konformità mas-sistema ta’ kontroll doganali min-naħa tal-kontribwent, bħala riżultat tal-introduzzjoni mill-ġdid fil-maħżen mill-kontribwent tal-prodotti tal-enerġija bħal żejt fjuwil, mhux imniġġes, li għalih is-sisa kien diġà tħallas, irrifjutat mill-klijenti, sakemm jiġi identifikat xerrej, imorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT u [l-Artikoli] 2, 250 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 ?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.