Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ April 2024 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Prahova - ir-Rumanija) – SC Bitulpetrolium Serv SRL vs Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Prahova – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Ploieşti

(Kawża C-657/22 1 , Bitulpetrolium Serv)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni konformement mal-prinċipju ta’ użu reali ta’ dawn il-prodotti – Anness I – Livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-prodotti tal-enerġija previsti f’din id-direttiva – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(a) – Fatt taxxabbli – Artikolu 63 – Eżiġibbiltà tal-VAT – Artikolu 78(1)(a) – Bażi tat-taxxa – Introduzzjoni mill-ġdid tal-prodotti tal-enerġija fil-maħżen tat-taxxa – Kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali – Supplimenti tas-sisa u tal-VAT applikati bħala sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet – Prinċipju ta’ proporzjonalità)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Prahova

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SC Bitulpetrolium Serv SRL

Konvenut: Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Prahova – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Ploieşti

Dispożittiv

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li bis-saħħa tagħhom, fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid fil-maħżen tat-taxxa ta’ prodotti tal-enerġija intiżi li jintużaw bħala kombustibbli, bil-għan li sussegwentement jiġu kkummerċjalizzati, il-fatt li l-awtorità kompetenti ma ġietx informata dwar din l-introduzzjoni mill-ġdid kif ukoll il-fatt li, fin-noti ta’ rċevuta u fil-fatturi ta’ kreditu relatati ma’ dawn il-prodotti, ma ngħatawx indikazzjonijiet dwar l-immarkar u l-kulur tal-imsemmija prodotti jwasslu, bħala sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, għall-applikazzjoni għall-istess prodotti, irrispettivament mill-użu reali tagħhom, tar-rata tas-sisa ogħla prevista għaż-żejt tal-gass intiż li jintuża bħala karburant.

L-Artikolu 2(1)(a), l-Artikolu 63 u l-Artikolu 78(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li bis-saħħa tagħhom, fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid fil-maħżen tat-taxxa ta’ prodotti tal-enerġija intiżi li jintużaw bħala kombustibbli, it-taxxa fuq il-valur miżjud tkun dovuta fuq l-ammont stabbilit mill-awtorità fiskali bħala suppliment tas-sisa, minħabba l-applikazzjoni għall-imsemmija prodotti tar-rata tas-sisa prevista għaż-żejt tal-gass intiż li jintuża bħala karburant, sakemm ma titwettaqx tranżazzjoni taxxabbli li tikkonsisti fil-kunsinna tal-prodott tal-enerġija kkonċernat bil-għan li jintuża bħala karburant.

____________

1     ĠU C 155, 02.05.2023.