Language of document : ECLI:EU:C:2023:534

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid‑29 ta’ Ġunju 2023 (1)

Kawża C311/22

Anklagemyndigheden

vs

PO,

Moesgaard Meat 2012 A/S

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (il-Qorti Suprema, id‑Danimarka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/75 – Emissjonijiet industrijali – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Permess – Tħaddim ta’ biċċeriji – Kapaċità ta’ produzzjoni – Karkassi – Kapaċità ta’ produzzjoni ta’ kuljum”






I.      Introduzzjoni

1.        Kif jista’ jiġi evalwat jekk biċċerija għandhiex kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 50 tunnellata metrika ta’ karkassi kuljum, li teħtieġ permess skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali (2)? Din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha l-għan li tiċċara din il-mistoqsija.

2.        Fil-fatt, qabel kollox, il-biċċerija inkwistjoni ma kellhiex tali permess, raġuni li għaliha l-impriża kkonċernata u l-amministratur tagħha issa huma suġġetti għal proċeduri kriminali. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali, qamet il-kwistjoni tal-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-biċċerija.

3.        F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi ddeterminat jekk għall-valur limitu huwiex determinanti l-piż tal-karkassi qabel jew wara t-tindif, jiġifieri, b’mod partikolari, wara l-iżvinar u l-evixxerazzjoni kif ukoll wara t-tneħħija tal-għonq u tar-ras. Barra minn hekk, tqajmet il-kwistjoni ta’ kif għandha tiġi stabbilita l-kapaċità ta’ kuljum u kif il-produzzjoni attwali tista’ tiġi kkunsidrata għad-determinazzjoni tal-kapaċità.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva dwar lemissjonijiet industrijali

4.        Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali tifformula mill-ġdid, fost l-oħrajn, id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal‑24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll [it-tnaqqis] integrat[i] tat-tniġġis (3), li kien fiha dispożizzjonijiet fil-biċċa l-kbira identiċi fir-rigward tal-obbligu ta’ permess tal-biċċeriji.

5.        Il-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jiddefinixxi l-kunċett ta’ installazzjoni kif ġej:

“unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I jew fil-Parti I tal-Anness VII, u kull attività oħra direttament assoċjata fuq l-istess sit li jkollhom konnessjoni teknika mal-attivitajiet elenkati f’dawk l-Annessi u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis.”

6.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jipprevedi obbligu ta’ permess:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ebda installazzjoni [...] ma titħaddem mingħajr permess.

[…]”

7.        L-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali huwa introdott kif ġej:

“Il-valuri tal-limiti minimi mogħtija hawn taħt ġeneralment jirriferu għall-kapaċitajiet jew ir-rendiment tal-produzzjoni. […]”

8.        Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jiddefinixxi t-tħaddim tal-biċċeriji msemmi:

“Tħaddim ta’ biċċeriji b’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ karkassi ta’ aktar minn 50 tunnellata metrika kull jum.”

2.      Regoli speċifiċi dwar ilqtil

9.        L-ewwel nett, l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas‑26 ta’ Ġunju 1964 dwar kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ laħam frisk (4), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 91/497/KEE tad‑29 ta’ Lulju 1991 (5), kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “karkassa” (“Tierkörper”) (6) kif ġej:

“il-ġisem sħiħ ta’ annimal maqtul wara li jkun ġie żvinat, evixxerat u jkunu tneħħewlu d-dirgħajn fil-carpus u t-tarsus, it-tneħħija tar-ras, id-denb u l-beżżula, u barra minn hekk, fil-każ ta’ annimali bovini, nagħaġ, mogħoż u solipedi, wara li jitqaxxru […]”

10.      Din id-dispożizzjoni ġiet issostitwita bir-Regolament (KE) Nru 853/2004 (7) li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (8). Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “karkassa” (“Schlachtkörper”), minn dan ir-regolament jirriżulta li dan il-kunċett jirreferi għall-ġisem ta’ annimal wara l-qatla u t-tindif (Anness I, punt 1.9).

11.      Definizzjonijiet iktar preċiżi tal-karkassi huma stabbiliti fl-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (9):

“A.      Skala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi ta’ annimali tal-ifrat li jkollhom tmien xhur jew aktar

I.      Definizzjonijiet

Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.      ‘karkass’ tfisser il-ġisem sħiħ ta’ annimal maqtul kif preżentat wara l-iżvinar, it-tneħħija tal-ġewwieni u t-tneħħija tal-ġilda;

[…]

IV.       Preżentazzjoni

Karkassi u nofs karkassi għandhom ikunu ppreżentati:

(a)      mingħajr ir-ras u mingħajr is-saqajn; ir-ras għandha tkun separata mill-karkassa fl-għaksa atloido-occipital u s-saqajn għandhom ikunu maqtugħin fl-għekiesi karpametakarpali jew torsometatorsali;

(b)      mingħajr l-organi li jinsabu fil-kavità toraċika u addominali, bil-kliewi, ix-xaħam tal-kliewi u x-xaħam pelviku jew mingħajrhom;

(c)      mingħajr l-organi sesswali u l-muskoli ta’ magħhom u mingħajr il-bżieżel jew ix-xaħam tal-glandola mammarja.

[…]

B.      Skala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali

I.      Definizzjoni

‘Karkassa’ għandha tfisser il-ġisem ta’ majjal maqtul, mifsud u bl-imsaren imneħħija, sħiħ jew maqsum min-nofs.

[…]

III.       Preżentazzjoni

Il-karkassi għandhom ikunu ppreżentati mingħajr l-ilsien, il-lanżit, il-qawqbiet, l-organi ġenitali, is-sonża, il-kliewi u d-dijaframma.

[…]

C.      Skala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tan-nagħaġ

I.      Definizzjoni

Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ ‘karkassa’ u ‘nofs karkassa’ stipulati fil-punt A.I.

[…]

IV.      Preżentazzjoni

Il-karkassi u n-nofs karkassi għandhom ikunu ppreżentati mingħajr ir-ras (maqtugħa fl-għaksa atlanto-oċċipitali), is-saqajn (maqtugħin fl-għaksa karpometakarpika jew tarsometatarsika), id-denb (maqtugħ bejn is-sitt u s-seba’ vertebra tad-denb), il-bżieżel, l-organi ġenitali, il-fwied u l-ġewwieni. Il-kliewi u x-xaħam tal-kliewi huma inklużi fil-karkassa.”

B.      Iddritt Daniż

12.      Ir-Renju tad-Danimarka implimenta d-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali permezz tal-Lov om miljøbeskyttelse (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent) (fil-verżjoni attwali tagħha kif tirriżulta mill-Avviż Nru 100 tad‑19 ta’ Jannar 2022, iktar ’il quddiem il-“Liġi Daniża dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent”) u permezz tal-Bekendtgørelse om godkendelse af listevirksomhed (l-Avviż dwar il-Permess tal-Attivitajiet Elenkati) (fil-verżjoni attwali tiegħu kif tirriżulta mill-Avviż Nru 2080 tal‑15 ta’ Novembru 2021, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Permess”) mingħajr iktar preċiżjoni fir-rigward tal-valuri limitu għall-biċċeriji.

13.      Mill-Artikolu 110(2) tal-Liġi Daniża dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, moqri flimkien mal-punt 6 tal-paragrafu 1 tiegħu u parzjalment mal-paragrafu 4 tiegħu, jirriżulta li kull persuna li topera impriża mingħajr permess għandha tkun suġġetta għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn jekk il-ksur ikun ikkawża dannu ambjentali.

14.      Il-Bekendtgørelse om Produktionsafgift ved slagtning og eksport af svin (l-Avviż dwar it-Taxxa fuq il-Produzzjoni waqt it-Tbiċċir u l-Esportazzjoni tal-Ħnieżer) (fil-verżjoni attwali tiegħu kif tirriżulta mill-Avviż Nru 2183 tas‑26 ta’ Novembru 2021, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar it-Taxxa fuq il-Produzzjoni”) jipprovdi li, fid-Danimarka, kull ħanżir prodott, maqtul, u rrikonoxxut, fil-kuntest ta’ kontroll uffiċjali, bħala tajjeb għall-konsum mill-bniedem huwa suġġett għall-ħlas ta’ taxxa. Ir-rati tat-taxxa għal kull ħanżir huma stabbiliti abbażi tal-piż tal-karkassa mal-qatla, li jinkludi l-piż ta’ karkassa tal-ħanżir bir-ras u bl-estremitajiet, iżda mingħajr xaħam taż-żaqq (“Flomme”), fi stat sħun waqt il-qatla.

III. Ilfatti u ttalba għal deċiżjoni preliminari

15.      Bejn l‑2014 u l‑2016, Moesgaard Meat 2012 A/S operat biċċerija mingħajr ma kellha permess skont il-Liġi Daniża dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. Din il-kumpannija kisbet tali permess biss fid‑9 ta’ Mejju 2018, wara li ssodisfat ċerti kundizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet ambjentali.

16.      B’hekk, Moesgaard Meat u l-amministratur tagħha PO ġew akkużati bi ksur tal-Liġi Daniża dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent minħabba l-fatt li, matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq, l-impriża kienet topera, mingħajr permess ambjentali, biċċerija bi produzzjoni ta’ iktar minn 50 tunnellata ta’ karkassi kuljum, u b’hekk ħolqot riskju ta’ ħsara għall-ambjent.

17.      F’dawn il-proċeduri kriminali, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-piż tal-karkassa għandux jiġi ddeterminat abbażi tal-piż tal-annimali li għandhom jiġu pproċessati, jiġifieri tal-“materja prima”, jew abbażi tal-prodott finali, jiġifieri il-ġisem mingħajr ras li jinsab fi stat iffriżat (imnaddaf). Huma ma jaqblux ukoll dwar jekk, għall-kalkolu tal-produzzjoni għal kull jum, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ġranet tal-qatla bħala tali jew jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-ġranet li matulhom isiru xogħlijiet oħra relatati mal-qatla. Fl-aħħar nett, huma ma jaqblux dwar jekk, fil-kalkolu tal-kapaċità ta’ biċċerija, il-volum tal-produzzjoni tagħha jistax ikun determinanti meta, minħabba miżuri illegali, f’dan il-każ l-użu ta’ kontejners refriġeranti addizzjonali, dan il-volum ikun ogħla mill-kapaċità tal-installazzjoni fl-assenza ta’ dawn il-miżuri illegali.

18.      Din il-proċedura issa tinsab pendenti fit-tielet istanza quddiem l-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka), li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-[Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘produzzjoni ta’ karkassi’ tkopri l-proċess ta’ tbiċċir, li jibda meta l-annimal jitneħħa mill-kenn tiegħu, jiġu stordut u jinqatel, u jispiċċa meta jiġu prodotti l-qatgħat kbar standard, sabiex il-piż tal-annimal imbiċċer jiġi kkalkolat qabel ma jitneħħew l-għonq, ir-ras, kif ukoll l-organi u l-intestini, jew ‘produzzjoni ta’ karkassi’ tfisser il-produzzjoni ta’ karkassi ta’ ħnieżer wara li jitneħħew l-għonq, ir-ras, kif ukoll l-organi u l-intestini, u wara żvinar u tkessiħ sabiex il-piż tal-annimal imbiċċer jiġi kkalkolat biss f’dan il-waqt?

2)      Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-[Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali] għandu jiġi interpretat fis-sens li meta jiġu ddeterminati n-numru ta’ ġranet ta’ produzzjoni inklużi fil-kapaċità ‘kull jum’, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ġranet li fihom jitwettqu l-isturdament, il-qtil u t-tqattigħ immedjat tal-ħanżir imbiċċer, jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ġranet li fihom jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ sliħ, li jinkludu l-preparazzjoni tal-annimal għat-tbiċċir, it-tkessiħ tal-annimal imbiċċer u t-tneħħija tar-ras u tal-għonq tal-annimal?

3)      Il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-[Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-‘kapaċità’ ta’ biċċerija għandha tiġi kkalkolata bħala l-produzzjoni massima għal kull jum f’24 siegħa, bla ħsara għal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali li l-biċċerija effettivament tikkonforma ruħha magħhom, iżda mhux inqas mill-produzzjoni milħuqa tagħha, jew il-‘kapaċità’ tal-biċċerija tista’ tkun inqas mill-produzzjoni milħuqa, pereżempju, fejn il-produzzjoni milħuqa minn biċċerija tkun twettqet b’nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali tal-produzzjoni li jiġu preżunti meta tiġi kkalkolata l-‘kapaċità’ tal-biċċerija?

19.      PO u Moesgaard Meat flimkien, ir-Renju tad-Danimarka u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll ipparteċipaw fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali tad‑9 ta’ Marzu 2023.

IV.    Lanaliżi ġuridika

20.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jista’ jidher sorprendenti li l-Qorti tal-Ġustizzja ssirilha domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex l-intenzjoni li tissanzjona direttament lill-akkużati abbażi ta’ direttiva, iżda tixtieq tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva sabiex tinterpreta b’mod konformi mal-imsemmija direttiva d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Daniża dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent li jittrasponuha. Fil-fatt, l-inkriminazzjoni tal-akkużati tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk huma kisrux jew le dawn id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni.

21.      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ebda installazzjoni ma titħaddem mingħajr permess. Skont il-punt 3 tal-Artikolu 3, installazzjoni hija unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu fl-istess sit attività waħda jew iktar minn dawk elenkati fl-Anness I. Il-punt 6.4 (a) tal-Anness I isemmi t-tħaddim ta’ biċċeriji b’kapaċità ta’ produzzjoni li taqbeż il-50 tunnellata ta’ karkassi kull jum.

22.      Id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċetti li jiddeskrivu din it-tip ta’ installazzjoni. Ser nirrispondi f’ordni invers.

23.      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kapaċità ta’ biċċerija tistax tkun inqas mill-produzzjoni effettivament imwettqa (ara iktar ’il quddiem taħt A). It-tieni domanda tirrigwarda l-kunċett ta’ “kull jum” u d-determinazzjoni tan-numru ta’ ġranet ta’ produzzjoni (ara iktar ’il quddiem taħt B). L-ewwel domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “produzzjoni ta’ karkassi” u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-piż tal-annimal maqtul jew tal-karkassa mnaddfa huwiex rilevanti wara li ċerti partijiet tal-ġisem ikunu tneħħew (ara iktar ’il quddiem taħt C).

A.      Ittielet domanda: produzzjoni effettiva

24.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kapaċità ta’ biċċerija għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali tagħha jew skont il-produzzjoni effettivament imwettqa.

25.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ebda installazzjoni ma titħaddem mingħajr permess. Għalhekk, għandu jkun diġà possibbli li jiġi ddeterminat jekk installazzjoni taqax taħt din id-dispożizzjoni qabel ma tibda titħaddem.

26.      Biex jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-installazzjonijiet ikunu suġġetti għal verifika tal-ħtieġa ta’ permess qabel jibdew jitħaddmu. Sfortunatament, il-kwistjoni dwar jekk dan sarx, u kif sar, fil-każ tal-biċċerija inkwistjoni ma ġietx iċċara, minkejja li saret mistoqsija dwar dan waqt is-seduta.

27.      Fi kwalunkwe każ, il-produzzjoni effettiva mwettqa sussegwentement ma tikkostitwixxix kriterju xieraq sabiex jiġi ddeterminat minn qabel jekk installazzjoni għandhiex tkun is-suġġett ta’ permess. Din l-informazzjoni, min-natura tagħha, hija disponibbli biss iktar tard, wara d-data li fiha għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta’ permess.

28.      Konsegwentement, il-kapaċità ta’ installazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kriterji oħra. Peress li l-kunċett ta’ kapaċità ta’ installazzjoni jirreferi għall-volum massimu tal-produzzjoni tagħha, dawn il-kriterji għandhom jiġu identifikati fil-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali li jikkaratterizzaw din l-installazzjoni (10), kif jirrikonoxxu l-parteċipanti kollha. Min-naħa l-oħra, l-intenzjonijiet jew l-għanijiet ta’ produzzjoni tal-operatur ta’ installazzjoni ma jistgħux ikunu determinanti għaliex jinħoloq ir-riskju li wieħed jevita r-rekwiżit ta’ permess billi jaħbi l-iskopijiet jew l-għanijiet reali.

29.      Sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tal-installazzjoni, għandu jiġi ddeterminat liema parti tal-installazzjoni jew liema stadju ta’ produzzjoni jillimitaw il-kapaċità tal-installazzjoni li għandha tiġi evalwata konkretament (11). Fil-fatt, l-istadji ta’ produzzjoni mwettqa fil-partijiet l-oħra tal-installazzjoni jiddependu neċessarjament minn dan l-istadju. Dawn il-partijiet l-oħra ma jkunux jistgħu jibqgħu jintużaw għall-produzzjoni, jew minħabba li l-fażi ta’ produzzjoni limitata ma tkunx tista’ tipproċessa prodotti intermedji oħra, jew għaliex ma tkunx tista’ tibqa’ tipprovdi prodotti intermedji għall-istadji sussegwenti. Għalhekk, anki jekk ikun għad hemm kapaċitajiet disponibbli f’dawn il-partijiet l-oħra tal-installazzjoni, dawn il-kapaċitajiet ma jkunx jistgħu jintużaw.

30.      Fil-kawża prinċipali, id-dibattitu jirrigwarda b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni livell ta’ produzzjoni li ntlaħaq biss minħabba kontenituri ta’ tkessiħ addizzjonali installati illegalment.

31.      Jiena nifhem dan id-dibattitu fis-sens li l-kapaċità tat-tkessiħ tillimita l-produzzjoni tal-biċċerija inkwistjoni u għalhekk il-kapaċità globali. Fi kliem ieħor, jekk l-installazzjonijiet refriġeranti jkunu mimlija, ebda annimal ieħor ma jkun jista’ jinqatel fil-biċċerija peress li l-laħam imbagħad jitħassar. B’hekk, il-kapaċità għall-qtil tal-annimali mhux użata ma żżidx il-kapaċità ġenerali tal-biċċerija meta l-installazzjonijiet ta’ refriġerazzjoni jkunu ntużaw kompletament.

32.      Jekk il-kapaċità tat-tkessiħ tiżdied iktar tard bl-installazzjoni ta’ kontejners refriġeranti addizzjonali, dan jikkostitwixxi bidla fl-installazzjoni. Jekk l-installazzjoni jkollha diġà permess skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, l-operatur għandu, skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, jinforma b’din il-bidla lill-awtorità kompetenti.

33.      Jekk ikun biss permezz ta’ dawn il-kontejners refriġeranti supplimentari li jinqabeż il-valur limitu li jagħti lok għall-obbligu ta’ permess, jiġifieri li l-installazzjoni għalhekk ikun għad ma għandhiex permess skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, hija tista’ titħaddem biss, skont l-Artikolu 4, bl-użu ta’ kontejners refriġeranti ġodda, wara l-għoti ta’ tali permess. L-operatur għalhekk ikun obbligat jippreżenta applikazzjoni għal permess u jistenna l-permess qabel ma jibda jħaddem il-kontejners refriġeranti.

34.      Kunsiderazzjonijiet simili għandhom japplikaw meta limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali oħra jiġu aboliti jew immitigati. B’hekk, il-kapaċità ta’ installazzjoni diġà tista’ tiżdied minħabba t-tneħħija tal-limitazzjonijiet legali fuq il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum. F’dan il-każ ukoll, ikollu jintalab permess qabel ma jinqabeż għall-ewwel darba l-valur limitu. Issa, ikun sproporzjonat li wieħed jeżiġi l-waqfien tal-impriża għaż-żmien qabel il-ħruġ eventwali tal-permess, sakemm il-ħin tax-xogħol addizzjonali disponibbli ma jkunx (għadu) użat.

35.      Madankollu, minkejja l-importanza determinanti tal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali li jikkaratterizzaw l-installazzjoni, il-qbiż tal-kapaċità preżunta fit-tħaddim effettiv ma jistax jiġi injorat. Għall-kuntrarju, tali qbiż jikkostitwixxi indizju serju tal-fatt li l-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-installazzjoni kienet ibbażata fuq ipoteżijiet żbaljati.

36.      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ installazzjoni li ma tkunx kisbet permess skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, hemm lok li, mill-fatt li l-produzzjoni effettiva taqbeż il-valur limitu applikabbli, jiġi dedott li din l-installazzjoni wara kollox teħtieġ permess.

37.      F’każ bħal dan, l-operatur tal-installazzjoni għandu jkun obbligat jinforma immedjatament lill-awtorità li tkun kompetenti sabiex tieħu deċiżjoni dwar permess. Hija għandha tevalwa l-kapaċità tal-installazzjoni abbażi tal-informazzjoni ġdida kif ukoll taċ-ċirkustanzi l-oħra kollha tal-każ. Jekk jirriżulta li l-kapaċità kienet ġiet effettivament sottovalutata bi żball, l-operatur għandu mill-inqas jippreżenta applikazzjoni għal permess. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li jitwaqqaf it-tħaddim sakemm jinkiseb permess jew, tal-inqas, li tiġi stabbilita limitazzjoni legali tal-kapaċità li tista’ tintuża. Jekk l-operatur ikkontribwixxa għal dan l-iżball, wieħed għandu jaħseb ukoll għal sanzjonijiet xierqa.

38.      Madankollu, huwa wkoll konċepibbli li l-qbiż tal-valur limitu jikkostitwixxi avveniment uniku u eċċezzjonali li normalment ma għandux jerġa’ jseħħ. Dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, meta dan il-volum ta’ produzzjoni jkun minħabba li nqabżu l-limitazzjonijiet legali jew tekniċi fir-rigward tal-kapaċità ta’ ċerti partijiet tal-installazzjoni, li jikkawża żvantaġġi oħra bħalma huma użu eċċessiv ta’ tagħmir jew tnaqqis fil-kwalità tal-produzzjoni. F’każijiet bħal dawn, l-awtorità kompetenti tista’ tastjeni milli tikkonkludi, abbażi ta’ volum ta’ produzzjoni effettiva eċċezzjonalment miżjud, li l-installazzjoni għandha kapaċità ikbar u li għalhekk hemm il-ħtieġa ta’ permess.

39.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, il-kapaċità ta’ installazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali li jikkaratterizzaw din l-installazzjoni. Meta l-produzzjoni effettiva ta’ installazzjoni li inizjalment ma jkollhiex permess tkun sussegwentement ogħla mill-kapaċità preżunta u mill-valur limitu applikabbli, l-operatur għandu jkun meħtieġ jinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti sabiex toħroġ il-permess u din tal-aħħar għandha tieħu l-miżuri addizzjonali meħtieġa.

B.      Ittieni domanda: kapaċità ta’ kuljum

40.      It-tieni domanda hija intiża li tiġi ddeterminata l-kapaċità ta’ kuljum ta’ installazzjoni.

41.      L-isfond ta’ din id-domanda huwa l-fatt li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-operazzjoni ta’ qatla mwettqa minn Moesgaard Meat tinfirex fuq total ta’ tlett ijiem. Fl-ewwel jum, l-annimali jiġu kkunsinnati u ppreparati, fit-tieni jum, jinqatlu u jiddendlu f’kamra kiesħa, u fit-tielet jum, ir-ras u l-għonq jitneħħew u l-karkassi jiġu ppreparati għall-kunsinna tagħhom. Il-qtil tal-annimali jsir biss matul il-ġimgħa, iżda l-Ħadd l-annimali jkunu diġà ġew ikkunsinnati għall-qatla li ssir nhar ta’ Tnejn, u l-annimali maqtula nhar ta’ Ġimgħa jiġu pproċessati nhar ta’ Sibt. Għalhekk, skont Moesgaard Meat, il-produzzjoni ta’ kull ġimgħa, biex tiġi ddeterminata l-kapaċità ta’ kuljum, għandha tinqasam b’sebat ijiem. Min-naħa l-oħra, id-Danimarka tqis li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ġranet tal-qtil effettiv tal-annimali.

42.      Din il-kontroversja tirrifletti mill-ġdid l-ipoteżi żbaljata li l-kapaċità ta’ installazzjoni li tagħti lok għal permess tista’ tiġi ddeterminata direttament abbażi tal-produzzjoni effettiva.

43.      Madankollu, sabiex tiġi deċiża l-eżistenza ta’ obbligu ta’ permess, il-kapaċità ta’ produzzjoni għandha, kif diġà indikajt, tiġi evalwata (12) minn qabel skont il-karatteristiċi tal-installazzjoni u d-diversi partijiet li jikkostitwixxuha. F’dan ir-rigward, bħala prinċipju, il-kapaċità massima tal-installazzjoni kollha kemm hi għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali speċifiċi għal kull waħda mill-partijiet tagħha. Il-fattur determinanti għall-kapaċità huwa liema parti mill-installazzjoni jew liema istadju tal-produzzjoni jillimitaw il-kapaċità tal-installazzjoni totali (13).

44.      F’dan ir-rigward, ftit jimporta li dan l-istadju (jew f’din id-data) diġà jippermetti l-produzzjoni tal-prodott finali intiż li jiġi prodott. Minflok, għandu jiġi ddeterminat liema kwantità tal-prodott finali tista’ tiġi prodotta mill-prodott intermedjarju tal-istadju determinanti tal-produzzjoni. Fil-fatt, kif diġà għidt, din il-kwantità hija determinanti għall-volum ta’ produzzjoni li l-installazzjoni kollha kemm hi tista’ tipproduċi.

45.      Jekk ikun korrett li jiġi preżunt li l-kapaċità li tkessaħ tal-biċċerija inkwistjoni tillimita l-volum ta’ produzzjoni tagħha, ikollhom jiġu eżaminati, l-ewwel, in-numru ta’ annimali maqtula li jistgħu jiddaħħlu kull jum fl-installazzjonijiet ta’ tkessiħ u, it-tieni, il-kwantità ta’ karkassi li tista’ tiġi prodotta minnhom.

46.      Sabiex tiġi ddeterminata l-kapaċità massima, għandu jiġi preżunt tħaddim ta’ kuljum matul il-ġurnata kollha, jiġifieri għal 24 siegħa kuljum, sakemm ma tapplika l-ebda waħda mil-limitazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (14). Jekk jirriżulta, wara evalwazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-limitazzjoni, li tħaddim għal 24 siegħa kuljum huwa impossibbli, pereżempju minħabba limitazzjonijiet regolatorji jew minħabba xogħlijiet ta’ manutenzjoni neċessarji, dan ikollu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ kuljum.

47.      Min-naħa l-oħra, għad-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ kuljum, huwa irrilevanti li, f’ċerti jiem, minħabba l-imsemmija limitazzjonijiet, l-ebda tħaddim ma jkun possibbli jew li jkun possibbli tħaddim limitat biss, pereżempju minħabba projbizzjonijiet fuq it-tħaddim nhar ta’ Ħadd u/jew fil-festi pubbliċi. Fil-fatt, il-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jistabbilixxi valur limitu ta’ kuljum. Jekk il-varjazzjonijiet ta’ kapaċità kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, din id-dispożizzjoni kienet tirreferi għall-kapaċità fuq perijodi itwal. Għalhekk wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-kapaċità massima fil-jiem li fihom din il-kapaċità tkun tista’ tintuża wkoll, jiġifieri preċiżament mhux fuq valuri medji fuq diversi ġranet.

48.      Din il-konklużjoni hija kkorroborata wkoll mill-għan, imsemmi fl-Artikolu 1(1) u fit-tieni premessa tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, li jiġi evitat jew, tal-inqas, li jitnaqqas it-tniġġis (15). Għalkemm dan jiddependi wkoll mill-effetti fit-tul ta’ installazzjoni fuq l-ambjent, huwa fuq kollox meħtieġ li l-installazzjoni tiġi ddisinjata b’mod li jiġu evitati jew li jitnaqqsu l-effetti partikolarment qawwija fuq l-ambjent li jseħħu matul perijodi ta’ livelli ta’ produzzjoni għolja. Inkella, ikun hemm ir-riskju li l-installazzjoni tikkawża tniġġis ambjentali sproporzjonat fil-każ ta’ produzzjoni partikolarment qawwija (16).

49.      Fil-fatt, li kieku installazzjoni kienet maħsuba biss sabiex tindirizza l-effetti fuq l-ambjent tal-produzzjoni medja, is-sistemi ta’ prevenzjoni jew ta’ tnaqqis tat-tniġġis ikunu mgħobbija żżejjed fil-każ ta’ produzzjoni partikolarment intensiva. Għalhekk, f’biċċerija, ikun hemm ir-riskju li parti mill-ilma mormi ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi ppurifikata jew li l-iskart prodott ma jiġix maħżun b’mod xieraq.

50.      Għall-kuntrarju, l-organizzazzjoni effettiva tat-tħaddim tista’ tkun determinanti biss sa fejn tirrifletti dawn il-limitazzjonijiet. Jekk, pereżempju, l-installazzjoni tista’ titħaddem biss għal parti mill-ġurnata minħabba limitazzjonijiet legali, din il-limitazzjoni neċessarjament tirriżulta fl-organizzazzjoni effettiva tal-ħin tax-xogħol. Il-volum tal-produzzjoni li jista’ jintlaħaq matul dan il-perijodu jikkorrispondi għall-kapaċità tal-installazzjoni.

51.      Mill-banda l-oħra, jekk, indipendentement mil-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali, it-tħaddim ikun organizzat b’mod li l-kapaċità reali ma tiġix sfruttata bis-sħiħ, dan ma jbiddilx il-kapaċità tal-installazzjoni li tkun suġġetta għal permess. Peress li l-kapaċità tal-installazzjoni tinkludi l-volum massimu ta’ produzzjoni, ma jistgħux ikunu determinanti, b’mod partikolari, limitazzjonijiet tal-produzzjoni strettament motivati fuq il-livell ekonomiku.

52.      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-kapaċità ta’ kuljum ta’ installazzjoni, fis-sens tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għall-produzzjoni massima li tista’ titwettaq fi żmien 24 siegħa, fid-dawl tal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali tal-partijiet kollha tal-installazzjoni.

C.      Lewwel domanda: ilkunċett ta’ “karkassi”

53.      L-ewwel domanda hija intiża li tiġi speċifikata t-tifsira tal-“karkassi” li l-piż tagħhom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ biċċerija. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż tal-annimali immedjatament wara l-qtil tagħhom, li fil-prattika jikkorrispondi għall-piż ħaj, jew inkella l-piż fi tmiem stadji oħra ta’ pproċessar, jiġifieri t-tneħħija tal-organi u tal-vixxri, is-separazzjoni tal-għonq u tar-ras kif ukoll l-iżvinar u l-iffriżar tal-annimali maqtula.

54.      Fil-prattika, din id-distinzjoni jista’ jkollha impatt sinjifikattiv fuq jekk jintlaħaqx il-valur limitu sabiex ikun meħtieġ permess previst fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Fid-Danimarka, l-istadji tal-ipproċessar ta’ wara l-qtil inaqqsu l-piż b’madwar 45 % għall-annimali tal-ifrat u b’madwar 33 % għall-ħnieżer (17).

55.      Kif jirrikonoxxu l-partijiet kollha, din il-kwistjoni ma tistax tiġi evalwata abbażi tal-Avviż dwar it-Taxxa fuq il-Produzzjoni. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, il-kapaċità tal-biċċeriji għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu (18). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-volum ta’ produzzjoni ddikjarat fil-kuntest ta’ din it-taxxa jippermetti li tiġi stmata l-kwantità ta’ karkassi effettivament prodotti.

56.      Skont it-tifsira pura u sempliċi tat-termini, il-kunċett ta’ “produzzjoni ta’ karkassi” li jinsab fil-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għall-annimali immedjatament wara l-qtil tagħhom. Ċerti verżjonijiet lingwistiċi jużaw terminu li oriġinarjament kien jindika ħlejjaq mejta (19). Iżda t-terminu Ġermaniż “Schlachtkörper” huwa wkoll ifformat mill-kliem “schlachten” (“tbiċċir”) u “Körper” (“ġisem”), jiġifieri jirreferi għal karkassa maqtula, jew mejta. F’dan is-sens, il-kunċett ta’ produzzjoni għandu jitqies bħala qtil.

57.      Madankollu, il-komprensjoni effettiva tat-termini użati fis-settur ekonomiku kkonċernat, f’dan il-każ il-qatla ta’ annimali tat-trobbija, ma għandhiex tiġi injorata. Dan diġà jirriżulta mill-fatt li dan il-kunċett jirregola l-kapaċità tal-biċċeriji. Għal ċerti verżjonijiet lingwistiċi, ir-rabta mal-qatla tirriżulta wkoll mill-kunċett innifsu ta’ riżultat tal-produzzjoni. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-kelma Spanjola “canal” (20), tat-terminu Daniż “slagtekrop” (21), tat-terminu Ġermaniż “Schlachtkörper”, tat-terminu Olandiż “geslachte dieren” (annimali maqtula) jew tat-terminu Svediż “slaktvikt” (piż tal-qatla).

58.      Ir-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni huma illustrattivi biex wieħed jifhem it-termini użati fis-settur ekonomiku kkonċernat. It-termini użati fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali huma espressament iddefiniti bħala li jfissru li, wara l-qtil, ikun hemm stadji oħra ta’ pproċessar li jnaqqsu l-piż.

59.      Id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 64/433, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Direttiva 91/497, kienet tkopri l-ġisem sħiħ ta’ annimal maqtul wara li jkun ġie żvinat, evixxerat u jkunu tneħħewlu d-dirgħajn fil-carpus u t-tarsus, it-tneħħija tar-ras, id-denb u l-beżżula, u barra minn hekk, fil-każ ta’ annimali tal-ifrat, nagħaġ, mogħoż u solipedi, wara li jitqaxxru.

60.      Skont id-dispożizzjonijiet attwalment fis-seħħ fil-punt 1.9 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004, karkassa tfisser il-ġisem ta’ annimal wara l-qatla u t-tindif. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma tindikax b’mod ċar liema huma l-partijiet tal-ġisem li jitneħħew waqt it-tindif.

61.      Ir-Regolament Nru 1308/2013 huwa aktar utli f’dan ir-rigward. Skont din il-leġiżlazzjoni, fil-każ ta’ annimali tal-ifrat u n-nagħaġ, karkassa tfisser il-ġisem sħiħ ta’ annimal maqtul kif ippreżentat wara l-iżvinar, it-tneħħija tal-ġewwieni u t-tneħħija tal-ġilda, u fil-każ ta’ ħnieżer, karkassa tfisser il-ġisem ta’ ħanżir maqtul, mifsud u bl-imsaren imneħħija, sħiħ jew maqsum min-nofs. Mir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-karkassi jirriżulta li f’dak li jirrigwarda l-annimali tal-ifrat u n-nagħaġ, ir-ras u s-saqajn, il-vixxri kif ukoll l-organi ġenitali għandhom jitneħħew u, għall-ħnieżer, għandhom jitneħħew l-ilsien, il-lanżit, il-qawqbiet, l-organi ġenitali, is-sonża, il-kliewi u d-dijaframma.

62.      F’dan ir-rigward, għandhom jiġu enfasizzati żewġ affarijiet.

63.      Fl-ewwel lok, id-definizzjoni tad-Direttiva 64/433, kif emendata bid-Direttiva 91/497, kienet fis-seħħ meta ġiet adottata, fid-Direttiva 96/61, l-iskema inizjali ta’ permess ekoloġiku għall-biċċeriji. Għaldaqstant, għandu jiġi preżunt li din id-definizzjoni tirrifletti l-ftehim li kien intlaħaq dwar dan il-kunċett matul il-proċedura leġiżlattiva.

64.      Fit-tieni lok, l-evoluzzjoni tal-verżjoni bil-Ġermaniż tal-leġiżlazzjoni dwar l-obbligu ta’ permess previst fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali turi t-tifsira tal-kunċetti ta’ sistemi ta’ qatla. Fil-fatt, bħad-definizzjoni mogħtija mid-Direttiva 64/433, kif emendata bid-Direttiva 91/497, id-Direttiva 96/61 ma kinitx tuża l-kunċett ta’ “Schlachtkörper”, iżda dak ta’ “Tierkörper”. Huwa biss fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, attwalment fis-seħħ, li dan tal-aħħar ġie sostitwit bit-terminu “Schlachtkörper” li jintuża wkoll fir-regolamenti l-iktar reċenti dwar il-qtil.

65.      Id-definizzjonijiet tar-regoli tal-qatla jikkorrispondu, barra minn hekk, mal-introduzzjoni tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, enfasizzata mill-Kummissjoni, li jipprovdi li l-valuri limitu previsti fl-Anness ġeneralment jirreferu għall-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, jiġifieri għall-volum tal-prodott. Għalkemm dan ma huwiex il-każ għat-tipi kollha ta’ installazzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-kliem tiegħu stess, il-valur limitu tal-biċċeriji jirreferi għall-produzzjoni.

66.      Għalhekk, skont l-informazzjoni disponibbli, is-settur ekonomiku kkonċernat huwa bbażat ukoll fuq il-prinċipju li bit-terminu karkassi jiġu mifhuma karkassi pproċessati wara t-tneħħija ta’ proporzjonijiet sinjifikattivi. Dan huwa muri mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Fjammingi, tar-Renju Unit u tal-Ġermanja, iddokumentata fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Iżda, fuq kollox, id-dokument ta’ referenza dwar l-aħjar tekniki disponibbli għall-biċċeriji, stabbilit mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 96/61, jinkludi tabella li tgħid li l-piż tal-karkassi (“carcase weight”) jibqa’ ferm inqas mill-piż ħaj (“live weight”) f’diversi Stati Membri (22).

67.      Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-aspettattiva leġittima tal-prattika fl-interpretazzjoni tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jiggarantixxi l-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tad-dispożizzjonijiet kriminali (23) li, bħal fil-kawża prinċipali, huma marbuta mal-obbligu ta’ permess.

68.      Għalhekk, karkassa tfisser il-ġisem tal-annimal maqtul wara t-tindif, jiġifieri wara stadji oħra tal-ipproċessar.

69.      Madankollu, id-definizzjonijiet tar-regoli dwar il-qatla jikkoinċidu biss fir-rigward tal-evixxerazzjoni u l-iżvinar tal-annimali maqtula. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet attwalment fis-seħħ tal-Anness IV għar-Regolament Nru 1308/2013 ivarjaw b’mod partikolari fir-rigward tal-ġilda u tar-ras. It-tnejn għandhom jintremew fil-każ tal-annimali tal-ifrat u tan-nagħaġ, filwaqt li dawn ma għandhomx jintremew fil-każ tal-ħnieżer. Min-naħa l-oħra, id-definizzjoni tad-Direttiva 64/433, kif emendata bid-Direttiva 91/497, kienet għadha ma tagħmilx distinzjoni bejn dawn l-ispeċi.

70.      Għandu jiġi kkunsidrat li r-regoli tal-Anness IV tar-Regolament Nru 1308/2013 applikabbli llum – u matul il-perijodu inkwistjoni fil-proċedura nazzjonali – integraw jew, tal-inqas, influwenzaw l-evoluzzjoni tal-komprensjoni fis-settur ekonomiku kkonċernat. Għalhekk, il-kunċett ta’ “karkassi” kif iddefinit fil-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għandu jiġi interpretat f’konformità mad-definizzjoni ta’ karkassi u mar-regoli dwar il-preżentazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1308/2013.

71.      Għall-kuntrarju, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż ħaj ma jistax ikun ibbażat fuq l-eżistenza ta’ verżjonijiet lingwistiċi li fihom id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali tuża kliem differenti minn dak użat fir-regoli dwar il-qatla. Dan kien diġà jikkonċerna, fid-Direttiva inizjali 96/61, il-verżjoni Olandiża (24) u Svediża (25) u llum il-verżjoni Bulgara (26), Ċeka (27) Ungeriża,(28) Slovena (29), u Slovakka (30).

72.      Huwa minnu li, bħala prinċipju, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi diverġenti jwessgħu l-marġni ta’ interpretazzjoni u jagħtu, b’mod partikolari, importanza partikolari lill-istruttura ġenerali u lill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni (31).

73.      Madankollu, ir-rabta sistematika, b’mod partikolari r-riferiment għall-produzzjoni u r-rabta mal-komprensjoni tas-settur ekonomiku tal-qatla, timmilita preċiżament favur id-determinazzjoni tal-kapaċità skont il-piż tal-annimali maqtula li jkunu s-suġġett ta’ pproċessar ulterjuri.

74.      Din ir-rabta sistematika ma hijiex invalidata mill-fatt li l-għanijiet tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, jiġifieri l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-effetti fuq l-ambjent, jimmilitaw pjuttost favur it-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż ħaj tal-annimali maqtula.

75.      Huwa minnu li l-għan tad-Direttiva ġie ddefinit b’mod wiesa’ u għalhekk jipprekludi interpretazzjoni stretta (32). Hemm ukoll rabta iktar mill-qrib bejn l-effetti ambjentali tal-operazzjoni ta’ qatla u l-piż ħaj milli mal-piż tal-prodott miksub. Fil-fatt, huma preċiżament il-partijiet tal-ġisem imbiegħda mill-karkassa li possibbilment ma jkunux mixtieqa u li, għalhekk, isiru skart. Id-definizzjonijiet tar-regoli dwar il-qatla ma jqisux dawn l-impatti potenzjali fuq l-ambjent, peress li ma humiex immirati lejn il-protezzjoni tal-ambjent, iżda lejn l-iġjene tal-biċċeriji u l-organizzazzjoni tas-suq (33).

76.      Madankollu, dan ma jeskludix li l-leġiżlatur jieħu inkunsiderazzjoni wkoll, fid-determinazzjoni tal-valur limitu għall-kisba obbligatorja ta’ permess, il-fatt li l-karkassi mnaddfa jipproduċu ċerta kwantità ta’ partijiet tal-ġisem li jitneħħew u li ma jikkontribwixxux għall-piż tal-karkassi. Fil-fatt, din il-kwantità u l-effetti ambjentali marbuta magħha jistgħu jiġu evalwati abbażi tal-esperjenza u jistgħu jinfluwenzaw, f’dan ir-rigward, id-determinazzjoni tal-valur limitu.

77.      Barra minn hekk, kif tindika l-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “karkassa” ma tipprekludix lill-Istati Membri, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, milli jestendu l-obbligu ta’ permess billi jirreferu għall-piż ħaj tal-annimali intiżi għall-qatla (34) jew billi jistabbilixxu valur limitu iktar baxx. Fil-fatt, dawn huma miżuri ta’ protezzjoni msaħħa awtorizzati mill-Artikolu 193 TFUE. Madankollu, Moesgaard Meat tiddikjara li d-Danimarka ma adottatx tali regolamentazzjoni iktar stretta.

78.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “karkassa” fis-sens tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għandu jiġi interpretat skont id-definizzjonijiet ta’ “karkassa” u skont ir-regoli dwar il-preżentazzjoni li jinsabu fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1308/2013.

V.      Konklużjoni

79.      Għaldaqstant nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tkun kif ġej:

1)      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad- Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll [tnaqqis] integrati tat-tniġġis), il-kapaċità ta’ installazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali li jikkaratterizzaw din l-installazzjoni. Meta l-produzzjoni effettiva ta’ installazzjoni li inizjalment ma jkollhiex permess tkun sussegwentement ogħla mill-kapaċità preżunta u mill-valur limitu applikabbli, l-operatur għandu jkun meħtieġ jinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti sabiex toħroġ il-permess u din tal-aħħar għandha tieħu l-miżuri addizzjonali meħtieġa.

2)      Il-kapaċità ta’ kuljum ta’ installazzjoni, fis-sens tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75, għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għall-produzzjoni massima li tista’ titwettaq fi żmien 24 siegħa, fid-dawl tal-limitazzjonijiet fiżiċi, tekniċi jew legali tal-partijiet kollha tal-installazzjoni.

3)      Il-kunċett ta’ “karkassa” fis-sens tal-punt 6.4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75 għandu jiġi interpretat skont id-definizzjonijiet ta’ “karkassa” u skont ir-regoli dwar il-preżentazzjoni li jinsabu fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007.


1       Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll [tnaqqis] integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali”).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3 p. 80.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 34. Id-Direttiva skadiet fil‑31 ta’ Diċembru 2005.


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 72.


6      Il-verżjoni inizjali bil-Ġermaniż tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, jiġifieri d-Direttiva 96/61, kienet tuża wkoll il-kunċett ta’ “Tierkörper” minflok il-kunċett ta’ “Schlachtkörper”, li t-tnejn ifissru “karkassa”.


7      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45 p. 14, rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35). L-emendi li saru f’dan ir-regolament, inkluż bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2258 (ĠU 2022, L 299, p. 5), ma affettwawx id-definizzjoni ta’ “karkassa”.


8      Sfortunatament, dan jista’ jiġi dedott biss indirettament mill-premessa 2 tad-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li tirrevoka ċerti direttivi rigward iġene ta’ l-ikel u kondizzjonijiet ta’ saħħa għall-produzzjoni u sabiex ikun mqiegħda fis-suq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali intżi li għall-konsum mill-bniedem u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE u 92/118/KEE u Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 95/408/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44 p. 407), li, fil-verżjoni bil-Ġermaniż tagħha, għandha wkoll in-numru tal-ordni 34. Jidher li l-pubblikazzjoni ta’ din id-direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali hija vvizzjata b’difetti sinjifikattivi.


9      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5, u fil-ĠU 2022, L 195, p. 106).


10      Ara wkoll il-Kummissjoni Ewropea, Guidance on Interpretation and Determination of Capacity under the IPPC Directive (verżjoni 1, April 2007). Ara, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-kapaċità teoretikament disponibbli, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Apollo Tyres (Hungary) (C‑575/20, EU:C:2021:1024, punti 41 sa 45).


11      Ara l-Kummissjoni Ewropea, Guidance on Interpretation and Determination of Capacity under the IPPC Directive, Taqsima 3 (verżjoni 1, April 2007).


12      Ara l-punt 28 iktar ’il fuq.


13      Ara l-punt 29 iktar ’il fuq.


14      Ara wkoll il-Kummissjoni Ewropea, Guidance on Interpretation and Determination of Capacity under the IPPC Directive, it-Taqsima 2 (verżjoni 1, April 2007).


15      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2009, Association nationale pour la protection des eaux et rivières u Association OABA (C‑473/07, EU:C:2009:30, punt 25), u tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Møller (C‑585/10, EU:C:2011:847, punt 29).


16      Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Craeynest et (C‑723/17, EU:C:2019:168, punti 84 u 85) kif ukoll is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019 fl-istess kawża (EU:C:2019:533, punt 67).


17      Il-Kummissjoni Ewropea, Reference Document on Best Available Techniques in the slaughterhouses and Animal By-Products Industries (Mejju 2005), it-Tabella 1.3 (p 6).


18      Sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, EU:C:2000:468, punt 43); tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 72); kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE) (C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 19).


19      Simili hija l-kelma Ingliża “carcase”, it-terminu Franċiż “carcasse” jew il-kelma Bulgara “труп”. Termini simili jintużaw ukoll fil-verżjoni awtentika Ingliża, Franċiża, u Russa (“туш“”) fl-inċiż (a) tal-punt 19.3 tal-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal‑1998 (ĠU 2005, L 124, p. 4), adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124M, p. 17), implimentata bid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali.


20      Fid-Diccionario de la Academia Española tal‑1826 diġà kien hemm il-kelma “canal”, li fost oħrajn, kellha d-definizzjoni ta’ “Res Muerta y abierta despues de sacadas las tripas” (“bhejjem mejta wara li jkunu tneħħew il-vixxri”).


21      Din il-kelma hija komposta, bħat-terminu Ġermaniż “Schlachtkörper”, mill-kliem “schlachten” (slagte) u “Körper” (krop).


22      Il-Kummissjoni Ewropea, Reference Document on Best Available Techniques in the Slaughterhouses and Animal By-Products Industries (Mejju 2005), Tabella 1.3 (p. 6 u 7).


23      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 51 sa 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      “Geslachte dieren” (annimali maqtula) minflok “karkas” (karkassi) fir-regoli tal-qatla. Issa, il-kelma “karkas” hija użata fil-verżjoni Olandiża tal-punt 6.5 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali f’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet għall-eliminazzjoni tal-karkassi tal-annimali.


25      “Slaktvikt” (piż tal-qatla) minflok “slaktaktkropp” (karkassi) fir-regoli tal-qatla.


26      “трупно месо” (laħam minn karkassi) minflok “Кланичен труп” (karkassi maqtula) fir-regoli tal-qatla.


27      “Kapacita porážky” (kapaċità tal-qatla) minflok “jatečně upraveným tělem” (karkassi) fir-regoli tal-qatla.


28      “Vágóhidak tevékenysége” (attivitajiet tal-biċċeriji) minflok “hasított test” (ġisem imqatta’) fir-regoli tal-qatla.


29      “Zmogljivostjo zakola” (kapaċità tal-qatla) minflok “Trup” (karkassi) fir-regoli tal-qatla.


30      “Kapacita spracovania zabitých zvierat” (kapaċità għat-trattament tal-annimali maqtula) minflok “jatočné telo” (karkassi) fir-regoli tal-qatla.


31      Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punti 13/14); tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65); u tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punti 40 sa 42).


32      Sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2009, Association nationale pour la protection des eaux et rivières u Association OABA (C‑473/07, EU:C:2009:30, punt 27), u tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Møller (C‑585/10, EU:C:2011:847, punt 31).


33      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Møller (C‑585/10, EU:C:2011:847, punt 37.


34      Pereżempju, il-Ġermanja fil-punt 7.2.1 tal-Vierten Verordnung zur Durchführung des Bundesimmissionsschutzgesetzes (Verordnung über genehmigungsbedürftige Anlagen) (ir-Raba’ Ordinanza li timplimenta l-Att Federali dwar il-Protezzjoni tal-Immissjoni (l-Ordinanza dwar l-Istallazzjonijiet Awtorizzati) (Komunikazzjoni tal‑31 ta’ Mejju 2017, Bundesgesetzblatt I, p. 1440; fil-verżjoni tar-Regolament tat‑12 ta’ Jannar 2021, Bundesgesetzblatt I, p. 69).