Language of document : ECLI:EU:T:2015:776

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

13 ta’ Ottubru 2015

Kawża T-104/14 P

Il-Kummissjoni Ewropea

kontra

Marco Verile

u

Anduela Gjergji

“Appell – Appell inċidentali – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali – Proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Innammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament"

Suġġett :      Appell ippreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (Seduta Plenarja) tal-11 ta’ Diċembru 2013, Verile u Gjergji vs Il-Kummissjoni (F-130/11, ĠabraSP, EU:F:2013:195), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni :      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (Seduta Plenarja) tal-11 ta’ Diċembru 2013, Verile u Gjergji vs Il-Kummissjoni (F-130/11), hija annullata. Ir-rikors ippreżentat minn Marco Verile u minn Anduela Gjergji quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F‑130/11 huwa annullat. M. Verile u A. Gjergji minn naħa, u l-Kummissjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz bil-għan tat-trasferiment għas-sistema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Esklużjoni – Deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ snin ta’ servizz adottata wara t-trasferiment tal-kapital li jirrapreżenta d-drittijiet tal-pensjoni miksuba – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1) u Anness VIII, Artikolu 11(2))

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – drittijiet għall-pensjoni miksubin qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn is-sistema tal-Unjoni – Dritt tal-persuna kkonċernata li tkun taf b’mod definittiv, qabel it-trasferiment, tan-numru ta’ snin ta’ servizz għall-finijiet tal-pensjoni rrikonoxxuti – Dritt li qorti tal-Unjoni tintalab minn qabel li tieħu pożizzjoni – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Opinjoni Konsultattiva – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

4.      Uffiċjali – Natura statutorja tar-rabta bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni – Skema ta’ pensjoni – Natura statutorja u mhux kuntrattwali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Applikazzjoni immedjata tar-regola l-ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima – Adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Applikazzjoni għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mitluba qabel l-adozzjoni tar-regola l-ġdida iżda mwettqa wara d-dħul fis-seħħ tagħha – Ksur tad-drittijiet miksuba u tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

6.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksubin qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn is-sistema tal-Unjoni – Adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Differenza fit-trattament bejn uffiċjali li kellhom il-kapital li jirrapreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom ittrasferit għall-iskema tal-Unjoni, rispttetivament, qabel u wara d-dħul fis-eħħ tal-imsemmijajonijiet – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

1.      Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz , ikkomunikata lil uffiċjal bil-għan tat-trasferiment tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni Ewropea tad-drittijiet għall-pensjoni fil-kuntest ta’ skema oħra, ma tipproduċix effetti legali vinkolanti li jeffetwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tad-destinatarju tagħha, billi temenda, b’mod ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni legali. Għaldaqstant, hija ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, skont Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Konformement għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-determinazzjoni effettiva tan-numru ta’ snin ta’ servizz irrikonoxxuti lill-uffiċjal li jkun talab it-trasferiment, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement taħt skema oħra sseħħ neċessarjament wara t-twettiq konkret tat-trasferiment, “fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit”. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li proposta ta’ ffissar ta’ snin ta’ servizz li, min-natura tagħha stess, hija kkomunikata preċedentement għal dan it-trasferiment, tista’ twettaq din id-determinazzjoni.

In-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jiġu rrikonoxxuti jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ konverżjoni fi snin ta’ servizz tal-kapital li jirrappreżentaw id-drittijiet preċedenti, previst mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-istituzzjoni inkwistjoni konformement mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, hija d-deċiżjoni adottata ladarba jitwettaq it-trasferiment tal-kapital li jirrapreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata qabel id-dħul fis-servizz tagħha li jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u li jista’ jkun suġġett għal rikors għal annullament konformement mal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 56, 58, 62 u 74)

2.      L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeżiġix li għandu jkun iggarantit lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà, qabel tiddeċiedi jekk teżerċitax jew le d-dritt tagħha ta’ trasferiment fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba taħt skema oħra, li tkun taf b’mod definittiv in-numru ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni li ser ikunulha rrikonoxxuti wara dan it-trasferiment.

Din id-dispożizzjoni ma teżiġix li kull eventwali tilwima bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni tagħha, li tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, tiġi deċiża mill-qorti tal-Unjoni anki qabel ma l-persuna kkonċernata tkun iddeċidiet jekk tixtieqx jew le li titrasferixxi fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni d-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba fis-sistema l-oħra.

(ara l-punt 79)

3.      l-Artikolu 270 TFUE ma jagħtix lill-qorti tal-Unjoni l-kompetenza li tagħti opinjonijiet konsultattivi, iżda biss dak li tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, huma preċiżament ir-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedu, fl-Artikolu 91(1) tagħhom li rikors għal annullament, jista’ biss jirrigwarda att li jikkawża preġudizzju. Jekk l-att li kontrih ikun ġie ppreżentat ir-rikors ma jkunx jikkawża preġudizzju lir-rikorrent, ir-rikors ikun inammissibbli. L-interess eventwali tar-rikorrent li tiġi deċiża fuq il-mertu l-kwistjoni mressqa permezz tar-rikors tiegħu hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

(ara l-punti 81 u 82)

4.      Ir-rabta legali bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni għandha natura statutorja u mhux kuntrattwali . minn dan jirriżulta li r-relazzjonijiet legali li huma direttament irregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, bħal dawk li jirrigwardaw l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, ma humiex ta’ natura kuntrattwali. Għaldaqstant, il-kunċetti li jaqgħu taħt id-dritt privat tal-Istati Membri applikabbli għall-kuntratti, bħal dawk ta’ “offerta”, ma humiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 94)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il-Kummissjoni, 28/74, Ġabra, EU:C:1975:46, punt 4, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C-443/07 P-, Ġabra, EU:C:2008:767, punt 60

5.       Il-liġijiet li jemendaw dispożizzjoni leġiżlattiva japplikaw, ħlief f’każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li jinħolqu taħt il-liġi l-qadima. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li nibtu u kienu definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, u li joħolqu drittijiet miksuba. Dritt jitqies li huwa miksub biss meta l-fatt li jiġġenerah ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dritt fejn il-fatt li ġġenerah ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata.

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jirrigwarda trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni oħra, mitluba qabel l-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet iżda li seħħ wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ma huwiex kuntrarju għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, il-persuna kkonċernata tikseb dritt li jiġi rrikonoxxut lilha akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz biss ladarba jiġi ttrasferit għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tagħha miksuba taħt skema oħra. Għaldaqstant, sa fejn la proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, trażmessa lil uffiċjal jew membru tal-persunal mill-istituzzjoni tiegħu wara applikazzjoni ta’ trasferiment għas-sistema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni li jkun kiseb fil-kuntest ta’ skema oħra, u lanqas a fortiori s-sempliċi tressiq ta’ talba, ma jipproduċu effetti legali vinkolanti, sakemm it-trasferiment mitlub ma jkunx seħħ, tqum il-kwistjoni, f’tali ipoteżi, ta’ “sitwazzjoni li se tinbet” jew, l-iktar l-iktar “sitwazzjoni li nibtet iżda li ma hijiex madankollu kkostitwita b’mod sħiħ”. Fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ sitwazzjoni li nħolqot u li seħħet b’mod definittiv imwettqa taħt il-liġi preċedenti.

barra minn hekk, anki jekk jiġu kkunsidrati dawn l-indikazzjonijiet bħala garanziji speċifiċi li jistgħu joħolqu fid-destinatarji tagħhom aspettattivi leġittimi, l-individwi ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontestaw dispożizzjoni regolatorja ġdida, b’mod partikolari f’qasam bħal f’dan il-każ fejn il-leġiżlatur kellu setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa.

(ara l-punti 152 sa 154 u 170)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja : is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2008:767, punti 61 sa 63 u 91 u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      L-istituzzjoni billi adottat id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li minnhom jirriżulta differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li kellhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksub taħt skema oħra ttrasferit għas-sistema tal-Unjoni, rispettivament, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet, ma kisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li t-trattament differenti jaffettwa uffiċjali li ma jagħmlux parti minn kategorija waħda u unika.

Fil-fatt, l-uffiċjali li fir-rigward tagħhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba taħt skema oħra ma ġewx ittrasferiti għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda ma humiex fl-istess sitwazzjoni legali tal-uffiċjali li d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba preċedentement għad-dħul tagħhom fis-servizz kienu diġà, qabel din id-data, ġew ittrasferiti, taħt il-forma ta’ kapital, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u li fir-rigward tagħhom ġiet adottata deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni f’din l-aħħar sistema. Tal-ewwel għad għandhom drittijiet għall-pensjoni fi skema oħra filwaqt li, għat-tieni, diġà seħħ it-trasferiment tal-kapital għandu bħala riżultat l-estinzjoni ta’ dawn id-drittijiet u r-rikonoxximent li tikkorrispondi għal akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

Barra minn hekk, din id-differenza fit-trattament hija bbażata fuq element oġġettiv u indipendenti mill-volontà tal-istituzzjoni kkonċernata, jiġifieri ċ-ċelerità ta’ trattament, mill-iskema ta’ pensjoni esterna kkonċernata, tal-applikazzjoni ta’ trasferiment tal-kapital tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 177 sa 179)

Referenza:

il-Qorti tal-Ġustizzja: is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2008:767, punti 79 sa 81