Language of document : ECLI:EU:C:2020:805

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 37 – Missjonijiet u setgħat tal-awtorità regolatorja – Riżoluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim – Kunċett ta’ ‘parti li jkollha lment’ – Ilment imressaq minn klijent finali kontra l-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni li l-installazzjoni ta’ dan il-klijent ma hijiex direttament konnessa magħha – Ħsara li seħħet f’din is-sistema – Assenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn l-imsemmi klijent u l-operatur tal-imsemmija sistema – Ammissibbiltà tal-ilment”

Fil-Kawża C‑360/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

Crown Van Gelder BV

vs

Autoriteit Consument en Markt (ACM)

fil-preżenza ta’:

TenneT TSO BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Crown Van Gelder BV, minn R. het Lam, advocaat,

–        għal TenneT TSO BV, minn L. Baljon, assistita minn I. Brinkman, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u O. Beynet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Crown Van Gelder BV u l-Autoriteit Consument en Markt (ACM) (l-Awtorità tal-Konsumaturi u tas-Swieq, il-Pajjiżi l-Baxxi) rigward deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tiddikjara inammissibbli l-ilment imressaq minn din il-kumpannija kontra TenneT TSO BV, operatur tas-sistema nazzjonali b’vultaġġ għoli, wara ħsara li seħħet f’din is-sistema.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 37, 42, 51 u 54 tad-Direttiva 2009/72 jipprovdu:.

“(37)      L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li jaddottaw deċiżjonijiet obbligatorji fir-rigward tal-impriżi tal-elettriku u li jimponu, penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali fuq dawk l-impriżi. […] Ir-regolaturi tal-enerġija għandhom jingħataw ukoll is-setgħat li jikkontribwixxu għall-iżgurar ta’ standards għoljin ta’ servizz universali u pubbliku konformement mal-ftuħ tas-suq, il-protezzjoni ta’ klijenti vulnerabbli, u li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur ikunu kompletament effettivi. […]

[…]

(42)      L-industrija u l-kummerċ kollu tal-[Unjoni Ewropea], inklużi l-impriżi żgħar u medji, uċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkunu qed igawdu mill-benefiċċji ekonomiċi tas-suq intern għandhom igawdu wkoll minn livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur […] Dawn il-klijenti għandu jkollhom ukoll aċċess għall-għażla, il-ġustizzja, ir-rappreżentanza u għal mekkaniniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim.

[…]

(51)      L-interessi tal-konsumaturi għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din id-Direttiva u l-kwalità tas-servizzi għandha tkun responsabilità ċentrali tal-intrapriżi tal-elettriku. Id-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu garantiti, u għandhom jinkludu aktar trasparenza. Il-ħarsien tal-konsumaturi għandu jiżgura li, fl-ambitu usa’ tal-[Unjoni], il-konsumaturi kollha jibbenefikaw minn suq kompetittiv. Id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu infurzati mill-Istati Membri, jew mill-awtoritajiet regolatorji meta l-Istat Membru jkun għamel provvediment għal dan.

[…]

(54)      Id-disponibilità ta’ mezzi effettivi għar-riżoluzzjoni ta’ tiwim għall-konsumaturi kollha tiggarantixxi ħarsien akbar tal-konsumaturi. L-Istati Membri għandhom jintroduċu proċeduri rapidi u effettivi għat-trattar tal-ilmenti.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija [fl-Unjoni]. […] Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3.      ‘trasmissjoni’ tfisser it-trasport tal-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u s-sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda mhux inkluża l-provvista;

4.      ‘operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni, li tiżgura l-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tiżviluppa s-sistema ta’ trasmissjoni f’żona partikolari u, fejn ikun japplika, tal-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku;

[…]

9.      ‘klijent finali’ tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-użu tiegħu;

[…]”

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, jipprovdi, fis-seba’ paragrafu tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli. […] Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna […] mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet. […]”

7        Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kompiti tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni”:

“Kull operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni għandu jkun responsabbli biex:

a)      jiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku, l-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp taħt kondizzjonijiet ekonomiċi sistemi ta’ trasmissjoni siguri, affidabbli u effiċjenti b’kont dovut għall-ambjent;

b)      jiżgura l-mezzi adegwati biex jissodisfa l-obbligi tas-servizz;

c)      jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista permezz ta’ kapaċità ta’ trasmissjoni adegwata u affidabbiltà tas-sistema;

d)      jamministra l-flussi ta’ enerġija fuq is-sistema, b’kont meħud ta’ skambji ma’ sistemi interkonnessi oħra. Għal dak il-għan,l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jkun responsabbli biex jiżgura sistema tal-elettriku sigura, affidabbli ueffiċjenti u, f’dak il-kuntest, biex jiżgura d-disponibbiltà tas-servizzi anċillari kollha neċessarji, inklużi dawk provduti minn reazzjoni għad-domanda, kemm-il darba din id-disponibbiltà tkun waħda indipendenti minn kwalunkwe sistema ta’ trasmissjoni oħra li magħha s-sistema tiegħu tkun interkonnessa;

[…]”

8        L-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Aċċess minn parti terza”, jipprevedi, fit-tieni paragrafu tiegħu:

“L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess fil-każ li ma jkollux il-kapaċità neċessarja. […] L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri jkunu għamlu dispożizzjonijiet għal dan, jew l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-kriterji jkunu konsistentement applikati u li l-utent tas-sistema li jkun ġie rifjutat l-aċċess tiegħu jkun jista’ jagħmel użuminn proċedura ta’ soluzzjoni ta’ disputa. […]”

9        L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/72 intitolat “Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi:

“Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva,l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti us-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 37, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

[…]

g)      li jiġi żgurat li l-konsumaturi jibbenefikaw permezz tal-funzjonament effiċjenti tas-suq nazzjonali tagħhom, waqt litkun promossa kompetizzjoni effettiva u tiġi żguratal-protezzjoni tal-konsumatur;

[…]”

10      Skont l-Artikolu 37 tal-imsemmi direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”:

“1.      L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

[…]

b)      li jiżguraw il-konformità tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni, u, meta dan ikun relevanti,il-proprjetarji tas-sistema, kif ukoll kwalunkwe impriża tal-elettriku, mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u taħtleġiżlazzjoni relevanti oħra tal-Komunità, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet transkonfinali;

[…]

h)      sorveljanza tal-konformità u reviżjoni tal-prestazzjoni passatatas-sigurtà tan-netwerk u r-regoli ta’ affidabilità u tat-twaqqifjew l-approvazzjoni ta’ standards u rekwiżiti ta’ kwalità ta’servizz u l-provvista jew il-kontribuzzjoni għal dan flimkienma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn;

[…]

m)      jissorveljaw iż-żmien li jittieħed minn operaturi ta’ sistemi ta’trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni biex isiru konnessjonijiet utiswijiet;

n)      l-iżgurar, flimkien ma’ awtoritajiet relevanti oħra, li l-miżurita’ ħarsien tal-konsumaturi, inklużi dawk imniżżlafl-Anness I, jkunu effettivi u infurzati;

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqul-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandujkollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

a)      li jimponu deċiżjonijiet obbligatorji fuq l-impriżi tal-elettriku;

[…]

d)      li jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuqimpriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva jew kwalunkwe deċiżjoni relevantilegalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-Aġenzija, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawnil-penali. Dan għandu jinkludi s-setgħa li jimponu, jew li jipproponu l-impożizzjoni ta’ penali sa 10 % tal-fatturatannwali tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fuql-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sa 10 % tat-turnover annwali tal-impriża integrata vertikalment fuql-impriża integrata vertikalment, fejn ikun il-każ, għal non-konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom taħt dinid-Direttiva; u

e)      drittijiet xierqa ta’ investigazzjonijiet u s-setgħat relevanti ta’istruzzjonijiet għar-riżoluzzjoni ta’ disputi taħt l-Artikoli 11u 12.

[…]

11.      Kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur tas-sistema tat-trasmissjoni jew distribuzzjoni b’rabta mal-obbligi ta’dak l-operatur skont din id-Direttiva, tista’ tirreferi l-ilment lill-awtorità regolatorja li, waqt li tkun qed taġixxi bħala awtorità lissolvi t-tilwim, għandha tagħti deċiżjoni fi żmien perjodu ta’ xahrejn minn wara li din tkun irċeviet l-ilment. Dan il-perijodu jista’jiġi estiż b’xahrejn oħra fejn tkun qed tintalab informazzjoniaddizzjonali mill-awtoritajiet regolatorji. Dan il-perijodu jista’ jiġiestiż bil-qbil tal-persuna li tkun għamlet l-ilment. Id-deċiżjoni tal-awtorita’ regolatorja għandha jkollha effett obbligatorju kemm-ildarba u sakemm tiġi rrevokata b’appell.

[…]”

 Id-dritt Olandiż

11      L-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 ġie traspost, fid-dritt Olandiż, fl-Artikolu 51(1) tal-Wet houdende regels met betrekking tot de productie, het transport en de levering van elektriciteit (Elektriciteitswet 1998) (il-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli dwar il-Ġenerazzjoni, il-Provvista u t-Trażmissjoni tal-Elettriku (il-Liġi dwar l-Elettriku tal-1998)), tat‑2 ta’ Lulju 1998 (Stb. 1998, Nru 427). Skont dan l-Artikolu 51(1), “[p]arti li jkollha tilwima ma’ operatur ta’ sistema dwar il-mod li bih dan tal-aħħar iwettaq il-funzjonijiet u s-setgħat tiegħu jew jissodisfa l-obbligi tiegħu skont din il-liġi tista’ tressaq ilment quddiem l-[ACM]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Fis‑27 ta’ Marzu 2015, ħsara mifruxa tal-impjant b’vultaġġ għoli ta’ 380 kV ta’ Diemen (il-Pajjiżi l-Baxxi), li jagħmel parti mis-sistema ta’ vultaġġ għoli li TenneT TSO hija l-operatur tagħha, kellha l-effett li ċċaħħad mill-elettriku għal diversi sigħat parti kbira mill-provinċja ta’ Noord-Holland (it-Tramuntana tal-Olanda) u parti żgħira mill-provinċja ta’ Flevoland.

13      Din il-ħsara kellha bħala konsegwenza li tinterrompi għal diversi sigħat it-trażmissjoni tal-elettriku sal-fabbrika ta’ Crown Van Gelder li topera, f’Velsen-Noord (il-Pajjiżi l-Baxxi), fabbrika tal-karti konnessa mas-sistema ta’ distribuzzjoni operata minn Liander NV, liema sistema tiġi pprovduta l-elettriku permezz tas-sistema ta’ vultaġġ għoli operata minn TenneT TSO.

14      Billi ddikjarat li minħabba dan il-fatt hija kienet ġarrbet dannu, Crown Van Gelder ressqet ilment quddiem l-ACM sabiex jiġi kkonstatat li TenneT TSO ma kinitx implimentat dak kollu li raġonevolment seta’ kien fis-setgħa tagħha sabiex tipprevjeni l-interruzzjoni tas-servizz ta’ trażmissjoni tal-elettriku u li t-tfassil tas-sistema tal-impjant ta’ Diemen ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti legali.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2018, l-ACM iddikjarat dan l-ilment inammissibbli minħabba li Crown Van Gelder ma kellhiex relazzjoni diretta ma’ TenneT TSO u ma setgħetx, għalhekk, titqies bħala “parti li għandha tilwima ma’ operatur ta’ sistema”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku tal‑1998. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li l-fabbrika ta’ Crown Van Gelder ma kinitx konnessa mas-sistema ta’ TenneT TSO, li Crown Van Gelder ma kinitx ikkonkludiet kuntratt ma’ dan l-operatur ta’ sistema u li hija ma rċevietx fatturi mingħandu.

16      Crown Van Gelder ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi).

17      Din il-qorti tesponi li l-partijiet fit-tilwima quddiemha jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kwalunkwe parti fit-tilwima li jkollha lment” fis-sens tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72. Qabel ma tiddeċiedi l-kwistjoni jekk, b’mod partikolari, ilment jistax jitressaq minn persuna ġuridika li topera impriża konnessa mas-sistema reġjonali, li l-provvista tal-elettriku tagħha tkun ġie interrotta minn ħsara tas-sistema nazzjonali li tipprovdi l-elettriku lil din is-sistema reġjonali, hija tqis li l-portata ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex f’dan il-punt tant ċara li ma jeżisti ebda dubju raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha.

18      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tagħti wkoll id-dritt ta’ tressiq ta’ lment kontra l-operatur tas-sistema nazzjonali (operatur tas-sistema tat-trażmissjoni) lil parti meta din il-parti ma tkunx konnessa mas-sistema ta’ dan l-operatur tas-sistema nazzjonali kkonċernata (operatur tas-sistema tat-trażmissjoni) iżda biss ma’ sistema reġjonali (sistema tad-distribuzzjoni) li fiha t-trażmissjoni tal-elettriku tiġi interrotta minn nuqqas fis-sistema nazzjonali (sistema tat-trażmissjoni) li ssostni s-sistema reġjonali (sistema tad-distribuzzjoni)?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità regolatorja tista’ tiċħad ilment imressaq minn klijent finali kontra l-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni, wara ħsara li tkun seħħet f’din is-sistema ta’ trażmissjoni, minħabba li l-installazzjoni ta’ dan il-klijent finali hija konnessa mhux direttament mal-imsemmija sistema ta’ trażmissjoni, iżda unikament ma’ sistema ta’ distribuzzjoni pprovduta minnha.

20      Peress li l-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi li kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-imsemmi operatur minn din id-direttiva tista’ tindirizza ruħha quddiem l-awtorità regolatorja li, filwaqt li taġixxi bħala awtorità regolatorja tat-tilwima, tieħu deċiżjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi l-ilment, hemm lok, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, li l-kunċett ta’ “parti li jkollha lment” jiġi interpretat.

21      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fiha ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti s-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, GRDF, C‑236/18, EU:C:2019:1120, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, qabel kollox fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, minn dan jirriżulta li s-setgħa tal-awtorità regolatorja, prevista minn din id-dispożizzjoni, hija suġġetta speċifikament għal żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, l-ilment għandu jirrigwarda operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni. Min-naħa l-oħra, l-ilment ifformulat hawnhekk għandu jirrigwarda obbligi imposti fuq l-operatur ta’ sistema minn din id-direttiva.

23      Min-naħa l-oħra, mill-kliem tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 ma jirriżultax li s-setgħa tal-awtorità regolatorja, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ relazzjoni diretta bejn il-lanjant u l-operatur ta’ sistema li hija s-suġġett ta’ dan l-ilment.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti li jkollha lment” fis-sens li timplika tali kundizzjoni tillimita l-portata ta’ dan il-kunċett, filwaqt li l-użu tat-terminu “kwalunkwe”, li jippreċedi dak ta’ “parti”, jindika għall-kuntrarju li l-imsemmi kunċett għandu jinftiehem b’mod wiesa’. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 30 sa 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kelma “parti” ma tindikax neċessarjament parti f’kuntratt, iżda tista’ tinftiehem ukoll fis-“sens ‘proċedurali’” ta’ dan it-terminu, bħala li tirreferi għal persuni li għandhom interess li jadixxu lill-awtorità regolatorja. Barra minn hekk, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, jintuża kliem ieħor li ma huwiex “parti”, bħal “Betroffene” (persuna kkonċernata) fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża u “interessado” (persuna interessata) fil-verżjoni bil-lingwa Portugiża, li ma jindikawx parti f’kuntratt.

25      F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kuntest tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tagħha ma hija intiża li tirrestrinġi l-portata tal-kunċett ta’ “parti li jkollha lment” billi teskludi minn dan il-kunċett il-persuni li ma għandhomx relazzjoni diretta mal-operatur tas-sistema kkonċernata. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-utent ta’ sistema li l-aċċess għaliha jkun ġie rrifjutat għandu jkun jista’ jibda proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, minkejja li, preċiżament, fil-każ ta’ tali utent, ma teżistix relazzjoni kuntrattwali bejn il-persuna kkonċernata u l-operatur ta’ sistema.

26      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2009/72, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 37, 42, 51 u 54 kif ukoll mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża li tagħti lir-regolaturi tal-enerġija s-setgħa li jiggarantixxu l-effett sħiħ tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li s-setturi kollha tal-industrija u tal-kummerċ, kif ukoll iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jibbenefikaw minn livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u minn mekkaniżmi tar-riżoluzzjoni tat-tilwim, li jiżguraw l-interessi tal-konsumaturi fil-qalba tal-imsemmija direttiva, sabiex l-awtoritajiet regolatorji, meta l-Istat Membru jagħtihom din is-setgħa, jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku kif ukoll li jimplimentaw mezzi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim effikaċi u aċċessibbli għall-konsumaturi kollha.

27      Bl-istess mod, l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/72 jimponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, u l-Artikolu 36(g) ta’ din id-direttiva jassenja lill-awtoritajiet regolatorji l-għan li jikkontribwixxu sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto, C‑578/18, EU:C:2020:35, punti 34 u 35).

28      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Artikolu 37(1)(b) tad-Direttiva 2009/72 jagħti missjoni lill-awtorità regolatorja li tiżgura l-osservanza, mill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni u, jekk ikun il-każ, mill-proprjetarji ta’ sistema kif ukoll mill-impriżi tal-elettriku, tal-obbligi tagħhom skont din id-direttiva u skont dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni applikabbli. Għal dan il-għan, l-awtorità regolatorja għandha b’mod partikolari, skont l-Artikolu 37(4)(a), (d) u (e) ta’ din id-direttiva, is-setgħa li tieħu deċiżjonijiet vinkolanti fir-rigward tal-impriżi tal-elettriku u li timponi sanzjonijiet effettivi jew li tipproponi li qorti kompetenti timponi tali sanzjonijiet, kif ukoll drittijiet ta’ investigazzjoni xierqa u setgħat ta’ investigazzjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwim b’mod konformi mal-Artikolu 37(11) tal-imsemmija direttiva.

29      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat ukoll li, skont l-Artikolu 37(1)(h) u (m) tad-Direttiva 2009/72, l-awtorità regolatorja għandha bħala missjoni li tiżgura l-osservanza tar-regoli li jirregolaw is-sigurtà u l-affidabbiltà tas-sistema, li tevalwa l-prestazzjonijiet preċedenti tagħhom kif ukoll li tissorvelja ż-żmien meħud mill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni sabiex iwettqu l-konnessjonijiet u t-tiswijiet.

30      Issa, limitazzjoni tad-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità regolatorja b’mod konformi mal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 unikament għall-klijenti finali li għandhom rabta diretta mal-operatur tas-sistema kkonċernata ma tidhirx li hija konformi mal-għanijiet imfakkra fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, sa fejn tirrestrinġi l-aċċess tal-konsumaturi għall-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim u, għaldaqstant, il-possibbiltajiet, għal din l-awtorità, li twettaq il-missjonijiet fdati lilha, bħal dawk esposti fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza.

31      Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, għandu jiġi osservat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kompiti u l-obbligi li huma imposti fuqhom mid-Direttiva 2009/72 ma jikkonċernawx biss l-entitajiet li l-installazzjoni tagħhom hija konnessa mas-sistema tagħhom. Għalhekk, b’mod partikolari, l-Artikolu 12(a) sa (d) ta’ din id-direttiva jimponilhom b’mod partikolari li joperaw, li jmantnu u li jiżviluppaw, taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, sistemi ta’ trażmissjoni siguri, affidabbli u effiċjenti, li jiżguraw mezzi xierqa sabiex jissodisfaw l-obbligi ta’ servizz, li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista permezz tal-kapaċità ta’ trażmissjoni u affidabbiltà tas-sistema adegwati kif ukoll li joperaw il-flussi tal-elettriku fis-sistema filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kummerċ ma’ sistemi interkonnessi oħra.

32      Għalhekk, limitazzjoni tad-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità regolatorja b’mod konformi mal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 unikament għall-klijenti finali li għandhom rabta diretta mal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni kkonċernat tirrestrinġi, b’mod partikolari, il-kapaċità tal-awtorità regolatorja li twettaq, permezz ta’ lment, il-missjoni li hija b’mod partikolari għandha u li tikkonsisti li tiżgura l-osservanza, mill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni, tal-obbligi imposti fuqhom skont din id-direttiva.

33      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-kunċett ta’ “parti li jkollha lment” ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimplika relazzjoni diretta bejn il-lanjant u l-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni li hija s-suġġett tal-ilment.

34      Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 ma jimponix fuq l-Istati Membri li jagħtu lill-awtorità regolatorja s-setgħa li tirriżolvi t-tilwimiet bejn il-konsumaturi tal-elettriku u l-operaturi ta’ sistema, iżda jippermettilhom li jagħtu din is-setgħa lil awtorità oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto, C‑578/18, EU:C:2020:35, punti 36 sa 40 u 43), l-imsemmija setgħa, meta tingħata minn Stat Membru lill-awtorità regolatorja, ma tistax tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ relazzjoni diretta bejn il-lanjant u l-operatur ta’ sistema li hija s-suġġett tal-ilment.

35      B’konsegwenza, meta titressaq quddiemha lment minn klijent finali li jinvoka n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi imposti fuq l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni mid-Direttiva 2009/72, l-awtorità regolatorja ma għandhiex bażi sabiex tiċħad dan l-ilment minħabba li l-installazzjoni ta’ dan il-klijent finali hija konnessa mhux direttament ma’ din is-sistema ta’ trażmissjoni, iżda unikament ma’ sistema ta’ distribuzzjoni pprovduta minnha.

36      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità regolatorja ma tistax tiċħad ilment imressaq minn klijent finali kontra l-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni, wara ħsara li tkun seħħet f’din is-sistema, minħabba li l-installazzjoni ta’ dan il-klijent finali hija konnessa mhux direttament mal-imsemmija sistema ta’ trażmissjoni, iżda unikament ma’ sistema ta’ distribuzzjoni pprovduta minnha.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità regolatorja ma tistax tiċħad ilment imressaq minn klijent finali kontra l-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni, wara ħsara li tkun seħħet f’din is-sistema, minħabba li l-installazzjoni ta’ dan il-klijent finali hija konnessa mhux direttament mal-imsemmija sistema ta’ trażmissjoni, iżda unikament ma’ sistema ta’ distribuzzjoni pprovduta minnha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.