Language of document : ECLI:EU:C:2012:687

Kawża C‑286/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2 u 6(1) — Regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu laħqu l-età ta’ 62 sena jieqfu mill-attività professjonali tagħhom — Għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament fil-konfront tal-ħaddiema li jkollhom inqas minn 62 sena — Natura proporzjonata tat-tul tal-perijodu tranżitorju”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Novembru 2012

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tat-tilwima — Determinazzjoni permezz tal-opinjoni motivata — Terminu impost fuq l-Istat Membru — Sentenza ta’ qorti ta’ dan l-Istat Membru li tannulla retroattivament id-dispożizzjonijiet imsemmija fir-rikors — Sentenza mogħtija wara l-iskadenza tat-terminu msemmi — Rikors li ma huwiex nieqes minn suġġett

(Artikolu 258 TFUE)

2.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għal ċerti professjonijiet, irtirar obbligatorju meta tintlaħaq l-età ta’ 62 sena — Għan li tiġi introdotta uniformità fir-rigward tal-limiti tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali — Għan ta’ implementazzjoni ta’ struttura ta’ età iktar ibbilanċjata — Miżuri nazzjonali li ma humiex adegwati u neċessarji fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet — Assenza ta’ ġustifikazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill Nru 2000/78, Artikoli 2 u 6(1))

3.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għal ċerti professjonijiet, irtirar obbligatorju meta tintlaħaq l-età ta’ 62 sena — Assenza ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-għan ta’ din il-legiżlazzjoni — Assenza ta’ effett fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal din il-miżura

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78)

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jitqies li huwa nieqes minn suġġett meta, wara t-tmiem tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni sabiex tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata, id-dispożizzjonijiet nazzjonali, meqjusa mill-Kummissjoni li jkunu l-oriġini tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dan l-Istat Membru, jiġu annullati f’kawża b’effett retroattiv.

Fil-fatt, id-data li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tal-imsemmi terminu. In-natura retroattiva tas-sentenza ta’ annullament ma tistax telimina s-suġġett tar-rikors jekk dan l-annullament jirriżulta minn avveniment li seħħ sussegwentement għal din id-data u li, għalhekk, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 43, 45)

2.        Stat Membru li jadotta regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu għalqu 62 sena, jieqfu mill-attività professjonali tagħhom, li jimplikaw differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età u mhux iġġustifikata, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni li jeżerċitaw dawn il-professjonijiet u li jkunu laħqu l-età ta’ 62 sena u l-persuni, li huma iżgħar minnhom, li jeżerċitaw l-istess professjonijiet peress li tal-ewwel, minħabba l-età tagħhom, ikunu obbligati jieqfu mill-kariga tagħhom ipso jure.

Barra minn hekk, din id-diskriminazzjoni ma hijiex iġġustifikata u dan sa fejn tali leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix mezz adegwat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tagħha.

Fil-fatt, l-għan tagħha ta’ uniformizzazzjoni, fil-kuntest tal-professjonijiet li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku, tal-limiti ta’ età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali, jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu. Madankollu, dispożizzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża, li jwasslu għal tnaqqis f’daqqa u kunsiderevoli tal-limitu ta’ età għall-waqfien obbligatorju mill-attività, mingħajr ma jipprevedu miżuri tranżitorji ta’ natura li jipproteġu l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati, ma humiex neċessarji sabiex dan il-għan jintlaħaq.

Bl-istess mod, l-għan ta’ tali leġiżlazzjoni, intiż li jistabbilixxi struttura ta’ età iktar ibbilanċjata li tiffaċilita l-aċċess ta’ ġuristi ta’ età żgħira għall-professjonijiet ta’ mħallef, ta’ prosekutur pubbliku jew ta’ nutar jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol. Madankollu, dispożizzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża, li għandhom effetti, li jidhru pożittivi meta kkunsidrati fuq perspettiva ta’ żmien qasira, iżda li jistgħu jipperikolaw il-possibbiltà li tiġi stabbilita “struttura ta’ età” verament ibbilanċjata meta wieħed jikkunsidrahom fuq perspettiva ta’ żmien medja jew twila, ma humiex adegwati sabiex dan il-għan jintlaħaq.

(ara l-punti 50, 61, 62, 64, 68, 75, 77, 79 u d-dispożittiv)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 57, 58)