Language of document : ECLI:EU:C:2023:548

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

6 ta’ Lulju 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema – Direttiva 2002/14/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘impriża li teżerċita attività ekonomika’ – Persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li taqa’ taħt is-settur pubbliku – Tneħħija ta’ ħaddiema maħtura għal pożizzjonijiet maniġerjali – Assenza ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni minn qabel mar-rappreżentanti tal-ħaddiema”

Fil-Kawża C‑404/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Ethnikos Organismos Pistopoiisis Prosonton & Epangelmatikou Prosanatolismou (Eoppep)

vs

Elliniko Dimosio,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Ethnikos Organismos Pistopoiisis Prosonton & Epangelmatikou Prosanatolismou (Eoppep), minn K. Ithakisios u M. Papasaranti, dikigoroi,

–        għall-Gvern Elleniku, minn A. Dimitrakopoulou, K. Georgiadis u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Katsimerou u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Ethnikos Organismos Pistopoiisis Prosonton & Epangelmatikou Prosanatolismou (Eoppep) (l-Organu Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki u ta’ Gwida Professjonali (Eoppep), il-Greċja)) u l-Elliniko Dimosio (l-Istat Grieg) rigward multa imposta fuq dan l-organu talli naqas milli jipprovdi lill-amministrazzjoni kompetenti d-dokumenti li juru li r-rappreżentanti tal-ħaddiema tiegħu kienu ġew informati u kkonsultati qabel it-tneħħija ta’ żewġ ħaddiema mill-pożizzjoni tagħhom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 7 sa 10 tad-Direttiva 2002/14 jgħidu:

“(7)      Hemm ħtieġa biex jissaħħaħ id-djalogu biex iħeġġeġ il-fiduċja reċiproka fi ħdan l-impriżi sabiex itejjeb l-anteċipazzjoni tar-riskju, jagħmel l-organizzazzjoni tax-xogħol aktar flessibli u jiffaċilita l-aċċess ta’ l-impjegati għal taħriġ fi ħdan l-impriża waqt li tinżamm is-sigurtà, tagħmel lill-impjegati aktar konxi dwar il-ħtieġa ta’ adattzzjoni, iżżid id-disponibbilità ta’ l-impjegati li jieħdu miżuri u jidħlu għall-attivitajiet biex iżidu l-potenzjal tagħhom għall-impjieg, jippromwovi l-involviment ta’ l-impjegati fl-operazzjoni u fil-futur ta’ l-impriża u biex din iżżid il-kompetittività tagħha.

(8)      Hemm il-ħtieġa, partikolarment, biex tinkoraġixxi u tqawwi l-informazzjoni u l-konsultazzjoni dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp mistenni ta’ l-impjieg fi ħdan l-impriża u, meta l-evalwazzjoni ta’ min iħaddem tissuġġerixxi li l-impjiegi fi ħdan l-impriża jistgħu jkunu mhedda, il-miżuri antiċipatorji possibli [ppjanati], partikolarment fit-termini ta’ taħriġ ta’ l-impjegati u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom, bil-għan li jagħmel tajjeb għall-iżviluppi negattivi jew il-konsegwenzi tagħhom u żżid il-possibbilità ta’ l-impjieg u l-adattabilità ta’ l-impjegati li aktarx li jkunu affettwati.

(9)      Informazzjoni u l-konsultazzjoni f’waqithom huma meħtieġa bħala kondizzjoni għas-suċċess tal-istrutturar u l-adattazzjoni ta’ impriżi għall-kondizzjonijiet ġodda maħluqha bil-globalizzazzjoni ta’ l-ekonomija, partikolarment permezz ta’ l-iżvilupp f’forom ġodda ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol.

(10)      Il-Komunità [Ewropea] kien ħejjiet w impementat strateġija tal-impjiegi ibbażata fuq il-konċetti ta’ ‘antiċipazzjoni’, [ta’] ‘prevenzjoni’ u [ta]‘l-possibbiltà ta’ l-impjieg’, li għandhom ikunu inkorporati bħala elementi esenzjali fl-istrateġiji pubbliċi kolha li minnhom aktarx li jibbenifikaw l-impjiegi, inkluzi l-istrateġiji ta’ l-impriżi ndividwali, bit-tisħieħ tad-djalogu soċjali bil-għan li jippromwovi bidla kompatibbli mal-preservazzjoni ta’ l-għan prijoritarju tal-impjieg.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas ġenerali li jqiegħed il-ħtiġiet minimi għad-dritt ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati f’impriża jew fi stabbiliment fi ħdan il-Komunità.”

5        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘impriża’ tfisser impriża pubblika jew privata li twettaq attivita ekonomika, seww jekk topera jew le għal qliegħ, li tkun lokalizzata fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri;

[…]

(f)      ‘informazzjoni’ tfisser it-trasmissjoni minn dak li jimpjega lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati ta’ dettalji sabiex jiffaċilita li dawn jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-materja tas-suġġett u biex ikunu jistgħu jezaminawha;

(ġ)      ‘konsultazzjoni’ tfisser l-iskambju ta’ veduti u l-istabbiliment ta’ djalogu bejn ir-rappreżentanti ta’ l-impjegati u dawk li jimpjegawhom.”

6        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Arranġament prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandhom ikopru:

(a)      informazzjoni dwar żvilupp reċenti u probabbli ta’ l-attivitajiet u tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-impriża jew ta’ l-istabbiliment;

(b)      informazzjoni u konsultazzjoni dwar is-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli ta’ l-impjieg fi ħdan l-impriża jew l-istabbiliment u dwar kwalunkwe miżuri antiċipatorji intiżi, partikolarment meta jkun hemm theddida għall-impjieg;

(ċ)      informazzjoni u konsultazzjoni dwar deċiżjonijiet li jwasslu għall-tibdil sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kontrattwali, inklużi dawk koperti bid-dispożizzjonijiet Komunitarji li hemm referenza dwarhom f’Artikolu 9(1).”

 Iddritt Grieg

 Id-Digriet Presidenzjali 240/2006

7        Id-Daltagma 240/2006, Peri thespiseos genikou plaisiou enimeroseos kai diavouleuseos ton ergazomenon simfona me tin odigia 2002/14/EK tis 11.3.2002 tou Europaikou Koinovouliou kai tou Symvouliou (id-Digriet Presidenzjali 240/2006 li jistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati konformement mad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002), tad‑9 ta’ Novembru 2006 (FEK A’ 252/16.11.2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali 240/2006”) ittraspona d-Direttiva 2002/14 fl-ordinament ġuridiku Grieg.

8        L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet presidenzjali jirriproduċi d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/14.

9        L-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet presidenzjali, intitolat “Dettalji prattiċi ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni”, jirripproduċi, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu, rispettivament, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14.

 IlLiġi 4115/2013

10      In-Nomos 4115/2013, Organosi kai leitourgia Idrimatos Neolaias kai Dia Viou Mathisis kai Ethnikou Organismou Pistopoiisis Prosonton & Epangelmatikou Prosanatolismou kai alles diatakseis (il-Liġi 4115/2013 dwar l-Organizzazzjoni u l-Funzjonament tal-Fondazzjoni għaż-Żgħażagħ u għat-Taħriġ Kontinwu u tal-Organu Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki u ta’ Gwida Professjonali u Dispożizzjonijiet Oħra), tad‑29 ta’ Jannar 2013 (FEK A’ 24/30.1.2013, iktar ’il quddiem il-“Liġi 4115/2013”), tiddetermina, b’mod partikolari, il-kompetenzi u s-setgħat tal-Eoppep.

11      L-Artikolu 13 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.      Permezz tad-Deċiżjoni Konġunta 119959/H/20.10.2011 […] [tal-Ministru għall-Finanzi u tal-Ministru] għall-Edukazzjoni, għat-Taħriġ Kontinwu u għall-Affarijiet Reliġjużi […], il-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat imsejħa ‘Ethniko Kentro Pistopoiisis Domon Dia Viou Mathisis’ [(Ekepis)] (iċ-Ċentru Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Istrutturi ta’ Taħriġ Kontinwu) […] u l-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat imsejħa ‘Ethniko Kentro Epangelmatikou Prosanatolismou’ [(EKEP)] (iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Gwida Professjonali) […] ġew amalgamati permezz ta’ assorbiment fil-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat imsejħa ‘Ethnikos Organismos Pistopoiisis Prosonton’ [(EOPP)] (l-Organu Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki) […] u tneħħew inkwantu entitajiet ġuridiċi indipendenti. Bl-istess deċiżjoni ministerjali konġunta, il-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat imsejħa ‘Ethnikos Organismos Pisopoiisis Prosonton’ (EOPP) ingħatat l-isem ġdid ta’ ‘Ethnikos Organismos Pistopoiisis Prosonton & Epangelmatikou Prosanatolismou’ (Eoppep) (l-Organu Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki u ta’ Gwida Professjonali).

2.      L-Eoppep hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li tagħmel parti mis-settur pubbliku f’sens wiesa’; huwa għandu awtonomija amministrattiva u finanzjarja, għandu natura ta’ utilità pubblika u mingħajr skop ta’ lukru, jopera fl-interess pubbliku u jaqa’ taħt it-tutela tal-Ministru għall-Edukazzjoni, għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport. […]”

12      L-Artikolu 14 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.      L-Eoppep huwa l-organu nazzjonali għaċ-ċertifikazzjoni tal-inputs u l-outputs tal-edukazzjoni u tat-tagħlim mhux formali; huwa jaġixxi inkwantu struttura nazzjonali ta’ networks Ewropej li jimmaniġġjaw il-kwalifiki u l-għodod Ewropej ta’ trasparenza u mobbiltà, bħall-punt ta’ koordinazzjoni nazzjonali għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Europassaport, iċ-Ċentru Nazzjonali Grieg ta’ Informazzjoni dwar il-Gwida Professjonali, membru tan-Network Ewropew Euroguidance, il-punt ta’ referenza nazzjonali għall-Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ Vokazzjonali (EQA-VET) u għas-Sistema Ewropea ta’ Kreditu tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ Professjonali (ECVET).

2.      L-għanijiet segwiti mill-Eoppep huma, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:

a)      iċ-ċertifikazzjoni tal-inputs tal-edukazzjoni mhux formali u, b’mod partikolari:

aa)      iċ-ċertifikazzjoni tal-istrutturi, tal-korsijiet professjonali, kif ukoll tal-programmi tal-istituzzjonijiet ta’ taħriġ professjonali inizjali u kontinwu u b’mod aktar ġenerali ta’ edukazzjoni mhux formali, inkluża l-edukazzjoni ġenerali għall-adulti;

bb)      iċ-ċertifikazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ servizzi ta’ akkumpanjament u tal-istituzzjonijiet li jipprovdu konsulenza ta’ gwida professjonali; u

cc)      fejn applikabbli, l-għoti ta’ liċenzja għall-operat lil dawn l-istituzzjonijiet;

b)      l-iżgurar tal-kundizzjonijiet u t-twettiq tal-għanijiet — fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni tal-inputs u tal-outputs tal-edukazzjoni mhux formali — inklużi fil-programmi ta’ taħriġ professjonali nazzjonali, Ewropej jew kofinanzjat;

c)      l-istabbiliment u l-iżvilupp tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki u l-allinjament ta’ dan tal-aħħar mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, l-allinjament tal-kwalifiki miksuba permezz tal-edukazzjoni formali u mhux formali kif ukoll it-tagħlim mhux formali mal-livelli tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki, ma’ kwalifiki settorjali internazzjonali u l-iżvilupp ta’ indikaturi deskrittivi settorjali f’termini ta’ għarfien, kompetenzi u ħiliet, li ser jikkorrispondu mal-livelli tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki;

d)      iċ-ċertifikazzjoni tal-inputs tal-edukazzjoni tat-tagħlim mhux formali u, b’mod partikolari:

aa)      l-istabbiliment ta’ sistema ta’ rikonoxximent u ta’ validazzjoni tal-kwalifiki miksuba permezz tal-edukazzjoni u t-tagħlim mhux formali, iċ-ċertifikazzjoni ta’ dawn il-kwalifiki u l-allinjament ta’ dawn tal-aħħar mal-livelli tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki;

bb)      iċ-ċertifikazzjoni tal-edukaturi tal-adulti, tal-professjonisti li jagħtu servizzi ta’ akkumpanjament u ta’ appoġġ, kif ukoll tal-professjonisti li jipprovdu servizzi ta’ konsulenza ta’ gwida professjonali; u

cc)      l-għoti ta’ liċenzji, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki miksuba permezz tal-edukazzjoni u tat-tagħlim mhux formali;

e)      l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ trasferiment ta’ punti ta’ kreditu ta’ tagħlim professjonali u ta’ taħriġ vokazzjonali;

f)      il-garanzija tal-kwalità tat-taħriġ kontinwu u tal-konsulenza ta’ gwida professjonali (KGP) tul il-ħajja, f’kooperazzjoni mal-atturi pubbliċi l-oħra;

g)      il-proposta li jiġu stabbiliti d-drittijiet professjonali tad-detenturi tal-kwalifiki miksuba fil-kuntest tat-taħriġ kontinwu, bl-eċċezzjoni tal-edukazzjoni ogħla;

h)      ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tad-diplomi mogħtija minn organi Griegi ta’ edukazzjoni professjonali u ta’ taħriġ professjonali li issa tneħħew, kif ukoll ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tad-diplomi ta’ edukazzjoni professjonali u ta’ taħriġ professjonali barranin, bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-edukazzjoni ogħla;

i)      l-għoti ta’ appoġġ xjentifiku u tekniku lill-organi kompetenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport u tal-Ministeru għax-Xogħol, għas-Sigurtà Soċjali u għall-Previdenza, fil-kuntest tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali dwar il-konsulenza ta’ gwida professjonali;

j)      l-iżvilupp tal-komunikazzjoni u tal-koordinazzjoni tal-azzjonijiet bejn l-atturi pubbliċi u privati li jipprovdu servizzi ta’ ‘konsulenza ta’ gwida professjonali’, sabiex jittejbu s-servizzi li diġà huma pprovduti, permezz ta’ informazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni kontinwi;

k)      l-istabbiliment ta’ network nazzjonali intiż sabiex jinforma u jgħarraf lill-entitajiet u lill-persuni interessati kollha dwar kwistjonijiet ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ skambji mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

l)      il-provvista ta’ servizzi ta’ gwida professjonali ta’ kull tip u ta’ kull forma għall-benefiċċju tal-organi kompetenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport u tal-Ministeru għax-Xogħol, għas-Sigurtà Soċjali u għall-Previdenza, taċ-ċentri u organi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ professjonali, tal-impriżi kif ukoll tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema;

m)      l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ kontinwu tal-maniġers tas-settur tal-“konsulenza ta’ gwida professjonali”, f’kooperazzjoni u/jew b’mod komplementari mal-organi (strutturi) eżistenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport u tal-Ministeru għax-Xogħol, għas-Sigurtà Soċjali u għall-Previdenza;

n)      l-istabbiliment, minn naħa, tal-kundizzjonijiet u tar-regoli ta’ funzjonament tal-organi ta’ konsulenza ta’ gwida professjonali u, min-naħa l-oħra, tal-kwalifiki minimi tal-professjonisti li jipprovdu dawn is-servizzi, kif ukoll iż-żamma tar-reġistri korrispondenti;

o)      l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza ta’ gwida professjonali minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalifika suffiċjenti tal-professjonisti li jipprovdu s-servizzi ta’ konsulenza ta’ gwida professjonali, tal-proċeduri segwiti biex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi pprovduti u taż-żamma tar-reġistri korrispondenti.

[…]

6.      L-Eoppep għandu jaġixxi bħala korp amministrattiv għat-taħriġ kontinwu […]”

13      L-Artikolu 20 tal-istess liġi jipprevedi:

“1.      L-[Eoppep] għandu jiġbor tariffi għall-evalwazzjoni u għall-inklużjoni fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 21, għall-approvazzjoni taċ-ċentri u tal-uffiċċji privati ta’ konsulenza ta’ gwida professjonali, għall-approvazzjoni u għaċ-ċertifikazzjoni tal-fornituri ta’ taħriġ kontinwu, għall-approvazzjoni tal-organi ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalifiki, għaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki tal-persuni fiżiċi, għaċ-ċertifikazzjoni tal-korsijiet u tal-programmi professjonali, kif ukoll għall-ekwivalenza tad-diplomi, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. In-natura u l-ammont tat-tariffi, il-korrispondenza tagħhom mal-ispejjeż tas-servizzi speċifikament ipprovduti skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu kif ukoll il-modalitajiet tal-ġbir tagħhom huma ddeterminati b’deċiżjoni konġunta [tal-Ministru għall-Finanzi u tal-Ministru] għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport, fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi tal-[Eoppep].

2.      It-tariffi huma intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni, ta’ ċertifikazzjoni, ta’ żamma ta’ reġistri speċjali, ta’ promozzjoni u ta’ inkoraġġiment għall-użu tal-kwalifiki ċċertifikati skont il-kompetenzi tal-[Eoppep], kif ukoll tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni taċ-ċittadini dwar dawn is-servizzi.

3.      L-ispejjeż ta’ sorveljanza jinġabru mingħand l-entitajiet imqiegħda taħt is-sorveljanza tal-[Eoppep] skont l-Artikolu 19 ta’ din il-liġi. Dawn l-ispejjeż huma stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni konġunta [tal-Ministru għall-Finanzi u tal-Ministru] għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport, fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi tal-[Eoppep].

4.      It-tariffi u l-ispejjeż ta’ sorveljanza għandhom jitħallsu f’kontijiet tal-[Eoppep] u għandhom jintużaw sabiex ikopru l-infiq kollu msemmi fil-paragrafu 2.”

14      L-Artikolu 23 tal-Liġi 4115/2013 jipprevedi:

“1.      Ir-riżorsi tal-Eoppep huma dawk li d-dispożizzjonijiet tal-liġi allokaw lill-organi li issa huma amalgamati kif ukoll lill-organu li jassorbihom; b’mod indikattiv, dawn jistgħu jikkonsistu fi:

a)      sussidji li ġejjin mill-baġit ordinarju tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport;

b)      sussidji u finanzjament ta’ kwalunkwe tip li ġejjin mill-programm ta’ investiment pubbliku, mill-Unjoni […] u minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, kif ukoll minn programmi kofinanzjati;

c)      dħul mill-ġestjoni tal-patrimonju tiegħu, mill-interessi li ġejjin mill-operat finanzjarju tar-riżervi tiegħu u kull dħul ieħor li ġej mill-operat tal-assi tiegħu;

d)      dħul li ġej mill-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi fdati lill-Eoppep mill-Ministru għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport jew imwettqa f’isem terzi bħal, b’mod partikolari, dipartimenti pubbliċi, organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew privat u individwi, peress li dawn ix-xogħlijiet jiġu eżegwiti wara deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Organu;

[…]

g)      dħul li ġej mill-ħlas tat-tariffi u tal-infiq ta’ sorveljanza magħmul għaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki, iċ-ċertifikazzjoni tal-edukaturi tal-adulti u tal-professjonisti li jagħtu servizzi ta’ akkumpanjament u ta’ appoġġ, għall-ekwivalenza tad-diplomi, għall-approvazzjoni u l-monitoraġġ ta’ organi ta’ kwalifiki u ta’ ċertifikazzjoni tal-istrutturi, għaċ-ċertifikazzjoni u għall-approvazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ kontinwu u għaċ-ċertifikazzjoni tal-uffiċċji jew taċ-ċentri privati ta’ konsulenza ta’ gwida professjonali u tal-professjonisti li jipprovdu l-konsulenza ta’ gwida professjonali.

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      L-Eoppep huwa persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, li taqa’ taħt is-settur pubbliku, ikkostitwita permezz ta’ amalgamazzjoni u assorbiment ta’ entitajiet oħra fl‑2011 u li għandha bħala għan li twettaq b’mod partikolari missjonijiet ta’ gwida professjonali ta’ kull tip għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport, għall-Ministeru għax-Xogħol, għas-Sigurtà Soċjali, kif ukoll għall-organi ta’ taħriġ professjonali, għall-impriżi u għall-organizzazzjonijiet ta’ impjegati jew ta’ persuni li jimpjegaw.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Eoppep tas‑16 ta’ Frar 2012, PM inħatret kap ad interim tad-diviżjoni ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalifiki ta’ dan l-organu u DM inħatret bħala Viċi Direttur tad-Direttorat tad-Dipartimenti Amministrattivi u Finanzjarji kif ukoll kap ad interim tad-Diviżjoni tas-Servizzi Ekonomiċi ta’ dan l-organu. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Eoppep tas‑17 ta’ Ġunju 2013, li temenda l-ewwel deċiżjoni, DM saret direttriċi ad interim tad-Direttorat tad-Dipartimenti Amministrattivi u Finanzjarji ta’ l-imsemmi organu.

17      Wara l-pubblikazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Eoppep, il-Bord tad-Diretturi ta’ dan l-organu ddeċieda, fit‑18 ta’ Jannar 2018, li DM kienet ser tkompli teżerċita l-funzjonijiet ta’ persuna responsabbli ad interim tad-Direttorat tad-Dipartimenti Amministrattivi u Finanzjarji tal-imsemmi organu, sal-għażla u l-ħatra ta’ direttur għal dan id-direttorat. Fl‑14 ta’ Frar 2018, dan il-bord tad-diretturi ddeċieda li jneħħi lil DM mill-pożizzjoni tagħha ta’ direttriċi ad interim tal-imsemmi direttorat minħabba li hija ma kinitx kapaċi taqdi din il-funzjoni b’mod sodisfaċenti. Madankollu, DM baqgħet assenjata lid-Dipartiment tas-Servizzi Amministrattivi.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Eoppep tal‑21 ta’ Frar 2018, PM tneħħiet mill-pożizzjoni tagħha ta’ kap ad interim tad-Diviżjoni ta’ Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki, iżda kompliet taħdem f’din id-diviżjoni bħala membru tal-persunal. Din id-deċiżjoni ġiet adottata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Eoppep, b’mod li jintlaħqu l-għanijiet inerenti fil-kostituzzjoni tiegħu. Permezz tal-imsemmija deċiżjoni, ħaddiem ieħor, KG, tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu ta’ kap tad-dipartiment tal-għoti ta’ liċenzji lill-istrutturi, filwaqt li baqa’ assenjat lid-Dipartiment ta’ Ġestjoni tal-Għarfien u ta’ Governanza Elettronika, filwaqt li ħaddiem ieħor, AA, inħatar kap ad interim tad-Dipartiment Finanzjarju tal-Eoppep.

19      DM u PM, rispettivament, ikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-Eoppep tal‑14 ta’ Frar 2018 u tal‑21 ta’ Frar 2018 fi ħdan l-Ispettorat tar-Relazzjonijiet tax-Xogħol. Dan tal-aħħar, fi tmiem investigazzjoni, qies li l-Eoppep kien kiser id-digriet presidenzjali billi ma informax u ma kkonsultax lir-rappreżentanti tal-ħaddiema qabel it-tneħħija tagħhom mill-funzjonijiet tagħhom. Konsegwentement, l-Istat Grieg impona fuq l-Eoppep multa ta’ EUR 2 250 minħabba ksur ta’ dan id-digriet presidenzjali.

20      L-Eoppep ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa jsostni, b’mod partikolari, li huwa ma jikkostitwixxix impriża li teżerċita attività ekonomika, fis-sens tad-Digriet Presidenzjali 240/2006 kif ukoll tad-Direttiva 2002/14, u li ma jaqax, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn it-testi, li DM u PM kienu jafu bin-natura temporanja tal-ħatra rispettiva tagħhom fil-pożizzjoni ta’ direttriċi tad-Direttorat tad-Dipartimenti Amministrattivi u Finanzjarji u fil-pożizzjoni ta’ kap tad-Diviżjoni ta’ Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki, u li l-ksur allegat jikkonċerna żewġ membri tal-persunal li fir-rigward tagħhom il-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema prevista minn dan id-digriet presidenzjali ma tapplikax peress li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lil dawn iż-żewġ membri tal-persunal jaqgħu biss taħt is-setgħa ta’ tmexxija tal-Eoppep.

21      Quddiem dik il-qorti, l-Istat Grieg isostni li l-imsemmi rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

22      Il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li l-eżerċizzju, mill-Eoppep, ta’ attività ekonomika ma jidhirx li huwa eskluż mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-kompetenzi ta’ dan. Fil-fatt, jingħad li huwa possibbli li, għal uħud mill-kompetenzi tiegħu u, b’mod partikolari, l-eżekuzzjoni tas-servizzi li jirrigwardaw il-gwida professjonali għall-organi kompetenti tal-ministeri, għall-organi ta’ taħriġ professjonali, għall-impriżi u għall-organizzazzjonijiet ta’ impjegati jew ta’ persuni li jimpjegaw, jeżistu swieq li fihom impriżi f’kompetizzjoni mal-Eoppep jiżviluppaw l-attività tagħhom. Barra minn hekk, ir-riżorsi ekonomiċi ta’ dan l-organu jinkludu wkoll id-dħul li ġej mill-eżekuzzjoni ta’ xogħol jew ta’ servizzi. Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur kien għalhekk ippreveda li l-Eoppep kien ser jaġixxi, mill-inqas parzjalment, bħala operatur tas-suq.

23      Dik il-qorti tispeċifika, min-naħa l-oħra, li PM tneħħiet mill-funzjonijiet tagħha għal raġunijiet relatati mal-funzjonament tajjeb tad-dipartiment, filwaqt li l-pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni okkupata minnha ma tħassritx. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk din it-tneħħija tikkostitwixxix sitwazzjoni li fiha d-Direttiva 2002/14 u d-Digriet Presidenzjali 240/2006 li jittrasponiha jeżiġu, qabel l-imsemmija tneħħija, li jiġu informati u kkonsultati r-rappreżentanti tal-ħaddiema.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Dioikitiko Protodikeio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      Xi jfisser il-kunċett ta’ impriża li teżerċita ‘attività ekonomika’, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva 2002/14]?

b)      Persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, bħalma ma hi l-Eoppep, li fl-eżerċizzju tal-kompetanza tagħha ta’ ċertifikazzjoni tal-organi ta’ taħriġ professjonali, [jaġixxu] bħala [persuni ġuridiċi rregolati] mid-dritt pubbliku u [jeżerċitaw] prerogattiva ta’ awtorità pubblika, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett iċċitat iktar ’il fuq meta

i)      għal uħud ċerti mill-attivitajiet tagħha, bħalma huma, b’mod partikolari, il-provvista ta’ kull tip u kull forma ta’ servizzi ta’ gwida professjonali lill-organi ministerjali kompetenti, liċ-ċentri u lil organi ta’ tagħlim u ta’ taħriġ professjonali, lill-impriżi kif ukoll lill-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u tal-ħaddiema, (Artikolu 14(2)(l), tal-Liġi [4115/2013]), ma jistax jiġi eskluż, kif jirriżulta mil-Artikolu 14(2)(o) tal-Liġi 4115/2013 – dispożizzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijonijiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza u gwida professjonali minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-Greċja – li jeżisti suq li fih joperaw kumpanniji kummerċjali li huma kompetituri tar-rikorrent;

ii)      skont l-Artikolu 23(1)(d), ta’ din l-istess liġi, ir-riżorsi [tal-organu] rikorrent jinkludu dħul li jirriżulta mit-twettiq ta’ xogħlijiet u servizzi li lilu ġew attribwiti mill-Ministru [għall-Edukazzjoni, għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport], jew li twettqu f’isem terzi bħalma huma, b’mod partikolari, dipartimenti tal-gvern, organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew privat u individwi; u

iii)      l-Artikolu 20 tal-Liġi 4115/2013 jipprevedi l-ħlas ta’ tariffi għall-attivitajiet l-oħra [tal-organu] rikorrent?

c)      Il-fatt li parti biss mill-attivitajiet (imsemmija fl-Artikolu 14(2) tal-Liġi 4115/2013) tar-rikorrent, li huwa persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huma eżerċitati f’kundizzjonijiet ta’ suq, għandu inċidenza fuq it-tweġiba tad-domanda preċedenti? U jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, huwa suffiċjenti li l-leġiżlatur kien ippreveda – fl-Artikolu 14(2)(1) u fl-Artikolu 23(1)(d) tal-Liġi 4115/2013 – li [l-organu] rikorrent jaġixxi, għall-inqas parzjalment, bħala operatur tas-suq, jew inkella huwa neċessarju li jintwera li, għal attività speċifika, l-operatur jaġixxi effettivament fil-kundizzjonijiet ta’ suq?

2)      a)      Xi jfissru, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tad-[Direttiva 2002/14], il-kunċetti ta’ ‘sitwazzjoni’, ta’ ‘l-istruttura’ u ta’ ‘l-iżvilupp probabbli ta’ l-impjieg fi ħdan l-impriża’, li huma kollha elementi li fir-rigward tagħhom jeżisti obbligu li l-ħaddiema jiġu informati u kkonsultati?

b)      Il-fatt li, wara l-adozzjoni tar-regoli interni l-ġodda tagħha, persuna ġuridika — f’dan il-każ l-Eoppep — tneħħi minn ċerti pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, mingħajr it-tħassir tal-imsemmija pożizzjonijiet, ħaddiema li kienu maħtura f’dawn il-pożizzjonijiet b’mod temporanju wara l-assorbiment minn dan l-organu tal-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat Ekepis u EKEP, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċetti ċċitati iktar ’il fuq, b’tali mod li jinħoloq obbligu li l-ħaddiema jiġu informati u kkonsultati qabel it-tneħħija tagħhom?

c)      Ir-risposta għad-domanda preċedenti hija influwenzata mill-:

i)      fatt li sabiex impjegat jitneħħa minn pożizzjoni ta’ responsabbiltà, l-organu [rikorrent] invoka n-neċessità tal-funzjonament tajjeb u l-ħtiġijiet statutorji tiegħu, sabiex il-persuna ġuridika tkun tista’ tilħaq l-għanijiet li għalihom inħolqot, jew inkella mill-fatt li t-tneħħija saret minħabba nuqqasijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-impjegat bħala kap ta’ servizz temporanju?

ii)      fatt li l-ħaddiema mneħħija mill-postijiet ta’ responsabbiltà baqgħu impjegati mill-persuna ġuridika?; jew

iii)      fatt li, permezz tal-istess deċiżjoni tal-korp kompetenti tal-persuna ġuridika li tneħħi minn postijiet ta’ responsabbiltà lil ċerti ħaddiema tagħha, ħatret temporanjament persuni oħra għal pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li taġixxi bħala persuna rregolata mid-dritt pubbliku u li teżerċita attivitajiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika filwaqt li tipprovdi wkoll, bi ħlas, servizzi li jikkompetu ma’ dawk ipprovduti minn operaturi tas-suq.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14 jiddefinixxi t-terminu “impriża” bħala li jkopri kull impriża pubblika jew privata li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament minn jekk għandhiex skop ta’ lukru jew le.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens li jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u l-mod kif tiġi ffinanzjata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Manpower Lit, C‑948/19, EU:C:2021:906, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “attività ekonomika”, li ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2002/14, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dan il-kunċett, li jidher f’diversi direttivi dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, jinkludi kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2021, Manpower Lit, C‑948/19, EU:C:2021:906, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Huma, bħala prinċipju, esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Min-naħa l-oħra, ġew ikklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi servizzi li, mingħajr ma jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, jingħataw fl-interess pubbliku u mingħajr skop ta’ lukru u li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawk proposti minn operaturi li għandhom skop ta’ lukru. Il-fatt li tali servizzi jkunu inqas kompetittivi minn servizzi komparabbli pprovduti mill-operaturi li għandhom skop ta’ lukru ma jistax jipprekludi li l-attivitajiet ikkonċernati jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Manpower Lit, C‑948/19, EU:C:2021:906, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2002/14 u tal-formulazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2(a) tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” li toħroġ mill-punti 27 u 29 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi trasposta għad-Direttiva 2002/14.

31      Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14 ikoprix entità bħall-Eoppep, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk entità bħal dan l-organu teżerċitax attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq speċifiku.

32      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14 tal-Liġi 4115/2013, l-Eoppep għandu bħala għanijiet mhux biss iċ-ċertifikazzjoni tal-istabbilimenti ta’ taħriġ jew ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tad-diplomi, attivitajiet li, skont il-qorti tar-rinviju, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika, iżda wkoll, fost l-oħrajn, kif jirriżulta, rispettivament, mill-punti i), j), l) u m) ta’ dan il-paragrafu, l-għoti ta’ appoġġ xjentifiku u tekniku lill-organi kompetenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport u tal-Ministeru għax-Xogħol, għas-Sigurtà Soċjali u għall-Previdenza, fil-kuntest tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali dwar il-konsulenza ta’ gwida professjonali, l-iżvilupp tal-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet bejn l-atturi pubbliċi u privati li jipprovdu servizzi ta’ “konsulenza ta’ gwida professjonali” permezz ta’ informazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni kontinwi, il-provvista ta’ servizzi ta’ gwida professjonali ta’ kull tip u ta’ kull forma għall-benefiċċju tal-organi kompetenti ta’ dawn il-ministeri, taċ-ċentri u tal-korpi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ professjonali, tal-impriżi kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw u tal-ħaddiema, kif ukoll l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ kontinwu tal-maniġers tas-settur tal-“konsulenza ta’ gwida professjonali”, b’kooperazzjoni u/jew b’mod komplementari mal-organi eżistenti fi ħdan l-imsemmija ministeri.

33      Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-attivitajiet imsemmija l-aħħar ma jaqgħux, a priori, taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Għalkemm ma huwiex eskluż li jeżistu swieq li fihom joperaw impriżi kummerċjali li huma f’kompetizzjoni mal-Eoppep u li għandhom skop ta’ lukru, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan huwa effettivament il-każ.

34      Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet tal-Eoppep huma ffinanzjati mhux biss mit-tariffi u l-ispejjeż ta’ sorveljanza previsti fl-Artikolu 20 tal-Liġi 4115/2013, iżda wkoll minn dħul bħal dak imsemmi fl-Artikolu 23 ta’ din il-liġi, b’mod iktar partikolari d-dħul li ġej mill-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi li, jew huma fdati lil dan l-organu mill-Ministru għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport, jew jitwettqu f’isem terzi bħal, b’mod partikolari, dipartimenti pubbliċi, organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew privat u individwi, peress li dawn ix-xogħlijiet jiġu eżegwiti wara deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Organu.

35      Skont l-informazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, u li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, dan id-dħul għandu jitqies bħala remunerazzjoni għall-attivitajiet tal-Eoppep sa fejn huwa jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tal-provvista ta’ servizzi pprovduta minn dan tal-aħħar, korrispettiv normalment iddefinit bejn il-fornitur u d-destinatarju tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Manpower Lit, C‑948/19, EU:C:2021:906, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u bla ħsara għall-verifika tagħhom mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li l-Eoppep jeżerċita, parzjalment, attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi f’suq speċifiku u li għalhekk jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14.

37      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li taġixxi bħala persuna rregolata mid-dritt pubbliku u li teżerċita attivitajiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika ladarba hija tipprovdi wkoll, bi ħlas, servizzi li jikkompetu ma’ dawk ipprovduti minn operaturi tas-suq.

 Fuq ittieni domanda

38      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni li huwa previst fih japplika fil-każ ta’ bidla fil-pożizzjoni ta’ numru żgħir ta’ ħaddiema maħtura ad interim f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, meta dan it-tibdil ma jistax jaffettwa s-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli tal-impjieg fi ħdan l-impriża kkonċernata jew jhedded l-impjieg b’mod ġenerali.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14, id-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni, fis-sens ta’ din id-direttiva, ikopri l-“informazzjoni u konsultazzjoni dwar is-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli ta’ l-impjieg fi ħdan l-impriża jew l-istabbiliment u dwar kwalunkwe miżuri antiċipatorji intiżi, partikolarment meta jkun hemm theddida għall-impjieg”.

40      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, billi tirreferi b’mod ġeneriku għall-“impjieg”, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tkoprix ir-relazzjonijiet ta’ xogħol individwali, iktar u iktar meta ma jkunx hemm tħassir ta’ pożizzjonijiet.

41      L-interpretazzjoni li l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14 jirrigwarda s-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp tal-impjieg b’mod ġenerali f’impriża jew stabbiliment u mhux is-sitwazzjoni ta’ ċerti relazzjonijiet individwali ta’ xogħol fi ħdan impriża jew stabbiliment hija kkorroborata mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, din il-premessa tgħid li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni, b’mod partikolari, li jinkoraġġixxi u jsaħħaħ “l-informazzjoni u l-konsultazzjoni dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp mistenni ta’ l-impjieg fi ħdan l-impriża u, meta l-evalwazzjoni ta’ min iħaddem tissuġġerixxi li l-impjiegi fi ħdan l-impriża jistgħu jkunu mhedda, il-miżuri antiċipatorji possibli [ppjanati], partikolarment fit-termini ta’ taħriġ ta’ l-impjegati u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom, bil-għan li jagħmel tajjeb għall-iżviluppi negattivi jew il-konsegwenzi tagħhom u żżid il-possibbilità ta’ l-impjieg u l-adattabilità ta’ l-impjegati li aktarx li jkunu affettwati”.

42      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2002/14 hija intiża sabiex tistabbilixxi informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema meta l-impjieg b’mod ġenerali jkun mhedded fi ħdan impriża jew stabbiliment bil-għan li jiġu kontrobilanċjati l-effetti sfavorevoli tal-evoluzzjoni negattiva tas-sitwazzjoni tal-impjieg f’din l-impriża jew f’dan l-istabbiliment għall-ħaddiema li jistgħu jiġu affettwati minnha.

43      F’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali li jinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ma kienx hemm riskju jew theddida għall-impjieg fi ħdan l-Eoppep u li kien biss numru limitat ħafna ta’ persuni, jiġifieri 3 minn 80 impjegat, li tneħħew mill-pożizzjonijiet li huma kienu jokkupaw ad interim. Barra minn hekk, dawn il-persuni ma tilfux l-impjieg tagħhom u baqgħu fis-servizz tal-istess diviżjoni tal-Eoppep. Barra minn hekk, jidher li, quddiem il-qorti tar-rinviju, lanqas ma ġie allegat li t-tneħħija u s-sostituzzjoni ta’ dawn il-persuni kellhom jew seta’ kellhom effett fuq is-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli tal-impjieg bħala tali fi ħdan l-Eoppep jew qiegħdu f’riskju l-impjieg b’mod ġenerali.

44      Issa, fl-assenza ta’ indikazzjoni, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li t-tneħħija u s-sostituzzjoni ta’ numru żgħir ta’ persuni li kienu nħatru ad interim f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà affettwaw, f’dan il-każ, jew jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli tal-impjieg fi ħdan l-Eoppep jew jheddu l-impjieg b’mod ġenerali, l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14 ma jistax japplika għal tali sitwazzjoni.

45      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni li huwa previst fih japplika fil-każ ta’ tibdil fil-pożizzjoni ta’ numru żgħir ta’ ħaddiema maħtura ad interim f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, meta dan it-tibdil ma jistax jaffettwa s-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli tal-impjieg fi ħdan l-impriża kkonċernata jew jhedded l-impjieg b’mod ġenerali.

 Fuq lispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

din id-dispożizzjoni tkopri persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li taġixxi bħala persuna rregolata mid-dritt pubbliku u li teżerċita attivitajiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika ladarba hija tipprovdi wkoll, bi ħlas, servizzi li jikkompetu ma’ dawk ipprovduti minn operaturi tas-suq.

2)      L-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni li huwa previst fih japplika fil-każ ta’ tibdil fil-pożizzjoni ta’ numru żgħir ta’ ħaddiema maħtura ad interim f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, meta dan it-tibdil ma jistax jaffettwa s-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli tal-impjieg fi ħdan l-impriża kkonċernata jew jhedded l-impjieg b’mod ġenerali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.