Language of document : ECLI:EU:C:2023:588

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑13 ta’ Lulju 2023 (1)

Kawża C255/21

Reti Televisive Italiane SpA (RTI)

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

fil-preżenza ta’:

Elemedia SpA,

Radio Dimensione Suono SpA,

RTL 102, 5 Hit Radio s.r.l.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Servizzi tal-media awdjoviżiva — Direttiva 2010/13/UE — Reklamar televiżiv — Artikolu 23 — Limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar televiżiv — Eċċezzjoni għall-avviżi magħmula mix-xandar televiżiv f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess — Reklamar magħmul għal stazzjon tar-radju tal-istess grupp ta’ stazzjonijiet”






I.      Introduzzjoni

1.        Ir-reklamar magħmul minn xandar televiżiv fir-rigward ta’ stazzjon tar-radju tal-istess grupp ta’ stazzjonijiet (2) jista’ jikkostitwixxi “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13/UE dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva u, bħala tali, jiġi eskluż mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar televiżiv previsti minn din id-direttiva? Din hija, essenzjalment, id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

2.        Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża fid-dritt tal-Unjoni hija d-Direttiva 2010/13 fil-verżjoni inizjali tagħha (iktar ’il quddiem: id-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti) (1). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata f’dan il-każ tad-Direttiva (UE) 2018/1808 li temenda d-Direttiva 2010/13 fir-rigward ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (3), minkejja li l-emendi introdotti fid-Direttiva 2010/13 permezz ta’ din id-direttiva ma humiex applikabbli fil-kawża prinċipali (2).

1.      IdDirettiva 2010/13

3.        Il-premessi 5, 21 sa 23, 25, 41, 83, 87, 96 u 97 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, huma fformulati kif ġej:

“(5) Servizzi tal-media awdjoviżiva huma servizzi kulturali daqskemm huma servizzi ekonomiċi. L-importanza li qed tikber tagħhom għas-soċjetajiet, id-demokraziji – partikolarment billi jiżguraw libertà ta’ informazzjoni, diversità ta’ opinjoni u pluraliżmu tal-media - l-edukazzjoni u l-kultura tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi għal dawn is-servizzi.

[…]

(21) Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva […] għandu jkun limitat għal servizzi kif definiti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandu jkopri kwalunkwe forma ta’ attività ekonomika, inkluża dik ta’ impriżi tas-servizz pubbliku […]

(22) Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva għandha tkopri l-media tal-massa fil-funzjoni tagħhom li jagħtu informazzjoni, intratteniment u edukazzjoni lill-pubbliku ġenerali, u għandha tinkludi l-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva […]. Dik id-definizzjoni għandha teskludi is-servizzi li l-fini ewlieni tagħhom mhuwiex dak li jipprovdu programmi, jiġifieri fejn kwalunkwe kontenut awdjoviżiv huwa purament inċidentali għas-servizz u mhux il-fini prinċipali tiegħu. L-eżempji jinkludu websites li fihom elementi awdjoviżivi b’mod anċillari biss; bħal elementi grafiċi animati, spots qosra ta’ reklami jew informazzjoni relatata mal-prodott jew servizz mhux awdjoviżiv. […]

(23) Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi ‘awdjoviżiv’ għandha tkun interpretata bħala li tirreferi għal immaġini li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru, biex b’ hekk tinkludi films muti iżda ma tkoprix trasmissjoni awdjo jew servizzi tar-radju. […]

[…]

(25) Il-kunċett ta’ responsabbiltà editorjali hija essenzjali għad-definizzjoni tar-rwol tal-fornitur tas-servizzi tal-media u għaldaqstant għad-definizzjoni tas-servizzi tal-media awdjoviżiva. […]

[…]

(41) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva għall-fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, filwaqt li jiżguraw li dawk ir-regoli huma konsistenti mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. […]

[…]

(83) Sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumaturi bħala telespettaturi jiġu protetti bis-sħiħ u kif għandu jkun, huwa essenzjali li r-reklamar fuq it-televizjoni jkun soġġett għal ċertu numru ta’ regoli u standards minimi u li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu regoli aktar dettal jati jew aktar stretti u f’ċerti ċirkostanzi li jistabbilixxu kondizzjonijiet differenti għal xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

[…]

(87) Għandu jiġi stabbilit limitu ta’ 20 % ta’ spots ta’ reklamar u spots ta’ teleshopping fuq it-televiżjoni għal kull siegħa bl-arloġġ kif ukoll matul l-aqwa ħin. Il-kunċett ta’ spots ta’ reklamar fuq it-televiżjoni għandha tiftiehem bħala reklamar televiżiv fis-sens tal-punt (i) tal-Artikolu 1(1) ta’ dewmien ta’ mhux aktar minn 12-il minuta.

[…]

(96) Huwa meħtieġa li jiġi ċċarat li attivitajiet li jippromwovu lilhom infushom huma forma partikolari ta’ reklamar li fiha x-xandar jippromwovi l-prodotti tiegħu stess, servizzi, programmi jew kanali. B’mod partikolari, trejlers li jikkonsistu f’estratti minn programmi għandhom jiġu meqjusa bħala programmi.

(97) Il-ħin ta’ trasmissjoni ta kuljum allokat għal avviżi magħmula mix-xandar inkonnessjoni mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari mnissla direttament minn dawn, jew għal avviżi ta’ servizz pubbliku u appelli għall-karità mxandra mingħajr ħlas, m’għandux jiġi inkluż fl-ammonti massimi ta’ ħin ta’ trasmissjoni ta’ kulljum jew ta kull siegħa li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar jew għat-teleshopping.”

4.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, jinkludi definizzjonijiet u l-paragrafu 1 tiegħu jaqra kif ġej:

“1. Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) ‘servizz tal-media awdjoviżiva’ tfisser:

(i) servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi sabiex jagħti informazzjoni, intratteniment jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali […];

(ii) komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva;

(b) ‘programm’ tfisser sett ta’ immaġini jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxi element individwali fi skeda jew katalogu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-forma u l-kontenut tiegħu huma komparabbli mal-forma u l-kontenut tax-xandir televiżiv. Eżempji ta’ programmi jinkludu films prinċipali, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali, dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali;

(c) ‘responsabbiltà editorjali’ tfisser l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand. Ir-responsabbiltà editorjali ma timplikax neċessarjament kwalunkwe responsabbiltà legali taħt il-liġi nazzjonali għall-kontenut jew is-servizzi pprovduti;

(d) ‘fornitur ta’ servizzi tal-media’ tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat;

(e) ‘xandir televiżiv’ jew ‘xandira televiżiva’ (i.e. servizz tal-media awdjoviżiva lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiv ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda ta’ programmi;

(f) ‘xandar’ tfisser fornitur ta’ servizz tal-media ta’ xandiriet bit-televiżjoni;

[…]

(h) ‘komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva’ tfisser immaġini bil-ħoss jew mingħajru li huma mfasslin biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbieha ta’ entità fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika. Tali xbihat jakkumpanjaw jew huma inklużi fi programm bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili jew għal finijiet ta’ promozzjoni tagħhom infushom. Forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva jinkludu, inter alia, reklamar televiżiv, sponsorizzazzjoni, teleshopping u tqegħid ta’ prodotti;

(i) ‘reklamar televiżiv’ tfisser kwalunkwe forma ta’ avviż imxandar kemm jekk bi ħlas kemm jekk b’remunerazzjoni simili jew imxandar għal finijiet ta’ promozzjoni tiegħu nnifsu minn impriża pubblika jew privata jew persuna fiżika in konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi, inklużi proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas;

[…]”

5.        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, jipprovdi:

“(1) L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma’ regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva sakemm tali regoli jkunu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.”

6.        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, jipprovdi:

“(1) Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ teleshopping televiżiv f’siegħa speċifika tal-arloġġ m’għandux jeċċedi 20 %.

(2) Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u ma’ prodotti anċillari li joħorġu direttament minn dawk il-programmi, avviżi ta’ sponsorizzazzjoni u tqegħid ta’ prodotti.”

2.      IdDirettiva 2018/1808

7.        Id-Direttiva 2018/1808 emendat ċerti elementi tad-Direttiva 2010/13. Il-premessi 1, 3, u 43 ta’ din id-direttiva huma fformulati kif ġej:

“(1) L-aħħar emenda sostantiva għad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, sussegwentement ikkodifikata mid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, saret fl‑2007 bl-adozzjoni tad-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Minn dakinhar ’l hawn, is-suq tas-servizzi tal-media awdjoviżiva evolva b’mod sinifikanti u mgħaġġel minħabba l-konverġenza kontinwa bejn is-servizzi tat-televiżjoni u tal-internet. […]

[…]

(3) Id-Direttiva 2010/13/UE jenħtieġ li tibqa’ applikabbli biss għal dawk is-servizzi li l-fini ewlieni tagħhom huwa l-forniment ta’ programmi sabiex jipprovdu informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni. Jenħtieġ li r-rekwiżit tal-fini ewlieni jitqies ukoll li ġie ssodisfat jekk is-servizz ikollu kontenut u forma awdjoviżivi li huma separabbli mill-attività ewlenija tal-fornitur tas-servizzi, bħal partijiet indipendenti ta’ gazzetti online li juru programmi awdjoviżivi jew videos iġġenerati mill-utenti fejn dawk il-partijiet jistgħu jitqiesu separabbli mill-attività ewlenija tagħhom. Jenħtieġ li servizz jitqies li huwa sempliċiment komplement inseparabbli mill-attività ewlenija minħabba r-rabtiet bejn l-offerta awdjoviżiva u l-attività ewlenija, bħal aħbarijiet mogħtija f’forma miktuba. […]

[…]

(43) Il-ħin ta’ trażmissjoni allokat għal avviżi magħmula mix-xandar b’rabta mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari derivati direttament minn dawk il-programmi,, jew għal avviżi ta’ servizz pubbliku u appelli għall-karità mxandra mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż li saru mit-trażmissjoni ta’ tali appelli, jenħtieġ li ma jiġix inkluż fl-ammonti massimi ta’ ħin ta’ trażmissjoni li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar televiżiv jew għat-telebejgħ. Barra minn hekk, bosta xandara huma parti minn gruppi akbar ta’ xandara u jagħmlu avviżi mhux biss b’konnessjoni mal-programmi tagħhom stess u prodotti anċillari derivati direttament minn dawk il-programmi, iżda wkoll b’rabta ma’ programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp ta’ xandara. Il-ħin ta’ trażmissjoni allokat għal tali avviżi jenħtieġ ukoll li ma jiġix inkluż fl-ammonti massimi ta’ ħin ta’ trażmissjoni li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar televiżiv jew għat-telebejgħ.”

8.        Il-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13, kif emendat bid-Direttiva 2018/1808, jaqra kif ġej:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin

[…]

(b) ‘programm’ tfisser sett ta’ immaġnijiet li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxu element individwali, irrispettivament mit-tul tiegħu, fi skeda jew katalgu stabbilit minn fornitur tas-servizzi talmedia, inkluż films prinċipali, videos qosra, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali (sitcoms), dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali”;

9.        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13 ġie ssostitwit bid-Direttiva 2018/1808 kif ġej:

“(1) Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ telebejgħ fil-perijodu bejn is‑06.00 u s‑18.00 ma għandux jaqbeż 20 % ta’ dak il-perijodu. Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ telebejgħ fil-perijodu bejn is‑18.00 u 24.00 ma għandux jaqbeż 20 % ta’ dak il-perijodu.

(2) Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:

a) l-avviżi magħmula mix-xandar b’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari meħuda direttament minn dawk il-programmi jew ma’ programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp tax-xandir;

(b) l-avviżi ta’ sponsorizzazzjoni;

(c) l-inklużjoni ta’ prodotti kummerċjali;

(d) il-frames newtrali bejn il-kontenut editorjali u r-reklamar televiżiv jew l-ispots ta’ telebejgħ, u bejn l-ispots individwali.”

B.      Iddritt Taljan

10.      Id-decreto legislativo del 31 luglio 2005, n. 177 — Testo unico dei servizi di media audiovisivi e radiofonici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, tal‑31 ta’ Lulju 2005, li Jistabbilixxi Test Uniku dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u tar-Radju) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 177”) jipprovdi, fl-Artikolu 38(2) tiegħu, li x-xandir ta’ spots ta’ reklamar televiżiv magħmul minn-xandara oħra li joffru servizz ta’ televiżjoni mingħajr ħlas, inklużi dawk analoġiċi, fuq livell nazzjonali, minbarra l-konċessjonarju tas-servizz pubbliku ġenerali ta’ xandir, ma jistax jeċċedi l‑15 % tal-ħin ta’ trażmissjoni ta’ kuljum u 18 % għal kull siegħa bl-arloġġ; kwalunkwe qabża possibbli, li fi kwalunkwe każ ma tistax taqbeż it‑2 % fis-siegħa, għandha tiġi paċuta fis-siegħa preċedenti jew sussegwenti.

11.      L-Artikolu 38(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005 jipprevedi li l-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu ma japplikax għall-avviżi mogħtija mix-xandar, inklużi dawk analoġiċi, f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u għall-prodotti anċillari meħuda direttament minn dawk il-programmi, għall-avviżi ta’ sponsorizzazzjoni u għat-tqegħid ta’ prodotti.

12.      L-Artikolu 52 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005 jirregola s-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 38 tiegħu.

III. Ilfatti u ddomandi preliminari

13.      Reti Televisive Italiane s.p.a. (iktar ’il quddiem: ir-“RTI”) hija l-proprjetarja tal-istazzjonijiet televiżivi “Canale 5”, “Italia 1” u “Rete 4”. Hija għandha wkoll 80 % tal-azzjonijiet f’Monradio Srl, li topera l-istazzjon tar-radju “R101”; l‑20 % li jifdal huma miżmuma minn kumpannija oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta’ stazzjonijiet.

14.      Bit-tliet deċiżjonijiet tad‑19 ta’ Diċembru 2017, innotifikati fit‑8 ta’ Jannar 2018, l-Autorità per le garanzie nelle comunicazioni, l-awtorità superviżorja awdjoviżiva Taljana, issanzjonat lil RTI, fir-rigward ta’ kull wieħed mill-istazzjonijiet “Canale 5”, “Italia 1” u “Rete 4”, għal ksur tat-termini massimi ta’ reklamar awtorizzati mid-dritt nazzjonali abbażi tal-Artikolu 38(2) u tal-Artikolu 52 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005. F’dan ir-rigward, hija inkludiet reklami mxandra fil-programmi ta’ “Canale 5”, ta’ “Italia 1” u ta’ “Rete 4”, li l-kontenut tagħhom kien irreklama s-stazzjon tar-radju “R101”.

15.      Ir-RTI ppreżentat tliet rikorsi distinti, iżda fuq il-mertu identiċi, kontra t-tliet deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja, iktar ’il quddiem it-“TAR”). Fil-fatt, skont ir-RTI, l-avviżi tat-tliet stazzjonijiet televiżivi tagħha kienu jikkonċernaw biss il-preżentazzjoni ta’ programmi ta’ “R101” u għalhekk kellhom jiġu kklassifikati bħala avviżi f’konnessjoni mal-programmi tagħha stess, li, skont l-Artikolu 38(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, ma setgħux jiġu inklużi fil-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar kif previst.

16.      Min-naħa l-oħra, it-TAR ikkunsidrat li avviżi għall-programmi ta’ xandar bir-radju ma setgħux jikkostitwixxu avviżi dwar il-“programmi tiegħu stess” ta’ xandar televiżiv, anki jekk ix-xandar bir-radju jappartjeni għall-istess grupp ta’ impriżi bħax-xandar televiżiv. Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikorsi tar-RTI.

17.      Għaldaqstant, ir-RTI appellat quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

18.      Skont ir-RTI, fl-ewwel lok, il-fatt li “R101” jappartjeni lil kumpannija differenti minnha huwa irrilevanti, peress li t-tnejn kienu jappartjenu lill-istess grupp ta’ kumpanniji. L-element determinanti għall-applikabbiltà tal-eċċezzjoni tal-promozzjoni tagħhom infushom għall-kalkoli tal-perijodi massimi ta’ reklamar huwa l-unità ekonomika tal-grupp tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u mhux in-numru kbir ta’ persuni ġuridiċi.

19.      Sussegwentement, hija mifruxa ħafna l-prattika tal-promozzjoni tagħhom infushom bħala “promozzjoni sovrapposta” bejn is-servizzi tat-televiżjoni, tar-radju u tal-internet. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-premessa 43 tad-Direttiva 2018/1808 u mill-emenda magħmula minn din id-direttiva fir-rigward tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva 2010/13. Fil-fatt, anki jekk din l-emenda għadha ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, din hija, madankollu, rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt preċedenti applikabbli.

20.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari tal‑25 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑21 ta’ April 2021:

(a) Għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-limitazzjoni tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, fid-dawl tal-importanza mogħtija, b’mod ġenerali, fid-dritt [tal-Unjoni Ewropea] lill-kunċett ta’ grupp jew entità ekonomika waħda, li jirriżulta minn diversi sorsi tad-dritt tal-kompetizzjoni (b’mod partikolari mill-premessa 43 tad-Direttiva 2018/1808/UE (1) u mill-formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13/[UE] (2) applikabbli fil-kawża prinċipali), bla ħsara għad-differenza li teżisti fid-dritt nazzjonali Taljan bejn l-awtorizzazzjonijiet previsti mix-xandara televiżivi u għax-xandara radjufoniċi, skont l-Artikolu 5(1)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/[2005], tista’ titqies konformi mad-dritt tal-Unjoni interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-qasam tar-radju u t-televiżjoni li tiddeduċi mill-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmi Digriet Nru 177/[2005], kif emendat mit-test fis-seħħ mit‑30 ta’ Marzu 2010 (li jittrasponi d-Direttiva 2007/65/KE (3)), li l-proċess ta’ konverġenza bejn il-forom ta’ kommunikazzjoni differenti (il-komunikazzjoni elettronika, il-pubblikazzjoni, anki elettronika, u l-internet fl-applikazzjonijiet kollha tagħha) japplika a fortiori bejn il-fornituri tal-media televiżivi u radjufoniċi, fuq kollox jekk ikunu diġà integrati fi gruppi ta’ impriżi marbutin bejniethom, u li [dan il-proċess] jimponi ruħu b’mod ġenerali, bil-konsegwenzi li jirriżultaw minnu, fil-qasam tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 38(6), tad-digriet leġiżlattiv iċċitat iktar ’il fuq, b’tali mod li x-xandar jista’ jkun grupp, ikkunsidrat bħala entità ekonomika waħda, jew, għall-kuntrarju, fid-dawl tal-prinċipji tal-Unjoni ċċitati iktar ’il fuq, minħabba l-awtonomija tal-projbizzjoni li jinqabżu l-limitazzjoni tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar fir-rigward tad-dritt ġenerali tal-kompetizzjoni, huwiex impossibbli li tingħata xi relevanza – qabel l‑2018 – lil gruppi u lil proċessi ta’ konverġenza msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll lil attivitajiet inkroċjati bejn il-media, billi jiġi kkunsidrat biss, għall-finijiet ta’ kalkolu tal-limitazzjoni tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, ix-xandar meħud waħdu, anki jekk ikun parti minn grupp (dan l-aspett huwa msemmi biss fil-verżjoni kkonsolidata tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13/UE, sussegwentement għall-adozzjoni tad-Direttiva 2018/1808/UE)?

(b) Fid-dawl tal-prinċipji tal-Unjoni ċċitati iktar ’il fuq fil-qasam ta’ gruppi ta’ impriżi bħala unità ekonomika waħda, għall-finijiet tal-projbizzjoni li jinqabżu l-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar u tas-suċċessjoni ċċitata iktar ’il fuq mill-formulazzjoni tal-Artikolu 23 imsemmi iktar ’il fuq, bla ħsara għad-differenza msemmija bejn l-awtorizzazzjonijiet, huwa possibbli li jiġi dedott b’mod partikolari mil-leġiżlazzjoni antikompetittiva tas-[sistema integrata ta’ komunikazzjonijiet] prevista fl-Artikolu 43 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/[2005] ir-rilevanza tal-kunċett ta’ grupp “fornitur ta’ servizzi ta’ media” (jew, skont kliem l-appellant, ta’ “grupp editorjali”) bil-għan li jiġu esklużi l-messaġġi promozzjonali inkroċjati bejn il-media fi ħdan l-istess grupp ta’ limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, fis-sens tal-Artikolu 38(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/[2005] jew, għall-kuntrarju, tali relevanza għandhiex tkun eskluża qabel l‑2018, minħabba l-awtonomija tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-qasam televiżiv fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar?

(c) Il-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva 2010/13/UE jirrikonoxxix l-prinċipju li diġà jeżisti fid-dritt tal-kompetizzjoni tar-relevanza ġenerali tal-gruppi, jew hija novità? B’hekk, fl-ewwel każ, hija realtà ġuridika diġà inerenti fid-dritt tal-Unjoni – b’tali mod li tkopri, b’hekk, f’dan il-każ, preċedentement għall-formulazzjoni ġdida, u li tikkundizzjona l-interpretazzjonijiet tal-[awtorità nazzjonali regolatorja] billi timponilha fi kwalunkwe każ ir-rikonoxximent tal-kunċett ta’ grupp ‘fornitur ta’ servizzi ta’ media’ – jew, fit-tieni każ, din in-novità tipprekludix r-rikonoxximent tar-relevanza tal-gruppi ta’ kumpanniji fil-kawżi mibdija qabel id-dħul tagħha, peress li hija tkun inapplikabbli ratione temporis għall-kawżi preċedenti minħabba l-portata innovattiva?

(d) Fi kwalunkwe każ u lil hinn mis-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet previsti mill-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005 u tal-formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 23 imdaħħla fl‑2018, u b’hekk fil-każ fejn din id-dispożizzjoni ġdida ma tikkostitwixxix rikonoxximent ta’ dak li diġà jeżisti, iżda tkun innovattiva, kif mistoqsi fid-domanda (c), ir-relazzjonijiet integrati bejn it-televiżjoni u r-radju, ikkunsidrati b’mod ġenerali fid-dritt tal-kompetizzjoni, fid-dawl tan-natura ġenerali u transversali tal-kunċetti ta’ entità ekonomika u ta’ grupp, huma kruċjali sabiex jiġu interpretati l-limiti tal-ispazju ta’ reklamar, li huma fi kwalunkwe każ irregolati impliċitament fir-rigward tal-grupp ta’ impriżi (jew, b’mod iktar preċiż ta’ relazzjonijiet ta’ kontroll bejn l-impriżi tal-grupp) u tal-unità funzjonali ta’ dawn l-impriżi, b’tali mod li l-promozzjoni ta’ programmi bejn televiżjoni u radju tal-istess grupp (4) jew bil-maqlub jekk l-imsemmija relazzjonijiet ta’ integrazzjoni huma irrilevanti fil-kuntest tal-limiti tal-ispazju ta’ reklamar u b’hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-programmi “tiegħu stess” imsemmija fl-Artikolu 23 (test oriġinali) huma tali li peress li jappartjenu għall-istess xandar li jippromwovihom, u mhux għal grupp ta’ kumpanniji fl-assjem tiegħu, billi din il-leġiżlazzjoni hija dispożizzjoni awtonoma li ma tippermetti l-ebda interpretazzjoni sistematika li testendiha lill-gruppi li huma kkunsidrati entità ekonomika waħda?

(e) Fl-aħħar nett l-Artikolu 23, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, anki kieku ma kellux jiġi interpretat bħala dispożizzjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, għandu fi kwalunkwe każ jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni inċentivanti, li tiddeskrivi l-partikolarità tal-promozzjoni, li hija esklużivament informattiva u li ma hijiex intiża sabiex tikkonvinċi li xi ħadd sabiex jixtri xi prodotti u servizzi barra l-programmi promossi, u b’hekk, għandha titqies bħala eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ spazju ta’ reklamar, u b’hekk applikabbli, fil-parametri tal-impriżi li jappartjenu għall-istess grupp, fil-każijiet kollha ta’ promozzjoni inkroċjata u integrata tal-media, jew għandhiex titqies bħala dispożizzjoni ta’ natura derogatorja u eċċezzjonali fil-kuntest tal-kalkolu tal-limiti tal-ispazju ta’ reklamar u bħala tali għandha tiġi interpretata strettament?

21.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-RTI, Elemedia et (partijiet fil-kawża prinċipali), mill-Italja, mill-Polonja u mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Polonja, dawn il-partijiet kienu rrappreżentati wkoll waqt is-seduta li nżammet fl-14 ta’ Settembru 2022.

IV.    Analiżi

22.      Permezz tal-ħames domandi preliminari tagħha, li għandhom jingħataw risposta konġunta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-reklamar magħmul minn xandar televiżiv għal stazzjon tar-radju li jappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, li tipprovdi li “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” ma għandhomx jiġu kkalkolati fuq il-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar previsti fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni.

23.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi, minn naħa, għall-kunċett ta’ “impriża” bħala unità ekonomika, kif ġie kkaratterizzat fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (5), u għall-emenda tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13 bid-Direttiva 2018/1808.

24.      Fil-fatt, kuntrarjament għall-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, li jeżenta biss “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” mill-kalkolu tal-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar imsemmija fil-paragrafu 1, l-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva 2010/13, kif emendata bid-Direttiva 2018/1808, jipprevedi li “l-avviżi magħmula mix-xandar b’konnessjoni […] ma’ programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp tax-xandir” jistgħu wkoll jibbenefikaw minn din id-deroga. Ċertament, l-emendi introdotti fid-Direttiva 2010/13 bid-Direttiva 2018/1808 għadhom ma humiex applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, id-Direttiva 2018/1808, l-iktar waħda reċenti, daħlet fis-seħħ biss reċentement, fit‑18 ta’ Diċembru 2018. Issa, id-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati fid‑19 ta’ Diċembru 2017, u ġew innotifikati fit‑8 ta’ Jannar 2018. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-emenda tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13 bid-Direttiva 2018/1808 tesprimix prinċipju ġenerali tad-dritt li jista’ wkoll jinfluwenza l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti.

25.      Min-naħa l-oħra, permezz tad-domanda (e) tagħha, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni preliminari dwar jekk “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” humiex tassew ikkunsidrati bħala reklamar kopert mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, dwar il-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar.

26.      Għalhekk ser nindirizza, l-ewwel, il-kunċett ta’ reklamar għall-promozzjoni tagħhom infushom tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, u ser nesponi li l-“avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess”, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tagħha, jikkostitwixxu tali reklamar (A). Sussegwentement, ser nispjega li għandha tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda dwar jekk avviżi dwar programmi ta’ servizzi tal-media bir-radju jistgħux jikkostitwixxu “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess”, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk avviżi għal programmi ta’ xandar li jappartjeni għall-istess grupp jistgħux jiġu kklassifikati bħala “programmi tiegħu stess”. Fil-fatt, avviż dwar programmi ta’ servizzi tal-media bir-radju ma jistax, bħala regola ġenerali, ikun avviż għal “programm” jew għal “servizz tal-media awdjoviżiva” fis-sens tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, (B). Għalhekk huwa biss sussidjarjament li ser nindirizza finalment il-kwistjoni tat-tifsira tal-kunċett ta’ grupp ta’ stazzjonijiet fil-kuntest tal-kawża prinċipali (C).

A.      Fuq ilkunċett ta’ “promozzjoni tagħhom infushom” fissens tadDirettiva 2010/13, filverżjoni preċedenti.

27.      Permezz tad-domanda (e) tiegħu, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, għandux jinftiehem bħala “dispożizzjoni inċentivanti, li tiddeskrivi l-partikolarità tal-promozzjoni, li hija esklużivament informattiva u li ma hijiex intiża sabiex tikkonvinċi li xi ħadd sabiex jixtri xi prodotti u servizzi barra l-programmi promossi, u b’hekk, għandha titqies bħala eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ spazju ta’ reklamar”.

28.      Madankollu, mill-Artikolu 1(1)(h) u (i) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, jirriżulta li din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-avviżi mxandra minn programmi televiżivi għandhom jiġu kklassifikati bħala reklamar televiżiv. Għalhekk, ma humiex esklużi mill-kalkolu tal-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar ħlief fil-każ ta’ avviżi mxandra minn xandar televiżiv f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess.

29.      L-Artikolu 1(1)(h) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, jiddefinixxi l-“komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva” bħala “immaġini bil-ħoss jew mingħajru li huma mfasslin biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbieha ta’ entità fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika. Tali xbihat jakkumpanjaw jew huma inklużi fi programm bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili jew għal finijiet ta’ promozzjoni tagħhom infushom. Forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva jinkludu, inter alia, reklamar televiżiv […].”

30.      L-Artikolu 1(1)(i) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, jiddefinixxi r-“reklamar televiżiv” bħala “kwalunkwe forma ta’ avviż imxandar kemm jekk bi ħlas kemm jekk b’remunerazzjoni simili jew imxandar għal finijiet ta’ promozzjoni tiegħu nnifsu minn impriża pubblika jew privata jew persuna fiżika in konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi, inklużi proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas”.

31.      It-trażmissjoni ta’ programmi televiżivi, inklużi dawk trażmessi bil-kejbil, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (6). Dan huwa dak li d-Direttiva 89/552/KEE, id-Direttiva “tat-Televiżjoni mingħajr Fruntieri” (7), li ppreċediet id-Direttiva 2010/13, kienet tispjega espressament fis-sitt premessa tagħha. Il-premessi 21 u 35 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, isemmu wkoll is-“servizzi” li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva, jiġifieri, taħt din id-direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(1)(a)(i), “servizz tal-media awdjoviżiva” huwa servizz fis-sens tal-Artikoli 56 u 57 TFUE li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-provvista ta’ programmi sabiex jingħataw informazzjoni, intratteniment jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali.

32.      L-avviżi mxandra fuq programmi ta’ xandar televiżiv huma għalhekk intiżi sabiex jippromwovu l-provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(1)(h) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, u għalhekk għandhom jiġu kklassifikati bħala “komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Bl-istess mod, tali avviżi jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “reklamar televiżiv” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(i) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, sa fejn dawn jikkostitwixxu forma ta’ avviż televiżiv bħala promozzjoni tax-xandar tas-servizz pubbliku jew xandar privat stess, fil-kuntest ta’ negozju, bl-għan li jippromwovu l-provvista ta’ servizzi bi ħlas.

33.      Minn dan isegwi li huwa żbaljat li wieħed ikun irid jagħmel, bħar-RTI, distinzjoni preżunta bejn, minn naħa, avviżi newtrali ta’ natura purament informattiva u, min-naħa l-oħra, il-promozzjoni ta’ prodott jew ta’ servizz. Anki jekk l-avviżi ta’ programmi ta’ xandar televiżiv huma ta’ natura informattiva, dawn huma intiżi, madankollu, sabiex it-telespettaturi jaraw dawn il-programmi u, għaldaqstant, għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas. Barra minn hekk, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, tkun inutli jekk l-“avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” bl-ebda mod ma jaqgħu taħt il-kunċett ta’ reklamar televiżiv u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(1).

34.      Il-fatt li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, jitkellem dwar “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” (8) u mhux dwar “reklamar magħmul mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess”, lanqas ma huwa ta’ natura li jikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ tali avviżi bħala reklamar tal-programmi tiegħu stess u, għaldaqstant, ta’ reklamar televiżiv. Għall-kuntrarju, l-espressjoni “avviżi dwar programmi tiegħu stess” hija sempliċement sinonima għal “reklamar għall-programmi tiegħu stess”. Dan jikkonfermah il-fatt, li l-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, tuża l-kliem “messages diffusés par l’organisme de radiodiffusion télévisuelle en ce qui concerne ses propres programmes”. Fil-fatt, fil-verżjoni Franċiża tad-Direttiva, il-kelma “messages” terġa’ tinsab flimkien ma’ “publicitaires” (“messages publicitaires”) fil-premessa 85, filwaqt li verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw termini bħal “reklamar” jew “spots ta reklami” (9).

35.      Għalhekk, il-premessa 96 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, tispjega wkoll li “attivitajiet li jippromwovu lilhom infushom huma forma partikolari ta’ reklamar li fiha x-xandar jippromwovi l-prodotti tiegħu stess, servizzi, programmi jew kanali”. Fir-rigward tad-Direttiva 89/552, il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ippreċiżat li l-inċentivi sabiex jiġu segwiti programmi oħra ta’ xandar jikkostitwixxu reklamar (10).

36.      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-RTI, lanqas ma jista’ jiġi dedott mit-tieni sentenza tal-premessa 96 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, li tgħid li “b’mod partikolari, trejlers li jikkonsistu f’estratti minn programmi għandhom jiġu meqjusa bħala programmi”, li l-avviżi dwar id-disinn tal-programmi futuri ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ reklamar. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ trejlers iservi għar-reklamar ta’ servizzi (jiġifieri l-programmi li l-estratti tagħhom huma t-trejlers) (Artikolu 1(1)(h) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti). Din hija wkoll dikjarazzjoni mxandra bl-għan li tiffavorixxi l-provvista ta’ dawn is-servizzi (Artikolu 1(1)(i)). Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, kif sostniet ir-Repubblika Taljana waqt is-seduta, li x-xandir ta’ trejlers jikkostitwixxi reklamar għall-programmi korrispondenti. Konsegwentement, it-trejlers huma wkoll koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 23(2), biss jekk dawn ikunu trejlers tal-programmi tax-xandar televiżiv stess li jxandarhom.

37.      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-RTI, il-fatt li l-istazzjon televiżiv huwa stazzjon televiżiv mingħajr ħlas jew stazzjon privat bi ħlas ma jaffettwax il-kriterju tan-natura oneruża tas-servizzi. Fil-fatt, ix-xandara mingħajr ħlas huma ġeneralment iffinanzjati mir-reklamar. Il-promozzjoni tagħhom infushom hija intiża għal udjenzi televiżivi ikbar, li jikkostitwixxu bażi essenzjali tal-prezz tal-ispazju tar-reklamar. Għalhekk, il-ħruġ ta’ reklamar għal programmi mingħajr ħlas jikkostitwixxi wkoll dikjarazzjoni bl-għan li tiġi promossa indirettament il-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar bi ħlas.

38.      Ċertament, skont il-ġurisprudenza, ix-xandara tas-servizz pubbliku, li huma ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet awdjoviżivi ffissati u miġbura mill-Istat jew minn sussidji tal-Istat, ma jikkostitwixxux provvisti ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tad-dritt tal-VAT (11).

39.      Madankollu, dan ma jfissirx li l-avviżi ta’ programmi ta’ tali servizz tax-xandir, tal-inqas meta dawn tal-aħħar ixandru wkoll reklamar bi ħlas (12), ma jikkostitwixxux “komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva” jew “reklamar televiżiv” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(h) u (i) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti. Il-punt (i) jirreferi espressament ukoll għax-xandara tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, il-premessa 21 tiddikjara li l-kunċett ta’ “servizzi tal-media awdjoviżiva” għandu jkopri s-servizzi skont it-tifsira tat-TFUE, jiġifieri t-tipi kollha ta’ attivitajiet ekonomiċi, inklużi l-impriżi rregolati mid-dritt pubbliku.

40.      Dan huwa loġiku. Ċertament, jista’ jiġi ġġustifikat li t-tfassil konkret tad-dispożizzjonijiet dwar l-ispazju tar-reklamar jista’ jiġi organizzat b’mod differenti minħabba d-differenza fil-finanzjament ta’ xandara differenti, peress li dawn jinsabu, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjonijiet differenti (13). Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi eskluża, bħala prinċipju u a priori, kategorija speċifika ta’ xandara televiżivi mir-regoli dwar ir-reklamar televiżiv. Fil-fatt, l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi bħala telespettaturi kontra reklamar eċċessiv, li huwa l-bażi tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (14), għandu japplika għax-xandara televiżivi kollha li jxandru r-reklamar lil terzi.

41.      Kollox jikkonferma li l-avviżi mxandra minn xandar televiżiv huma reklami televiżivi. Dawn huma eżentati mill-kalkolu tal-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar previsti fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, biss jekk dawn ikunu “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni.

42.      L-esklużjoni mill-kalkolu tar-reklamar mil-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar għall-promozzjoni tagħhom infushom huwa privileġġ li l-leġiżlatur jagħti lix-xandara televiżivi. Minn naħa, jidher iġġustifikat mill-importanza partikolari tagħha għall-interess ġenerali, enfasizzata b’mod partikolari fil-premessa 5 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, (garanzija ta’ libertà ta’ informazzjoni, diversità ta’ opinjoni u pluraliżmu tal-media). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li x-xandara televiżivi ma għandhomx eċċessivament jisfruttaw il-privileġġ tal-promozzjoni tagħhom infushom (mingħajr ħlas), peress li dan jista’ jippreġudika l-attrazzjoni tal-programmi tagħhom għat-telespettaturi (u għalhekk, indirettament, għad-dħul tagħhom minn servizzi ta’ reklamar bi ħlas).

43.      Permezz tal-aħħar parti tad-domanda (e), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, għandux jiġi interpretat bħala deroga ta’ regolament, u għalhekk, b’mod strett. F’dan ir-rigward, ir-RTI ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ARD, ir-restrizzjonijiet għal-libertà fundamentali tax-xandir ta’ programmi televiżivi għandhom jiġu interpretati b’mod strett (15). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tippreċiża li tali limitazzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett peress li ma hijiex ifformulata b’mod ċar u inekwivokabbli.

44.      Issa, il-proporzjon inkwistjoni f’din il-kawża min-naħa tal-ħin ta’ xandir ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u ta’ spots ta’ teleshopping mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, huwa fformulat b’mod ċar u inekwivokabbli. Dan jesprimi l-prinċipju li, fil-qasam tar-reklamar televiżiv, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija ristretta. Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-regola bażika ma hijiex ix-xandir liberu u llimitat, iżda l-limitazzjoni ratione temporis tagħha fl-interess tal-konsumaturi li huma t-telespettaturi, enfasizzata fil-premessa 83 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti. B’mod partikolari, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa fid-dawl ta’ dan l-għan li għandha tiġi evalwata b’mod partikolari l-portata tal-kunċett ta’ “reklamar televiżiv” (16). Bl-istess mod, l-Artikolu 23(2), li jipprovdi li “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” ma jaqgħux taħt il-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, huwa fformulat b’mod ċar u inekwivokabbli.

45.      F’dak li jirrigwarda interpretazzjoni tad-Direttiva fid-dawl tal-libertajiet fundamentali, lanqas ma hemm elementi evidenti li abbażi tagħhom ir-restrizzjoni tar-reklamar fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, għandha tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli dwar il-ħin ta’ trażmissjoni tar-reklamar televiżiv stabbiliti mid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva huma intiżi li jiżguraw protezzjoni bbilanċjata tal-interessi finanzjarji tax-xandara televiżivi u ta’ dawk li jirreklamaw, minn naħa, u tal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet, jiġifieri tal-awturi u tal-kreaturi, u tal-konsumaturi li huma t-telespettaturi, min-naħa l-oħra. B’dan il-mod, huma jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tar-reklamar televiżiv (17).

46.      Minn dan isegwi li la l-limitazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ reklamar permezz tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, ma għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni partikolarment restrittiva, u lanqas l-eċċezzjoni relatata mal-avviżi f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess, previsti fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, ma għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni partikolarment wiesgħa. Għall-kuntrarju, iż-żewġ paragrafi għandhom jiġu interpretati konformement mal-formulazzjoni tagħhom kif ukoll mal-istruttura ġenerali u mal-għan tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti (18).

B.      Fuq ilkunċett ta’ “programm” fissens tadDirettiva 2010/13, filverżjoni preċedenti.

47.      Permezz tad-domandi (a) sa (d) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk avviżi għall-programmi ta’ xandar televiżiv fuq programmi ta’ xandar bir-radju tal-istess grupp tal-media jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti.

48.      Li dan ma huwiex il-każ fil-prinċipju, diġà jirriżulta minn din id-definizzjoni, moqrija flimkien mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “programm” li tinsab fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, kif ukoll mill-kunċett ta’ “xandir televiżiv” fil-punt (e) ta’ din l-istess dispożizzjoni.

49.      Minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li “programm” huwa “sett ta’ immaġni jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru”, u li “xandir televiżiv” huwa “servizz tal-media awdjoviżiv ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda ta’ programmi”. F’dan ir-rigward, avviżi għall-programmi ta’ xandar televiżiv fuq programmi ta’ xandar bir-radju, li jinkludu biss ħoss u mhux immaġni, ma jistgħux jikkostitwixxu “avviżi […] f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti.

50.      Dan huwa konsistenti, peress li s-servizzi tax-xandir bir-radju bl-ebda mod ma huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva. B’hekk, fil-Green Paper tagħha “Televiżjoni mingħajr fruntieri” tal‑1984, il-Kummissjoni kienet oriġinarjament inkludiet ukoll ix-xandir bir-radju (19). Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva 89/552, id-Direttiva “Televiżjoni mingħajr Fruntieri”, kienet tipprevedi dan ukoll (20). Iżda r-radju finalment ġie eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/552, b’mod partikolari wara l-insistenza tal-Länder Ġermaniżi li kienu qed jibżgħu għas-setgħat regolatorji tagħhom f’dan il-qasam (21). Dan baqa’ wkoll il-każ bl-adozzjoni tad-Direttiva 2010/13: Kif jirriżulta mill-premessa 23 tagħha, it-terminu “awdjoviżiv” jirreferi għall-istampi animati, bil-ħoss jew le, u għalhekk jirreferi għall-films muti, iżda mhux għax-xandir bil-ħoss jew għas-servizzi tax-xandir bir-radju. Kif osservat Elemedia waqt is-seduta f’din il-kawża, dan jibqa’ japplika wara l-emenda ta’ din id-direttiva bid-Direttiva 2018/1808 (ara l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13, kif emendata bid-Direttiva 2018/1808).

51.      Kif indikat ukoll Elemedia, is-servizzi tax-xandir bir-radju, minn naħa, u s-servizzi tal-media awdjoviżiva, min-naħa l-oħra, għadhom jikkostitwixxu swieq distinti, minkejja s-sovrappożizzjoni u l-konverġenza tas-servizzi awdjoviżivi. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jkompli jeskludi s-servizzi tax-xandir bir-radju mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13, kif emendata bid-Direttiva 2018/1808, minkejja din il-konverġenza, imsemmija mill-Kummissjoni stess fl‑2013 fil-Green Paper (22) u li tissemma fil-premessa 1 tad-Direttiva 2018/1808.

52.      L-interpretazzjoni sostnuta mir-RTI, li tgħid li r-reklamar magħmul minn xandar televiżiv fuq programmi ta’ xandar bir-radju jista’ wkoll jiġi eskluż mill-kalkolu tal-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar għall-promozzjoni tiegħu nnifsu, jista’ jikkostitwixxi, għalhekk, estensjoni illegali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13. Tali estensjoni tista’ twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tas-servizzi tal-media bir-radju li ma jiffurmawx parti minn gruppi max-xandara televiżivi u, għaldaqstant, jinħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni f’suq li, skont ir-rieda tal-leġiżlatur, ma huwiex kopert mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva.

53.      Huwa għalhekk, li l-kwistjoni dwar jekk l-avviżi fuq programmi ta’ xandar bir-radju jaqgħux taħt l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, lanqas ma tikkonċerna l-marġni ta’ manuvra li l-Artikolu 4(1), kif spjegat mill-premessi 41 u 83 jħalli lill-Istati Membri. Konsegwentement, huma jistgħu jipprevedu regoli kemm iktar stretti kif ukoll iktar iddettaljati taħt il-limitu stabbilit fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti (23). Issa, f’dan il-każ, il-kwistjoni hija dwar liema programmi jaqgħu taħt limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju u, għaldaqstant, li jiġi ddeterminat il-kuntest ġuridiku tad-dritt tal-Unjoni li fih l-Istati Membri għandhom biss marġni ta’ diskrezzjoni regolamentari.

54.      Avviżi għall-programmi ta’ xandar televiżiv fuq programmi ta’ xandar bir-radju li jinkludu biss ħoss u mhux immaġni ma jistgħux, għalhekk, jiġu kkunsidrati bħala avviżi għal “programmi” fis-sens tal-Artikolu 23(2), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti.

55.      Ċertament, l-istazzjonijiet tar-radju llum għandhom ukoll siti tal-internet li fuqhom huma disponibbli l-programmi tagħhom, spiss akkumpanjati bi stampi. Madankollu, meta dawn l-elementi awdjoviżivi jkunu biss inċidentali u jservu biss sabiex jissupplimentaw l-attività prinċipali tax-xandar bir-radju, dawn l-elementi ma jistgħux jittrasformaw il-programmi bir-radju f’“servizzi tal-media awdjoviżiva” li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti.

56.      Għalhekk, f’kawża dwar videos li jistgħu jiġu kkonsultati fis-sit tal-pubblikazzjoni elettronika ta’ gazzetta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali videos jistgħu ċertament jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “programm”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, sa fejn il-forma u l-kontenut tagħhom ikunu paragunabbli ma’ dawk tal-programmi televiżivi. Dan jista’, jekk ikun il-każ, japplika meta programmi bir-radju jkunu sostnuti bi stampi.

57.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-videos inkwistjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizz tal-media awdjoviżiva” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(a)(i) (u għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva) biss jekk is-servizz tad-disponibbiltà tagħhom jikkostitwixxi għan prinċipali proprju li jista’ jiġi sseparat mill-attività nnifisha tal-fornitur, u mhux biss parti integrali minn din l-attività (ara wkoll il-premessa 22). Dan ma huwiex il-każ meta l-kontenut awdjoviżiv ma huwiex l-għan prinċipali, bħalma huwa l-każ għas-siti internet li fihom elementi awdjoviżivi biss b’mod komplementari (24).

58.      Għalhekk, minkejja l-elementi awdjoviżivi inklużi fih, is-sit internet ta’ stazzjon tar-radju ma għandux jitqies bħala servizz tal-medja awdjoviżiva meta dawn l-elementi jkunu biss anċillari u jservu biss sabiex jikkompletaw l-offerta bir-radju. Konsegwentement, anki l-avviżi fuq programmi ta’ xandar bir-radju jistgħu jikkostitwixxu “l-avviżi […] f’konnessjoni mal-programmi” fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, biss jekk dawn il-programmi jikkostitwixxu servizz tal-media awdjoviżiva awtonomu, separabbli mill-attività proprja tax-xandar bir-radju.

59.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-programmi ta’ “R101” li huma s-suġġett ta’ reklamar f’dan il-każ kinux jinkludu elementi awdjoviżivi u, fl-affermattiv, jekk dawn kinux jikkostitwixxu sempliċement komplement għall-programmi bir-radju kkonċernati jew servizz tal-medja awdjoviżiva proprju. Fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u t-trattazzjonijiet li seħħew waqt is-seduta, xejn ma jindika li dan huwa l-każ.

60.      Fi kwalunkwe każ, l-avviżi fuq programmi ta’ xandar bir-radju jistgħu jkunu “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, biss jekk dawn ma jkunux biss avviżi għal “programmi”, iżda wkoll avviżi għal programmi “tiegħu stess” fis-sens ta’ din id-direttiva. Huwa dan it-tieni kriterju li ser nindirizza issa.

C.      Fuq ilkunċett ta’ “programm tiegħu stess” fissens tadDirettiva 2010/13, filverżjoni preċedenti.

61.      Ir-RTI hija tal-fehma li jekk iż-żewġ stazzjonijiet jappartjenu għall-istess grupp, l-avviżi ta’ xandar televiżiv fuq il-programmi ta’ stazzjon ieħor diġà jitqiesu bħala “avviżi […] mal-programmi tiegħu stess” fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti. Dan jirriżulta mill-kunċett ta’ impriża bħala unità ekonomika kif żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dritt tal-kompetizzjoni u li issa huwa rrikonoxxut ukoll fl-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva 2010/13, kif emendata bid-Direttiva 2018/1808.

62.      Wara l-emenda tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, bid-Direttiva 2018/1808, mhux biss “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess”, iżda wkoll “l-avviżi magħmula mix-xandar b’konnessjoni […] ma’ programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp tax-xandir” huma esklużi mill-kalkolu tal-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni.

63.      Madankollu, il-premessa 43 tad-Direttiva 2018/1808 tissuġġerixxi li din hija leġiżlazzjoni ġdida, u għalhekk, bidla fis-sitwazzjoni legali preċedenti. Fil-fatt, fiha hemm indikat li “bosta xandara huma parti minn gruppi akbar ta’ xandara u jagħmlu avviżi mhux biss b’konnessjoni mal-programmi tagħhom stess […] iżda wkoll b’rabta ma’ programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp ta’ xandara”, u li “l-ħin ta’ trażmissjoni allokat għal tali avviżi […] ma jiġix inkluż fl-ammonti massimi ta’ ħin ta’ trażmissjoni li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar televiżiv jew għat-telebejgħ”.

64.      L‑Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva 2010/13, kif emendata bid-Direttiva 2018/1808, ma huwiex applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), u, għalhekk, ma jistax jitqies bħala kjarifika tas-sitwazzjoni legali li kienet teżisti qabel.

65.      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-RTI, din il-leġiżlazzjoni l-ġdida lanqas ma tista’ tinftiehem bħala l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jgħid li l-kumpanniji ta’ grupp jiffurmaw unità ekonomika li fi ħdanha r-responsabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja għandha tiġi imputata lill-kumpannija omm.

66.      Ċertament, ir-RTI tibbaża kemm fuq id-dritt tal-kompetizzjoni (25) kif ukoll fuq l-eżempju bbażat fuq id-dritt tal-kuntratti pubbliċi, li jipprovdi li l-gruppi ta’ operaturi ekonomiċi jistgħu, jekk ikun il-każ, jirrikorru għall-kapaċitajiet ta’ membri tal-grupp fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi (26). Madankollu, dawn il-kunċetti huma bbażati fuq rabtiet ġuridiċi u organizzattivi bejn l-impriżi li jiġġustifikaw imputazzjoni reċiproka tal-atti u tal-kapaċitajiet fi ħdan l-entità imprenditorjali u li huma spjegati, minħabba l-ambjent regolatorju tad-diversi oqsma tad-dritt, fid-dritt tal-kompetizzjoni u fid-dritt tal-kuntratti pubbliċi (27). Il-loġika tagħhom tista’ tapplika għas-settur tas-servizzi tal-media awdjoviżiva meta impriża jkollha tiġi evalwata mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni jew tipparteċipa fi proċedura ta’ għoti tal-kuntratt.

67.      Issa, kuntrarjament għall-kunċetti li għadni kif semmejt, id-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, hija bbażata, sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar meta programm ta’ xandar televiżiv jitqies bħala “programm tiegħu stess”, mhux fuq l-istrutturi u r-rabtiet ġuridiċi u organizzattivi tal-impriżi, iżda fuq ir-responsabbiltà editorjali tal-programmi kkonċernati. Kif tippreċiża l-premessa 25, il-kunċett ta’ responsabbiltà editorjali huwa essenzjali biex jiġi ddeterminat ir-rwol tal-fornitur tas-servizzi tal-media u, għaldaqstant, id-definizzjoni tas-servizzi tal-media awdjoviżiva. Konsegwentement, l-Artikolu 1(1)(a)(i) jipprovdi li “servizz tal-media awdjoviżiva” huwa servizz li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur tas-servizzi tal-media. Skont il-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni, “fornitur tas-servizzi tal-media” jfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat. Skont il-punt (f) ta’ din id-dispożizzjoni, “xandar” huwa fornitur ta’ servizz tal-media ta’ xandiriet bit-televiżjoni.

68.      Ir-“responsabbiltà editorjali” hija, skont l-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva  on demand. F’dan ir-rigward, ir-responsabbiltà editorjali ma timplikax neċessarjament kwalunkwe responsabbiltà legali taħt il-liġi nazzjonali għall-kontenut jew għas-servizzi pprovduti.

69.      Kuntrarjament għal dak li sostniet ir-RTI waqt is-seduta f’din il-proċedura, dan il-kunċett ta’ responsabbiltà editorjali fis-sens tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti, ma jistax jiġi assimilat mat-tip ta’ kontroll użat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn kumpannija omm u sussidjarja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li, għalkemm għandha personalità ġuridika distinta, is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tosserva l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (28).

70.      Minkejja l-eżistenza eventwali ta’ tali rabtiet bejn ir-RTI u x-xandara li tagħhom hija l-proprjetarja, jidher improbabbli, kif osservat l-Italja waqt is-seduta, li kumpannija holding bħar-RTI tiddetermina l-kontenut konkret tal-programmi u l-kompilazzjoni ddettaljata tal-programmi ta’ dawn ix-xandara. Skont Elemedia, ir-RTI hija biss holding finanzjarja li għandha ishma f’diversi xandara, li kull wieħed minnhom għandu r-responsabbiltà editorjali tal-programmi tiegħu.

71.      Ir-RTI sostniet, min-naħa l-oħra, li ma hijiex biss holding finanzjarja, iżda li hija tiddetermina, fl-aħħar mill-aħħar, id-direzzjoni editorjali tal-kumpanniji kollha tal-grupp. Skont ir-RTI, dan għandu jiġi assimilat mar-responsabbiltà editorjali fis-sens tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti. F’dan ir-rigward, hija tinvoka b’mod partikolari l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Baltic Media Alliance, li tgħid li r-responsabbiltà editorjali timplika, li fl-aħħar mill-aħħar, il-persuna hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l-offerta awdjoviżiva bħala tali (29).

72.      Għaldaqstant, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk il-kontroll eżerċitat mir-RTI, kemm fuq il-programmi ta’ “R101” (l-istazzjon tar-radju, li għalih ġie mxandar ir-reklamar) kif ukoll fuq il-programmi ta’ “Canale 5”, ta’ “Italia 1” u ta’ “Rete 4” (ix-xandara tar-reklamar ta’ “R101”) għandux jiġi eżerċitat mar-“responsabbiltà editorjali” fis-sens tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti.

73.      Fil-każ biss, li dan japplika għall-istazzjonijiet “Canale 5”, “Italia 1” u “Rete 4” kif ukoll għar-“R101”, jistgħu l-avviżi għall-programmi kkonċernati ta’ “R101” ikunu “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament 2010/13 fil-verżjoni preċedenti – dejjem sakemm dawn il-programmi jikkostitwixxu effettivament “servizzi tal-media awdjoviżiva” fis-sens tad-Direttiva (ara l-punti 61 u 62 iktar ’il fuq).

V.      Konklużjoni

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 23(2) u tal- Artikolu 1(1)(a) sa (f), kif ukoll il-punti (h) u (i) tad-Direttiva 2010/13/UE, fil-verżjoni preċedenti għall-emenda magħmula bid-Direttiva (UE) 2018/1808, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-avviżi mxandra minn xandar televiżiv f’dak li jirrigwarda programmi ta’ xandar bir-radju ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għandu jkun hemm eċċezzjoni biss jekk il-programmi rreklamati jikkostitwixxu servizzi tal-media awdjoviżiva awtonomi fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a)(i), li huma separabbli mill-għan ewlieni tal-attività tax-xandar bir-radju u li għalihom ix-xandar televiżiv għandu r-responsabbiltà editorjali fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c).


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (verżjoni kodifikata) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15).


3      Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbiddlu (ĠU 2018, L 303, p. 69).


4      Nota magħmula mit-traduttur (fil-verżjoni Ġermaniża): F’dan il-każ, is-sentenza hija manifestament inkompleta.


5      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 46 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et (C‑250/06, EU:C:2007:783, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Direttiva tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1 p. 224).


8      Ara wkoll, pereżempju, DE: “Hinweise des Fernsehveranstalters auf eigene Sendungen”, EN: “announcements made by the broadcaster in connection with its own programmes”, u IT: “annunci dell’ emittente relativi ai propri programmi”.


9      Ara, pereżempju, DE: “Werbeeinschübe”, EN: “advertising”, u IT: “pubblicità”.


10      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C‑195/06, EU:C:2007:613, punt 45).


11      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470, punti 23 sa 28, 36 u d-dispożittiv), u tas‑16 ta’ Settembru 2021, Balgarska natsionalna televizia (C‑21/20, EU:C:2021:743, punti 32 sa 34, 39 u punt 1 tad-dispożittiv).


12      Jista’ jitħalla miftuħ il-mod ta’ kif għandu jiġi evalwat il-każ speċifiku tar-reklamar għall-promozzjoni tagħhom infushom ta’ xandara regolati mis-servizz pubbliku li huma purament iffinanzjati mit-taxxi u li ma jxandru l-ebda reklamar għal partijiet terzi. Fi kwalunkwe każ, tali sitwazzjoni partikolari ma teżistix f’dan il-każ.


13      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, punti 18 sa 23).


14      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C‑195/06, EU:C:2007:613, punti 26 sa 28), u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-premessa 83 tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni preċedenti.


15      Sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 1999, ARD (C‑6/98, EU:C:1999:532, punti 29 sa 31).


16      Ara r-referenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq.


17      Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2003, RTL Television (C‑245/01, EU:C:2003:580, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑281/09, EU:C:2011:767, punti 48 u 49).


19      Ara “Televiżjoni mingħajr Fruntieri”, Green Paper dwar il-ħolqien tas-suq komuni tax-xandir, b’mod partikolari bis-satellita u bil-kejbil, COM (84) 300 final.


20      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 21 tal-proposta kif ukoll tal-proposta emendata għal direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, COM (86) 146 final u COM (88) 154 final.


21      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1995, 2 BVG 1/89, BVerfGE 92, 203 – Direttiva KE dwar Televiżjoni mingħajr Fruntieri, punti 39 u 40.


22      Ara l-Green Paper dwar it-Tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Totalment Konverġenti: Tkabbir, Ħolqien u Valuri, COM (2013) 231 final.


23      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, punti 13 u 14); ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2016, Sanoma Media Finland –Nelonen Media (C‑314/14, EU:C:2016:89, punti 33, 55, u 60).


24      Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2015, New Media Online (C‑347/14, EU:C:2015:709, punti 24, 26, 33, 34 u 37, kif ukoll id-dispożittiv). Din il-ġurisprudenza ġiet inkluża fil-premessa 3 tad-Direttiva 2018/1808.


25      Ara s-sentenza ċċitata fil-punt 5 tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 46 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 63(1) moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).


27      L‑Artikolu 83(4) sa (6), moqri flimkien mal-premessa 150 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), juri wkoll li l-kunċett ta’ impriża tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jistax jiġi awtomatikament traspost għal sitwazzjonijiet regolatorji oħra, mingħajr ma dan ikun regolat espliċitament; ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona Deutsche Wohnen (C‑807/21, EU:C:2023:360, punti 44 sa 50).


28      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Baltic Media Alliance (C‑622/17, EU:C:2019:566, punt 43).