Language of document : ECLI:EU:C:2023:576

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑13 ta’ Lulju 2023(1)

Kawża C382/21 P

LUffiċċju talProprjetà Intellettwali talUnjoni Ewropea (EUIPO)

vs

The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR

“Appell – Proprjetà Intellettwali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 41(1) – Dritt ta’ prijorità – Talba ta’ prijorità bbażata fuq applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi – Perijodu ta’ prijorità – Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali – Artikolu 4 – Interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’konformità mad-dritt internazzjonali – Effett dirett ta’ ftehimiet internazzjonali – Mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli – Kawża li tqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tirriżulta mill-appell ippreżentat mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“EUIPO”) kontra s-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, The KaiKai Company Jaeger Wichmann vs EUIPO (Apparat u tagħmir għall-ġinnastika u għall-isport) (T‑579/19, EU:T:2021:186) (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”).

2.        Permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑13 ta’ Ġunju 2019 (Każ R 573/2019‑3), li rrifjutat li tirrikonoxxi d-dritt ta’ prijorità fl-applikazzjoni ppreżentata minn The KaiKai Company Jaeger Wichmann Gbr (iktar ’il quddiem “KaiKai”) għar-reġistrazzjoni ta’ tagħmir għall-ġinnastika jew għall-isport bħala disinni Komunitarji skont ir-Regolament Nru 6/2002 (2). L-invokazzjoni ta’ prijorità ta’ KaiKai kienet ibbażata fuq applikazzjoni internazzjonali preċedenti ppreżentata skont it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi (iktar ’il quddiem il-“PCT”) (3).

3.        Formalment, dan l-appell huwa bbażat fuq aggravju wieħed biss, marbut mal-allegat ksur tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, l-argumenti invokati mill-EUIPO iqajmu kwistjonijiet importanti fir-rigward tar-relazzjoni bejn ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni u d-dritt sekondarju tal-Unjoni, flimkien mas-setgħat u l-kompiti rilevanti tal-qrati tal-Unjoni f’dan ir-rigward. Dan l-appell iqajjem ukoll il-kwistjoni tal-interpretazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali, f’dan il-każ il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”) (4).

4.        Dawn kienu r-raġunijiet għaliex dan l-appell tħalla jipproċedi taħt il-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli (iktar ’il quddiem “il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli”) introdott permezz tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (5). Dan il-każ huwa l-ewwel appell li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ammissibbli sa minn meta ġie introdott dan il-mekkaniżmu fl‑1 ta’ Mejju 2019. L-appelli kkonċernati minn dan il-mekkaniżmu jitħallew jipproċedu biss jekk iqajmu kwistjoni li tkun sinjifikattiva fir-rigward tal-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (6).

5.        Wara li nispjega fil-qosor l-isfond ta’ din il-kawża (II), sejjer nikkummenta fil-qosor dwar il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli u nispjega għaliex dan l-appell kellu jiġi ddikjarat ammissibbli (III). Sussegwentement sejjer nanalizza s-sustanza tal-argumenti invokati mill-partijiet (IV).

II.    Sfond

A.      Iddritt rilevanti

1.      IrRegolament Nru 6/2002

6.        L-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jistabbilixxi:

“Persuna li tkun infilzat applikazzjoni kif dovut għad-dritt ta’ disinn jew għal mudell ta’ utilità fi jew għal Stat parti tal-[Konvenzjoni ta’ Pariġi], jew tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jew is-suċċessuri tagħha fit-titolu, għandhom igawdu, bl-għan li jinfilzaw applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat rigward l-istess disinn, dritt tal-prijorità ta’ sitt xhur mid-data ta’ l-infilzar ta’ l-ewwel applikazzjoni.”

2.      IlKonvenzjoni ta’ Pariġi

7.        L-Artikolu 4(A)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprovdi:

“Kull persuna li tkun ippreżentat b’mod regolari applikazzjoni għal privattiva, mudell ta’ utilità, jew disinn industrijali, jew trademark, f’wieħed mill-[Istati partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi], jew l-aventi kawża tagħha, tgawdi, għall-finijiet tal-preżentata fil-pajjiżi l-oħra, minn dritt ta’ prijorità matul il-perijodi stabbiliti iktar ’il quddiem.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8.        L-Artikolu 4(C)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprovdi:

“Il-perijodi ta’ prijorità msemmija iktar ’il fuq ser ikunu ta’ tnax-il xahar għall-privattivi u l-mudelli ta’ utilità, u ta’ sitt xhur għad-disinni industrijali u għat-trade marks.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        L-Artikolu 4(E) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprovdi:

“(1)      Meta disinn industrijali jkun ġie ppreżentat f’pajjiż bis-saħħa ta’ dritt ta’ prijorità bbażat fuq il-preżentata ta’ mudell ta’ utilità, il-perijodu ta’ prijorità jkun l-istess bħal dak stabbilit għad-disinni industrijali.

(2)      Barra minn hekk, jista’ jiġi ppreżentat f’pajjiż mudell ta’ utilità bis-saħħa ta’ dritt ta’ prijorità bbażat fuq il-preżentata ta’ applikazzjoni għal privattiva u viċe versa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.      Avvenimenti li wasslu għallproċeduri quddiem ilQorti Ġenerali

10.      Fl‑24 ta’ Ottubru 2018, KaiKai ppreżentat applikazzjoni multipla għar-reġistrazzjoni ta’ tnax-il disinn Komunitarju quddiem l-EUIPO skont ir-Regolament Nru 6/2002. KaiKai talbet il-prijorità fuq il-bażi tal-applikazzjoni internazzjonali preċedenti Nru PCT/EP2017/077469, li hija ppreżentat skont il-PCT fis‑26 ta’ Ottubru 2017.

11.      Billi applika l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, l-eżaminatur tal-EUIPO aċċetta l-applikazzjoni multipla, iżda rrifjuta l-invokazzjoni ta’ prijorità peress li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni internazzjonali ta’ KaiKai eċċediet il-perijodu ta’ sitt xhur stabbilit f’din id-dispożizzjoni.

12.      KaiKai appellat minn dik id-deċiżjoni, billi qieset, essenzjalment, li l-perijodu ta’ prijorità applikabbli kien ta’ tnax-il xahar, mhux ta’ sitt xhur.

13.      B’deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2019 (R 573/2019-3), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkonstata li l-eżaminatur applika korrettament l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li skontu applikazzjoni internazzjonali skont il-PCT setgħet tiġi assimilata ma’ applikazzjoni għal mudell ta’ utilità u tista’, għal din ir-raġuni, isservi bħala bażi għal invokazzjoni ta’ prijorità għal disinn Komunitarju. Madankollu, tali prijorità kellha tiġi invokata fi żmien il-perijodu meħtieġ ta’ sitt xhur, li kien skada fil-proċedimenti mibdija minn KaiKai.

C.      Ilproċeduri quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

14.      Fl‑20 ta’ Awwissu 2019, KaiKai ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Insostenn tar-rikors tagħha, KaiKai invokat żewġ motivi, fejn l-ewwel wieħed kien jallega ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u t-tieni wieħed, ksur tar-Regolament Nru 6/2002.

15.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv ta’ KaiKai u annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, mingħajr ma tat deċiżjoni dwar l-ewwel motiv.

16.      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-EUIPO ġustament iddeċieda li applikazzjoni internazzjonali skont il-PCT tista’ tiġi invokata sabiex tintalab prijorità għal disinn Komunitarju skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Madankollu, l-EUIPO żbalja meta f’dan il-każ applika perijodu ta’ prijorità ta’ sitt xhur, minflok perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar.

17.      Dan seħħ minħabba li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-applikazzjoni internazzjonali ta’ KaiKai skont il-PCT setgħet tiġi wkoll ikkaratterizzata bħala applikazzjoni internazzjonali għal privattiva, u mhux biss għal mudell ta’ utilità. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jipprovdi xejn fir-rigward tal-perijodu ta’ prijorità li jirriżulta minn applikazzjoni għal privattiva; jipprovdi biss għat-tul tal-perijodu jekk il-prijorità tkun ibbażata fuq applikazzjoni preċedenti għal disinn jew mudell ta’ utilità. F’dan l-aħħar każ imsemmi, dak il-perijodu huwa ta’ sitt xhur. Sabiex tirrimedja din il-lakuna leġiżlattiva, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

18.      Jidher li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tippermetti li ssir invokazzjoni ta’ prijorità bejn pari differenti ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għaldaqstant, skont il-Konvenzjoni ta’ Pariġi, huwa possibbli li invokazzjoni ta’ prijorità għal disinn industrijali tkun ibbażata fuq applikazzjoni preċedenti għal privattiva. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li l-perijodu ta’ prijorità f’tali każ huwa ta’ tnax-il xahar, peress li l-Artikolu 4(C)(1) ta’ dik il-konvenzjoni jipprovdi li l-perijodu ta’ prijorità għall-privattivi huwa ta’ tnax-il xahar.

19.      Il-perijodu ta’ prijorità rilevanti għall-par li jikkonsisti fi privattiva preċedenti u disinn sussegwenti kien jiddependi, skont il-Qorti Ġenerali, fuq il-perijodu stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-privattivi. Dan kien il-każ peress li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tistabbilixxi regola ġenerali li n-natura tad-dritt preċedenti tiddetermina t-tul tal-perijodu ta’ prijorità. Skont il-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 4(E)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li jipprovdi li l-perijodu ta’ prijorità stabbilit għad-dritt sussegwenti huwa deċiżiv jekk dak id-dritt sussegwenti jkun disinn u d-dritt preċedenti jkun mudell ta’ utilità, jikkostitwixxi regola speċjali li hija eċċezzjoni għal dik ir-regola ġenerali.

20.      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-EUIPO kien wettaq żball meta ddeċieda li l-perijodu ta’ prijorità applikabbli għall-invokazzjoni tal-prijorità għall-applikazzjoni internazzjonali preċedenti għal privattiva fir-rigward ta’ applikazzjoni għal disinn Komunitarju kien ta’ sitt xhur.

D.      Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

21.      Fit‑23 ta’ Ġunju 2021, l-EUIPO ppreżenta l-appell preżenti kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors ippreżentat minn KaiKai fl-ewwel istanza. L-EUIPO jitlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil KaiKai għall-ispejjeż kollha.

22.      Fit‑23 ta’ Ġunju 2021 ukoll, l-EUIPO ressaq talba, konformement mal-Artikolu 58a tal-Istatut u l-Artikolu 170a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex l-appell jitħalla jipproċedi.

23.      B’digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann (C‑382/21 P, EU:C:2021:1050), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-appell ammissibbli.

24.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fil‑25 ta’ Frar 2022, KaiKai talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

25.      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ April 2022, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talba mressqa mill-EUIPO.

26.      L-EUIPO u KaiKai wkoll ippreżentaw replika u kontroreplika fit‑30 ta’ Mejju 2022 u fil‑11 ta’ Lulju 2022, rispettivament.

27.      Fit‑13 ta’ Marzu 2023 ġiet organizzata seduta li matulha l-EUIPO, KaiKai u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

III. Ilmekkaniżmu ta’ filtrazzjoni talappelli u lapplikazzjoni tiegħu filkawża preżenti

28.      Kif imsemmi fl-introduzzjoni, din hija l-ewwel kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat appell ammissibbli skont il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli (7). In-novità ta’ din il-proċedura twassalni sabiex nagħmel xi osservazzjonijiet dwar dan il-mekkaniżmu u l-użu tiegħu fil-kawża preżenti.

A.      Osservazzjonijiet dwar ilmekkaniżmu ta’ filtrazzjoni talappelli

29.      Il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli jifforma parti mill-kuntest tar-riformi (li għadhom għaddejjin) tal-ġudikatura tal-Unjoni. L-idea oriġinat mill-fatt li ħafna appelli jiġu ppreżentati f’kawżi li jkunu diġà ġew ikkunsidrati darbtejn, l-ewwel minn Bord tal-Appell indipendenti u t-tieni mill-Qorti Ġenerali, u li ħafna minn dawk l-appelli jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli jew bħala manifestament infondati. Għaldaqstant, ġie adottat dan il-mekkaniżmu li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċentra fuq każijiet li jeżiġu l-attenzjoni sħiħa tagħha (8).

30.      Bħalissa, il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli japplika għad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell indipendenti ta’ erba’ uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni (l-EUIPO, l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea), kif ukoll għad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell indipendenti kollha stabbiliti wara l‑1 ta’ Mejju 2019 fi ħdan kull uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni (9). Il-proposta riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk tiġi aċċettata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, sejra tapplika dan il-mekkaniżmu għal numru ta’ uffiċċji, korpi u aġenzija eżistenti oħra li għandhom Bord tal-Appell indipendenti (10).

31.      Skont il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli, il-Qorti tal-Ġustizzja tħalli appell jipproċedi, fl-intier tiegħu jew inkella parzjalment, biss “fejn iqajjem kwistjoni li tkun sinifikanti fir-rigward tal-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni” (11). It-talba għal ammissjoni ta’ appell jeħtieġ li ssir mill-appellant permezz ta’ dokument separat mehmuż mal-appell, li għandu jispjega għaliex l-appell huwa importanti għall-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (12).

32.      Ir-regoli proċedurali rilevanti ma jelaborawx dwar dak li għandu jiġi mifhum bi kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Minflok, tħalla f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dan telaborah permezz tal-ġurisprudenza tagħha (13). Barra minn hekk, il-kliem ta’ dawn ir-regoli juża “jew”, u mhux “u” (“l-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni”), li jirrendi possibbli l-eventwalità li appell jista’ jitħalla jipproċedi anki jekk tkun involuta kategorija waħda jew tnejn, iżda mhux il-kategoriji kollha.

33.      Dan il-kliem inklużiv jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa meta tiġi sabiex tiddeċiedi dwar jekk appell partikolari jqajjimx kwistjoni li hija tqis li hija importanti għall-iżvilupp ġenerali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

34.      F’dan ir-rigward, bħala riflessjoni kumparattiva, jiġu f’moħħi, pereżempju, ir-regoli li jikkonċernaw il-mekkaniżmu certiorari tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, li permezz tiegħu tintalab tirrevedi deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri inkonnessjoni ma’ kwistjonijiet ta’ dritt federali. Tipikament, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tiddeċiedi li tieħu konjizzjoni ta’ kawżi bħal dawn biss meta dawn jistgħu jkunu ta’ importanza nazzjonali, jistgħu jarmonizzaw deċiżjonijiet kunfliġġenti jew inkella jkollhom valur ta’ preċedent (14).

35.      Ir-Regola 10 tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, intitolata “Kunsiderazzjonijiet li Jirregolaw ir-Reviżjoni fuq Certiorari” (15), tispjega li r-reviżjoni fuq il-bażi ta’ certiorari ma hijiex kwistjoni ta’ dritt, iżda ta’ diskrezzjoni ġudizzjarja, u tingħata biss għal raġunijiet konvinċenti. Din ir-regola telenka xi fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda li “la jikkontrollaw u lanqas ma jkejlu b’mod sħiħ id-diskrezzjoni tal-Qorti” (16).

36.      Il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli jista’, fl-opinjoni tiegħi, jinftiehem bħala tip ta’ “certiorari tal-Unjoni”. Ma jeżistix sabiex jikkoreġi kull żball tal-Qorti Ġenerali, iżda dawk biss li huma ta’ importanza kunsiderevoli. Għaldaqstant, għandu jintuża biss jekk id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha impatt fundamentali fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (17).

37.      Il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli jenfasizza l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-Qorti Suprema u Kostituzzjonali tal-Unjoni (18). Tabilħaqq, dan jinvolvi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi “tat-tip kostituzzjonali” li jkunu ta’ importanza għall-Unjoni, marbuta mal-interpretazzjoni ta’ prinċipji kostituzzjonali bażiċi tad-dritt tal-Unjoni u t-tqassim tal-kompetenzi orizzontali u vertikali.

38.      Il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli, fl-opinjoni tiegħi jsaħħaħ ukoll ir-rwol tal-Qorti Ġenerali. Fil-każijiet kollha li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix appell jipproċedi, il-Qorti Ġenerali ssir il-qorti tal-aħħar istanza għal kawżi bejn partijiet privati u l-awtoritajiet tal-Unjoni f’għadd ta’ oqsma (inkluża l-proprjetà intellettwali) u għaldaqstant l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-dritt applikabbli huwa vinkolanti fl-Unjoni kollha.

B.      Kwistjonijiet li jiġġustifikaw lammissjoni talappell preżenti

39.      Mid-digriet li jippermetti l-appell jipproċedi (19) jirriżulta li s-sentenza appellata mhux biss għandha valur possibbli ta’ preċedent għal każijiet futuri li jikkonċernaw drittijiet ta’ prijorità, iżda tqajjem ukoll mistoqsijiet importanti għad-dritt tal-Unjoni marbut mar-relazzjonijiet esterni u t-tqassim orizzontali tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan l-appell iqajjem kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza “u” għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

40.      Fl-opinjoni tiegħi, din il-kawża tqajjem żewġ tipi ta’ kwistjonijiet li jiġġustifikaw l-ammissjoni tagħha permezz tal-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli.

41.      L-ewwel sett ta’ kwistjonijiet huwa marbut mal-applikabbiltà quddiem il-qrati tal-Unjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, kwistjoni minnhom tikkonċerna r-relazzjoni bejn l-effett dirett u l-effett ta’ interpretazzjoni ta’ tali ftehimiet. Fil-kawża preżenti, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali mliet il-lakuna (li ma teżistix) fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE (ir-Regolament Nru 6/2002) billi tat effett dirett lill-Konvenzjoni ta’ Pariġi (li hija interpretat b’mod żbaljat). Skont l-interpretazzjoni tal-EUIPO, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma għandhiex effett dirett fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fl-istess ħin, l-EUIPO ma jiċħadx l-effett interpretattiv possibbli tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara meta ftehim internazzjonali għandu effett dirett u jekk jistax ikollu effett interpretattiv meta ma jkollux effett dirett.

42.      Kwistjoni oħra li tqum fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ ftehimiet internazzjonali tikkonċerna l-konfini ta’ interpretazzjoni konformi u jekk dawn humiex l-istess fil-każ ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’konformità ma’ ftehimiet internazzjonali u fil-każ ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Din il-kwistjoni ġiet introdotta mill-argument tal-EUIPO li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti contra legem. Għaldaqstant, il-kawża preżenti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar jekk is-sejba ta’ lakuna f’dispożizzjoni legali tal-Unjoni huwiex metodu ta’ interpretazzjoni konformi.

43.      It-tieni sensiela ta’ kwistjonijiet li jiġġustifikaw l-ammissjoni tal-appell hija marbuta mal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Fil-kawża preżenti, l-EUIPO isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat din il-konvenzjoni. Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma tipprovdix għal dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn ibbażata fuq applikazzjoni preċedenti għal privattiva. Lanqas ma tinkludi fiha regola ġenerali li skontha l-perijodu ta’ prijorità jiddependi fuq in-natura tad-dritt preċedenti. Dan kollu jagħti lok għall-mistoqsija dwar x’għandu jkun dak li jiggwida lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u ftehimiet internazzjonali oħra.

IV.    Analiżi

44.      L-EUIPO, li huwa appoġġat mill-Kummissjoni, iqajjem aggravju wieħed, li jallega ksur tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet argumenti. L-ewwel wieħed li l-Qorti Ġenerali interpretat ir-Regolament Nru 6/2002 contra legem. It-tieni wieħed huwa li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet effett dirett lill-Konvenzjoni ta’ Pariġi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. It-tielet wieħed huwa li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod skorrett il-Konvenzjoni ta’ Pariġi u l-PCT.

45.      L-ewwel żewġ argumenti tal-EUIPO jikkonċernaw l-applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi quddiem il-qrati tal-Unjoni, li sejjer nindirizza taħt (A). Għall-finijiet tal-argumenti tiegħi, sejjer nindirizzahom f’ordni inversa. Sussegwentement, taħt (B), sejjer nindirizza l-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

A.      Applikabbiltà talKonvenzjoni ta’ Pariġi quddiem ilqrati talUnjoni

46.      Qabel xejn, huwa neċessarju li jiġi ddikjarat li regola legali tista’ tiġi applikata f’kawża b’modi differenti (20). Tista’ tintuża sabiex issolvi b’mod dirett ċerti sitwazzjonijiet fattwali, mingħajr il-ħtieġa li jiġu applikati regoli oħrajn, jew anki billi jitwarrbu regoli oħrajn li jkunu qegħdin jostakolaw ir-regoli li għandha tiġi applikata. Fid-dritt tal-Unjoni, dan jissejjaħ effett dirett. Regola tista’ tiġi applikata wkoll b’mod indirett, jekk, pereżempju, isservi bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ regola oħra li għandha tiġi applikata. Fid-dritt tal-Unjoni, dan jissejjaħ effett indirett jew interpretattiv. Għad-diskussjoni li ġejja, huwa importanti li jkun rikonoxxut li t-tnejn li huma jwasslu għall-istess riżultat. Pereżempju, jekk tilwima tiġi riżolta b’mod dirett fuq il-bażi ta’ direttiva, ir-riżultat ikun l-istess bħallikieku l-istess tilwima tiġi riżolta fuq il-bażi ta’ regola nazzjonali li tiġi interpretata f’konformità ma’ dik id-direttiva.

47.      L-EUIPO u l-Kummissjoni jsostnu li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma għandhiex effett dirett. Ħadd minnhom ma jeskludi l-possibbiltà tal-effett interpretattiv tagħha, iżda jqisu li f’din il-kawża dan ma huwiex possibbli, peress li jkun jirrikjedi interpretazzjoni contra legem tar-Regolament Nru 6/2002. Fl-ewwel parti ta’ din l-analiżi, sejjer nipproponi li ftehim internazzjonali huwa jew applikabbli (kemm direttament kif ukoll indirettament) jew inkella ma huwiex applikabbli (direttament jew indirettament) quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħi, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi hija applikabbli, u proprju minħabba dan, fit-tieni parti tal-analiżi, sejjer nanalizza l-kwistjoni mqajma mill-EUIPO li tikkonċerna l-limiti ta’ interpretazzjoni konformi.

1.      Effett dirett u effett interpretattiv talKonvenzjoni ta’ Pariġi

48.      L-EUIPO, appoġġat mill-Kummissjoni, jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ssostitwixxiet l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 bid-dispożizzjonijiet (interpretati b’mod żbaljat) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Dan jammonta għal rikonoxximent tal-effett dirett tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. In-nuqqas ta’ effett dirett tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jirriżulta wkoll mill-Artikolu 25 ta’ din tal-aħħar, u, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet għal effett dirett (inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża) ma humiex issodisfatti.

49.      KaiKai ma tiddiskutix l-effett dirett possibbli tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iżda ssostni li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet biss l-effett interpretattiv tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi meta rrimedjat il-lakuna fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni.

50.      X’effett jista’ jkollu ftehim internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, quddiem il-qrati tal-Unjoni?

51.      Qabel xejn, il-kwistjoni dwar kif ftehim internazzjonali jista’ jiġi applikat fl-Unjoni teżisti biss jekk dak il-ftehim ikun jifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Ftehim internazzjonali huwa, bħala prinċipju, parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jekk l-Unjoni tkun parti fih (21). Ġaladarba jkun parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ftehim internazzjonali jkun jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri (22), u jipprevali fuq id-dritt sekondarju tal-Unjoni (23).

52.      L-Unjoni ma hijiex parti fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet fiha, iżda dan il-fatt fih innifsu ma jfissirx li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tifforma wkoll parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u torbot lill-istituzzjonijiet tagħha.

53.      Madankollu, l-Unjoni hija parti fil-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”) (24), li huwa wieħed mill-ftehimiet tal-WTO”). Il-Ftehim TRIPs fih innifsu ma jirregolax drittijiet ta’ prijorità. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 2(1) tiegħu jipprovdi:

“Fir-rigward tal-Partijiet II, III u IV ta’ dan il-ftehim, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 1 sa 12, u l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

54.      Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li l-Unjoni għandha tirrikonoxxi drittijiet ta’ prijorità bl-istess mod li bih il-Konvenzjoni ta’ Pariġi tirrikonoxxi tali drittijiet (25). Għaldaqstant, l-Unjoni saret marbuta mill-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li huwa rilevanti għall-kawża preżenti, permezz tal-obbligi tagħha skont il-Ftehim TRIPs (26).

55.      Dan kollu xorta ma jirrispondix id-domanda dwar jekk parti, bħal KaiKai, tistax tinvoka b’suċċess quddiem il-qrati tal-Unjoni l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi direttament jew għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt applikabbli tal-Unjoni.

56.      Il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni tad-dritt għandhiex effett dirett ma tiddependix biss fuq iċ-ċarezza tagħha, iżda wkoll fuq il-kuntest li tifforma parti minnu dik id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, f’sensiela ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dispożizzjoni ta’ direttiva, anki jekk suffiċjentement preċiża u inkundizzjonata, ma jistax ikollha effett dirett sabiex issolvi tilwima bejn individwi (27).

57.      Bl-istess mod, l-effett dirett ta’ ftehim internazzjonali jiddependi mhux biss fuq iċ-ċarezza tad-dispożizzjonijiet intiżi li jikkonferixxu drittijiet lil individwi, iżda wkoll fuq in-natura tal-ftehim inkwistjoni (28).

58.      Bħala prinċipju, it-Trattati ma jipprekludux li l-ftehimiet internazzjonali jiġu rrikonoxxuti bħala li għandhom effett dirett. Il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, irrikonoxxiet l-effett dirett ta’ numru ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, kemm meta dawn kellhom il-funzjoni li jippreparaw Stat għall-adeżjoni futura mal-Unjoni (29) kif ukoll meta dan ma kellhomx din il-funzjoni (30). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll l-effett dirett ta’ ftehimiet bilaterali oħrajn, bħall-Ftehim Open Skies mal-Istati Uniti (31), u ta’ xi dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet multilaterali, bħall-konvenzjonijiet Yaoundé u Lomé (32) u l-Protokoll dwar il-Protezzjoni dwar il-ħarsien tal-baħar Mediterran mit-tinġis ta’ oriġini terrestri (33).

59.      B’kuntrast ma’ dan, in-natura tal-ftehimiet tal-WTO, u mhux il-kliem mhux ċar tagħhom, kienet ir-raġuni ewlenija għall-ġurisprudenza li, bħala prinċipju, eskludiet l-effett dirett tagħhom (34).

60.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tas-sistema tal-WTO, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet ukoll, bħala prinċipju, l-effett dirett tal-Ftehim TRIPs (35).

61.      Peress li ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi saru parti mid-dritt tal-Unjoni u jorbtu lill-Unjoni permezz tal-Ftehim TRIPs, jista’ jiġi konkluż li tali dispożizzjonijiet, bħala prinċipju, lanqas ma għandhom jiġu rikonoxxuti bħala li għandhom effett dirett.

62.      In-natura tal-Ftehimiet tal-WTO, li kellha f’moħħha l-Qorti tal-Ġustizzja meta ċaħdet b’mod prinċipali l-effett dirett tagħhom, kienet marbuta mal-flessibbiltà u r-reċiproċità tal-obbligi li l-Unjoni assumiet fir-rigward ta’ partijiet kontraenti oħrajn. Is-sistema tal-WTO hija flessibbli fis-sens li d-dispożizzjonijiet tagħha jistgħu jiġu evitati, u tippermetti soluzzjonijiet innegozjati differenti sabiex tiġi solvuta tilwima pendenti (36). Dik il-flessibbiltà tippermetti lill-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni, bħalma tippermetti wkoll lill-partijiet kontraenti l-oħrajn fil-Ftehimiet tal-WTO, li jagħżlu soluzzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ma tikkonstatax li huma konformi mar-rekwiżiti tal-WTO. Sabiex tippermetti tali marġni politika ta’ manuvra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma għandhiex teżamina mill-ġdid il-validità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkonnessjoni mad-dritt tal-WTO. Minflok esprimiet dik l-għażla bħala tip ta’ awtolimitazzjoni intenzjonata intiża sabiex jiġi osservat it-tqassim tal-poteri fi ħdan il-WTO, il-Qorti tal-Ġustizzja użat il-kunċett legali ta’ effett dirett. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, ir-raġuni għar-rifjut li tirrikonoxxi bħala prinċipju, l-effett dirett tad-dritt tal-WTO ma kienx sabiex iċċaħħad lill-individwi mill-possibbiltà li jinvokaw ftehimiet internazzjonali quddiem il-qorti, iżda minflok kellha l-għan li tippermetti marġni ta’ manuvra politika lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (37).

63.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja eżerċitat is-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkonnessjoni mad-dritt tal-WTO meta kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li juża l-flessibbiltà politika tiegħu mħollija mis-sistema tal-WTO. F’sitwazzjoni bħal din, l-istħarriġ ġudizzjarju ma jippreġudikax id-diskrezzjoni politika neċessarja fil-livell tal-WTO (38).

64.      Konsegwentement, jistgħu jiġu individwati żewġ sitwazzjonijiet differenti li fuqhom tista’ tiddependi l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-WTO. L-ewwel sitwazzjoni, irrappreżentata minn kawżi bħal Nakajima (39), hija fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni ġiet adottata bil-ħsieb li jiġi implimentat impenn ibbażat fuq il-WTO. Il-kliem “bil-ħsieb li jiġi implimentat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma jirreferixxix biss għal sitwazzjoni li fiha obbligu tal-WTO jirrikjedi implimentazzjoni ulterjuri, iżda tkopri wkoll sitwazzjonijiet li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun iddeċieda li jallinja l-leġiżlazzjoni tiegħu (eżistenti jew ġdida) mal-impenji tagħha tal-WTO. It-tieni sitwazzjoni, irrappreżentata minn kawżi bħal Rusal Armenal (40), hija meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huwa possibbli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jkun li ried jadotta soluzzjoni speċifika tal-Unjoni, minkejja l-obbligi tal-WTO. Dan ma jfissirx li s-soluzzjoni tal-Unjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-WTO, iżda biss li ġiet adottata mingħajr ma sar tentattiv sabiex tallinja ruħha mal-obbligi tal-WTO.

65.      Iż-żewġ sitwazzjonijiet huma reċiprokament esklużivi. Fi kliem ieħor, kif diġà ddikjarat (41), jew tapplika s-sentenza Nakajima jew inkella s-sentenza Rusal Armenal.

66.      Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ssostni li ma jistax jiġi konkluż mill-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirrendi l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi standard tal-Unjoni għall-perijodi ta’ prijorità li jistgħu jiġu invokati fir-rigward tal-applikazzjoni għal disinni Komunitarji (42). Għall-kuntrarju, l-Unjoni adottat is-soluzzjoni proprja tagħha: meta tressaq applikazzjoni għal disinn Komunitarju, persuna tista’ tinvoka dritt ta’; prijorità bbażat fuq applikazzjoni preċedenti għal disinn jew mudell ta’ utilità matul il-perijodu ta’ sitt xhur. Għaldaqstant, kif isostni l-EUIPO, il-leġiżlatur tal-Unjoni intenzjonalment eskluda kull tip ieħor ta’ applikazzjoni preċedenti, inkluża applikazzjoni għal privattiva. Fl-opinjoni tiegħu, dik is-soluzzjoni hija konformi mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iżda anki kieku ma kinitx, dan ma kienx ikun rilevanti, peress li tesprimi r-rieda ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tmur kontriha jekk tapplika soluzzjoni differenti. Fi kliem ieħor, ninsabu f’tip ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża Rusal Armenal, u mhux f’tip ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża Nakajima. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi rrikonoxxut l-effett dirett tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

67.      Jiena ma naqbilx. L-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat bħala espressjoni li tirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jallinjah mal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa prattikament identiku għal dak tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (43). Dan jissuġġerixxi l-intenzjoni leġiżlattiva li r-Regolament Nru 6/2002 jiġi allinjat ma’ dan il-ftehim internazzjonali (44). Fit-tieni lok, l-inklużjoni ta’ mudell ta’ utilità, flimkien ma’ disinn, tidher li tesprimi l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti effett lill-Artikolu 4(E)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Dan jidher li jirriżulta wkoll mix-xogħolijiet preparatorji li wasslu għar-Regolament Nru 6/2002, li fihom il-Kummissjoni emendat il-proposta oriġinali tagħha bil-ħsieb li tadattaha mal-Artikolu 4(E)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi (45).

68.      B’kont meħud ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, in-natura tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi introdotta fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Ftehim TRIPs ma tipprekludix l-effett dirett tagħha. Bl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jallinja d-dritt tad-disinn tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fir-rigward tal-eżistenza u t-tul tad-drittijiet ta’ prijorità. Għaldaqstant din il-kawża hija paragunabbli mas-sitwazzjoni fil-kawża Nakajima, iktar minn mas-sitwazzjoni fil-kawża Rusal Armenal.

69.      Ma naqbilx ukoll mal-argumenti mressqa mill-EUIPO u mill-Kummissjoni li l-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprekludi l-effett dirett tagħha. Din id-dispożizzjoni, intitolata “Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-Livell Nazzjonali”, tiddikjara: “Kull pajjiż li huwa parti f’din il-konvenzjoni jobbliga ruħu li jadotta, skont il-kostituzzjoni tiegħu, il-miżuri neċessarji sabiex jiżgura l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.” Kif nifhimha jiena, din id-dispożizzjoni sempliċement tirrikjedi lill-partijiet kontraenti jwettqu dak li huwa neċessarju skont il-kostituzzjonijiet tagħhom. Għall-dawk il-pajjiżi li l-għażla kostituzzjonali tagħhom tar-relazzjoni tal-ordinamenti ġuridiċi tagħhom mad-dritt internazzjonali hija prinċiparjament dualistika, dan jista’ jkun jinvolvi t-trasformazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fid-dritt nazzjonali sabiex tingħata effett. Madankollu, kif diġà spjegajt, it-Trattati ma jeskludux, bħala prinċipju, l-effett dirett ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni. Filwaqt li xi dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jistgħu jkunu jeħtieġu għażliet addizzjonali mil-leġiżlatur tal-Unjoni, dawk id-dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati mingħajr għażliet addizzjonali jista’ jkollhom effett dirett. Għaldaqstant, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jipprevalixxi ruħu min-natura flessibbli tal-Ftehim TRIPs, iżda għażel li jalllinja l-leġiżlazzjoni tagħha dwar id-drittijiet ta’ prijorità mas-soluzzjonijiet offruti mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi, l-effett dirett ta’ dawk ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jiddependi minn jekk jissodisfawx il-kriterji tas-soltu li jkunu suffiċjentement preċiżi u inkundizzjonati. Sejjer nindirizza l-interpretazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fil-punti 94 sa 140 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

70.      F’dan il-punt, huwa neċessarju li tiġi indirizzata kwistjoni oħra. KaiKai ssostni li, billi rrimedjat din il-lakuna leġiżlattiva, il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx effett dirett, iżda effett interpretattiv, lill-Konvenzjoni ta’ Pariġi. F’dan ir-rigward, jiena naqbel ma’ KaiKai. Għaldaqstant, l-argument ta’ EUIPO li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li rrikonoxxiet effett dirett lill-Konvenzjoni ta’ Pariġi (interpretata b’mod żbaljat) għandu jiġi miċħud mhux għaliex din il-konvenzjoni ma għandhiex effett dirett fil-kawża preżenti, iżda peress li l-Qorti Ġenerali ma applikathiex direttament, iżda minflok użatha għal għanijiet interpretattivi.

71.      Minkejja li l-EUIPO jiċħad il-possibbiltà tal-effett dirett tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, huwa ma jopponix l-effett interpretattiv possibbli tagħha. Dan jagħti lok għall-mistoqsija li ġejja.

72.      Jekk, tabilħaqq, kif isostnu l-EUIPO u l-Kummissjoni, ninsabu f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża Rusal Armenal u l-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta bħala li għandha effett dirett sabiex tiġi ssalvagwardjata l-marġni ta’ manuvra politika mħollija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont il-Ftehim TRIPs, inkluża l-possibbiltà ta’ devjazzjoni mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fir-regolazzjoni tad-disinni Komunitarji, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel l-għalmu tagħha sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi?

73.      Kif irrimarkajt qabel (ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta b’suċċess il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’konformità ma’ ftehim internazzjonali, ir-riżultat ikun l-istess bħallikieku kellu jingħata effett dirett lil dan il-ftehim. Ġaladarba l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tirrikonoxxi effett dirett bil-għan li tissalvagwardja l-marġni ta’ manuvra politika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jitbiegħdu minn obbligu internazzjonali, l-istess raġunijiet jimmilitaw ukoll favur li tiġi evitata interpretazzjoni konformi.

74.      Meta impost fuq qrati nazzjonali, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jikkostitwixxi obbligu estensiv li jitwettaq dak kollu possibbli sabiex jinkiseb ir-riżultat rikjest mid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali (46). Dan jirrikjedi interpretazzjoni konformi mhux biss tal-liġi nazzjonali adottata għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (normalment direttiva), iżda wkoll ta’ kull liġi nazzjonali, inklużi r-regoli preeżistenti (47).

75.      Dan ifisser li, jekk jiġi ttrasferit għar-relazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ftehimiet internazzjonali, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jkun japplika għal-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk tkunx ġiet adottata speċifikament għall-implimentazzjoni ta’ impenn internazzjonali. Fi kliem ieħor, il-qrati tal-Unjoni jkunu obbligati jinterpretaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’konformità ma’ ftehim internazzjonali mhux biss f’tip ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża Nakajima, iżda wkoll f’tip ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża Armenal. Jekk tali obbligu sabiex jagħmlu dak kollu possibbli sabiex il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tingħata l-istess tifsira bħal dik rikjesta skont ftehim internazzjonali jiġi impost fuq il-qrati tal-Unjoni minkejja l-esklużjoni bħala prinċipju tal-effett dirett, dan ikun imur kontra l-għan ta’ din l-esklużjoni.

76.      F’każ li tiġi applikata għall-kawża preżenti, jekk ir-raġuni għall-esklużjoni tal-effett dirett tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi hija sabiex il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jista’ jeskludi applikazzjoni preċedenti għal privattiva bħala bażi sabiex jintalbu drittijiet ta’ prijorità għal disinn Komunitarju sussegwenti, allura l-insistenza li l-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tinterpreta r-Regolament Nru 6/2002 sabiex tilħaq tali riżultat ma tagħmilx wisq sens.

77.      Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-evalwazzjoni tiegħi li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi jista’ jkollha effett dirett fil-kawża preżenti peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jallinja r-Regolament Nru 6/2002 ma’ din il-konvenzjoni, iżda adotta soluzzjoni speċifika tal-Unjoni (li tista’ tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u tista’ ma tkunx), allura l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sempliċement billi pprovat tagħti interpretazzjoni konformi. Fl-opinjoni tiegħi, kemm l-effett dirett kif ukoll l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi huma esklużi f’tip ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża Rusal Armenal. It-tiftix għal lakuna fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi rrimedjata minn soluzzjoni konformi tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għandu, f’tali każ, ikun eskluż. Kif sejjer nuri fit-taqsima li ġejja, interpretazzjoni konformi tikkostitwixxi metodu ta’ interpretazzjoni speċifiku li timponi l-kreattività sabiex jinkiseb riżultat rikjest minn regola ta’ mmirar (hawnhekk l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi). Għaldaqstant, għandha tintuża biss f’tip ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża Nakajima.

78.      Dan iwassalni għall-argument li jmiss imqajjem mill-EUIPO, li skontu l-Qorti Ġenerali eċċediet il-konfini ta’ interpretazzjoni konformi.

2.      Illimiti għaddmir ta’ interpretazzjoni konformi

79.      L-EUIPO jargumenta li l-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 contra legem. Hija daħħlet il-kliem “privattiva” u “tnax-il xahar” fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-kliem inekwivoku tagħha jippermetti biss disinni u mudelli ta’ utilità u perijodu ta’ prijorità ta’ sitt xhur.

80.      KaiKai ma taqbilx li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 huwa eżawrjenti. Fl-opinjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament li kien hemm lakuna li kellha tiġi rrimedjata u li din id-dispożizzjoni ma tinkludi fiha l-ebda regola speċifika marbuta mat-tul tal-perijodu ta’ prijorità bbażat fuq applikazzjoni għal privattiva. Għalhekk, KaiKai enfasizzat waqt is-seduta li ma hemm l-ebda interpretazzjoni contra legem fil-kawża preżenti; sa fejn l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, bil-kliem tiegħu, ma jeskludix tipi oħrajn ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali milli jintużaw bħala bażi għad-dritt ta’ prijorità.

81.      Fi kwistjonijiet intern, sa mis-sentenza Pupino (48), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat limitu ta’ contra legem għall-obbligu ta’ qrati nazzjonali li jsibu soluzzjonijiet konformi mad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma spjegatx it-tifsira ta’ dan il-limitu. Madankollu, l-EUIPO jidher li jifhmu fis-sens li l-qrati ma jistgħux jmorru kontra kliem ċar u mhux ambigwu (49)

82.      Fid-dawl ta’ dan, l-EUIPO jargumenta li l-leġiżlatur tal-Unjoni rregola b’mod ċar u eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom jista’ jintalab dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn Komunitarju; meta applikazzjonijiet għal privattiva ma jaqgħux taħt dawn is-sitwazzjonijiet (50). Ma hemm l-ebda lakuna leġiżlattiva f’din id-dispożizzjoni. Meta kkonstatat tali lakuna leġiżlattiva, il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 contra legem.

83.      Il-kwistjoni dwar jekk is-sejbien ta’ tali lakuna huwiex jew le contra legem, fl-opinjoni tiegħi, jiddependi fuq il-kuntest interpretattiv li fih topera qorti. Kieku l-Konvenzjoni ta’ Pariġi li torbot lill-Unjoni permezz tal-Ftehim TRIPs ma kinitx teżisti jew kienet irrilevanti (51), ma kien ikun hemm l-ebda raġuni sabiex il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lakuna leġiżlattiva. Madankollu, is-sejbien ta’ lakuna leġiżlattiva jista’ jikkostitwixxi soluzzjoni fil-kuntest ta’ interpretazzjoni f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Interpretazzjoni konformi hija interpretazzjoni li għandha l-għan mhux biss li tagħżel tifsira ta’ dispożizzjoni, iżda wkoll li ssib soluzzjoni speċifika li tikkorrispondi għar-rekwiżiti ta’ mmirar.

84.      Fuq il-bażi tal-kliem tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002, l-EUIPO jargumenta li applikazzjonijiet għal privattiva huma b’mod ċar u mhux ambigwu esklużi bħala bażi valida għal dritt ta’ prijorità skont din id-dispożizzjoni. Dan huwa verament minnu? Fil-fatt, kif issostni KaiKai, ma teżisti l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament Nru 6/2002 li teskludi espressament applikazzjoni għal privattiva. Bħalma s-sbuħija taraha biss il-persuna li tkun qiegħda tħares, il-livell ta’ ambigwità jarah biss il-persuna li tinterpreta.

85.      Effettivament, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jinkludi fih espressament żewġ tipi biss ta’ applikazzjonijiet preċedenti: (i) applikazzjonijiet għal disinn u (ii) applikazzjoni għal mudell ta’ utilità. Jekk jinqara’ b’mod iżolat, ma jkun hemm ebda raġuni sabiex wieħed jaħseb li l-leġiżlatur tal-Unjoni “nesa’” jirregola applikazzjonijiet preċedenti għal privattiva.

86.      Madankollu, jekk ir-Regolament Nru 6/2002 jitpoġġa fil-kuntest tal-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Pariġi kif aċċettati permezz tal-Ftehim TRIPs, u din il-konvenzjoni tinftiehem bħala li tirrikjedi l-possibbiltà tal-użu ta’ dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni għal disinn fuq il-bażi ta’ applikazzjoni preċedenti għal privattiva, l-interpretazzjoni tinbidel. L-assenza ta’ kull riferiment għal privattivi f’dan il-kuntest tidher li hija ommissjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni konformi, qorti hija rikjesta li tikkoreġi n-nuqqasijiet possibbli tal-leġiżlatur. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tkun prekluża milli ssib lakuna leġiżlattiva bbażata fuq ir-rekwiżit allegat tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li għandu jkun hemm provvediment għall-par li jikkonsisti fi privattiva preċedenti u disinn sussegwenti. Fl-opinjoni tiegħi, is-sejbien ta’ lakuni hija teknika aċċettabbli fil-kuntest ta’ interpretazzjoni konformi.

87.      Dan jidher li huwa minnu tal-inqas fir-rigward tal-kwistjonijiet interni tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Kif diġà spjegajt (ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi fir-rigward ta’ tali kwistjonijiet interni kif impost fuq il-qrati nazzjonali huwa estensiv. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx faċilment il-pożizzjonijiet tal-qrati nazzjonali li interpretazzjoni differenti tad-dritt nazzjonali tkun contra legem. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikjediet li l-qrati nazzjonali jkunu iktar kreattivi milli fil-prattika nazzjonali sabiex jiksbu r-riżultat fil-mira (52) u anki li jiddevjaw mill-ġurisprudenza stabbilita fl-interpretazzjoni tar-regola nazzjonali inkwistjoni (53). Il-kreattività tinkludi s-sejbien ta’ lakuni (54).

88.      Għandhom il-qrati tal-Unjoni, madankollu, jadottaw l-istess livell ta’ kreattività meta jkunu meħtieġa jinterpretaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’konformità mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni?

89.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi fi kwistjonijiet interni kif ġej. Il-qrati nazzjonali, bħala parti mill-Istati Membri, huma marbuta bl-obbligu tal-lealtà illum espress fl-Artikolu 4(3) TUE u li jsir riferiment għalih bħala l-prinċipju tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali (55). Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali huma obbligati jiksbu r-riżultat rikjest mid-dritt tal-Unjoni fi ħdan l-ambitu tal-poteri tagħhom, li huwa li jinterpretaw il-liġi. Barra minn hekk, minħabba l-istess obbligu ta’ lealtà, Stat Membru fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu għandu jkun preżunt li ma għandux l-intenzjoni li jikser id-dritt tal-Unjoni. Minn dan jista’ jiġi dedott li, dment li ma jkunx iddikjarat mod ieħor b’mod espress, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha, qabel u wara d-dritt tal-Unjoni, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni (56). Għall-qrati nazzjonali, dan ifisser li ma jkunux qegħdin jiksru r-rieda tal-leġiżlatur jekk jinterpretaw id-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

90.      Anki jekk, skont l-Artikolu 216(2) TFUE jew il-prinċipju internazzjonali pacta sunt servanda, l-Unjoni hija marbuta bl-obbligi internazzjonali tagħha, dan ma humiex ibbażat fuq l-istess obbligu ta’ lealtà ta’ natura kostituzzjonali (57) li jeżisti għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) TUE. Il-preżunzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jikser l-impenji internazzjonali tal-Unjoni ma tistax tkun soda daqs l-istess preżunzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet interni.

91.      Dan jista’ jiġġustifika l-perspettiva li l-obbligu ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’konformità ma’ ftehimiet internazzjonali huwa inqas estensiv. F’dan ir-rigward, is-sejbien ta’ lakuni bħala metodu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt tal-Unjoni ma’ ftehimiet internazzjonali jista’ jkun iktar faċilment ikkaratterizzat bħala interpretazzjoni contra legem fl-assenza ta’ prova ċara tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkonforma ruħu mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, il-limitu contra legem tal-interpretazzjoni konformi huwa fih innifsu suġġett għal interpretazzjoni f’kull każ partikolari.

92.      Ġaladarba l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel kliem kważi identiku għal dak tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi meta rregola d-drittijiet ta’ prijorità inkonnessjoni mal-applikazzjonijiet għal disinn Komunitarji, u minkejja li mkien fir-Regolament Nru 6/2022 ma ddikjara espressament l-intenzjoni tiegħu li jikkonforma ruħu mar-regoli ta’ prijorità ta’ din il-konvenzjoni jien tal-opinjoni, kif diġà spjegajt (ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li dan il-każ jista’ jiġi kkaratterizzat bħala tip ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża  Nakajima. Għal din ir-raġuni, is-sejbien ta’ lakuna fir-Regolament Nru 6/2002 ikun iġġustifikat u mhux interpretazzjoni contra legem, kieku l-Konvenzjoni ta’ Pariġi effettivament kienet tirrikjedi b’mod ċar perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta pprovat tinterpreta r-Regolament Nru 6/2002 f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

93.      Madankollu fl-opinjoni tiegħi din il-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma tinkludix fiha tali regola li titlob perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar, u wisq inqas tali regola ċara, u li l-Qorti Ġenerali għaldaqstant interpretat b’mod żbaljat din il-konvenzjoni. Dan iwassalni għall-parti finali tal-konklużjonijiet tiegħi.

B.      Interpretazzjoni talKonvenzjoni ta’ Pariġi

94.      Hemm żewġ kwistjonijiet prinċipali ta’ interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li fuqhom il-partijiet ma jaqblux.

95.      Fl-ewwel lok, l-EUIPO, appoġġat mill-Kummissjoni, jargumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tippermetti applikazzjoni preċedenti għal privattiva bħala bażi għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn. KaiKai ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat din il-konvenzjoni b’mod korrett.

96.      Fit-tieni lok, l-EUIPO jargumenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tistabbilixxi regola ġenerali li skontha d-dritt preċedenti jiddetermina t-tul tal-perijodu ta’ prijorità u li l-Artikolu 4(E)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi huwa eċċezzjoni għal din ir-regola. Għaldaqstant, l-EUIPO jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li KaiKai setgħet tibbenefika minn perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar. KaiKai tiddefendi l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

97.      Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tippermetti invokazzjoni ta’ prijorità bbażata fuq il-par li jikkonsisti f’applikazzjoni preċedenti għal privattiva u applikazzjoni sussegwenti għal disinn. Madankollu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrikonoxxiet perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar meta l-invokazzjoni ta’ prijorità għal disinn Komunitarju tkun ibbażata fuq applikazzjoni preċedenti għal privattiva.

98.      Qabel ma nispjega r-raġunijiet tiegħi għal tali interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, sejjer niddiskuti fil-qosor il-metodi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tuża meta tinterpreta ftehim internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

1.      Metodi ta’ interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali

99.      Id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt tal-WTO minkejja l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim tiegħu, ma huwiex munit b’istituzzjoni ġudizzjarja mogħtija s-setgħa tinterpreta dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet internazzjonali bil-poter ta’ awtorità finali li torbot lill-atturi l-oħrajn kollha. Għaldaqstant, b’kuntrast mas-sistema legali tal-Unjoni, is-sistema internazzjonali ma għandhiex mekkaniżmu li jiggarantixxi interpretazzjoni uniformi.

100. Għodda waħda sabiex tittaffa l-problema ta’ interpretazzjoni mhux uniformi hija l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”) li tinkludi regoli dwar l-interpretazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. (58) Minkejja li l-Unjoni ma hijiex parti f’din il-konvenzjoni, ir-regoli tagħha huma kodifikazzjoni tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (59) u l-Unjoni għandha tapplikahom meta tiġi sabiex tinterpreta ftehimiet internazzjonali (60).

101. L-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jistabbilixxi r-regola ġenerali ta’ interpretazzjoni li ġejja: “Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide konformement mat-tifsira ordinarja li għandha tingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] L-Artikolu 31(2) sa (4) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi kjarifiki addizzjonali, u l-Artikolu 32 tagħha jipprovdi xi regoli interpretattivi addizzjonali.

102. Fl-opinjoni tiegħi, ir-regoli interpretattivi stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna ma humiex daqstant differenti mill-metodi ta’ interpretazzjoni normali użati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, meta tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għan li għalih ġiet adottata din il-konvenzjoni fl-ewwel lok. Madankollu, il-punt tat-tluq għandu jkun il-kliem, il-kuntest u l-għan ta’ dan il-ftehim internazzjonali nnifsu, u mhux kif dan ġie implimentat mill-Unjoni. Għalhekk, anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni fehem in bona fide l-Konvenzjoni ta’ Pariġi bħala li ma tipprovdix għall-par li jikkonsisti fi privattiva preċedenti u disinn sussegwenti u din kienet ir-raġuni għaliex iddeċieda li jippermetti biss disinni u mudelli ta’ utilità preċedenti biss bħala sors ta’ drittijiet ta’ prijorità għal disinni Komunitarji, dan ma jfissirx li din l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi hija korretta (61).

103. Fid-dawl ta’ dan kollu, sejjer neżamina ż-żewġ kwistjonijiet li hemm tilwima dwarhom.

2.      Applikazzjoni preċedenti għal privattiva bħala ssors ta’ drittijiet ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn

a)      Rimarki preliminari

104. Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija territorjali, fatt li jfisser li hija valida biss fit-territorju tal-pajjiż (jew reġjun) li jipprovdiha. Għal dawk it-tipi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jeħtieġu r-reġistrazzjoni sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni, bħall-privattivi, mudelli ta’ utilità u disinni, dan ifisser li l-protezzjoni tkun valida biss fit-territorju kopert mill-ġurisdizzjoni tal-korp ta’ reġistrazzjoni rispettiv li jkun approvaha.

105. Persuna li tixtieq tipproteġi l-invenzjoni, id-disinn jew it-trade mark tagħha li taħtha jinbiegħ il-prodott għandha titlob protezzjoni f’kull pajjiż jew reġjun individwali. Sabiex ittaffi l-problemi li jirriżultaw mit-territorjalità tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi introduċiet is-sistema ta’ drittijiet ta’ prijorità. Din tal-aħħar ma tneħħix il-ħtieġa li tintalab protezzjoni b’mod separat f’kull territorju mixtieq, iżda “tnaqqas il-ħin” sabiex issir applikazzjoni għal tali protezzjoni qabel ma jagħmlu l-istess ħaġa l-kompetituri potenzjali. Dak il-ħin, li jissejjaħ perijodu ta’ prijorità, jista’ jkun ta’ sitt xhur jew ta’ tnax-il xahar u jibda jiddekorri mill-mument li fih tiġi ppreżentata b’mod korrett l-ewwel applikazzjoni.

106. Minbarra t-territorjalità, teżisti kumplikazzjoni oħra marbuta mal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali li tirriżulta mid-differenzi fit-tipi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-pajjiżi jiddefinixxu b’mod differenti dak li huwa mifhum bħala ċertu tip ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, u mhux kollha jipprovdu għall-istess tipi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għaldaqstant, apparentement ħdax-il Stat Membru tal-Unjoni jirrikonoxxu mudelli ta’ utilità bħala forma separata ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali (62). Barra minn hekk, tipi simili ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali spiss jingħataw isem differenti. Pereżempju, l-eqreb tip ta’ protezzjoni ta’ dak li fl-Ewropa normalment jissejjaħ disinn fl-Istati Uniti jissejjaħ privattiva ta’ disinn (63). Lanqas it-terminu disinn Komunitarju fil-livell tal-Unjoni ma huwa uniformi. Għaldaqstant, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża tar-Regolament Nru 6/2002 tagħmel riferiment għal disinni Komunitarji, filwaqt li l-verżjoni bil-lingwa Franċiża tagħmel riferiment għal “dessins ou modèles communautaires” (64).

b)      Applikazzjoni skont ilPCT

107. Il-PCT, li skontu l-KaiKai ppreżentat applikazzjoni li fuq il-bażi tagħha hija talbet lill-EUIPO sabiex jirrikonoxxi d-dritt ta’ prijorità fil-kawża preżenti, jirrappreżenta sforz internazzjonali sabiex titħaffef il-ħajja tal-inventuri.

108. Il-PCT huwa ftehim internazzjonali konkluż fl‑1970 u li daħal fis-seħħ fl‑1978. Attwalment għandu 157 Stat firmatarju, inklużi s‑27 Stat Membru tal-Unjoni, iżda mhux l-Unjoni Ewropea. Dan huwa ftehim speċjali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u huwa amministrat mill-Uffiċċju Dinji tal-Proprjetà Intellettwali. Il-PCT jipprovdi għall-preżentazzjoni ta’ “applikazzjoni internazzjonali” għall-protezzjoni ta’ invenzjonijiet (65). Ġaladarba tiġi ppreżentata applikazzjoni internazzjonali, din tista’ tiġi interpretata bħala applikazzjoni għal privattiva, mudell ta’ utilità u tipi oħrajn ta’ protezzjoni ta’ invenzjonijiet, bħaċ-ċertifikati tal-inventaturi u ċertifikati ta’ utilità (66). Wara l-fażi internazzjonali, li ma tistax twassal għall-għoti ta’ protezzjoni, il-persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni internazzjonali għandha tibda l-fażi nazzjonali li fiha dik il-persuna titlob li tingħata l-forma ta’ protezzjoni adatta f’kull pajjiż jew reġjun b’mod separat. L-għan ta’ applikazzjoni internazzjonali huwa, inter alia, li tistabbilixxi data tal-preżentata bil-ħsieb li tibbenefika minn drittijiet ta’ prijorità.

109. L-EUIPO jargumenta li r-raġunament żbaljat tal-Qorti Ġenerali jibda bl-użu minnha tat-termini “applikazzjoni għal privattiva internazzjonali”, li, legalment, huwa terminu li ma jeżistix. Tabilħaqq, KaiKai ppreżentat applikazzjoni internazzjonali fi ħdan it-tifsira tal-PCT, u mhux applikazzjoni għal privattiva internazzjonali. Kif għadni kif spjegajt, tali applikazzjoni internazzjonali tista’ tiġi interpretata jew bħala applikazzjoni għal privattiva jew inkella għal mudell ta’ utilità, iżda sakemm tittieħed tali deċiżjoni bil-preżentata ta’ applikazzjoni nazzjonali, applikazzjoni internazzjonali tkun tinsab fi stat kwantistiku ta’ soprapożizzjoni, biex ngħid hekk – hija fl-istess ħin applikazzjoni għal privattiva u applikazzjoni għal mudell ta’ utilità.

110. Fl-opinjoni tiegħi, bl-użu tal-kliem “applikazzjoni għal privattiva internazzjonali”, il-Qorti Ġenerali riedet tenfasizza li l-applikazzjoni ta’ KaiKai tista’ tinftiehem bħala applikazzjoni għal privattiva, minkejja li tista’ tkun ukoll applikazzjoni għal mudell ta’ utilità. Proprju minħabba din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li KaiKai tgawdi minn perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar. Sabiex nuża t-terminoloġija tal-fiżika kwantistika, filwaqt li l-Qorti Ġenerali “ikkollassat” l-applikazzjoni internazzjonali ta’ KaiKai fi privattiva, l-EUIPO “ikkollassaha” f’mudell ta’ utilità. Dan huwa l-istess bħallikieku l-EUIPO sejħilha “applikazzjoni internazzjonali għal mudell ta’ utilità”. Għaldaqstant, l-argument tal-EUIPO li l-Qorti Ġenerali użat terminu ineżistenti huwa rrilevanti.

c)      Raġunijiet għal interpretazzjoni talKonvenzjoni ta’ Pariġi bħala li tipprovdi għall-par li jikkonsisti fi privattiva preċedenti u disinn sussegwenti

111. Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma tipprovdix b’mod espress għall-possibbiltà li dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn tkun ibbażata fuq applikazzjoni preċedenti għal privattiva. Madankollu lanqas ma tipprekludi tali possibbiltà.

112. Il-kliem tal-Artikolu 4(A)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jelenka d-diversi possibiltajiet ta’ preżentati tal-ewwel darba “applikazzjoni għal privattiva, jew reġistrazzjoni ta’ mudell ta’ utilità, jew disinn industrijali, jew ta’ trademark” u sussegwentement jiddikjara li, għall-finijiet ta’ preżentata sussegwenti f’pajjiżi oħrajn, persuna tgawdi minn dritt ta’ prijorità, iżda mingħajr ma jispeċifika t-tip ta’ applikazzjoni. Dan faċilment jista’ jissuġġerixxi li kwalunkwe waħda mill-possibiltajiet tal-preżentati tal-ewwel darba elenkati tista’ tkun is-sors ta’ drittijiet ta’ prijorità għal preżentata sussegwenti.

113. Għaldaqstant, il-kliem tal-Artikolu 4(A)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma huwiex konklużiv. Fil-fatt, il-kuntest li fih tinsab il-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li jinkludi d-diversità ta’ forom ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali madwar id-dinja, jimmilita favur interpretazzjoni li ma tattribwixxix rwol deċiżiv lill-forma jew lill-isem ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.

114. L-EUIPO jargumenta li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-regola ġenerali tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar l-identità tas-suġġett. Skont l-EUIPO, kull tip ta’ dritt ta’ proprjetà industrijali jagħti lok biss għal dritt ta’ prijorità għall-istess tip ta’ dritt, bħal privattiva għal privattiva, disinn għal disinn jew mudell ta’ utilità għal mudell ta’ utilità(67). Għaldaqstant, sakemm ma jkunx espressament speċifikat mod ieħor, huwa biss disinn preċedenti li jista’ jagħti lok għal ta’ prijorità għal disinn Komunitarju sussegwenti; privattiva ma tissodisfax din ir-regola.

115. Fl-opinjoni tiegħi, ir-regola dwar l-identiċità tas-suġġett tista’ tinftiehem f’termini formali jew sostantivi. Fl-appell odjern, l-EUIPO jidher li jużaha f’sens formali, sa fejn jinsisti fuq l-identiċità tal-forma tal-applikazzjoni preċedenti u tal-applikazzjoni sussegwenti (68).

116. Madankollu, il-Gwida tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi tidher li tissuġġerixxi interpretazzjoni sostantiva tar-regola dwar l-identiċità tas-suġġett. Għalhekk, fir-rigward tal-Artikolu 4(E)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, din il-gwida tiddikjara li “[r]arament jiġri li disinn industrijali u mudell ta’ utilità jikkonċernaw l-istess suġġett peress li, bħala prinċipju, l-ewwel wieħed jikkonċerna aspetti ornamentali ta’ oġġett industrijali filwaqt li dan tal-aħħar huwa marbut man-novità teknika tiegħu” (69). Dan ir-riferiment għall-istess suġġett jidher li jikkonċerna s-sustanza tal-idea l-ġdida li għaliha tkun qiegħda tintalab il-protezzjoni, u mhux il-forma li fiha hija protetta.

117. Jidhirli li l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li ttaffi l-prinċipju ta’ territorjalità bl-introduzzjoni ta’ drittijiet ta’ prijorità wkoll jitlob tali interpretazzjoni sostantiva, iktar milli formali, tar-regola dwar l-identiċità tas-suġġett.

118. Possibbilment, setgħet kienet proprju r-realizzazzjoni li jista’ jkun hemm sovrapożizzjoni sostantiva bejn is-suġġett tal-protezzjoni taħt forom differenti ta’ drittijiet tal-proprjetà industrijali li tat lok għall-emendi tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fl‑1925, li introduċew l-Artikolu 4(E)(1), li espressament jipprovdi għall-par li jikkonsisti f’mudell ta’ utilità preċedenti u disinn sussegwenti.

119. Jekk tali sovraprożizzjoni sostanzjali tista’ teżisti bejn mudell ta’ utilità u disinn, din tista’ teżisti wkoll bejn privattiva u disinn. Skont id-dokumenti istituzzjonali tal-Unjoni, mudell ta’ utilità huwa dritt irreġistrat li jagħti protezzjoni esklużiva għal invenzjoni teknika, bħalma tagħmel privattiva; huwa jixbaħ lill-privattiva sa fejn l-invenzjoni għandha tkun ġdida, għalkemm spiss il-livell rikjest ta’ inventività ma huwiex għoli daqs dak fil-każ tal-privattivi. B’mod differenti mill-privattivi, mudelli ta’ utilità jingħataw mingħajr tiftix minn qabel sabiex jiġu stabbiliti n-novità u l-pass inventiv. Dan ifisser li l-protezzjoni tista’ tinkiseb iktar malajr u b’inqas spejjeż, iżda dik il-protezzjoni mogħtija hija inqas sikura (70). Għal din ir-raġuni, mudelli ta’ utilità ġew imsejħa, pereżempju, “privattivi tat-tieni klassi” (71), “invenzjonijiet żgħar”(72) jew privattivi nazzjonali “għal żmien qasir” (73).

120. Tista’ ssir il-mistoqsija għaliex il-possibbiltà li tiġi invokata applikazzjoni preċedenti għal privattiva għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn ma ġietx inkluża espressament fit-test tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fil-mument li fih l-Artikolu 4(E)(1) ġie introdott sabiex jipprovdi għall-possibbiltà li jiġi invokat mudell ta’ utilità. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma kienx neċessarju speċifikament peress li l-par li jikkonsisti fi privattiva preċedenti u disinn sussegwenti kien diġà possibbli minħabba r-regoli dwar l-identiċità tas-suġġett mifhum f’termini sostantivi. Ir-raġuni għar-riferiment espress għall-par li jinvolvi mudell ta’ utilità u disinn tista’ tiġi spjegata min-novità relattiva ta’ mudelli ta’ utilità fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

121. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li jiġi ddikjarat li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi ġiet konkluża żmien twil ilu fl‑1883. F’dan iż-żmien, il-mudell ta’ utilità bħala forma ta’ protezzjoni ta’ invenzjoni ma kienx previst. Dan ġie rikonoxxut mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi biss fl‑1911, fuq il-bażi tar-Reviżjoni tal-Konferenza ta’ Washington. Wara din tal-aħħar, ġie introdott l-Artikolu 4(E) f’din il-konvenzjoni fl‑1925, bir-Reviżjoni tal-Konferenza ta’ Den Haag (74). Għaldaqstant kien neċessarju li jiġi ċċarat kif mudelli ta’ utilità jidħlu fl-iskema ta’ drittijiet ta’ prijorità skont il-Konvenzjoni ta’ Pariġi. B’kuntrast, dan ma kienx neċessarju għall-privattivi peress li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi rrikonoxxiethom bħala forma ta’ dritt tal-proprjetà industrijali sa mill-bidu. Għaldaqstant, il-par li jikkonsisti fi privattiva preċedenti u disinn sussegwenti ma kienx jimmerita li jissemma b’mod speċjali fejn kien hemm sovrapożizzjoni sostantiva fis-suġġett tal-protezzjoni peress li dan kien diġà jirriżulta mir-regola dwar l-identiċità tas-suġġett mifhum f’termini sostantivi.

122. Fil-qosor, fid-dawl tax-xebh bejn il-privattivi u l-mudelli ta’ utilità, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm sovrapożizzjoni sostantiva bejn applikazzjoni preċedenti għal privattiva u applikazzjoni sussegwenti għal disinn. Jekk jiġi aċċettat li r-regola dwar l-identiċità tas-suġġett hija ta’ natura sostantiva, ma hemm l-ebda raġuni għaliex privattiva ma tistax tintuża bħala sors ta’ drittijiet ta’ prijorità għal disinn sussegwenti bl-istess mod kif dan huwa aċċettat għal mudell ta’ utilità. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex eskluż bħala possibbiltà minn xi dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

123. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta interpretat il-Konvenzjoni ta’ Pariġi bħala li tippermetti l-użu ta’ applikazzjoni preċedenti għal privattiva bħala sors ta’ drittijiet ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn, sakemm is-suġġett taż-żewġ applikazzjonijiet ikun sostantivament l-istess.

3.      Ilperijodu ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn ibbażat fuq applikazzjoni preċedenti għal privattiva.

124. L-EUIPO jsostni li ma hemm l-ebda regola ġenerali inerenti fil-loġika tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi (75), li skontha t-tul tal-perijodu ta’ prijorità jiġi ddeterminat min-natura ta’ dritt preċedenti. Għaldaqstant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat tali regola.

125. Dwar dan il-punt, naqbel mal-EUIPO.

126. L-Artikolu 4(C)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jattribwixxi perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar għal privattivi u mudelli ta’ utilità, u perijodu ta’ prijorità ta’ sitt xhur għal disinni industrijali u trade marks. Din id-dispożizzjoni ma tispjegax jekk dak il-perijodu jiddependix fuq dritt preċedenti jew sussegwenti. Jekk l-elementi ta’ par ikunu l-istess, din il-kwistjoni tkun irrilevanti, kif isostni ġustament l-EUIPO. Madankollu, issir rilevanti jekk il-pari jkunu eteroġenji, bħal fil-kombinament ta’ mudell ta’ utilità preċedenti u disinn sussegwenti jew dik ta’ privattiva preċedenti u disinn sussegwenti.

127. Għall-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi toffri soluzzjoni espressa fl-Artikolu 4(E)(1), li huwa bbażat fuq it-tul tal-perijodu attribwit lid-dritt tal-aħħar, jiġifieri, il-perijodu ta’ sitt xhur li l-Artikolu 4(C)(1) jattribwixxi lid-disinni industrijali. Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma tipprovdi xejn fir-rigward tat-tieni kombinament li jikkonsisti fi privattiva preċedenti u disinn sussegwenti.

128. Minkejja li t-test ma jgħid xejn dwar dak il-punt, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mill-allegata regola ġenerali, li tipprovdi li n-natura tad-dritt preċedenti hija deċiżiva għad-determinazzjoni tat-tul tal-perijodu ta’ prijorità, li l-perijodu adatt għal dan it-tieni kombinament kien ta’ tnax-il xahar. Dan kollu rriżulta mill-Artikolu 4(C)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li tattribwixxi tnax-il xahar għall-privattivi.

129. Il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 4(E)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi bħala eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali. Għall-kuntrarju, l-EUIPO jargumenta li l-Artikolu 4(E)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi huwa eċċezzjoni, iżda li r-regola ġenerali li għaliha din id-dispożizzjoni hija eċċezzjoni ġiet identifikata b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali (76).

130. Sabiex nibdew, it-test tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma jispjegax jekk il-perijodu ta’ prijorità jiddependix fuq in-natura tad-dritt preċedenti jew tad-dritt sussegwenti. F’tali każ, huwa neċessarju li jitqiesu metodi addizzjonali ta’ interpretazzjoni, li jinkludu t-teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħolijiet preparatorji.

131. F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata hija rilevanti. Il-Qorti Ġenerali indikat li x-xogħolijiet preparatorji tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi żvelaw li r-raġuni għall-estensjoni tal-perijodu ta’ prijorità għall-privattivi minn sitt xhur għal tnax-il xahar kienet li, f’xi pajjiżi, partikolarment fil-Ġermanja, kien diffiċli li jitwettaq l-eżami preliminari tal-applikazzjoni għal privattiva fil-perijodu ta’ sitt xhur (77).

132. Nifhem din id-deskrizzjoni bil-mod li ġej. Sabiex ikun jista’ jiġi evalwat it-tul tal-perijodu ta’ prijorità, huma rilevanti żewġ dati: id-data tal-preżentata tal-ewwel dritt li minnu jibda jiddekorri dan il-perijodu u d-data tal-preżentata tad-dritt sussegwenti li bih jintemm dak il-perijodu. Jekk, fil-Ġermanja, il-preżentata għal privattiva sussegwenti tieħu iktar minn sitt xhur, ikun impossibbli li jinkiseb benefiċċju minn preżentata tempestiva preċedenti fejn il-perijodu jkun sitt xhur mill-ewwel preżentata. Dan ifisser, pereżempju, li jekk persuna ippreżentat applikazzjoni għal privattiva fi Franza, din il-persuna ma tkunx tista’ tippreżenta applikazzjoni għall-privattiva sussegwenti fil-Ġermanja fi ħdan il-perijodi ta’ sitt xhur. Din kienet ir-raġuni għall-estensjoni ta’ dan il-perijodu għal tnax-il xahar. B’dan il-mod, intlaħaq bilanċ bejn l-interessi tal-applikant għal dritt ta’ proprjetà industrijali, li għandu jitħalla jorganizza l-estensjoni internazzjonali ta’ tali dritt matul perijodu adegwat, u l-interessi ta’ terzi persuni, li ma għandhomx ikunu ffaċċjati b’perijodi ta’ prijorità estensivi wisq li matulu drittijiet li huma jistgħu jkunu jixtiequ jakkwistaw għall-istess suġġetti ma jkunux jistgħu jinkisbu validament (78). Fil-qosor, ir-raġuni għall-estensjoni tal-perijodu ta’ prijorità għall-privattivi kienet it-tul tal-proċeduri għall-preżentata f’ċerti pajjiżi ta’ applikazzjoni għal privattiva bħala dritt sussegwenti.

133. Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li teżisti regola ġenerali fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi li skontha t-tul tal-perijodu ta’ prijorità jiddependi fuq l-ewwel preżentata. Għalija, jagħmel iktar sens li dan il-perijodu jiddependi fuq il-preżentata sussegwenti.

134. Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li t-tul tal-perijodi ta’ prijorità kif previsti fl-Artikolu 4(C)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jiddependi fuq in-natura tal-applikazzjoni sussegwenti, iktar milli fuq dik tal-ewwel waħda.

135. Jekk tiġi applikata din il-loġika għall-kawża preżenti, jekk id-dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn jintalab fuq il-bażi ta’ applikazzjoni preċedenti għal privattiva, it-tul tal-perijodu ta’ prijorità, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(C)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, ikun ta’ sitt xhur.

136. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża TELEYE (79), li din tal-aħħar ibbażat ruħha fuqha fis-sentenza appellata (80) ma tipprekludix il-konklużjoni preċedenti. F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-kuntest tad-dritt tat-trade mark, li hija l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal dritt preċedenti li tikkawża t-tnissil tad-dritt ta’ prijorità. Din il-konklużjoni tidher li hija totalment konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li skontha l-eżistenza u d-data tal-applikazzjoni preċedenti huma rilevanti għall-bidu tal-perijodu ta’ prijorità. Madankollu, għall-kuntrarju tar-raġunament għaliex il-Qorti Ġenerali invokat dik is-sentenza, din ma tgħid xejn fir-rigward tat-tul tal-perijodu inkwistjoni.

137. Filwaqt li naqbel mal-EUIPO li fil-kawża preżenti t-tul tal-perijodu ta’ prijorità huwa ta’ sitt xhur, ma nistax naċċetta l-argument tiegħu bbażat fuq nuqqas ta’ reċiproċità ma’ pajjiżi terzi, u b’mod partikolari mal-Istati Uniti. L-EUIPO essenzjalment jargumenta li, fl-Istati Uniti, id-disinni huma protetti mid-dritt tal-privattiva (“privattivi tad-disinn”) u li, b’konsegwenza tas-sentenza appellata, l-applikanti jistgħu awtomatikament jibbenefikaw minn perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar, filwaqt li l-applikanti fl-Unjoni għandhom perijodu ta’ prijorità ta’ sitt xhur biss. Madankollu, il-Linji Gwida tal-EUIPO diġà jittrattaw il-privattivi tad-disinn tal-Istati Uniti bħala applikazzjonijiet għal disinni, li jistgħu jkunu sors ta’ drittijiet ta’ prijorità għal disinni Komunitarji matul il-perijodu ta’ sitt xhur mill-applikazzjoni għall-privattiva tad-disinn. Ma nista’ nsib l-ebda tfixkil fir-reċiproċità għad-detriment tal-persuni li ppreżentaw l-applikazzjoni preċedenti tagħhom għal disinn fl-Unjoni li kienet tirriżulta kieku applikazzjoni preċedenti għal privattiva kellha tipprovdi protezzjoni ta’ tnax-il xahar għal applikazzjoni sussegwenti għal disinn Komunitarju. Il-privattivi tad-disinn tal-Istati Uniti xorta jiġu kklassifikati bħala applikazzjonijiet għal disinn, u mhux bħala applikazzjonijiet għal privattiva.

138. Fl-aħħar, jeħtieġ li nindirizza l-argumenti bbażati fuq l-Artikolu 4(E)(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq din id-dispożizzjoni sabiex tissostanzja l-konstatazzjoni tagħha li teżisti regola ġenerali li l-perijodu ta’ prijorità huwa marbut man-natura tad-dritt preċedenti. Hija interpretat din id-dispożizzjoni bħala eċċezzjoni għall-allegata regola ġenerali, b’tali mod li huwa biss f’dik is-sitwazzjoni partikolari li l-perijodu ta’ prijorità huwa marbut mad-dritt sussegwenti. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni ma hijiex eċċezzjoni, iżda għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tar-regola ġenerali li t-tul tal-perijodu ta’ prijorità jiddependi fuq in-natura tad-dritt sussegwenti.

139. Għar-raġunijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, sa fejn ikkonkludiet li, skont il-Konvenzjoni ta’ Pariġi, applikazzjoni għal disinn jekk ibbażata fuq applikazzjoni preċedenti għal privattiva tibbenefika minn perijodu ta’ prijorità ta’ tnax-il xahar, u mhux ta’ sitt xhur.

140. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Pariġi bħala li tippermetti li l-applikazzjoni sussegwenti għal disinn (inkluż disinn Komunitarju) tkun ibbażata fuq applikazzjoni preċedenti għal privattiva, sakemm ikun hemm identiċità sostanzjali tas-suġġett. It-tul tal-perijodu ta’ prijorità f’tali każ huwa ta’ sitt xhur, kif attribwit lid-disinni industrijali mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

V.      Konsegwenzi

141. L-aggravju uniku huwa, fl-opinjoni tiegħi, parzjalment fondat. Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

142. B’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-tieni motiv invokat minn KaiKai quddiem il-Qorti Ġenerali.

143. Madankollu, ma nikkunsidrax li l-istat tal-proċeduri jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ewwel motiv, li ma ġiex analizzat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u li fir-rigward tiegħu ma ġewx diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja argumenti fattwali marbuta mas-sustanza tat-tilwima. Għaldaqstant il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tagħti deċiżjoni fir-rigward ta’ dak il-motiv, filwaqt li l-ispejjeż jibqgħu riżervati.

VI.    Konklużjoni

144. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–      tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ April 2021, The KaiKai Company Jaeger Wichmann vs EUIPO (Apparat u tagħmir għall-ġinnastika u għall-isport) (T‑579/19, EU:T:2021:186);

–      tiċħad it-tieni motiv invokat minn The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR quddiem il-Qorti Ġenerali;

–      tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni fir-rigward tal-motiv rimanenti;

–      tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 6/2002”).


3      Iffirmata f’Washington, D.C. fid‑19 ta’ Ġunju 1970 u kif emendata l-aħħar fit‑3 ta’ Ottubru 2001 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1160, Nru 18336, p. 231).


4      Iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883, kif riveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u kif emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305).


5      Ara iktar ’il quddiem il-punti 28 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”); Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


7      Flimkien mal-kawża preżenti, s’issa ġew ammessi ħames kawżi oħra, li kollha kemm huma kienu marbuta mad-dritt tat-trademarks tal-Unjoni. Tliet kawżi jqajjmu kwistjonijiet marbuta mal-Brexit (ara d-digrieti tas‑7 ta’ April 2022, EUIPO vs Indo European Foods (C‑801/21 P, EU:C:2022:295); tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere (C‑337/22 P, EU:C:2022:908); u tat‑18 ta’ April 2023, Shopify vs EUIPO (C‑751/22 P, EU:C:2023:328)). Iż-żewġ kawżi l-oħra jqajjmu kwistjonijiet marbuta mal-indipendenza tal-avukati quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara d-digrieti tat‑30 ta’ Jannar 2023, bonnanwalt vs EUIPO (C‑580/22 P, mhux ippubblikat, EU:C:2023:126), u tat‑8 ta’ Mejju 2023, Studio Legale Ughi e Nunziante vs EUIPO (C‑776/22 P, EU:C:2023:441)).


8      Ara r-Regolament (EU, Euratom) 2019/629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar [l-Istatut] (ĠU 2019 L 111, p. 1), l-Artikoli 1 sa 3 u l-premessi 1, 4 u 5; Stqarrija għall-Istampa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea Nru 53/19, il-Lussemburgu, it-30 ta’ April 2019. Għal diskussjoni ġenerali dwar il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni tal-appelli, ara, pereżempju, De Lucia, L., “The shifting state of rights protection vis-a-vis EU agencies: A look at Article 58a of the Statute of the Court of Justice of the European Union”, European Law Review, Vol. 44, 2019, p. 809; Gaudissart, M.-A., “L’admission préalable des pourvois : une nouvelle procedure pour la Cour de justice”, Cahiers de droit européen, 2020, p. 177; Orzan, M. F., “Some remarks on the first applications of the filtering of certain categories of appeals before the Court of Justice”, European Intellectual Property Review, Vol. 42, 2020, p. 426.


9      Ara l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut.


10      It-talba sabiex jiġi emendat l-Artikolu 58a tal-Istatut tikkonsisti fiż-żieda ta’ sitt uffiċċji, korpi u aġenziji tal-Unjoni li kienu diġà jeżistu fl‑1 ta’ Mejju 2019 (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, l-Awtorità Bankarja, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji). Din tkun testendi wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu għal appelli ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jkun jinkludi fih klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE. Ara t-talba mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 [TFUE], bil-għan li jiġi emendat il-Protokoll Nru 3 dwar [l-Istatut], disponibbli fuq: https://curia.europa.eu/jcms/jcms/P_64268/mt/.


11      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut; ara wkoll l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jiġi deċiż minn awla speċifika tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita għal dan l-għan: ara l-Artikolu 170b ta’ dawn ir-regoli.


12      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 170a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja; ara wkoll, pereżempju, id-digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann (C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punti 20 sa 22, 27 u 28).


13      Ara, f’dan ir-rigward, Gaudissart, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 188 (filwaqt li ninnota li kien hemm suġġeriment minn ċerti delegazzjonijiet tal-Kunsill sabiex jiġu definiti fir-regoli proċedurali l-kunċetti ta’ unità, konsistenza u żvilupp tad-dritt tal-Unjoni, iżda dan is-suġġeriment ta’ ntlaqax u minflok tħalla f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din telabora d-definizzjoni permezz tal-ġurisprudenza tagħha).


14      Ara, pereżempju, is-sit internet tal-qrati tal-Istati Uniti, “Proċeduri tal-Qorti Suprema”, disponibbli fuq: https://www.uscourts.gov/about-federal-courts/educational-resources/about-educational-outreach/activity-resources/supreme-1.


15      Regoli tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, adottati fil-5 ta’ Diċembru 2022 u effettivi mill‑1 ta’ Jannar 2023, disponibbli fuq: https://www.supremecourt.gov/filingandrules/2023RulesoftheCourt.pdf.


16      Ir-Regola 10 tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ssemmi li dawn li ġejjin jindikaw in-natura tar-raġunijiet li jistgħu jixprunaw lill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti sabiex taċċetta t-talba għal reviżjoni: “(a) qorti tal-appell tal-Istati Uniti irreġistrat deċiżjoni li tkun f’kunflitt mad-deċiżjoni ta’ qorti tal-appell oħra tal-Istati Uniti fuq l-istess kwistjoni importanti; iddeċidiet fuq kwistjoni federali importanti b’mod kunfliġġenti ma’ deċiżjoni minn qorti tal-Istat tal-aħħar istanza; jew inkella li ddevjat daqstant mill-kors aċċettat u normali tal-proċeduri ġudizzjarji, jew issanzjonat tali devjazzjoni minn qorti inferjuri, sal-punt li jkun meħtieġ l-eżerċizzju tas-setgħa superviżorja ta’ dik il-qorti; (b) qorti tal-Istat tal-aħħar istanza ddeċidiet dwar kwistjoni federali importanti b’mod kunfliġġenti mad-deċiżjoni ta’ qorti oħra tal-Istat tal-aħħar istanza jew ta’ qorti tal-appell tal-Istati Uniti; (ċ) qorti tal-Istat jew qorti tal-appell tal-Istati Uniti ddeċidiet dwar kwistjoni importanti tad-dritt federali li ma ġietx, iżda jeħtieġ li tiġi, riżolta minn dik il-qorti, jew iddeċidiet dwar kwistjoni federali importanti b’mod kunfliġġenti mad-deċiżjonijiet rilevanti ta’ dik il-qorti.”


17      Ipparaguna, fir-rigward tal-mekkaniżmu certiorari tal-Istati Uniti, Giannini, L.J., “Access Filters and the Institutional Performance of the Supreme Courts”, International Journal of Procedural Law, Vol. 12, 2022, p. 190, b’mod partikolari p. 218.


18      Għal konklużjoni simili dwar il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 256 TFUE, ara Brkan, M., “La procédure de réexamen devant la Cour de justice: vers une efficacité accrue du nouveau règlement de procédure” f’Mahieu, S. (ed.), Contentieux de l’Union européenne: Questions choisies, Larcier, 2014, p. 489. Ara wkoll Rousselot, R., “La procédure de réexamen en droit de l’Union européenne”, Cahiers de droit européen, 2014, p. 535.


19      Ara d-digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann (C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punti 31 sa 34). Ara wkoll il-punti 13 sa 19 ta’ dan id-digriet għall-argumenti tal-EUIPO.


20      Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fi Spedition Welter (C‑306/12, EU:C:2013:359, punt 35).


21      Dan ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja sa mill‑1974. Ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punti 4 u 5).


22      Artikolu 216(2) TFUE.


23      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 42).


24      Iffirmat fil‑15 ta’ April 1994 f’Marrakesh u jikkostitwixxi l-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“WTO), u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).


25      Dan huwa differenti mill-obbligu tal-Unjoni li ma tostakolax l-obbligi li l-Istati Membri kisbu skont il-Konvenzjoni ta’ Pariġi bħala partijiet fiha. L-obbligu “li ma tosakolax” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jirriżulta mill-Artikolu 2(2) tal-Ftehim TRIPs, li jipprovdi li xejn f’dan il-ftehim ma għandu jidderoga mill-obbligi eżistenti li l-partijiet kontraenti jista’ jkollhom fir-rigward ta’ xulxin skont il-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li tali obbligu tal-Unjoni ma jostakolax l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għall-Protezzjoni ta’ Artisti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, li fiha huma parti l-Istati Membri iżda mhux l-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali obbligu għall-Unjoni jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tat-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonjiet u l-Fonogrammi, li fiha l-Unjoni hija parti. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici (C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 50).


26      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Bericap Záródástechnikai (C‑180/11, EU:C:2012:717, punt 70). Tali interpretazzjoni kienet espressa wkoll fil-punt 15 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fil-kawża preżenti: “Għall-Unjoni li ma hijiex membru tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi bħala organizzazzjoni intergovernattiva iżda hija membru tal-WTO, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi japplika rispettivament skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim TRIPs.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


27      Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet in-nuqqas bħala prinċipju ta’ effett dirett orizzontali fis-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 48), u tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 20), u kkonfermat dik il-pożizzjoni f’diveri kawżi sussegwenti. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 37), u tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 32).


28      Ara, inter alia, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 45).


29      Għaldaqstant, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u pajjiżi mhux membri tal-Unjoni li jikkonferixxu drittijiet ta’ stabbiliment lil individwi li jistgħu jiġu invokati minn dawn tal-aħħar fil-qorti. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2001, Gloszczuk (C‑63/99, EU:C:2001:488, punti 30 sa 38), u tal‑20 ta’ Novembru 2001, Jany et (C‑268/99, EU:C:2001:616, punti 26 u 28).


30      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑12 ta’ April 2005, Simutenkov (C‑265/03, EU:C:2005:213, punti 20 sa 29) (li tikkonċerna dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija mar-Russja), u tal‑24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C‑464/14, EU:C:2016:896, punti 99 sa 109 u 131 sa 137) (li tikkonċerna dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mat-Tuneżija u l-Lebanon).


31      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 79 sa 84). Fil-punti 73 sa 78 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Protokoll ta’ Kyoto dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, bħala prinċipju, ikollu effett dirett, iżda ċaħdet l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet rilevanti peress li ma kinux inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi.


32      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1995, Chiquita Italia (C‑469/93, EU:C:1995:435, punti 34 u 35).


33      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pêcheurs de l’étang de Berre (C‑213/03, EU:C:2004:464, punti 39 sa 47).


34      Sa mis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punti 18 u 27), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, minkejja li l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“GATT”) jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tiegħu huma ta’ natura tali li ma humiex kapaċi jikkonferixxu drittijiet lil individwi. Fis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 47), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-istabbiliment tal-WTO ma biddilx in-natura tal-GATT jew ftehimiet oħrajn fl-ambitu tal-WTO.


35      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punt 44); u tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI (C‑238/06 P, EU:C:2007:635, punt 39); u tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici (C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 46).


36      Ara, pereżempju, fir-rigward tal-GATT, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punt 21), u tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑280/93, EU:C:1994:367, punti 106 sa 109). Fir-rigward tal-ftehimiet tal-WTO b’mod ġenerali, ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C‑149/96, EU:C:1999:574, punti 36 sa 42).


37      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kummissjoni (C‑123/21 P, EU:C:2022:890, punti 37 sa 43, 56 u 57). Is-sentenza f’din il-kawża għadha pendenti.


38      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi f’Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kummissjoni (C‑123/21 P, EU:C:2022:890, punti 46, 59 u 60).


39      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186; iktar ’il quddiem is-“sentenza Nakajima”). Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254).


40      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494; iktar ’il quddiem is-“sentenza Rusal Armenal”).


41      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C‑123/21 P, EU:C:2022:890, punt 64).


42      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni twettaq paragun mal-Artikolu 25(1)(g) tar-Regolament Nru 6/2002, li espressament jagħmel riferiment għall-Artikolu 6b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u b’hekk juri l-intenzjoni li jimplimenta dik id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni.


43      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, Mast-Jägermeister vs EUIPO (C‑217/17 P, EU:C:2018:534, punt 56).


44      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube (C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 30 u 34), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li x-xebh bejn il-kliem tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dak tal-ftehim internazzjonali jwassal għall-konklużjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jimplimenta lil dan tal-aħħar.


45      Ara l-Proposta Emendata tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar id-Disinn Komunitarju, COM(2000) 660 final, tal‑20 ta’ Ottubru 2000, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, Titolu IV, Taqsima 2: Prijorità (“Paragrafu 1a ġdid tal-Artikolu 43 jiżgura l-kompatibbiltà tar-Regolament dwar id-Disinn Komunitarju mal-Artikolu 4.E tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi”).


46      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 119); tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez  (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27); u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 59).


47      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8), u tal‑10 ta’ Marzu 2011, Deutsche Lufthansa (C‑109/09, EU:C:2011:129, punt 52).


48      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2005 (C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 47). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Sea Watch (C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punt 84), u tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 99).


49      F’dan ir-rigward, l-EUIPO tinvoka s-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2005, ECB vs Il-Ġermanja (C‑220/03, EU:C:2005:748, punt 31), u tat‑28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati (C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 48).


50      Din il-pożizzjoni hija espressa wkoll fil-punt 6.2.1.1 tal-Linji Gwida tal-EUIPO għall-Eżami ta’ Disinni Komunitarji Irreġistrati, tal‑31 ta’ Marzu 2023 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-EUIPO”), bl-istess mod bħall-verżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2018 fiż-żmien rilevanti: “Talba ta’ prijorità bbażata fuq applikazzjoni preċedenti għal privattiva tiġi, bħala prinċipju, miċħuda […]”.


51      Fl-opinjoni tiegħi, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi hija effettivament irrilevanti għall-finijiet interpretattivi jekk teżisti raġuni li kapaċi teskludi l-effett dirett tagħha.


52      Għal eżempju prominenti, ara s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punti 25 sa 31).


53      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 72), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 56).


54      Dan huwa l-uniku mod kif nista’ nispjega s-sitwazzjoni fil-kawża Marleasing. Ara, f’dan ir-rigward, is-soluzzjoni proposta fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali van Gerven fil-kawża Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:310, punt 10).


55      Fil-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-ewwel darba għall-obbligu sabiex tiġġustifika l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, id-dispożizzjoni rilevanti kienet l-Artikolu 5 tat-Trattat KEE (ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 1984, von Colson and Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26); ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 26)).


56      F’każ li fih Stat Membru ma jittrasponix direttiva, il-qrati nazzjonali jistgħu jikkonkludu li l-leġiżlatur kien tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiegħu tissodisfa l-obbligu legali li jirriżulta mid-direttiva.


57      Ara, f’dan ir-rigward, Temple Lang, J., “Community Constitutional Law: Article 5 EEC Treaty”, Common Market Law Review, Vol. 27, 1990, p. 645 u Temple Lang, J., “The duties of cooperation of national authorities and Courts under Article 10 EC: two more reflections”, European Law Review, Vol. 26, 2001, p. 84.


58      Iffirmata fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331).


59      Ara, f’dan ir-rigward, ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottata fl‑20 ta’ Diċembru 2018, A/RES/73/202, “Subsequent agreements and subsequent practice in relation to the interpretation of treaties”, punt 1 tal-Konklużjoni 2, li skontu l-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna japplikaw ukoll għad-dritt internazzjonali konswetudinarju.


60      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91, punti 42 u 43), u tal‑14 ta’ Lulju 2022, ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft (C‑500/20, EU:C:2022:563, punt 56).


61      Sistemi legali oħrajn, pereżempju, dawk tal-Ġermanja, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti, jadottaw approċċ differenti. Ara f’dan ir-rigward, Hartwig, H., “Claiming priority under the Community design scheme”, f’Hartwig, H. (ed.), Research Handbook on Design Law, Edward Elgar, 2021, p. 250, b’mod partikolari p. 253 sa 255.


62      Dawn l-Istati Membri tal-Unjoni huma r-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u l-Finlandja. Ara il-Linji Gwida tal-EUIPO, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 6.2.1.1.


63      Skont il-Manwal tal-Proċedura għall-Eżami tal-Privattivi tal-Uffiċċju tal-Istati Uniti għall-Privattivi u t-Trade marks, id-Disa’ Edizzjoni, Frar tal‑2023, Taqsima 1502.01 Distinzjoni Bejn Privattivi tad-Disinn u Privattivi ta’ Utilità: “F’termini ġenerali, ‘privattiva ta’ utilità’ tipproteġi l-mod kif jintuża oġġett u kif jaħdem (35 U.S.C. 101), filwaqt li ‘privattiva ta’ disinn’ tipproteġi l-mod kif jidher l-oġġett (35 U.S.C. 171). Kemm il-privattiva ta’ disinn kif ukoll dik ta’ utilità jistgħu jinkisbu fuq oġġett jekk l-invenzjoni tkun preżenti kemm fl-utilità tiegħu kif ukoll fid-dehra ornamentali tiegħu. Filwaqt li l-privattivi ta’ utilità u ta’ disinn joffru protezzjoni legalment separata, l-utilità u l-ornamentalità ta’ oġġett jistgħu ma jkunux faċilment diviżibbli. Oġġetti tal-manifattura jista’ jkollhom karatteristiċi kemm funzjonali kif ukoll ornamentali”. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Schickl, S., “Protection of Industrial Design in the United States and in the EU: Different Concepts or Different Labels?”, The Journal of World Intellectual Property, Vol. 16, 2013, p. 15.


64      Barra minn hekk, pereżempju, il-verżjoni bil-lingwa Kroata tuża biss it-terminu disinn (“dizajn Zajednice”), u l-verżjoni bil-lingwa Slovena tuża biss it-terminu mudell (“model Skupnosti”). Il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża wkoll tuża kelma waħda (“das Gemeinschaftsgeschmacksmuster”), filwaqt li l-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola u Taljana jagħmlu riferiment għal disinni u mudelli (“dibujos y modelos comunitarios” u “disegni e modelli comunitari”, rispettivament).


65      Ara l-Artikolu 2(vii) u l-Artikolu 3(1) tal-PCT.


66      Ara l-Artikolu 2(i) tal-PCT. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(ii) tal-PCT jiddikjara li riferimenti għal “privattiva” jistgħu jfissru kwalunkwe forma ta’ protezzjoni ta’ invenzjoni elenkata taħt l-Artikolu 2(i) tiegħu.


67      Insostenn tal-argument li ma hemm l-ebda regola ġenerali dwar l-identiċità tas-suġġett, l-EUIPO jinvoka l-Artikolu 4(C)(4) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ddikjarat li, minkejja li din id-dispożizzjoni tuża l-kliem “l-istess suġġett”, ma tinkludix fiha regola ġenerali, iżda ssolvi sitwazzjoni speċifika li fiha hemm żewġ applikazzjonijiet preċedenti, li l-ewwel waħda minnhom ġiet irtirata, abbandunata jew irrifjutata, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-bidu tal-perijodi ta’ prijorità. Ara Bodenhausen, G.H.C., “Guide to the Application of the Paris Convention for the Protection of Industrial Property” kif riveduta fi Stokkolma fl‑1967, United International Bureaux for the Protection of Intellectual Property, 1968, disponibbli fuq: https://www.wipo.int/edocs/pubdocs/en/intproperty/611/wipo_pub_611.pdf (iktar ’il quddiem il-“Gwida tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi”), Artikolu 4, Taqsima C(4), kumment (b).


68      F’dan ir-rigward, nixtieq nosserva li l-Linji Gwida tal-EUIPO jidhru li jirrikonoxxu r-regola dwar l-identiċità tas-suġġett fis-sens kemm formali kif ukoll sostantiv. Fis-sens formali, dawn jeħtieġu li l-applikazzjoni preċedenti għandha tikkonċerna disinn jew mudell ta’ utilità. Fis-sens sostantiv, jeħtieġu li d-disinn Komunitarju għandu jkun relatat mal-istess disinn jew mudell ta’ utilità. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar rekwiżit imsemmi, dawk il-Linji Gwida jispjegaw ulterjorment li ż-żewġ applikazzjonijiet jistgħu jkunu differenti minn xulxin biss f’dettalji li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “irrilevanti”, u b’hekk jagħmlu riferiment għas-suġġett tal-protezzjoni, mhux għall-forma tal-protezzjoni. Ara l-Linji Gwida tal-EUIPO, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 6.2.1.1, b’mod partikolari, p. 61 u 63.


69      Il-Gwida tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Artikolu 4, Taqsima E, kumment (b) (enfasi miżjud).


70      Green Paper tal-Kummissjoni, Il-Protezzjoni ta’ Mudelli ta’ Utilità fis-Suq Uniku, COM(95) 370 final, 19 ta’ Lulju 1995, p. i-b.


71      Il-Gwida tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Artikolu 1(2), kumment (d).


72      Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni Legali ta’ Disinn Industrijali, Ġunju 1991, 111/F/5131/91-EN, punt 2.6.3.


73      Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar “Proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal direttiva li tarmonizza l-arranġamenti legali għall-protezzjoni ta’ invenzjonijiet permezz ta’ mudell ta’ utilità” (ĠU 1998 C 235, p. 26), punt 2.7.


74      Ara l-Gwida tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Artikolu 4, Taqsima E, kumment (a).


75      Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 77 tas-sentenza appellata.


76      Skont l-EUIPO, din id-dispożizzjoni hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali dwar l-identiċità tas-suġġett mifhum b’mod formali.


77      Ara l-paragrafu 79 tas-sentenza appellata.


78      Ara l-Gwida tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Artikolu 4, Taqsima C(1), (2) u (3), kumment (b).


79      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2001, Signal Communications vs UASI (TELEYE) (T‑128/99, EU:T:2001:266).


80      Ara l-paragrafu 78 tas-sentenza appellata.