Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka
(Kawża C-799/23)
Lingwa tal-kawża: is-Slovakk
Partijiet
Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lindenthal, E. Schmidt u A. Tokár, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Slovakka
Talbiet
Tikkonstata li r-Repubblika Slovakka,
billi tqiegħed, b’mod eċċessiv, tfal Rom fi skejjel speċjali u fi klassijiet speċjali għal tfal affettwati minn diżabbilitajiet mentali u oħrajn, li jsegwu skeda ta’ tagħlim limitata, u
billi tipprattika s-segregazzjoni tat-tfal Rom, kemm fi klassijiet separati fi ħdan skejjel normali, kif ukoll fi skejjel separati,
naqset b’mod sistematiku u persistenti milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) u mal-Artikolu 3(1)(g) tal-imsemmija direttiva,
tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka ksur tad-Direttiva 2000/43/KE minħabba prassi amministrattiva irregolari, sistematika u persistenti, min-naħa tal-awtoritajiet tar-Repubblika Slovakka f’dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni indiretta tal-komunità Rom fil-qasam tal-edukazzjoni.
Il-Kummissjoni tqis li, billi tqiegħed, b’mod eċċessiv, tfal Rom fi skejjel speċjali u fi klassijiet speċjali għal tfal affettwati minn diżabbilitajiet mentali u oħrajn, ir-Repubblika Slovakka tikser b’mod sistematiku u persistenti l-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43.
Il-Kummissjoni tqis ukoll li, billi tipprattika s-segregazzjoni tat-tfal Rom fi skejjel separati jew fi klassijiet separati fi ħdan skejjel normali, ir-Repubblika Slovakka tikser b’mod sistematiku u persistenti l-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43.
____________
1 Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23)