Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija) fil-21 ta' Settembru 2012 - Siegfried Pohl vs ÖBB Infrastruktur AG

(Kawża C-429/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Innsbruck

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Siegfried Pohl

Konvenuta: ÖBB Infrastruktur AG

Domandi preliminari

1.    Id-dritt tal-Unjoni attwalment fis-seħħ, b'mod partikolari:

1. il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta' ugwaljanza fit-trattament,

2. il-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 6(3) TUE u tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Karta"),

3. il-projbizzjoni fir-rigward ta' diskriminazzjoni li tirriżulta mill-moviment liberu tal-ħaddiema previst fl-Artikolu 45 TFUE,

4. id-Direttiva 2000/78/KE ,

jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, li parzjalment jinsabu f'leġiżlazzjoni u parzjalment fi ftehim kollettiv, li ġew integrati f'kuntratt individwali ta' xogħol bil-kunsens tal-partijiet u li jipprovdu li l-perijodi ta' servizz tal-ħaddiema fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, meta dawn jitwettqu qabel l-età ta' 18-il sena, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni u, meta dawn jitwettqu wara l-età ta' 18-il sena, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss nofs dawn il-perijodi, sa fejn tali perijodi ma jkunux twettqu fi ħdan impriża nazzjonali "kważi pubblika" jew fi ħdan il-persuna li timpjega nazzjonali li kontriha tinfetaħ il-kawża bħala tali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi u l-konoxxenzi realment miksuba mill-ħaddiem?

2.     Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: il-fatt li l-perijodi ta' servizz ikkalkolati jkunu twettqu bejn l-1 ta' Diċembru 1965 u l-24 ta' Novembru 1974, jiġifieri żmien twil qabel l-adeżjoni tal-Awstrija mal-UE/ŻEE u l-ewwel deċiżjoni dwar il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta' ugwaljanza fit-trattament, għandu rwol fil-kalkolu tal-arretrati tar-remunerazzjoni, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, il-perijodi ta' servizz li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni qabel (fl-intier tagħhom qabel l-età ta' 18-il sena u nofshom mill-età ta' 18-il sena u sad-dħul fis-servizz tar-rikorrent fi ħdan il-konvenuta?)

3.     Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: id-dritt tal-Unjoni attwalment fis-seħħ u b'mod partikolari l-prinċipju ta' effettività jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-preskrizzjoni li jipprovdu li huwa kompletament preskritt id-dritt ta' ħaddiem, li jkun sussegwentement irtirat, għal ħlas komplementari ta' remunerazzjoni u, sussegwentement, ta' pensjoni, mill-persuna li timpjegah, liema dritt jirriżulta mill-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, inkonformità mad-dritt tal-Unjoni u fis-sens tal-ewwel domanda, perijodi ta' servizz akkwistati barra mill-pajjiż u qabel l-età ta' 18-il sena, dritt li l-persuna kkonċernata ma kellhiex taħt id-dritt nazzjonali u li setgħet tinvoka b'mod oġġettiv biss b'effett mill-għoti tas-sentenzi tat-30 ta' Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C-195/98, Ġabra p. I-10497) u tat-18 ta' Ġunju 2009, Hütter (C-88/08, Ġabra p. I-5325)?

4.     Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: persuna li timpjega li topera fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, li għandha iktar minn 40 000 impjegat, li għandha organizzazzjoni li tinkludi diversi livelli ta' ġerarkija u li tinsab fit-territorju kollu, hija obbligata, bis-saħħa tad-dmir ta' premura tagħha li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni attwalment fis-seħħ u b'mod partikolari mill-effett orizontali tal-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza fit-trattament u/jew tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni li jirriżulta mill-moviment liberu tal-ħaddiema, tinforma lill-impjegati tagħha u lir-rappreżentanti tal-persunal dwar is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienu wkoll is-suġġett ta' pubblikazzjoni fl-istampa ta' kuljum, li minnhom jirriżulta li teħid inkunsiderazzjoni mill-persuna li timpjega ta' perijodi ta' servizz huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni u li jistgħu jwasslu b'mod partikolari għal ħlas komplementari ta' remunerazzjoni?

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).