Language of document : ECLI:EU:C:2014:12

Kawża C‑429/12

Siegfried Pohl

vs

ÖBB Infrastruktur AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol ‑ Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ‑ Artikolu 45 TFUE ‑ Direttiva 2000/78/KE ‑ Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ‑ Determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet ta’ avvanz fl-iskala tas-salarju ‑ Terminu ta’ preskrizzjoni ‑ Prinċipju ta’ effettività”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014

Dritt tal-Unjoni Ewropea – Effett dirett – Modalitajiet proċedurali nazzjonali – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, tal-esklużjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti perjodi ta’ impjieg – Konstatazzjoni permezz tas-sentenzi C‑195/98 u C‑88/08 – Terminu ta’ preskrizzjoni li jiddekorri mill-konklużjoni ta’ ftehim – Ammissibbiltà

Id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġiet stabbilita, jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, id-dritt għal impjegat li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ din id-data ta’ referenza.

Fil-fatt huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi tali modalità proċedurali, sa fejn, minn naħa, din il-modalità ma hijiex inqas avorevoli minn dawk li jirrigwardaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju tal-ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li hija ma tagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

F’dan ir-rigward, tali regola ta’ preskrizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kuntrarja għall-prinċipju ta’ ekwivalenza meta hija tapplika irrispettivament mill-fatt jekk il-ksur tad-dritt invokat jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni jew taħt id-dritt nazzjonali.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, l-iffissar ta’ termini taħt piena ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sa fejn tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Rigward il-kwistjoni dwar jekk id-dati rispettivi tal-għoti tas-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98) u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08) għandhomx effett fuq il-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mid-dritt nazzjonali, għandu jitfakkar li deċiżjoni preliminari ma għandhiex valur kostituttiv, iżda purament dikjarattiv. Barra minn hekk, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, id-dati rispettivi tal-għoti ta’ dawn is-sentenzi huma mingħajr effett fuq il-bidu ta’ din id-dekorrenza u irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-osservanza, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tal-prinċipju ta’ effettività.

(ara l-punti 23, 27-32, 37 u d-dispożittiv)