Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Jannar 2014 – Banco Popular Español vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-31/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Banco Popular Español, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: E. Navarro Varona, P.  idal Martínez, J. López-Quiroga Teijero u G. Canalejo Lasarte, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE, sa fejn tiddikjara l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u tordna l-irkupru tagħha mingħand l-investituri;

sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 1, 2 u 4(1) tad-Deċiżoni, sa fejn jidentifikaw lill-investituri bħala benefiċjarji li għandhom jirrimborsaw l-allegata għajnuna;

sussidjarjament tħassar l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mingħand l-investituri fl-Artikolu 4(1) in fine, minħabba li tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, peress li ma jistax jiġi ordnat l-irkupru f’data qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni u tiddikjara l-metodoloġija użata għad-determinazzjoni tal-vantaġġ allegat li l-investituri għandhom jirrimborsaw bħala mhux konformi mad-dritt;

tiddikjara l-ineżistenza jew, alternattivament, l-annullament parzjali tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni, dwar il-projbizzjoni li “jiġi ttrasferit l-oneru tal-irkupru lil persuni oħra” sa fejn dan jikkonċerna dikjarazzjoni dwar il-projbizzjoni jew l-allegata nullità tal-klawżoli kuntrattwali ta’ ripetizzjoni kontra terzi tal-ammonti li l-investituri għandhom jirrimborsaw lill-Istat Spanjol, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża hija l-istess bħal dik tal-Kawża T-29/14, Taetel vs Il-Kummissjoni.

Il-motivi u l-argumenti prinċipjali huma dawk diġà invokati f’din il-kawża.