Language of document : ECLI:EU:T:2009:61

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Marzu 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Kostruzzjoni ta’ bastimenti – Ex Repubblika Demokratika Ġermaniża – Għajnuna mħallsa sabiex tkopri spejjeż ta’ telf marbut ma’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti – Għajnuna marbuta mal-kompetittività – Nuqqas ta’ ħlas eċċessiv”

Fil-Kawża T‑68/05,

Aker Warnow Werft GmbH, stabbilita f’Rostock (il-Ġermanja),

Kvaerner ASA, stabbilita f’Oslo (in-Norveġja),

inizjalment irrappreżentati minn M. Schütte, avukat, u B. Immenkamp, solicitor, imbagħad minn M. Schütte,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Flynn u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħal suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2005/374/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar l‑għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Kvaerner Warnow Werft (ĠU 2005, L 120, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Tiili (Relatur), President, F. Dehousse u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-21 ta’ Diċembru 1990, il-Kunsill adotta d-Direttiva 90/684/KEE, dwar l‑għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti (ĠU L 380, p. 27). Din id-direttiva tipprevedi l-possibbiltà ta’ għoti, skont ċerti proċeduri, ta’ għajnuna mill-Istat, minn naħa, għat-tħaddim u min‑naħa l-oħra, għar-ristrutturazzjoni, favur impriżi ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti (iktar ’il quddiem il‑“tarzni”) li jinsabu fil-Komunità Ewropea.

2        Rigward l-għajnuna għat-tħaddim li huma rilevanti biss fil-kuntest ta’ dan ir‑rikors, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684 jiddisponi li “l-għajnuna għall‑produzzjoni favur [it-tarzni] tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni, sakemm l-ammont totali tal-għajuna mogħtija minn kuntratt [ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti] ma jaqbiżx, f’sussidju ekwivalenti, limitu massimu komuni espress f’perċentwali tal‑valur kuntrattwali qabel l-għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 11(2)(a) tal‑imsemmija direttiva, l-Istati Membri huma obbligati jinnotifikaw lill-Kummissjoni, qabel ma tiġi implementata, kull skema ta’ għajnuna ġdida jew eżistenti intiża mid-Direttiva 90/684.

3        Permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Mejju u tal-4 ta’ Ġunju 1991, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11(2)(a) tad-Direttiva 90/684, bi skemi ta’ għajnuna dwar it-tarzni li jinsabu fit-territorju Ġermaniż, u, b’mod partikolari, dawk li jinsabu fit-territorju tal-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 1991 mibgħuta lir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 1991”), il‑Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna nnotifikati. Fl‑imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkunsidrat, rigward “għajnuna għall-produzzjoni marbuta ma’ kuntratti” msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684, li, “skont il-programm ta’ għajnuna intiża sabiex tiġġieled il‑kompetizzjoni, it-tarzni [kollha] Ġermanżi [jistgħu] jibbenefikaw minn sussidji li jirrappreżentaw 9.5 % tal-valur kuntrattwali (8.7 % tal-valur kuntrattwali qabel l-għajnuna), meta dawn it-tarzni jkunu f’kompetizzjoni ma’ tarzni oħrajn ta’ pajjiż li fihom ingħataw iktar sussidiji”. Id‑deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 1991 ħadet post id-deċiżjoni li l-Kummissjoni kienet adottat permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 1987 u li ppermettiet lir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja tagħti lit-tarzni Ġermaniżi għajnuna kontra l‑kompetizzjoni (Wettbewerbshilfe, iktar ’il quddiem “għanjuna għall‑kompetittività”).

5        Fl-20 ta’ Lulju 1992, il-Kunsill adotta d-Direttiva 92/68/KEE, li temenda d‑Direttiva 90/684 (ĠU L 219, p. 54). Id-Direttiva 92/68 kellha l-għan li tippermetti lit-tarzni li jinsabu fl-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża biss li jibbenfikaw minn limitu ta’ għajnuna ogħla minn dak previst fid-Direttiva 90/684, u li tiġi ffaċilitata r‑ristrutturazzjoni tagħhom billi titnaqqas il-kapaċità eċċessiva fis‑suq dinji tal-kostruzzjoni ta’ bastimenti.

6        Id-Direttiva 92/68 tintroduċi fid-Direttiva 90/684 l-Artikolu 10a(1) sa (3) li jgħid dan li ġej:

“1. Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 4(6) u (7), il-Kapitolu II [dwar għajnuna għat‑tħaddim] ma japplikax għall-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u trasformazzjoni ta’ bastimenti li joperaw fit-territorju tal-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża fl-1 ta’ Lulju 1990.

2. Sal-31 ta’ Diċembru 1993, l-għajnuna għat-tħaddim favur attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti tat-tarzni msemmija mill‑paragrafu 1 tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni, bil‑kundizzjoni li:

a)      l-għajnuna intiża sabiex tiġi ffaċilitata l-kontinwità ta’ operazzjonijiet f’dawn it‑tarzni matul dan il-perijodu ma jeċċedux, għal kull wieħed minnhom, limitu massimu ta’ 36 % tad-dħul mill‑bejgħ annwali ta’ riferiment ikkalkolat abbażi ta’ tliet snin ta’ attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti, wara ristrutturazzjoni; din l-għajnuna trid tkun ingħatat sal-31 ta’ Diċembru 1993;

b)      ebda għajnuna oħra għall-produzzjoni ma tista’ tingħata għal kuntratti ffirmati bejn l-1 ta’ Lulju 1990 u l-31 ta’ Diċembru 1993;

c)      [ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] taċċetta li twettaq, skont kalendarju approvat mill-Kummissjoni u, f’kull każ, qabel il-31 ta’ Diċembru 1995, tnaqqis reali u irriversibbli ta’ kapaċità ta’ 40 % netti mill‑kapaċità li kienet teżisti fl-1 ta’ Lulju 1990, li kienet ta’ 545 000 [CGT];

d)      [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] għandha tressaq il-prova quddiem il‑Kummissjoni, fil-forma ta’ rapporti annwali stabbiliti minn awditur indipendenti, li l-għajnuna mogħtija tapplika esklużivament għall-attivitajiet ta’ tarzni li jinsabu fl-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża; l-ewwel minn dawn ir-rapporti għandu jingħata lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-aħħar ta’ Frar 1993;

3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-għajnuna msemmija f’dan l-artikolu ma taffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Permezz ta’ kuntratt tas-7 ta’ Ottubru 1992 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ akkwist”) konkluż wara proċedura ta’ sejħa għal offerti segwiti minn negozjati esklużivi, it-Treuhandanstalt (iktar ’il quddiem it-“THA”), l-organizzazzjoni pubblika responsabbli mir-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni tat-tarzni li jinsabu fl‑ex Repubblika Demokratika Ġermaniża, biegħet it-tarzna tal‑Ġermanja tal‑Lvant Neue Warnow Werft, il-predeċessur ta’ Kvaerner Warnow Werft (iktar ’il quddiem “KWW”), lill-grupp Norveġiż Kvaerner. KWW b’hekk saret Aker Warnow Werft.

8        Fit-30 ta’ Ottubru 1992, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill‑Kummissjoni bil-kuntratt ta’ akkwist kif ukoll bi pjan provviżorju tal-ħlas tal‑għajnuna mill-Istat sabiex KWW tkun tista’ tirristruttura t-tarzna. Mill-Artikoli 7 u 12 tal-kuntratt ta’ akkwist jirriżulta, essenzjalment, li l-għajnuna mill-Istat, li minnha KWW kellha l-ħsieb li tibbenefika sabiex tirristruttura t-tarzna Warnow Werft, għandha tingħata bin-nifs u li l-ħlas tagħha kien suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 1993 mibgħuta lir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/684, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-emendi għall-iskema ta’ għajnuna għall-kompetittività li l‑Kummissjoni kienet approvat fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Settembru 1991.

10      Fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Frar 1993, il-Kummissjoni tfakkar il‑limiti ta’ sussidji awtorizzati fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Settembru 1991.

11      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-3 ta’ Marzu 1993 (iktar ’il quddiem l‑“ewwel deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”), tas-17 ta’ Jannar 1994 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”), tal-20 ta’ Frar 1995, tat-18 ta’ Ottubru 1995 u tal‑11 ta’ Diċembru 1995, mibgħuta lir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, il‑Kummissjoni awtorizzat, skont id-Direttiva 90/684 kif emendata bid-Direttiva 92/68, l-għoti bin-nifs lil KWW ta’ għajnuna, minn naħa, għat-tħaddim u, min‑naħa l-oħra, għar‑ristrutturazzjoni għat-tarzna Warnow Werft.

12      L-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni biss huma rilevanti fir-rigward tal-għajnuna għat-tħaddim mogħtija lil KWW.

13      L-ewwel deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tipprevedi, b’mod partikolari, fir-rigward tal-għajnuna għat-tħaddim mogħtija lil KWW, dan li ġej:

“Fl-20 ta’ Lulju 1992, il-Kunsill adotta d-Direttiva [92/68] li emendat id-Direttiva [90/984] dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti. Id-Direttiva l-ġdida [92/68] tipprevedi eċċezzjoni għall-iiskema ta’ għajnuna għat-tħaddim favur it-tarzni tal-ex [Repubblika Demokratika Ġermaniża], sabiex issir ristrutturazzjoni li issa hija urġenti, sabiex jerġgħu jsiru kompetittivi.

Dwar il-privatizzazzjoni tat-[tarzna Warnow Werft], il-Kummissjoni rċeviet mingħand il-gvern Ġermaniż il-verżjoni definittiva [tal-kuntratt ta’ akkwist], flimkien ma’ spjegazzjonijiet. Waqt laqgħa fit-2 ta’ Frar 1993, l-awtoritajiet Ġermaniżi taw speċifikazzjonijiet addizzjonali. B’hekk, il-Kummissjoni setgħet tiġbor l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-iskema speċjali tad‑Direttiva [92/68] kinux sodisfatti fil-każ [tat-tarzna Warnow Werft …]

Meta l-Kummissjoni approvat din id-deroga, hija żgurat lill-Kunsill li hija kienet ser tuża s-setgħat tagħha ta’ verifika u ta’ sorveljanza sabiex it-tarzni [li jinsabu fit-territorju tal-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża] jiksbu biss l‑għajnuna strettament meħtieġa għar-ristrutturazzjoni tagħhom.

[…]

[I]l-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix, skont id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva [90/684] dwar il-kostruzzjoni ta’ bastimenti u d-Direttiva [92/68], il-ħlas tal‑ewwel pagament bin-nifs tal-għajnuna [għat-tarzna Warnow Werft] fil‑Ġermanja. Dan il-pagament bin-nifs jikkonsisti fi:

–        [DEM] 45 500 000 bħala għajnuna għat-tħaddim, [DEM] 11 700 000 bħala kumpens għal parti mit-telf li jirriżulta minn [kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti] wara l-1 ta’ Lulju 1990, li bħalissa qegħdin jiġu eżegwiti, u [DEM] 6 100 000 bħala għajnuna għall-kompetittività kif ukoll ħlas ta’ [DEM] 27 750 000 fil-kapital tagħha.

[…]”

14      It-tieni deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tipprevedi, b’mod partikolari, rigward għajnuna għat-tħaddim mogħtija lil KWW, dan li ġej:

“Minħabba l-obbligi li attwalment daħal għalihom il-gvern Ġermaniż [f’dak li jikkonċerna l-kapaċità ta’ produzzjoni tat-tarzna Warnow Werft], il-Kummissjoni [...] ddeċidiet, skont id-Direttiva [90/684] dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti u d-Direttiva [92/68] li emendat id‑Direttiva [90/684], li ma toġġezzjonax għat-tieni pagament bin-nifs ta’ għajnuna għat-[tarzna Warnow Werft] fil-Ġermanja; dan il-pagament bin‑nifs jikkonsisti fi:

–        [DEM] 617 100 000 bħala għajnuna għat-tħaddim, li minnhom [DEM] 113 500 000 jitħallsu fi flus kontanti; f’din l-aħħar ċifra huma inklużi [DEM] 66 900 000 ta’ għajnuna għall-kompetittività u [DEM] 46 600 000 sabiex ikopru parti mit-telf li jirriżulta minn kuntratti [ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti] iffirmati qabel fl-1 ta’ Lulju 1990. Din l-għajnuna għat‑tħaddim hija l-ogħla minn dik l-għajnuna li tista’ titħallas lit-tarzna [Warnow Werft] għal kuntratti konklużi sal-31 ta’ Diċembru 1993.

[…]”

15      Fit-8 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 1999/675/KE, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil KWW (ĠU L 274, p. 23). L-imsemmija deċiżjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2000/416/KE, tad-29 ta’ Marzu 2000 (ĠU L 156, p. 39), li fiha l‑Kummissjoni kkonkludiet, essenzjalment, li sa fejn KWW kienet qabżet il-limitu tal-kapaċità ta’ produzzjoni awtorizzata għas-sena 1998, l-għajnuna għal ammont ta’ DEM 82 200 000 li ngħatatilha kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

16      Fil-15 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/336/KE, dwar l‑għajunna mill-Istat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil KWW (ĠU L 120, p. 12), li fiha kkonkludiet, essenzjalment, li sa fejn KWW kienet qabżet il-limitu tal‑kapaċità tal‑produzzjoni awtorizzata wkoll għas-sena 1997, l‑għajnuna għal ammont ta’ DEM 12 600 000 li ngħatatilha kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

17      Fit-28 ta’ Frar 2002, fis-sentenza tagħha Kvaerner Warnow Werft vs Il‑Kummissjoni (T‑227/99 u T‑134/00, Ġabra p. II-1205), il‑Qorti tal‑Prim’Istanza annullat iż-żewġ deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni msemmija fil-punti 15 u 16 hawn fuq peress li, essenzjalment, il‑Kummissjoni żbaljat meta qabblet il-kunċett ta’ limitu ta’ kapaċità ma limitu ta’ produzzjoni effettiva. Fid-29 ta’ April 2004, il‑Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Kvaerner Warnow Werft (C‑181/02 P, Ġabra p. I‑5703), l-appell ippreżentat mill‑Kummissjoni mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

18      Fl-20 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/374/KE dwar l‑għajnuna mill-Istat implementata mill‑Ġermanja favur KWW (ĠU 2005, L 120, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

19      Fil-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija talbet, fis-16 ta’ Ġunju 1999, informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi dwar l‑oriġini tal-fondi li, skont informazzjoni ppubblikata fl-istampa Ġermaniża fit-12 ta’ Ġunju 1999, kienu ppermettew lil KWW tagħti self ta’ madwar EUR 205 000 000 lil Kvaerner. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni speċifikat li t-talbiet tagħha kienu intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmija fondi “mhumiex ġejjin minn pagamenti għall-għajnuna għal ristrutturazzjoni mħallsa b’eċċess lil [KWW] jew jekk għandhomx elementi oħra ta’ għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

20      Skont l-eżami tagħha, minn naħa, il-Kummissjoni tikkonstata, fil‑premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, li “il-movimenti tal‑flus kontanti [bejn KWW u Kvaerner] ma jidhrux li jirriżultaw minn għajnuna eċċessiva mogħtija waqt il‑perijodu ta’ ristrutturazzjoni li ntemm fl-1995” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

21      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirrileva, fil-premessi 120 u 121 tad‑deċiżjoni kkontestata, li, skont l-informazzjoni li ngħatatilha mir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja, KWW irċeviet għajnuna mill-Istat li taqbeż DEM 25 999 000, li tikkorrispondi għad‑differenza bejn l-ammont totali ta’ għajnuna li KWW irċeviet “waqt il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri DEM 430 100 000, u t-telf reali marbut mal-kuntratti ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti mġarrab minn KWW (iktar ’il quddiem it-“telf marbut mal-kuntratti”), jiġifieri DEM 404 101 000.

22      Il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata li:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat [għal ammont] ta’ EUR 13 293 077 (DEM 25 999 000) mogħtija mir-[Repubblika Federali tal-Ġermanja] favur [KWW] hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1. Ir-[Repubblika Federali tal-Ġermanja] għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna illegali msemmija fl-Artikolu 1 minn [KWW].

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal‑Prim’Istanza fis-16 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti, Aker Warnow Werft GmbH u Kvaerner ASA, ippreżentaw dan ir-rikors.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L‑Ewwel Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, permezz ta’ ittri tas-6 ta’ Diċembru 2007 u tas-7 ta’ Jannar 2008, stiednet lill-partijiet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni previsti fl‑Artikolu 64 tar‑Regoli tal-Proċedura, jwieġbu l mistoqsijiet bil-miktub u jippreżentaw ċerti dokumenti. Il‑partijiet irrispondew għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

25      Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti talbu li ċerti dokumenti pprovduti mill‑Kummissjoni bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni meħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza jiġu sfilzati mill-proċess peress li dawn id-dokumenti ma kinux rilevanti għall‑kwistjoni fil‑kawża (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kkontestati”). Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Frar 2008, il‑Kummissjoni sostniet li d-dokumenti kkontestati kienu rilevanti sabiex tingħata risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza bagħtitilha.

26      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2008. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talba tar‑rikorrenti li d‑dokumenti kkontestati jiġu sfilzati mill-proċess, sa fejn ġew ippreżentati mill‑Kummissjoni bħala risposta għad‑domandi li sarulha. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni tagħtiha ċerti dokumenti fi żmien ħmistax-il ġurnata. Il-Kummissjoni rrispondiet għal din it-talba fit-18 ta’ Marzu 2008. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 2008, ir‑rikorrenti ppreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar l‑imsemmija dokumenti.

27      Il-proċedura orali ngħalqet fil-25 ta’ April 2008.

28      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq il-mertu

30      Ir-rikorrenti jqajmu erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħhom. L‑ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li l‑Kummissjoni żbaljat meta kkontestat fid‑deċiżjoni kkontestata għajnuna eżistenti, u li hija ma setgħetx tordna li din tiġi rkuprata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni marbut mal-fatt li KWW ma kienet irċeviet ebda għajnuna eċċessiva inkwantu l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti huwa fir-realtà inqas mill-ammont ta’ telf reali mġarrab f’dan ir-rigward. It‑tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mid‑dewmien fil-ftuħ tal-proċedura u mill-imġiba tal-Kummissjoni qabel il-ftuħ ta’ tagħha. Ir-raba’ motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal‑għajnuna li għandha titħallas lura.

31      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir‑rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli kkonkludiet li KWW irċeviet ammont totali ta’ għajnuna ta’ DEM 430 100 000, li jikkorrispondi għal DEM 450 000 000 ta’ għajnuna sabiex jiġi kopert it-telf marbut mal-kuntratti u DEM 62 500 000 ta’ għajnuna għall-kompetittività, li minnhom għandu jitnaqqas l‑ammont ta’ DEM 82 400 000 ta’ għajnuna għat-tħaddim awtorizzata mill‑Kummissjoni iżda mhux imħallsa lil Kvaerner, sabiex tkopri t‑telf reali tagħha marbut mal-kuntratti, li jammonta għal DEM 404 101 000. It-tieni motiv jista’ jinqasam f’żewġ partijiet.

32      Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li KWW irċeviet, għas-self biss marbut mal-kuntratti, għajnuna mħallsa fi flus kontanti ta’ ammont totali ta’ DEM 58 300 000, kif jirriżulta mill‑ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, u mhux ta’ DEM 450 000 000, kif ikkunsidrat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

33      Peremzz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l‑ammont ta’ DEM 62 500 000 li rċeviet KWW bħala kumpens għall‑għajnuna għall-kompetittività li ma ngħatatx ma kellhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tal-ammont totali tal-għajnuna mogħtija sabiex jiġi kopert it-telf marbut mal-kuntratti.

34      Peress li dawn iż-żewġ partijiet huma intiżi li jistabbilixxu li l-ammont totali ta’ għajnuna li rċeviet KWW sabiex tkopri t-telf tagħha tal‑kuntratti ma jeċċedix l‑ammont totali tat-telf reali sostnuti f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis opportun li tibda l-eżami tagħha bit-tieni parti tat-tieni motiv.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid‑determinazzjoni tal-għajnuna rċevuta li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fid‑deċiżjoni kkontestata

 Argumenti tal-partijiet

35      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta inkludiet is-somma ta’ DEM 62 500 000, mogħtija bħala kumpens għall-għajnuna għall-kompetittività mhux imħallsa, fl-ammont totali ta’ għajnuna li KWW irċeviet sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti biss. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l-ammont totali ta’ għajnuna li rċeviet sabiex tkopri t‑telf tagħha ta’ tħaddim marbut mal-kuntratti kien inqas mill-ammont tat-telf tagħha reali sostnut f’dan ir‑rigward u, għalhekk, KWW ma bbenefikat minn ebda għajnuna eċċessiva.

36      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm l-għajnuna għall‑kompetittività tikkostitwixxi wkoll għajnuna għat-tħaddim, madankollu hija ma kellhiex l-għan li tikkumpensa esklużivament it‑telf marbut mal-kuntratti, hekk kif jirriżulta mill‑ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kif ukoll mid‑dokumenti nnotifikati mir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni. Skont ir‑rikorrenti, l-għajnuna għall‑kompetittività hija intiża fil-fatt sabiex it-tarzni kollha li jinsabu fil-Komunità jibqgħu kompetittivi mat-tarzni Ażjatiċi li jibbenefikaw minn sussidji tali li joħolqu distorsjoni fis‑suq dinji tal-kostruzzjoni ta’ bastimenti. Il-fatt li l-ammont tal-għajnuna għall‑kompetittività kien iddeterminat skont l-ammont tal‑kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti ma jfissirx madankollu li l-għoti tal‑imsemmija għajnuna jiddependi mit-telf li l-imsemmija kuntratti jistgħu joħolqu. Ir-rikorrenti jallegaw għalhekk li KWW setgħet liberament talloka l-għajnuna għal‑kompetittività għal spejjeż oħra ta’ tħaddim milli għat-telf maħluq mill‑kuntratti.

37      Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil‑mitkub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-għajnuna għall‑kompetittività ġiet awtorizzata skont l‑Artikolu 4 tad‑Direttiva 90/684 u l-linji gwida għall-għoti tal-għajnuna għall‑kompetittività lit-tarzni li jinsabu fil-Ġermanja fit-territorju msemmi fl-Artikolu 3 tal-Ftehim tal-unifikazzjoni (Richtlinen für die Gewährung von Wettbeverbshilfen an Werften in der Bundesrepublik Deutschland auf dem in Artikel 3 des Einigungsvertrages genannten Gebiet, iktar ’il quddiem il-“linji gwida Ġermaniżi”) tat-22 ta’ Lulju 1991 (Bundesanzeiger 1991, p. 5153). Ir‑rikorrenti jsostnu li l-imsemmija linji gwida ġew innotifikati u approvati mill‑Kummissjoni. Issa, minn dawn jirriżulta, b’mod partikolari, li indipendentement mill-fatt li l-għajnuna għall-kompetittività setgħet ingħatat skont il‑konklużjoni ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti jew le, din xorta tista’ tintuża għall‑ispejjeż ta’ tħaddim, minflok għat-telf ikkawżat mill‑imsemmija kuntratti.

38      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-għajnuna għall‑kompetittività tikkostitwixxi somma definittiva, li ma tistax tiġi rkuprata. Min-naħa, huma josservaw li l-linji gwida Ġermaniżi jipprevedu espressament li l-għajnuna għall-kompettività mogħtija ma tistax titħallas lura. Min-naħa l-oħra, huma jallegaw li l‑għajnuna għall-kompetittività li ngħatat lil KWW ma kinitx użata sabiex tkopri telf marbut mal-kuntratti iżda li hija ġiet allokata, mill-aspett ta’ kontabbiltà, għar-riżervi ta’ KWW li kienu tnaqqsu minn spejjeż oħra ta’ tħaddim.

39      Il-Kummissjoni tirrispondi li hija ma żbaljatx meta inkludiet l-ammont ta’ għajnuna rċevuta bħala għajnuna għall-kompetittività fl-ammont totali tal‑għajnuna li rċeviet KWW sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti sa fejn, kif hija kkonstatat fil-premessi 94 sa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna għall‑kompetittività, minn naħa, kienet ġiet awtorizzata sabiex tkopri t-“telf matul ir-ristrutturazzjoni” u, min-naħa l‑oħra, kienet “forma ta’ dħul” li ppermetta lil KWW tnaqqas it-telf tagħha marbut mal-kuntratti u, għalhekk, il-ħtieġa tagħha ta’ għajnuna għat‑tħaddim.

40      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil‑miktub u orali tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-għajnuna għall‑kompetittività ngħatat skont l‑Artikolu 4 tad-Direttiva 90/684 u li hija kellha l-għan li tippermetti lit-tarzni kollha li jinsabu fil-Komunità jiġġieldu l-kompetizzjoni inġusta pprattikata minn ċerti pajjiżi Ażjatiċi li jissussidjaw it-tarzni li jinsabu fit-territorju tagħhom. Minn naħa, il‑Kummissjoni tispjega f’dan ir-rigward li, għalkemm mhux meħtieġ li KWW issostni telf marbut mal-kuntratti sabiex tibbenefika mill‑għajnuna għall‑kompetittività, jibqa’ l-fatt li din l-għajnuna ġiet ikkalkolata skont il-prezz tal-bejgħ stabbilit f’kull kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti konkluż. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-għoti tal‑imsemmija għajnuna kellha l-effett li tnaqqas it-telf marbut mal-kuntratti. Min‑naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna għall‑kompetittività għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl‑ammont totali tal-għajnuna mogħtija biss fir-rigward tat-telf marbut mal‑kuntratti peress li jirriżulta minn ittra li hija bagħtet lir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja fis-27 ta’ Novembru 1992 li KWW kienet aċċettat li tirċievi l‑ammont ta’ DEM 450 000 000 ta’ għajnuna bħala telf marbut mal-kuntratti, u mhux DEM 569 600 000 bħalma kien inizjalment maħsub bejn it-THA u Kvaerner waqt in‑negozjati esklużivi tagħhom, biss minħabba l‑fatt li l-għajnuna għall‑kompetittività kienet tingħatalha wkoll sabiex tkopri t-telf tagħha marbut mal-kuntratti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

41      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta inkludiet, fl-ammont ta’ għajnuna riċevuta sabiex tkopri l-ispejjeż marbuta mal‑kuntratti, l-ammont ta’ DEM 62 500 000 mogħtija bħala kumpens tal‑għajnuna għall‑kompetittività mhux imħallsa.

42      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li huwa ta’ natura tali li jista’ jiġġustifika l‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il‑provi miġjuba mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iwaqqgħu l-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-fatti kkonstatati fid‑deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat‑12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 59).

43      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l‑Kummissjoni wettqet raġunament fi tliet stadji fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tasal għall‑konklużjoni li KWW rċeviet għajnuna għal-ammont ta’ DEM 25 999 000, ikkategorizzat bħala eċċess fid-dawl tal‑ammont ta’ telf reali tagħha marbut mal‑kuntratti.

44      Preliminarjament, wara li fakkret, fil-premessi 13 sa 19 tad‑deċiżjoni kkontestata, l-elementi differenti ta’ għajnuna awtorizzata b’mod partikolari fl-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, il‑Kummissjoni indikat, fil-premessa 118 tad‑deċiżjoni kkontestata, li hija bbażat ruħha fuq ir-rapport tal‑awditur ta’ KWW dwar l‑użu tal-għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 1995, mibgħut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill‑Kummissjoni fid-9 ta’ Lulju 1996 (iktar ’il quddiem ir‑“rapport tad-9 ta’ Lulju 1996”), sabiex tikkonstata li KWW rċeviet l-għajnuna li ġejja:

–        DEM 450 000 000 sabiex jiġi kopert tat-telf marbut mal-kuntratti;

–        DEM 62 500 000 bħala kumpens għal-fatt li KWW ma rċevietx l‑għajnuna għall-kompetittività.

45      Dwar l-ammont ta’ DEM 62 500 000 riċevut bħala kumpens għall‑għajnuna għall‑kompetittività mhux imħallsa, jirriżulta mill‑premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat li għajnuna għall-kompetittività kienet ġiet awtorizzata fl-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għal ammont totali ta’ DEM 73 000 000, iżda li parti mill-imsemmi ammont, jiġifieri DEM 10 500 000, ma kinux ingħataw definittivament lil KWW, peress li ngħata lilha ammont ta’ DEM 62 500 000 biss.

46      Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat, fil-premessi 91 u 117 tad‑deċiżjoni kkontestata, li KWW ma kinitx eżegwiet ċerti kuntratti dwar ċerti tipi ta’ bastimenti (“Kassettenschiffe”) u li hija għalhekk ma kienet irċeviet ebda għajnuna għal dan il-għan. Għalhekk, il‑Kummissjoni indikat li ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna li hija kienet awotrizzat għal kompetizzjoni għall-ammont korrispondenti għall-imsemmija kuntratti, jiġifieri DEM 34 600 000, li kienu jagħmlu parti mill‑għajnuna totali għat-tħaddim ta’ ammont ta’ DEM 617 100 000 awtorizzata fit-tieni deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

47      Il-Kummissjoni kkonstatat b’hekk, fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti rċevew ammont totali ta’ għajnuna, “waqt il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni”, ta’ DEM 512 500 000, li jikkorrispondi għal DEM 450 000 000 sabiex jiġi kopert it-telf marbut mal-kuntrtatti u għal DEM 62 500 000 bħala kumpens għall‑għajnuna għall-kompetittività mhux imħallsa.

48      It-tieni nett, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont ta’ telf reali marbut mal-kuntratti ta’ KWW, hekk kif jirriżulta mir‑rapporti tal-espert li ngħataw lilha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat‑30 ta’ Ġunju 1999, jammonta għal DEM 404 101 000.

49      Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li, fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, li KWW irċeviet għajnuna akbar mit-telf reali marbut mal-kuntratti ta’ ammont ta’ DEM 108 399 000.

50      It-tielet nett, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 116 u 121 tad‑deċiżjoni kkontestata, li KWW ma rċevietx ammont ta’ DEM 82 400 000 ta’ “għajnuna għat-tħaddim [li hija stess kienet] awtorizzat għar-ristrutturazzjoni”, u li jikkorrispondi għall‑“annullament ta’ djun qodma”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il‑Kummissjoni qieset li “tikkumpensa għajnuna eċċessiva għal telf marbut mal-kuntratti bl‑ammont mhux riċevut ta’ għajnuna għat‑tħaddim jidher konformi mal‑impenn meħud minn[ha] fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-benefiċjarju jirċievi biss l-għajnuna meħtieġa għar-ristrutturazzjoni”.

51      Il-Kummissjoni ddeduċiet minn din l-aħħar konstatazzjoni l‑konsegwenza, fil‑premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, li l‑ammont ta’ DEM 82 400 000 għandu jitnaqqas mill-għajnuna eċċessiva ta’ ammont ta’ DEM 108 399 000 li KWW irċeviet għat‑telf marbut mal-kuntratti.

52      Huwa b’hekk fid-dawl tat-tliet konstatazzjonijiet li KWW, l-ewwel nett, irċeviet ammont totali ta’ għajnuna “waqt ir‑ristrutturazzjoni” ta’ DEM 512 500 000, it‑tieni nett, sostniet telf reali marbut mal-kuntratti għal ammont totali ta’ DEM 404 101 000 u, it-tielet nett, ma bbenefikatx mill-ħlas ta’ għajnuna ta’ DEM 82 400 000 li kienet ġiet awtorizzata, li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 121 tad‑deċiżjoni kkontestata, li KWW ibbenefikat minn għajnuna li teċċedi ammont ta’ DEM 25 999 000 li għandu jitħallas lura.

53      Għalhekk, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat fid‑deċiżjoni kkontestata li l-ammont ta’ DEM 62 500 000 li KWW rċeviet bħala kumpens għall-għajnuna għall‑kompetittività mhux imħallsa tagħmel parti mill‑għajnuna intiża, u li serviet, sabiex tkopri t-telf reali marbut mal‑kuntratti u li l-imsemmi ammont seta’ jiġi rkuprat, għall-inqas parzjalment.

54      Min-naħa l-oħra, jekk jiġi preżunt li KWW kienet rċeviet DEM 450 000 000 ta’ għajnuna abbażi tat-telf marbut mal-kuntratti biss u li, kif jallegaw ir-rikorrenti, l‑ammont ta’ DEM 62 500 000 ta’ għajnuna għall-kompetittività ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, allura hemm lok li jiġi kkonstatat li l‑Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat għajnuna eċċessiva. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, l-għajnuna totali rċevuta abbażi tat-telf marbut mal-kuntratti jkun, wara tnaqqis ta’ għajnuna ta’ DEM 82 400 000 mhux imħallsa, ta’ ammont ta’ DEM 367 600 000, li huwa inqas mill‑ammont totali ta’ DEM 404 101 000 li jikkorrispondi għat-telf reali sostnut minn KWW f’dan ir-rigward.

55      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, f’din il-kawża, il‑Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ DEM 62 500 000 mogħtija lil KWW bħala kumpens għall-għajnuna għall-kompetittività mhux imħallsa sabiex jiġi ddeterminat l-ammont totali tal-għajnuna li KWW rċeviet sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti.

56      L-ewwel nett, huwa paċifiku li l-għajnuna awtorizzata sabiex tkopri t-telf marbut mal-kuntratti u l-għajnuna għall-kompetittività jagħmlu t-tnejn parti mill‑kategorija ta’ għajnuna għat-tħaddim prevista mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684.

57      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, li siltiet minnhom ġew riprodotti fil-punti 13 u 14 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni ċara bejn l-għajnuna intiża sabiex tkopri t-telf marbut mal‑kuntratti u l-għajnuna għall-kompetittività. Fil-fatt, minn naħa, l‑imsemmija deċiżjonijiet jipprevedu rispettivament ammont ta’ “għajnuna għall‑kompetittività” ta’ DEM 6 100 000 u ta’ DEM 66 900 000, jiġifieri ammont totali ta’ DEM 73 000 000 li minnhom DEM 62 500 000 biss tħallsu u dan huwa fatt li mhuwiex ikkontestat mill-partijiet. Ma ġiex speċifikat li din l-għajnuna kellha tiġi allokata għall-kopertura tat-telf marbut mal-kuntratti. Min-naħa l-oħra, l‑imsemmija deċiżjonijiet jipprevedu rispettivament ammont ta’ għajnuna ta’ DEM 11 700 000 u ta’ DEM 46 600 000 li, fir-rigward tagħha, ġie speċifikament previst li din għadha sservi biss sabiex “tkopri parti mit-telf li ġej mill-kuntratti tal‑kostruzzjoni ta’ bastimenti ffirmati wara l‑1 ta’ Lulju 1990”.

58      Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ akkwist li l‑Kummissjoni bbażat ruħha fl-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-punti 13 u 14 hawn fuq jirriżulta li l-għajnuna maħsuba għat-telf marbut mal‑kuntratti kienet differenti minn dik marbuta mal-kompettività. Minn naħa, skont l‑Artikolu 7(6) tal-kuntratt ta’ akkwist, it-THA kellha tagħti għajnuna għal ammont ta’ “DEM 450 000 000 sabiex jiġi ffinanzjat it-telf […] waqt il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni dovut għan‑nuqqas fil-produttività [ta’ KWW] u għal telf ieħor marbut man-nuqqas [f’dak il-mument] ta’ kompetittività ta’ [KWW]”. Min-naħa l‑oħra, skont l-Artikolu 18(1) tal-imsemmi kuntratt, it‑THA impenjat ruħha li tħallas ammont ta’ DEM 73 000 000 lil KWW fil-każ fejn din tal-aħħar ma tkunx irċeviet l‑għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti. Bl-istess mod, fil-pjan provviżorju ta’ ħlas ta’ għajnuna mill-Istat, li ġie anness mal-kuntratt ta’ akkwist u nnotifikat lill-Kummissjoni, l-ammonti ta’ għajnuna għall‑kompetittività ġew ikkunsidrati b’mod separat mill-ammonti ta’ għajnuna intiża għall-kopertura ta’ telf ieħor ta’ tħaddim, inkluż dak marbut mal-kuntratti.

59      Għalhekk, għalkemm l-għajnuna intiża li tkopri t-telf marbut mal‑kuntratti u l‑għajnuna għall-kompetittività jagħmlu parti t‑tnejn li huma mill-kategorija ta’ għajnuna għat-tħaddim imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684, jibqa’ l‑fatt li l‑Kummissjoni, fl-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, u dan skont id-dokumenti li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikatilha, tagħmel distinzjoni bejniethom, li għandhom ikollhom għanijiet differenti, jiġifieri, minn naħa, li jiġi kopert it-telf marbut mal-kuntratti ta’ KWW u, min-naħa l-oħra, li jiġi kkumpensat in-nuqqas ta’ kompetittività tagħha.

60      It-tieni nett, id-deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 1993, li biha l‑Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684, iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir‑rigward tal-emendi magħmula, mill-awtoritajiet Ġermaniżi, għall-iskema ta’ għajnuna għall-kompetittività favur tarzni Ġermaniżi, bl-ebda mod ma tgħid li l‑għajnuna għall-kompetittività għandha tiġi allokata għall-kopertura tat-telf marbut mal-kuntratti. Fil-fatt, jirriżulta mill‑imsemmija deċiżjonijiet li l-iskema ta’ għajnuna għall‑kompetittività, innotifikata mir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, kienet intiża sabiex it-tarzni Ġermaniżi jkunu jistgħu jibqgħu kompetittivi “meta jkunu f’kompetizzjoni ma’ tarzni ta’ pajjiżi li jagħtu għajnuna ogħla għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti”, mingħajr, madankollu, ma l‑Kummissjoni tispjega għal liema telf speċifiku l-għajnuna għal-kompetittività għandha tintuża.

61      Il-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra hi stess li l‑għajnuna għall‑kompetittività mhijiex intiża neċessarjament sabiex tkopri telf marbut mal‑kuntratti.

62      Minn naħa, il-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-iskema applikabbli għall-għajnuna għall‑kompetittività, li “skont [l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/684] it-tarzni [li jinsabu fit-territorju Ġermaniż] jistgħu jirċievu għajnuna [għall‑kompetittività], indipendentement mill-fatt li l-kuntratt [ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti] kkonċernat qed isosnti telf jew le”, li, “[f]i kliem ieħor, ma kienx meħtieġ li jkun hemm telf marbut ma’ kuntratt [ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti] sabiex tibbenfika minn għajnuna [għall‑kompetittività]”, jew ukoll, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal‑Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, li “hu min hu jista’ jkollu din l‑għajnuna, indipendentement mill-fatt li hemm telf jew le”. Għalhekk, il‑Kummissjoni aċċettat, għall-inqas impliċitament, li ma hemmx rabta kawżali bejn l-għoti tal-għajnuna għall‑kompetittività u l-fatt li l-konklużjoni tal-kuntratti jikkawża telf jew le. Għalhekk hemm lok li f’dan ir-rigward jiġi miċħud bħala irrilevanti l‑argument tal-Kummissjoni li l-għajnuna għall-kompetittività għandha tiġi allokata għall-kopertura tat-telf marbut mal-kuntratti għall-motiv li l-ammont tal-imsemmija għajnuna ġie kkalkolat skont il-valur ta’ kull kuntratt ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti konkluż.

63      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 3(1) tal-linji gwida Ġermaniżi jirriżulta li “[l‑]għajnuna għall-kompetittività tista’ tingħata meta ordnijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni tal-[bastimenti] ġew konklużi b’mod definittiv mit-tarzni Ġermaniżi bejn l-1 ta’ Lulju 1990 u l-31 ta’ Diċembru 1993”. Madankollu, l‑imsemmija linji gwida bl‑ebda mod ma jispjegaw li l-għajnuna għall‑kompetittività għandha tingħata biss għall-kopertura tat-telf marbut mal‑kuntratti u mhux għal telf ieħor marbut mat-tħaddim tat-tarzni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ dan ir-riferiment huwa konformi mal‑għan stess tal-għajnuna għall-kompetittività li, kif jirriżulta mid‑deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 1993 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), hija intiża li tippermetti lit-tarzni Ewropej kollha, u mhux biss lit-tarzna Warnow Werft, li tiġġieled kontra l‑kompetizzjoni li hemm fis-suq dinji minn ċerti pajjiżi Ażjatiċi, u dan indipendentement mill-fatt jekk hemmx jew le, telf fl‑imsemmija tarzni marbut mal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti.

64      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Frar 1993, il-linji gwida Ġermaniżi u l-għan stess tal‑għajnuna għal-kompetittività, KWW ma kinitx obbligata talloka l-imsemmija għajnuna għal spejjeż speċifiċi bħalma huma t‑telf marbut mal-kuntratti.

65      It-tielet nett, ir-rapport tad-9 ta’ Lulju 1996 jindika li KWW effettivament rċeviet somma ta’ DEM 62 500 000 bħala kumpens tal-għajnuna għall‑kompetittività mhux imħallsa u li l-imsemmija għajnuna taqa’ taħt l‑għajnuna għat-tħaddim. Madankollu, dan ir‑rapport ma jispeċifikax li din is-somma kellha l-għan li, u effettivament serviet sabiex, tkopri l-ispejjeż marbuta mal‑kuntratti. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi kkonstatat li l‑Kummissjoni ma tikkontestax id‑dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-ammont li KWW rċeviet bħala kumpens tal‑għajnuna għall‑kompetittività kienet ġiet allokata, mill‑aspett ta’ kontabbiltà, għar-riżervi ta’ KWW u mhux għall-kopertura tat‑telf marbut mal-kuntratti.

66      Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ir‑rapport tad-9 ta’ Lulju 1996 sabiex tikkunsidra li l-għajnuna għall‑kompetittività effettivament intużat biss sabiex tkopri t-telf marbut mal‑kuntratti.

67      Ir-raba’ nett, għandu jiġi enfasizzat li, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta, il‑Kummissjoni ma kkontestatx l‑argumenti tar-rikorrenti li jgħidu, essenzjalment, li KWW setgħet tuża l‑għajnuna għall-kompetittività sabiex tkopri l-ispejjeż oħra barra dawk li jirriżultaw mit-telf marbut mal-kuntratti.

68      Għalhekk jirriżulta mill-konstatazzjonijiet li saru qabel, minn naħa, li l-għajnuna għall-kompetittività tikkostiwixxi għajnuna għat-tħaddim li l-allokazzjoni tagħha setgħet liberament tiġi ddeterminata minn KWW u, min-naħa l-oħra, li l‑Kummissjoni ma stabbilixxitx li l‑imsemmija għajnuna kienet ġiet effettivament allokata minn KWW għall‑kopertura għall-ispejjeż tagħha marbuta mal-kuntratti.

69      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-għajnuna għall‑kompetittività għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-għajnuna li kienet ingħatat lil KWW sabiex tkopri biss it-telf marbut mal-kuntratti.

70      L-argumenti mqajma mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jistgħux jintlaqgħu.

71      L-ewwel nett, l-argumenti tal-Kummissjoni li l-għajnuna għall-kompetittività għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna mogħti sabiex jiġi kopert it-telf marbut mal-kuntratti għax l‑imsemmija għajnuna tagħmel parti mill-ammont totali ta’ għajnuna awtorizzata “waqt il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni” jew għax din tikkostitwixxi “forma ta’ dħul” li jippermetti li jitnaqqas l-ammont ta’ għajnuna totali għat-tħaddim mogħti lil KWW għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti. Fil-fatt dawn l‑argumenti bl-ebda mod ma jinvalidaw il‑konstatazzjonijiet spjegati fil-punti 68 u 69 hawn fuq.

72      Barra minn hekk, l-argument tal‑Kummissjoni li Kvaerner, fil-kuntest tan‑negozjati esklużivi li hija għamlet mat-THA għall-akkwist minn KWW tat‑tarzna Warnow Werft, aċċettat li KWW tirċievi DEM 450 000 000 biss għat‑telf marbut mal-kuntratti, u mhux DEM 569 600 000 kif fil-bidu kien maħsub, sabiex KWW tirċievi wkoll l‑għajnuna għall-kompetittività, għandu jiġi miċħud ukoll bħala irrelevanti. Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punt 68 hawn fuq, peress li l-Kummissjoni espressament awtorizzat l-għoti lil KWW ta’ għajnuna għall-kompetittività, l-imsemmija għajnuna ma tistax titiqies li hija għajnuna mogħtija lil KWW sabiex tkopri t-telf biss marbut mal-kuntratti, li għandha titħallas lura fil-każ ta’ ħlas eċċessiv.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma huwa neċessarju li l-Qorti tal‑Prim’Istanza tiddeċiedi fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv kif ukoll fuq il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

74      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il‑kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

75      F’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni tilfet, għandha tiġi kkundannata għall‑ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/374/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill‑Ġermanja favur Kvaerner Warnow Werft, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Aker Warnow Werft GmbH u Kvaerner ASA.

Tiili

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta’ Marzu 2009.

E. Coulon

 

      V. Tiili

Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.