Language of document : ECLI:EU:T:2009:61

Kawża T-68/05

Aker Warnow Werft GmbH u Kvaerner ASA

vs

Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Kostruzzjoni ta’ bastimenti — Ex Repubblika Demokratika Ġermaniża — Għajnuna mħallsa sabiex tkopri spejjeż ta’ telf marbut ma’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti — Għajnuna marbuta mal-kompetittività — Nuqqas ta’ ħlas eċċessiv”

Sommarju tas-sentenza

Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti

(Direttiva tal-Kunsill 90/684, Artikolu 4(1))

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684, dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti, jiddisponi li “l-għajnuna għall‑produzzjoni favur [it-tarzni] tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni, sakemm l-ammont totali tal-għajuna mogħtija minn kuntratt [ta’ kostruzzjoni u ta’ trasformazzjoni ta’ bastimenti] ma jaqbiżx, f’sussidju ekwivalenti, limitu massimu komuni espress f’perċentwali tal‑valur kuntrattwali qabel l-għajnuna”.

B’hekk, għajnuna mħallsa sabiex tkopri spejjeż ta’ telf marbut ma’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti u għajnuna marbuta mal-kompetittività jagħmlu t-tnejn parti mill‑kategorija ta’ għajnuna għat-tħaddim prevista mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/684.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra li għajnuna marbuta mal-kompetittività għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-għajnuna li kienet ingħatat lill-benefiċjarju sabiex tkopri biss it-telf marbut ma’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti, hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, f’deċiżjoni inizjali, tkun wettqet distinzjoni bejn l-għajnuniet, billi tkun ikkunsidrat li dawn għandhom ikollhom għanijiet distinti, jiġifieri, minn naħa, jikkumpensaw in-nuqqas ta’ kompetittività tal-benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, ikopru t-telf marbut mal-imsemmija kuntratti.

(ara l-punti 2, 56, 59, 60, 69)