Language of document : ECLI:EU:T:2009:166

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

2 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Fil-Kawża T‑47/03 DEP,

Jose Maria Sison, residenti f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentat minn J. Fermon, A. Comte, H. Schultz u D. Gürses, avukati,

rikorrent

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Vitsentzatos u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut

li għandha bħala suġġett talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li għandhom jitħallsu lura mill-Kunsill lir-rikorrent, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill (T‑47/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Seba’ Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President tal-Awla, D. Šváby u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Frar 2003, ir-rikorrent, J. Sison, ippreżenta rikors li għandu bħala suġġett inizjali, minn naħa, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/974 KE, tat-12 ta’ Diċembru 2002, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2002/848/KE (ĠU L 337, p. 85), u, min-naħa l-oħra, talba għal kumpens.

2        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru fit-28 ta’ Frar 2003, ir-rikorrent ippreżenta talba għal miżuri provviżorji intiża, prinċipalment, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2002/974. B’digriet tal-15 ta’ Mejju 2003, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad din it-talba, minħabba li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza ma kinitx sodisfatta, u rriżerva l-ispejjeż.

3        B’digrieti tas-16 ta’ Lulju u tat-22 ta’ Ottubru 2003, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza l-intervent, minn naħa, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta’ Fuq insostenn tat-talbiet tal-Kunsill u, min-naħa l-oħra, tan-Negotiating Panel of the National Democratic Front of the Philippines kif ukoll ta’ L. Jalandoni, F. Agcaoili u ta’ M. C. Ledesma (iktar ’il quddiem in-“Negotiating Panel u l-membri tagħha”) insostenn tat-talbiet tar-rikorrent.

4        Peress li l-att ikkontestat inizjalment bir-rikors kien ġie abrogat u ssostitwit diversi drabi fil-kors tal-proċedura, b’atti li żammew dejjem l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent u peress li huwa ġie awtorizzat jirriformula t-talbiet tiegħu b’mod li jkunu indirizzati kontra dawn l-atti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill (T‑47/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il-quddiem is-“sentenza Sison”):

–        annullat id-Deċiżjoni 2006/379/KE tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2006, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 294M, 25.10.2006. p. 196), sa fejn tirrigwarda lir-rikorrent;

–        ċaħdet it-talba għal kumpens;

–        ikkundannat lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll tar-rikorrent, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għall-miżuri provviżorji.

5        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrent ittrażmetta lill-Kunsill id-dettalji tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura fil-kawża prinċipali u dawk għall-miżuri provviżorji li, skont huwa, kienu jammontaw għal EUR 109 009.35.

6        Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill ikkontesta dan l-ammont u ppropona li jħallas is-somma ta’ EUR 45 000 għall-ispejjeż li jistgħu jinġabru. Huwa invoka, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-15 ta’ Jannar 2008, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill (T‑228/02 DEP, mhux ippubblikat fil-Ġabra, iktar ’il-quddiem id-“Digriet OMPI”).

7        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrent wera n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-ammont tal-ispejjeż propost mill-Kunsill u stiednu jagħmel offerta iktar “raġonevoli”.

8        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill iddikjara li kien dispost iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 50 000.

9        Peress li ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn il-partijiet fuq is-somma tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, ir-rikorrent, b’rikors ippreżentat fir-Reġistru fl-1 ta’ Diċembru 2008, ressaq, skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-talba preżenti għal intaxxar tal-ispejjeż.

10      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru fis-26 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din it-talba.

11      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tikkundanna lill-Kunsill iħallas lilu, minn naħa, bħala spejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċeduri fil-kawża prinċipali u għall-miżuri provviżorji, is-somma ta’ EUR 109 009.35, miżjuda bl-interessi moratorji b’rata ta’ 7 % fis-sena li jibdew jiddekorru mit-3 ta’ Marzu 2008 sal-ħlas kollu u, min-naħa l-oħra, bħala spejjeż sostnuti għall-proċedura preżenti, is-somma ta’ EUR 2 000.

12      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiffissa l-ammont globali tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru sa ammont ta’ mhux iktar minn EUR 30 300.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

13      Ir-rikorrent jagħmel riferiment, minn naħa, għall-ittra tiegħu lill-Kunsill, tat-3 ta’ Marzu 2008, li magħha kellha l-lista dettaljata tal-ispejjeż kollha sostnuti minnu, inklużi l-onorarji tal-avukati u l-ispejjeż tar-redazzjoni, tal-kopji, tal-ivvjaġġar, tal-posta, tal-faks u tat-telefon. Huwa jirrileva li dawn l-ispejjeż kollha kienu indispensabbli għad-difiża tiegħu u li ġew ikkalkolati b’mod raġonevoli. Il-Kunsill ma kien qajjem l-ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

14      Ir-rikorrent jagħmel riferiment, min-naħa l-oħra, għall-ittra tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2008, li fiha kien qed isir riferiment għal ċertu numru ta’ differenzi bejn il-kawża preżenti u l-kawża li wasslet għad-digriet OMPI (iktar ’il-quddiem il-“Kawża OMPI”).

15      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ivvalutat għal EUR 50 000, u mhux għal EUR 40 000, l-ammont globali tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru fil-kawża OMPI, u madankollu l-Kunsill kien marbut li jbati biss erba’ partijiet minn ħamsa ta’ dan l-ammont. Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill kien ġie kkundannat iħallas l-ispejjeż kollha.

16      It-tieni nett, fil-kawża OMPI, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ivvalutat l-ammont tal-ispejjeż u ħlasijiet oħra varji għal EUR 2 500 ex aequo et bono, fin-nuqqas ta’ lista dettaljata ta’ dawn l-ispejjeż. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent kien debitament iġġustifika d-dettall tal-EUR 11 509.35 mitluba f’dan ir-rigward.

17      It-tielet nett, l-ispejjeż marbuta mal-proċedura għall-miżuri provviżorji kienu jammontaw, f’dan il-każ, għal EUR 7 500, minflok l-EUR 5 000 proposti mill-Kunsill.

18      Ir-raba’ nett, f’dan il-każ kien indispensabbli li tiġi stabbilita relazzjoni ta’ xogħol ma’ avukati fil-Filippini, b’mod partikolari sabiex jinġabru l-provi neċessarji għad-difiża tar-rikorrent.

19      Il-ħames nett, fil-kawża OMPI, kien biss ir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li intervjena, filwaqt li fil-kawża preżenti kienu intervjenew ukoll, apparti dan l-Istat Membru, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u n-Negotiating Panel u l-membri tagħha. Barra minn hekk, dawn l-intervenjenti tal-aħħar kienu pparteċipaw attivament fil-proċedura.

20      Is-sitt nett, finalment, fil-kawża OMPI l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet irrilevat (punt 66 tad-digriet tagħha) li r-rikors kellu 19-il paġna biss, li iktar minn nofshom kienu kunsiderazzjonijiet ta’ ebda rilevanza. Din il-kritika ma tirrigwardax il-kawża preżenti, li fiha kienu ġew żviluppati argumenti differenti.

21      F’kull każ, ir-rikorrent isostni li, fin-nuqqas ta’ kull kontestazzjoni konkreta tal-lista dettaljata tal-ispejjeż sostnuti minnu, l-analoġija bejn il-kawża preżenti u l-kawża OMPI ma tistax titqies li hija argument deċiżiv.

22      Huwa jqis, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkundanna lill-Kunsill iħallsu l-interessi moratorji bir-rata ta’ 7 % fis-sena li jibew jiddekorru mit-3 ta’ Marzu 2008 sal-ħlas kollu.

23      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqis li t-talba preżenti hija l-konsegwenza tal-atteġġament irraġonevoli tal-Kunsill u li minħabba f’dan jirriżultaw spejjeż supplimentari li jistgħu jiġu vvalutati ex aequo et bono għal EUR 2 000.

24      Il-Kunsill josserva li l-ammont tal-ispejjeż mitlub mir-rikorrent huwa eċċessiv fid-dawl ta’ dak mogħti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża OMPI.

25      Huwa jikkontesta b’mod iktar partikolari d-differenzi allegati bejn il-kawża preżenti u l-kawża OMPI u jsostni, bil-kontra, li, fir-rigward tal-proċedura fil-kawża prinċipali, l-avukati tar-rikorrent kellhom oġġettivament jipprovdu l-istess ammont ta’ xogħol bħal dak tar-rikorrenti fil-kawża OMPI. Fir-rigward tal-proċedura għall-miżuri provviżorji, il-Kunsill isostni li din u l-proċedura fil-kawża prinċipali wasslu għal repetizzjoni kbira ta’ argumenti. Konsegwentement, l-ammont tal-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura kien relativament baxxa u ma kellux jaqbeż l-EUR 5 000.

26      Fir-rigward tat-tariffi tal-onorarji applikabbli f’dan il-każ, il-Kunsill jirrileva li l-avukati tar-rikorrent effettivament ipprattikaw tariffa fis-siegħa ta’ EUR 150. Fl-opinjoni tiegħu, din hija t-tariffa li għandha titqies f’dan il-każ, pjuttost minn dik ta’ EUR 250 meqjusa raġonevoli fil-kawża OMPI.

27      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ispejjeż u diversi ħlasijiet oħra, il-Kunsill isostni li l-ammont tagħhom ma kellux jaqbeż l-EUR 2 500 ffissat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża OMPI.

28      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kunsill iqis li l-ammont globali tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru f’dan il-każ kellu jkun ta’ EUR 30 300, skont il-kalkolu segwenti:

–        proċedura principali: (190 siegħa x EUR 150 = EUR 28 500) – 1/5 = EUR 22 800;

–        proċedura għall-miżuri provviżorji : EUR 5 000;

–        Spejjeż u ħlasijiet oħra diversi: EUR 2 500.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

29      Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura:

“Fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet li mhuwiex appellabbli, fuq talba tal-parti interessata, u wara li tisma’ l-osservazzjonijiet tal-parti bl-osservazzjonijiet tagħha.”

30      Skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru dawk “l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, partikolarment l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ l-alloġġ, kif ukoll ir-remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent, jew avukat.” Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-28 ta’ Ġunju 2004, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99 DEP, Ġabra p. II‑1785, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Komunitarja mhijiex kompetenti tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, imma li tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet li jistgħu jinġabru mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-Qorti tal-Prim’Istanza la għandha tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha (ara d-digriet Airtours vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji ta’ natura tariffarja applikabbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha liberament tevalwa l-informazzjoni tal-kawża, billi tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-kontroversja, l-importanza tagħha fid-dawl tad-dritt Komunitarju kif ukoll tad-diffikultajiet tal-kawża, tal-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet tikkawża lill-aġenti jew lill-konsulenti li jintervjenu u l-interessi ekonomiċi li l-kwistjoni jkollha għall-partijiet (ara d-digriet Airtours vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi vvalutat l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru f’dan il-każ.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li l-kawża preżenti għandha analoġiji stretti mal-kawża OMPI, f’dak li jirrigwarda l-interess ekonomiku li ż-żewġ kontroversji għandhom għar-rikorrenti rispettivi (digriet OMPI, punt 51), is-suġġett u n-natura ta’ dawn il-kontroversji, l-importanza tagħhom fid-dawl tad-dritt Komunitarju u tad-diffikultajiet ta’ dawn il-kawżi (digriet OMPI, punti 52, 53, 55 u 58). Numru kbir ta’ punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Prim’Istanza barra minn hekk għandhom affarijiet komuni mal-motivi tas-sentenza Sison u ma dawk tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill (T‑228/02, Ġabra p. II‑4665), mogħtija fil-kawża OMPI. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma setax jibbenefika mill-preċedent stabbilit minn din l-aħħar sentenza, mogħtija madwar sitt xhur wara li seħħet is-seduta għat-trattazzjoni fil-kawża preżenti.

35      Jidher għaldaqstant xieraq li l-kawża OMPI sservi ta’ punt ta’ riferiment għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru f’dan il-każ.

36      Fir-rigward tal-ammont ta’ xogħol li l-proċedura inkwistjoni setgħet tikkawża lill-konsulenti tar-rikorrent, mil-lista dettaljata tal-ispejjeż annessa mal-ittra tiegħu lill-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2008 jirriżulta li n-numru globali ta’ sigħat ta’ xogħol li għalihom qed jintalab ħlas, bir-rata uniformi ta’ EUR 150, jammonta għal 650 (553 siegħa ta’ servizzi ta’ avukat, li magħhom jiżdiedu 97 siegħa ta’ konsultazzjonijiet mal-avukati Filippini tar-rikorrent).

37      Jekk dawn is-sigħat ta’ xogħol jidhru debitament ġustifikati mil-lat ta’ kontabbiltà, hija madankollu l-Qorti Komunitarja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni prinċipalment in-numru globali ta’ sigħat ta’ xogħol li jistgħu jidhru li huma oġġettivament ġustifikati għall-finijiet tal-proċedura inkwistjoni, indipendentement min-numru ta’ avukati li bejniethom setgħu kienu mqassma s-servizzi pprovduti (ara d-digriet OMPI, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li n-novità u l-importanza tal-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma u l-interess ekonomiku tal-kontroversja jiġġustifikaw li l-avukati tar-rikorrent jiddedikaw għaliha ammont kbir ta’ xogħol (digriet OMPI, punt 60).

39      Madankollu, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tinsabx fil-pożizzjoni li tqis li l-ispiża ta’ EUR 97 500, li jikkorrispondu għal 650 siegħa xogħol ta’ avukati, li qed tiġi ddikjarata hija oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura li seħħet quddiemha.

40      L-ewwel nett, għalkemm mill-kunsiderazzjoni ta’ qabel jirriżulta li l-kwistjoni setgħet teżiġi ammont ta’ xogħol kbir mill-avukati tar-rikorrent, in-numru globali ta’ sigħat ta’ xogħol li għalihom qed jintalab il-ħlas jidher, prima facie, għoli ħafna fid-dawl ta’ dak meqjus li kien xieraq fil-kawża OMPI.

41      Fid-digriet OMPI (punt 70), fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, għall-finijiet tal-kalkolu tal-onorarji indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-istanza, li l-kontroversja kellha oġġettivament bżonn, matul il-fażi tal-proċedura bil-miktub, ta’ 150 siegħa xogħol minn avukat ta’ esperjenza, imħallas b’tariffa fis-siegħa ta’ EUR 250, u, matul il-fażi tal-proċedura orali, ta’ 40 siegħa xogħol mill-istess avukat.

42      Għandu jintqal ukoll li dawn il-190 siegħa xogħol ġew attribwiti għar-rikors kollu, inkluża t-talba għall-annullament ta’ pożizzjoni komuni u t-talba għad-danni, li t-tnejn li huma ġew miċħuda bħala inammissibbli, li għalhekk il-Kunsill ġie kkundannat ibati biss erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

43      It-tieni nett, id-differenzi allegati mir-rikorrent bejn il-kawża preżenti u l-kawża OMPI mhumiex tali li jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza twettaq evalwazzjoni differenti ħafna f’dan il-każ.

44      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, b’mod partikolari x-xogħol li kienu jinvolvu, f’dan il-każ, il-proċeduri għall-miżuri provviżorji, l-evalwazzjoni tar-rikorrent ta’ 50 siegħa (li tikkorrispondi għal komplement ta’ onorarji ta’ EUR 7 500) tidher eċċessiva, fid-dawl tar-repetizzjoni kbira ta’ argumenti, irrilevat mill-Kunsill u ċċertifikat mill-paragun tar-rikorsi rispettivi, bejn din il-proċedura u l-proċedura fil-kawża prinċipali.

45      F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, in-neċessità li fiha sab ruħu r-rikorrent, f’dan il-każ, li jagħmel użu mis-servizzi ta’ avukati barranin, f’dan il-każ Filippini, il-Kunsill ġustament jirrileva li anki fil-kawża OMPI r-rikorrenti kellha tagħmel użu mis-servizzi ta’ avukati Ingliżi sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-proċedura li tagħha l-OMPI kienet is-suġġett fir-Renju Unit.

46      Fir-rigward, it-tielet nett, tan-numru ikbar ta’ intervenjenti fil-kawża preżenti u tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċedura, il-Kunsill ġustament ukoll jenfasizza, minn naħa, li r-rikorrent irrisponda għan-noti ta’ intervent tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit bl-istess osservazzjonijiet qosra bil-miktub li jinvokaw l-istess argumenti u, min-naħa l-oħra, li huwa sempliċiment, fl-osservazzjonijiet tiegħu, qabel mal-intervent tan-Negotiating Panel u tal-membri tagħha insostenn tat-talbiet tiegħu.

47      Fir-rigward, ir-raba’ nett, tad-differenzi ta’ natura kwantitattiva, u kwalitattiva, bejn il-kitbiet tar-rikorrent fil-kawża preżenti u dawk tar-rikorrenti fil-kawża OMPI (ara, f’dan ir-rigward, id-digriet OMPI, punt 66), huwa minnu li r-rikors promotur kien iktar żviluppat fil-kawża preżenti milli fil-kawża OMPI. Barra minn dan, l-atti proċedurali bil-mitub l-oħra kellhom tul u sustanza paragunabbli u ż-żewġ kawżi qajmu kwistjonijiet proċedurali analogi, kemm matul il-fażi tal-proċedura bil-miktub kif ukoll matul il-fażi tal-proċedura orali.

48      It-tielet nett, għalkemm huwa minnu li l-ħlas fis-siegħa ta’ EUR 150 li qed jintalab mir-rikorrent jidher raġonevoli ħafna meta mqabbel ma dawk ta’ EUR 200, 300 u 500 mitluba mir-rikorrenti fil-kawża OMPI (digriet OMPI, punt 64), dan il-ħlas ma jistax jitqies li huwa xieraq sabiex jitħallsu s-servizzi ta’ professjonist kompetenti u ta’ esperjenza, li jkun kapaċi jaħdem b’mod effikaċi u mgħaġġel. Madankollu ser tittieħed inkunsiderazzjoni din id-differenza fir-rata fl-evalwazzjoni tan-numru globali ta’ sigħat ta’ xogħol indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura inkwistjoni f’dan il-każ.

49      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandu jitqies, għall-finijiet tal-kalkolu tal-onorarji indispensabbli sostnuti mir-rikorrent għall-finijiet tal-istanza fil-kawża prinċipali u għall-miżuri provviżorji, li l-kontroversja oġġettivament għandha bżonn, matul il-fażi tal-proċedura bil-miktub, ta’ 160 siegħa xogħol minn avukat ta’ esperjenza, li għalih il-ħlas, bit-tariffa fis-siegħa pprattikata attwalment ta’ EUR 150 li l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis xieraq tivvaluta f’EUR 24 000 (150 mmoltiplikat b’160). Barra minn hekk, għandu jitqies li l-kontroversja kellha bżonn, matul il-fażi tal-proċedura orali, ta’ 50 siegħa xogħol mill-istess avukat, li għalih il-ħlas għandu jiġi vvalutat f’EUR 7 500.

50      Ma’ dawn l-ammonti għandhom jiżdiedu wkoll l-ispejjeż u d-diversi ħlasijiet oħra li l-Kunsill isostni ma għandhomx jaqbżu l-EUR 2 500 ffissati ex aequo et bono mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża OMPI, imma li jammontaw, skont l-lista dettaljata annessa mal-ittra tar-rikorrent tat-3 ta’ Marzu 2008, għal EUR 11 509.35.

51      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala spejjeż li jistgħu jinġabru l-ispejjeż kollha ta’ redazzjoni, ta’ kopji, ta’ posta, ta’ faks u ta’ telefon, peress li jidhru debitament ġustifikati minn din il-lista u vvalutati b’mod raġonevoli.

52      Għandhom, min-naħa l-oħra, jitneħħew l-ispejjeż tal-ivvjaġġar marbuta ma’ disa’ vjaġġi tal-avukati tar-rikorrent minn Brussell għal Utrecht, f’ammont ta’ EUR 1 620, dawk marbuta ma’ żewġ vjaġġi tar-rikorrent minn Utrecht għall-Lussemburgu, f’ammont ta’ EUR 760, u dawk marbuta ma vjaġġ tal-avukati tar-rikorrent minn Brussell għall-Lussemburgu, f’ammont ta’ EUR 218. Fil-fatt, la l-ispejjeż ta’ vjaġġ sostnuti minn avukat sabiex jiltaqa’ personalment mal-klijent fir-residenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Marzu 1994, ENU vs Il‑Kummissjoni, C‑107/91 DEP, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 23), la dawk sostnuti minn rikorrent sabiex jipparteċipa personalment fis-seduta għat-trattazzjoni fil-Lussemburgu, mingħajr ma l-preżenza tiegħu tkun intalbet mill-Qorti tal-Prim’Istanza jew tkun ġiet imposta miċ-ċirkustanzi (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Settembru 1981, Oberthür vs Il‑Kummissjoni, 24/79 DEP, Ġabra p. 2229, punti 2 u 3, u tas-16 ta’ Diċembru 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑137/92 DEP, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 21 u 22 ; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-8 ta’ Lulju 1998, Branco vs Il‑Kummissjoni, T‑85/94 DEP u T‑85/94 OP‑DEP, Ġabra p. II‑2667), la dawk sostnuti mill-avukat ta’ parti wara l-għeluq tal-proċedura orali, b’mod partikolari sabiex ikun preżenti personalment meta tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Lussemburgu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Jannar 2004, Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑104/89 DEP, Ġabra p. I‑1, punti 48 sa 50), ma jistgħu jitqiesu, bħala prinċipju, li huma indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura.

53      Konsegwentement, l-ammont globali tal-ispejjeż u tal-ħlasijiet oħra varji jistgħu jinġabru huwa ta’ EUR 8 911.35.

54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, valutazzjoni ekwa tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru għandha tiġi ffissata għall-ammont ta’ EUR 41 000.

55      Peress li dan l-ammont jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument ta’ meta ngħata d-digriet preżenti, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni separata dwar l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 87) u lanqas fuq it-talba għal ħlas ta’ interessi moratorji (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja ENU vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 26, u tas-6 ta’ Novembru 1996, Preussag Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑220/91 P‑DEP, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 11; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-10 ta’ Frar 2009, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05 DEP, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 43).

56      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-eżitu tiegħu, ma hemmx lok li jiżdied l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru billi tiżdied magħhom somma fir-rigward tal-proċedura preżenti bħala intaxxar tal-ispejjeż (ara, f’dan is-sens, id-digriet Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 88).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Is-Seba’ Awla)

tordna

L-ammont globali tal-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li Jose Maria Sison huwa ffissat fis-somma ta’ EUR 41 000.

Mogħti fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Ġunju 2008.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      N. J. Forwood


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.