Language of document : ECLI:EU:T:2009:166

Kawża T‑47/03 DEP

Jose Maria Sison

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Sommarju tad-digriet

1.      Proċedura — Spejjeż — Intaxxar — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura — Spejjeż — Intaxxar — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura — Spejjeż — Intaxxar — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Intervent minn diversi avukati

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 91(b))

1.      Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet.

F’dan ir-rigward, ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura, la l-ispejjeż ta’ vjaġġ sostnuti minn avukat sabiex jiltaqa’ personalment mal-klijent fir-residenza tiegħu, la dawk sostnuti minn rikorrent sabiex jipparteċipa personalment fis-seduta għat‑trattazzjoni fil-Lussemburgu, mingħajr ma l-preżenza tiegħu tkun intalbet mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jew tkun ġiet imposta miċ-ċirkustanzi, la dawk sostnuti mill‑avukat ta’ parti wara l-għeluq tal-proċedura orali, b’mod partikolari sabiex ikun preżenti personalment meta tingħata s-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza fil‑Lussemburgu.

(ara l-punti 30, 52)

2.      Il-Qorti Komunitarja mhijiex kompetenti tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, imma li tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it‑talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji ta’ natura tariffarja applikabbli, il‑Qorti tal-Prim’Istanza għandha liberament tevalwa l-informazzjoni tal-kawża, billi tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-kontroversja, l-importanza tagħha fid-dawl tad-dritt Komunitarju kif ukoll tad-diffikultajiet tal-kawża, tal-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet tikkawża lill-aġenti jew lill‑konsulenti li jintervjenu u l-interessi ekonomiċi li l-kwistjoni jkollha għall‑partijiet.

(ara l-punti 31, 32)

3.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni, fid-dawl tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, tal-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet tikkawża lill-konsulenti tar-rikorrent, hija l-qorti Komunitarja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni prinċipalment in-numru globali ta’ sigħat ta’ xogħol li jistgħu jidhru li huma oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura kontenzjuża, indipendentement min-numru ta’ avukati li bejniethom is-servizzi pprovduti setgħu jitqassmu.

F’dan ir-rigward, f’kawża li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi ta’ rikorrent, in-novità u l-importanza tal-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma u l-interess ekonomiku tal‑kontroversja jiġġustifikaw a priori li l-avukati tar-rikorrent jiddedikaw għaliha ammont kbir ta’ xogħol.

(ara l-punti 37, 38)