Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Greċja) fit30 ta’ Jannar 2024 – WI vs Anexartiti Archi Dimosion Esodon

(Kawża C73/24, Keladis II )1

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: WI

Konvenut: Anexartiti Archi Dimosion Esodon

Domandi preliminari

Meta jitnisslu dubji fondati fuq il-kwistjoni dwar jekk il-valur iddikjarat għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata huwiex il-valur ta’ tranżazzjoni reali tagħha iżda li, waqt il-kontroll a posteriori, huwa impossibbli – għar-raġuni, minn naħa, li l-merkanzija evitat is-sekwestru u għalhekk ma tistax tkun suġġetta għal kontroll fiżiku u min-naħa l-oħra, li d-deskrizzjoni tagħha fid-dokumenti li jakkumpanjaw id-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni ssir f’termini ġenerali u impreċiżi – li jiġi ddeterminat il-valur ta’ tranżazzjoni abbażi tal-metodi (valur ta’ tranżazzjoni ta’ prodotti identiċi u simili) imsemmija fl-Artikolu 30(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità)  u fl-Artikolu 74(2)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni) , prassi amministrattiva li tikkonsisti fit-teħid, bħala bażi tad-determinazzjoni tal-valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija, fil-kuntest tal-“metodu deduttiv” imsemmi fid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, tal-“prezzijiet ta’ limitu” – li jinsabu fl-għodda ta’ sorveljanza awtomatizzata (Automated Monitoring Tool, fil-qosor “AMT”) tas-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (Anti Fraud Information System, fil-qosor “AFIS”) u li huma ddeterminati permezz ta’ metodi statistiċi – hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u tal-Artikolu 74(2)(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni?1

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-użu ta’ dawn il-“prezzijiet ta’ limitu ” huwa awtorizzat fil-kuntest ta’ kwalunkwe metodu ieħor imsemmi fid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 30 u 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u tal-Artikolu 74(1) sa (3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni? Liema tkun b’mod iktar partikolari r-risposta, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-flessibbiltà raġonevoli li għandha jkollha l-applikazzjoni tal-“metodu fall back” (metodu “ta’ riżerva”) imsemmi fl-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni espressa – prevista, għal dan l-istess “metodu fall back”, fl-Artikolu 31(2)(f) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 144(2)(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni  – li l-valur għal skopijiet doganali jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ valuri minimi għal skopijiet doganali?1

Fil-każ ta’ risposta negattiva għaż-żewġ domandi preċedenti, id-dritt tal-Unjoni jippermetti li l-VAT evitata ma tiġix imputata lil importatur li sussegwentement ikun importa (barra minn hekk, b’mod sistematiku) merkanzija bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk iddeterminati bħala l-prezzijiet minimi kummerċjalment vijabbli meta, waqt il-kontroll a posteriori, l-awtoritajiet doganali ma jkunux f’pożizzjoni li jiddeterminaw, permezz ta’ wieħed mill-metodi msemmija fl-Artikoli 30 u 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 74(1) sa (3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata, jew huwa permess f’tali każ, bħala l-aħħar għażla, li din l-imputazzjoni ssir fuq il-bażi tal-prezzijiet minimi aċċettabbli stabbiliti permezz ta’ metodi statistiċi, kif diġà ġie aċċettat fil-każ tal-imputazzjoni mill-Kummissjoni tat-telf ta’ riżorsi proprji kontra Stat Membru li ma jkunx wettaq il-kontrolli doganali xierqa (ara s-sentenza tat8 ta’ Marzu 2022, IlKummissjoni vs IrRenju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni), C213/19, EU:C:2022:167)?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni jew għat-tielet domanda preċedenti, il-valuri minimi ddeterminati permezz ta’ metodi statistiċi għandhom ikunu rappreżentattivi ta’ importazzjonijiet li seħħew fl-istess ħin jew kważi fl-istess ħin bħall-importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-kontroll? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’inhu l-intervall ta’ żmien massimu tollerabbli bejn l-importazzjonijiet użati sabiex jinkiseb ir-riżultat statistiku u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-kontroll [pereżempju, applikazzjoni b’analoġija tal-perijodu ta’ 90 jum imsemmi fl-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju u fl-Artikolu 142(2) tar-Regolament 2015/2447]?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal waħda mill-ewwel tliet domandi, fir-rigward tal-użu tal-“prezzijiet ta’ limiti” għad-determinazzjoni tal-valuri ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija importata: fil-każ li hija l-proċedura ta’ simplifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali permezz tar-raggruppament tal-merkanzija fi klassi tariffarja waħda – proċedura prevista fl-Artikolu 81 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 177 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni – li tkun ġiet segwita waqt l-importazzjoni, il-prinċipju tal-projbizzjoni li jinżammu valuri doganali arbitrarji jew fittizji jippermetti prassi amministrattiva li permezz tagħha l-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija kollha importata taħt kull dikjarazzjoni ta’ importazzjoni jiġi kkalkolat abbażi tal-“prezz ta’ limitu” stabbilit għall-prodott inkwistjoni, li l-klassi tariffarja tiegħu tkun ġiet inkluża fid-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni, għar-raġuni li l-awtorità doganali tqis li hija marbuta – b’mod partikolari skont l-Artikolu 222(2)(b) tar-Regolament Nru 2015/2447 – bir-raggruppament imwettaq mill-importatur? Jew inkella l-prezz ta’ kull prodott għandu, għall-kuntrarju, jiġi ddeterminat abbażi tal-intestatura tariffarja tiegħu stess, minkejja li l-kodiċi ma huwiex indikat fid-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ imputazzjoni ta’ dazji doganali u ta’ taxxi arbitrarji?

____________

1L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.

1ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2.

1ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195.