Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' April 2010 - AISCAT vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-182/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Associazione Italiana delle Società Concessionarie per la costruzione e l'esercizio di Autostrade e Trafori stradali (AISCAT) (Ruma, l-Italja) (rappreżentant: M. Maresca, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-10 ta' Frar 2010.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni Ewropea ta' Frar 2010, li eskludiet l-eżistenza ta' ksur tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE (li sar Artikolu 107 TFUE) mir-Repubblika Taljana għaliex din tat il-kostruzzjoni u l-ġestjoni ta' parti mill-awtostrada (Passante di Mestre) mingħajr sejħa għal offerti lil kumpannija mħallta pubblika/privata, is-CAV S.p.A (kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata li fiha ANAS S.p.A. u r-Reġjun Veneto għandhom azzjonijiet indaqs), u li ffinanzjat din il-kostruzzjoni b'żieda fit-tariffi li jitħallsu għall-użu ta' triq fil-parti tal-awtostrada parallela u kompetittriċi.

Il-motivi insostenn tal-eżistenza tal-ksur tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE (li sar Artikolu 107 TFUE) mir-Repubblika Taljana huma tnejn.

Fl-ewwel lok, il-fatt li r-Repubblika Taljan tat direttament lil CAV il-konċessjoni ta' kostruzzjoni u ġestjoni tal-Passante di Mestre permezz tal-Artikolu 2(290) tal-Liġi Nru 244 tal-24 ta' Diċembru 2007 jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkwantu l-kundizzjonijiet li jawtorizzaw is-sejħiet għal offerti magħrufa bħala in house ma kinux sodisfatti u li l-kumpannija li ngħatat l-offerta hija kumpannija mħallta li għandha vantaġġ kompetittiv minħabba l-karatteristiċi statutorji u ta' tmexxija tagħha. Fil-fatt, 50 % tal-azzjonijiet ta' CAV huma miżmuma minn ANAS li, minkejja li għandha rwol regolatorju pubbliku, teżerċita wkoll attività kummerċjali (kostruzzjoni u ġestjoni ta' awtostrada) fuq suq li tirregola hi stess u fuq liema hija stess hija konċedenti.

Fit-tieni lok, il-fatt li r-Repubblika Taljana approvat il-ftehim bejn ANAS (bħala korp konċedenti) u CAV, li kien jirrigwarda l-finanzjament tal-Passante di Mestre permezz ta' żieda fit-tariffi li jitħallsu għall-użu ta' triq fil-parti tal-awtostrada parallela u kompetittriċi, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur CAV.

Iż-żieda fit-tariffi, fil-fatt, kienet il-metodu li permezz tiegħu t-traffiku tal-vetturi bil-mutur ġie ddevjat lejn il-parti l-ġdida tal-awtostrada (Passante di Mestre) u, fl-istess ħin, din iż-żieda wasslet għal tnaqqis fit-traffiku fl-awtostrada kompetittriċi (Tangeziale di Mestre), li kienet suġġetta għal tali żieda. L-għajnuna għalhekk ma hijiex, fiha nnifisha, is-somma riżultanti miż-żieda fit-tariffi iżda l-vantaġġ kompetittiv illi CAV tieħu minn din iż-żieda filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-kumpanniji konċessjonarji tat-Tangenziale di Mestre jsofru telf.

____________