Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol (l-Awstrija) fit-30 ta’ Marzu 2018 – PI

(Kawża C-230/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Tirol

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: PI

Konvenut: Landespolizeidirektion Tirol

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu l-libertà li jfittex xogħol, li jaħdem, li jistabbilixxi ruħu jew li jipprovdi servizzi f’kull Stat Membru, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħall-Artikolu 19(3) tat-Tiroler Landespolizeigesetz (il-Liġi tal-Pulizija tal-Land ta’ Tirol), ippubblikata fil-LGB1 Nru 60/1976, emendata l-aħħar bil-liġi ppubblikata fil-LGB1 Nru 56/2017, tippermetti lill-organi ta’ awtorità, anki fl-assenza ta’ proċedura amministrattiva preċedenti, jieħdu miżuri ta’ poter dirett u ta’ poter koerċittiv, b’mod partikolari, l-għeluq ta’ stabbiliment fuq il-post, mingħajr ma tali miżuri jkunu sempliċement provviżorji?

Mill-perspettiva ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ rimedju effettiv, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, possibbilment flimkien mal-Artikoli 41 u 52 tal-istess Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, kif previst fl-Artikolu 19(3) u (4) tal-Liġi tal-Pulizija tal-Land ta’ Tirol, tipprovdi miżuri de facto ta’ poter dirett u ta’ poter koerċittiv, b’mod partikolari l-għeluq ta’ stabbiliment mingħajr dokumentazzjoni u mingħajr konferma lill-persuni kkonċernati?

Mill-perspettiva ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, possibbilment flimkien mal-Artikoli 41 u 52 tal-istess Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, kif previst fl-Artikolu 19(3) u (4) tal-Liġi tal-Pulizija tal-Land ta’ Tirol, għall-finijiet tal-annullament ta’ miżuri de facto ta’ poter dirett u ta’ poter koerċittiv, bħal pereżempju, l-għeluq ta’ stabbilimenti ta’ negozju, teżiġi li l-persuna affettwata minn dawn il-miżuri tressaq talba motivata sabiex tannulla dan l-għeluq?

Mill-perspettiva ta’ rimedju effettiv, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, possibbilment flimkien mal-Artikoli 52 tal-istess Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, kif previst fl-Artikolu 19(4) tal-Liġi tal-Pulizija tal-Land ta’ Tirol, fil-każ ta’ miżura de facto ta’ poter koerċittiv fil-forma tal-għeluq ta’ stabbiliment, tillimita d-dritt li titressaq talba għal annullament għal ċerti kundizzjonijiet?

____________