Language of document : ECLI:EU:C:2017:644

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

7 ta’ Settembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 7(1) – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Titjira li saret f’diversi segmenti – Kunċett ta’ ‘distanza’ li għandu jittieħed inkunsiderazzzjoni”

Fil-Kawża C‑559/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Hamburg (tribunal tad-distrett ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

Birgit Bossen,

Anja Bossen,

Gudula Gräßmann

vs

Brussels Airlines SA/NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B. Bossen, A. Bossen u G. Gräßmann, minn F. Puschkarski, avukat,

–        għal Brussels Airlines SA/NV, minn D. Smielick, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u M‑L. Kitamura, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Birgit Bossen, Anja Bossen u Gudula Gräßmann u Brussels Airlines SA/NV dwar ammont ta’ kumpens dovut lilhom minħabba dewmien twil li seħħ fuq titjira ta’ din il-kumpannija tal-ajru.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:


[…]

(h)      ‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares”.

4        Skont l-Artikolu 5(1)(c) ta’ dan ir-regolament:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ) jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i) huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii) huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii) huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dewmien

1.      Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

(a) għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b) għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

(ċ) għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

(i) l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

(ii) meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(iii) meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.      Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

6        L-Artikolu 7 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li:

“Dritt għall-kumpens

1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a) EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b) EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ) EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat. […]

4.      Id-distanzi mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mkejlin permezz tal-metodu tal-great circle route.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Ir-rikorrenti rriżervaw mingħand Brussels Airlines trasport biex jivjaġġaw minn Ruma (l-Italja) sa Hambourg (il-Ġermanja), b’titjira konnessa direttament fi Brussell (il-Belġju). It-titjira minn Ruma sad-destinazzjoni ta’ Brussell kellha titlaq fl-10 h 25 u tasal fit-12 h 40, dik minn Brussell sad-destinazzjoni ta’ Hambourg kellha titlaq fit-13 h 35 u tasal fl-14 h 45.

8        It-titjira minn Ruma sad-destinazzjoni ta’ Brussell ġiet imdewma. L-ajruplan wasal biss fit-13 h 22 fi Brussell u r-rikorrenti ma setgħux jilħqu t-titjira konnessa direttament fil-ħin.

9        Sussegwentement dawn ġew ittrasportati lejn Hambourg bit-titjira sussegwenti, li waslet fit-18 h 35, jiġifieri b’dewmien ta’ tul ta’ tliet sigħat u ħamsin minuta meta mqabbel mal-ħin tal-wasla inizjalment previst.

10      Skont il-metodu tal-great circle route, id-distanza bejn Ruma u Hambourg hija ta’ 1 326 km. Id-distanza bejn Ruma u Brussell hija ta’ 1 173 km u d-distanza bejn Brussell u Hambourg hija ta’ 483 km, jiġifieri distanza totali ta’ dawn iż-żewġ titjiriet jakkumulaw għal 1 656 km.

11      Ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem l-Amtsgericht Hamburg (tribunal tad-distrett ta’ Hambourg, il-Ġermanja) sabiex jiġu kkumpensati b’ammont ta’ EUR 400 kull waħda minnhom fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

12      Il-qorti tar-rinviju tindika li huwa stabbilit bejn il-partijiet li r-rikorrenti huma intitolati għal kumpens minħabba dewmien twil li seħħ, peress li Brussels Airlines kienet, barra minn hekk, diġà ħallset lil kull waħda minnhom EUR 250 fuq din il-bażi.

13      Ir-rikorrenti jitolbu issa ammont supplimentari ta’ EUR 150 kull waħda peress li l-kalkolu tad-distanza, fil-fehma tagħhom għandu jinkludi ż-żewġ segmenti tat-titjira tagħhom, u għalhekk ikun akbar minn 1 500 km, u mhux id-distanza tal-great circle route bejn Ruma u Hambourg.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Hamburg (tribunal tad-distrett ta’ Hamburg) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘distanza’ jinkludi biss id-distanza diretta, li għandha titkejjel skont il-metodu tal-great circle route, bejn il-post tat-tluq u l-aħħar destinazzjoni, u dan irrispettivament mid-distanza effettivament ivvjaġġata?”

 Fuq id-domanda preliminari

15      Peress tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “distanza” jkopri, fil-każ tar-rabtiet tal-ajru mat-titjiriet konnessi direttament, hija biss id-distanza bejn il-post tal-ewwel tluq u d-destinazzjoni finali, li għandha tiġi kkalkolata skont il-metodu tal-great circle route, u dan tkun xi tkun id-distanza tat-titjira attwalment ivvjaġġata.

16      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssubixxew, fil-wasla tad-destinazzjoni finali tagħhom, dewmien li jintitolahom għal kumpens. Id-determinazzjoni tal-ammont ta’ dan il-kumpens skont il-kundizzjonijiet magħmula fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 hija għalhekk biss inkwistjoni f’din il-kawża.

17      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-kliem tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxu, b’mod partikolari, li meta jsir riferiment għal dan l-Artikolu, il-passiġġieri jirċievu kumpens li l-ammont tiegħu jvarja minn EUR 250 sa EUR 600 skont id-distanza koperta mit-titjiriet ikkonċernati, fid-dawl tal-aħħar destinazzjoni tal-passiġġier ikkonċernat u li jinftiehem li din id-distanza għandha tiġi kkalkolata, konformement mal-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-regolament, skont il-metodu tal-great circle route.

18      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 dwar il-kanċellazzjonijiet, jagħmel riferiment għall-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra dan ma huwiex il-każ tal-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament dwar id-dewmien.

19      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li kull att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’konformità mal-liġi primarja kollha, inkluż bi ftehim mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx objettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 33).

20      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-passiġġieri tat-titjiriet imdewma ta’ tliet sigħat jew iktar u l-passiġġieri tat-titjiriet ikkanċellati u b’rotta differenti fil-kundizzjonijiet li ma josservawx il-limiti previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu kkunsidrati bħala f’sitwazzjonijiet paragunabbli, sa fejn jissubixxu kollha nuqqas ta’ ftehim simili, li huwa l-bażi tal-kumpens tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 34).

21      Minn dan isegwi li għandu jiġi interpretat ir-Regolament Nru 261/2004 fis-sens li l-passiġġieri tat-titjiriet imdewma bi tliet sigħat u iżjed għandhom jibbenefikaw mill-istess kumpens bħall-passiġġieri tat-titjiriet ikkanċellati, li jieħdu rotta differenti bil-kundizzjonijiet li ma josservawx il-limiti previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 38).

22      Din il-ġurisprudenza għandha tinftiehem bħala li teħtieġ li ż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri msemmija fil-punt preċedenti jkunu ttrattati b’mod ugwali mhux biss fir-rigward tal-istess ħolqien tad-dritt għal kumpens, iżda wkoll fir-rigward tal-ammont ta’ tali kumpens.

23      Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit li għandu jiġi interpretat l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) ta’ dan ir-regolament.

24      Issa, kif jirriżulta mill-kliem tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu dritt għal kumpens tal-passiġġieri mingħajr distinzjoni skont jekk jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom permezz ta’ titjira diretta jew b’titjira konnessa direttament.

25      Għandu jkun l-istess fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont ta’ tali kumpens.

26      Fil-fatt, l-għażla u l-portata tal-miżuri differenti miżmuma fi ħdan ir-Regolament Nru 261/2004 mil-leġiżlatur tal-Unjoni jvarjaw skont l-importanza tal-ħsarat subiti mill-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA U ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 85). L-iskali differenti tal-ammont tal-kumpens dovut lill-passiġġieri għandhom, konsegwentement, jitqiesu bħala li jittraduċu d-differenzi fil-kobor tal-inkonvenjenza li l-passiġġieri kkonċernati jissubixxu fil-każijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 261/2004.

27      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li dak li jiġġustifika l-kumpens tal-passiġġieri li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) ta’ dan ir-regolament huwa li, minħabba l-kanċellazzjoni in extremis tat-titjira tagħhom, huma prattikament imċaħħda mill-possibbiltà li jorganizzaw mill-ġdid b’mod liberu l-ispostament tagħhom. Konsegwentement, għalkemm, għal raġuni jew oħra, huma neċessarjament obbligati li jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom f’mument partikolari, huma ma jistgħu bl-ebda mod jevitaw it-telf ta’ ħin inerenti fis-sitwazzjoni l-ġdida, għaliex f’dan ir-rigward huma ma għandhom l-ebda marġni ta’ manuvra (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 35).

28      Fid-dawl tan-natura tal-inkonvenjenza b’hekk subita, il-fatt li ċerti passiġġieri, li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom permezz mhux ta’ titjira diretta, iżda, min-naħa l-oħra ta’ titjira konnessa direttament, li jwassal għal żieda effettiva tad-distanza ivvjaġġata f’dan il-każ tal-aħħar ma jaggravax huwa stess il-kobor ta’ tali inkonvenjenza meta mqabbel ma’ dak subit mill-passiġġieri ta’ titjira diretta.

29      Għalhekk hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni biss, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens, id-distanza bejn il-post tal-ewwel tluq u d-destinazzjoni finali, apparti minn eventwali titjiriet konnessi direttament.

30      Sussegwentement, kif jimplika r-rekwiżit invokat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi adottat l-istess metodu ta’ kalkolu fir-rigward tal-passiġġieri tat-titjiriet imdewma bi tliet sigħat u iktar.

31      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li fuq il-bażi tal-kumpens tagħhom tinsab l-inkonvenjenza li tikkonsisti li ssubixxew telf ta’ ħin ugwali jew iktar minn tliet sigħat meta mqabbel mal-ippjanar inizjali tat-trasport tagħhom, kif ikkonstatat, inkluż fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, fil-wasla fid-destinazzjoni finali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106, punt 35).

32      Issa, fid-dawl tan-natura tal-inkonvenjenza b’hekk subita, ta’ eventwali differenzi fid-distanza effettivament ivvjaġġati ma jinfluwenzaw huma stess b’ebda mod il-kobor ta’ tali inkonvenjenza.

33      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “distanza” jkopri, fil-każ tar-rabtiet tal-ajru mat-titjiriet konnessi direttament, hija biss id-distanza bejn il-post tal-ewwel tluq u d-destinazzjoni finali, li għandha tiġi kkalkolata skont il-metodu tal-great circle route, u dan tkun xi tkun id-distanza tat-titjira attwalment ivvjaġġata.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “distanza” jkopri, fil-każ tar-rabtiet tal-ajru mat-titjiriet konnessi direttament, hija biss id-distanza bejn il-post tal-ewwel tluq u d-destinazzjoni finali, li għandha tiġi kkalkolata skont il-metodu tal-great circle route, u dan tkun xi tkun id-distanza tat-titjira attwalment ivvjaġġata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.