Language of document : ECLI:EU:C:2019:99

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis‑6 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C591/17

Ir-Repubblika tal-Awstrija

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Artikolu 259 TFUE — Artikoli 18 TFUE, 34 TFUE, 56 TFUE u 92 TFUE — Direttiva 1999/62/KE — Użu ta’ awtostradi — Tariffa għall-użu tal-infrastruttura għal vetturi b’piż ta’ inqas minn 3.5 tunnellati — Tnaqqis fiskali mit-taxxa fuq il-vetturi — Diskriminazzjoni indiretta — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Politika komuni tat-trasport — Klawżola ta’ Standstill”






1.        La tiddiskriminax.

2.        Li kieku kien possibbli li l-korp sħiħ tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jinġabar fi ftit kmandamenti, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, b’mod partikolari dik ibbażata fuq in-nazzjonalità, probabbli tkun waħda minn tal-ewwel.

3.        Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità  hija stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE u l-Artikolu 21(2) tal-Karta, filwaqt li l-prinċipju usa’ ta’ nondiskriminazzjoni, li huwa espressjoni tagħha, jagħmel parti mill-valuri fundamentali tal-Unjoni (l-Artikolu 2 TUE), u mid-drittijiet protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 21 tagħha).

4.        Dan il-prinċipju huwa fil-qofol tal-kawża ineżami, waħda mill-kawżi vera rari li fiha, konformement mal-Artikolu 259 TFUE, Stat Membru beda proċedura ta’ ksur kontra Stat Membru ieħor.

5.        Fis-sottomissjonijiet tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tallega, essenzjalment, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi stabbilixxiet: (i) tariffa għall-użu tal-infrastruttura fuq l-utenti kollha tan-netwerk tal-awtostradi (iktar ’il quddiem it-“tariffa għall-użu tal-infrastruttura”), u (ii) tnaqqis fiskali mit-taxxa fuq il-vetturi, dovuta mis-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“vetturi nazzjonali”), ta’ ammont li mill-inqas huwa ugwali għall-ammont tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura dovuta minn dawn is-sidien (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis fiskali”) (2). B’mod partikolari, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-effett magħqud tal-miżuri inkwistjoni huwa li, fil-prattika, sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra biss (iktar ’il quddiem il-“vetturi barranin”) huma suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, u b’hekk tirriżulta diskriminazzjoni indiretta minħabba raġunijiet ta’ nazzjonalità.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser niddeskrivi r-raġunijiet għalfejn jien tal-fehma li r-rikors ippreżentat mill-Gvern Awstrijak għandu jiġi miċħud. B’mod partikolari, ser nispjega għalfejn l-argumenti bbażati fuq diskriminazzjoni allegata minħabba nazzjonalità huma bbażati fuq nuqqas ta’ komprensjoni fundamentali tal-kunċett ta’ “diskriminazzjoni”.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

7.        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (li jirreferu għaliha bħala d-“Direttiva Eurovignette”) (3) kif emendata tipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(1a), l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti partijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe parti oħra addizzjonali tan-netwerk tal-awtostradi tagħhom li mhux parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 7a sa 7k. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri, konformement mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra, dment li l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra bħal dawn ma jiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma jirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi.”

8.        L-Artikolu 7k ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, din id-Direttiva ma taffetwax il-libertà tal-Istati Membri li jintroduċu sistema ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent għall-infrastruttura li jipprovdu kumpens adegwat għal dawk il-ħlasijiet imposti.”

B.      Id-dritt Ġermaniż

9.        L-iktar dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, li kollettivament iktar ’il quddiem ser isir riferiment għalihom bħala l-“leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”, huma kif ġej.

1.      L-Att dwar it-Tariffi għall-Użu tal-Infrastruttura

10.      It-tariffa għall-użu tal-infrastruttura ġiet introdotta mill-Infrastrukturabgabengesetz (il-Liġi dwar it-Tariffi għall-Użu tal-Infrastrutturi) tat‑8 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem l-“InfraAG”) (4), fil-verżjoni li tirriżulta mill-paragrafu 1 tal-Liġi tat‑18 ta’ Mejju 2017 (5). Il-paragrafu 1 tal-infraAG jipprevedi l-ħlas ta’ tariffa għall-użu ta’ toroq federali fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Bundesfernstraßengeset (il-Liġi dwar it-Toroq Federali). (6)

11.      Skont il-paragrafi 3 u 7 tal-InfrAG, għal vetturi mhux barranin, it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura għandha titħallas, fil-forma ta’ vinjetta annwali, mis-sid tal-vettura. Skont il-paragrafu 5(1) tal-InfraAG, l-ammont tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura jiġi stabbilit permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità responsabbli. It-tariffa hija meqjusa li tiġi mħallsa meta tiġi rreġistrata l-vettura.

12.      Għal vetturi rreġistrati barra mill-Ġermanja, l-obbligu tal-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura huwa impost jew fuq is-sid jew fuq is-sewwieq tal-vettura matul l-użu f’toroq suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, u jibda, skont il-paragrafu 5(4) tal-InfrAG, mal-ewwel ċirkolazzjoni fuq tali toroq wara l-qsim ta’ fruntiera nazzjonali. It-tariffa għall-użu tal-infrastruttura għandha titħallas fil-forma ta’ vinjetta. F’dan ir-rigward, hemm għażla bejn vinjetta ta’ għaxart ijiem, vinjetta ta’ xahrejn u vinjetta annwali.

13.      L-ammont tat-tariffa dovuta huwa stabbilit fis-subparagrafu 1 tal-Anness tal-paragrafu 8 tal-InfrAG. Dan jiġi kkalkolat abbażi taċ-ċilindrata tal-magna, tat-tip ta’ magna (ta’ tqabbid bl-ispark jew bil-kompressjoni) u l-klassi tal-emissjoni. Il-prezz ta’ vinjetta ta’ għaxart ijiem ivarja bejn minimu ta’ EUR 2.50 sa massimu ta’ EUR 25. Il-prezz ta’ vinjetta ta’ xahrejn ivarja bejn minimu ta’ EUR 7 sa massimu ta’ EUR 55. Fl-aħħar nett, il-vinjetta annwali għandha prezz massimu ta’ EUR 130.

14.      Jekk it-toroq suġġetti għat-tariffa jintużaw mingħajr vinjetta valida jew jekk il-vinjetta tkun ġiet ikkalkolata fuq livell eċċessivament baxx, it-tariffa tinġabar a posteriori konformement mal-paragrafu 12 tal-InfraAG. F’dan il-każ, it-tariffa dovuta tikkorrispondi għall-ammont tal-vinjetta annwali jew id-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u l-ammont tal-vinjetta annwali.

15.      Il-paragrafu 11 tal-InfrAG jipprevedi spezzjonijiet għal għarrieda biex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligu tal-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura. Konformement mal-paragrafu 11(7) tal-InfrAG, l-awtoritajiet jistgħu, fil-post tal-ispezzjoni, jimponu fuq il-persuna responsabbli ta’ ksur, il-ħlas tat-tariffa u ta’ garanzija li l-ammont tagħhom huwa ekwivalenti għall-multa li għandha tiġi imposta skont il-paragrafu 14 tal-InfrAG, kif ukoll l-ispejjeż proċedurali. Barra minn hekk, is-sewwieq jista’ jiġi pprojbit milli jkompli bil-vjaġġ tiegħu meta t-tariffa ma titħallasx fuq il-post tal-ispezzjoni minkejja li jkun ġie mitlub iħallasha u jkun hemm dubji raġonevoli jekk hijiex ser titħallas iktar tard jew meta d-dokumenti meħtieġa għall-ispezzjoni ma jiġux ippreżentati, l-informazzjoni mitluba ma tingħatax jew il-garanzija imposta ma titħallasx.

16.      Il-paragrafu 14 tal-InfrAG jiddefinixxi nuqqas ta’ ħlas jew ħlas inkomplet tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, nuqqas ta’ għoti jew għoti ta’ informazzjoni żbaljata u nuqqas ta’ konformità ma’ ordni ta’ waqfien tal-vettura fil-kuntest ta’ spezzjoni bħala reat amministrattiv li jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa.

2.      Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi

17.      Il-paragrafu 9(6) tal-Kraftfahrzeugsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi) tas‑26 ta’ Settembru 2002 (7) (iktar ’il quddiem il-“KraftStG”), kif emendata miz-Zweite Verkehrsteueränderungsgesetz (it-Tieni Liġi li temenda t-Taxxa fuq il-Vetturi) tat‑8 ta’ Ġunju 2015 (8) (iktar ’il quddiem it-“Tieni VerkehrStÄndG”) u mill-Verkehrsteueränderungsgesetz (il-Liġi li temenda t-Tieni Liġi li temenda t-Taxxa fuq il-Vetturi) tas‑6 ta’ Ġunju 2017, jipprevedi tnaqqis fiskali li, essenzjalment, jikkorrispondi għall-ammont dovut tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, ħlief għas-sidien ta’ vetturi “Euro 6”, li għalihom l-ammont tat-tnaqqis huwa ogħla (9).

18.      Id-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiddependi, skont il-paragrafu 3(2) tat-Tieni VerkehrStÄndG, fuq il-bidu tal-ġbir tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura konformement mal-InfrAG.

II.    L-isfond tal-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

A.      Il-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE

19.      Permezz ta’ ittri ta’ intimazzjoni ddatati t‑18 ta’ Ġunju 2015 u l‑10 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedura ta’ ksur kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-Kummissjoni kkontestat, minn naħa waħda, l-effetti magħquda tal-miżuri inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-vinjetti ta’ żmien qasir. L-ittri ta’ intimazzjoni ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet Ġermanizi għal ksur possibbli tal-Artikoli 18, 34, 45 u 56 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 92 TFUE. Wara li skambjat il-fehmiet tagħha mal-awtoritajiet Ġermaniżi u ħarġet opinjoni motivata fit‑28 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet, fid‑29 ta’ Settembru 2016, li tressaq il-materja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja konformement mal-Artikolu 258 TFUE.

20.      Madankollu, wara l-adozzjoni, fl‑24 ta’ Marzu 2017, ta’ ċerti emendi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwisjtoni mill-Parlament Ġermaniż, il-Kummissjoni ddeċidiet, fis‑17 ta’ Mejju 2017, li ttemm il-proċedura ta’ ksur.

B.      Il-proċedura attwali skont l-Artikolu 259 TFUE

21.      Permezz ta’ ittra ddatata s‑7 ta’ Lulju 2017, ir-Repubblika tal-Awstrija ressqet il-materja quddiem il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 259 TFUE, bl-argument li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz tal-introduzzjoni tal-miżuri inkwistjoni, kisret l-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE. Permezz ta’ ittra ddatata l‑14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni kkonfermat l-irċevuta mingħand ir-Repubblika tal-Awstrija.

22.      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Awwissu 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċaħdet l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija. Fil‑31 ta’ Awwissu 2017, inżammet seduta li fiha r-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqu l-argumenti tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma ħarġitx opinjoni motivata f’terminu ta’ tliet xhur kif previst mill-Artikolu 259 TFUE.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet

23.      Permezz tar-rikors tagħha, ippreżentat fit‑12 ta’ Ottubru 2017, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li:

–        billi introduċiet it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura flimkien ma’ tnaqqis fiskali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE; u

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

24.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

25.      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Jannar u tal‑14 ta’ Frar 2018, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tad-Danimarka ġew ammessi jintervjenu rispettivament insostenn tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

26.      Fit‑12 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet ċerti kjarifiki lill-Kummissjoni fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn iddeċidiet li ttemm il-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE msemmi fil-punti 21 u 22 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni rrispondiet għat-talba għal kjarifika fis‑26 ta’ Novembru 2018. F’din l-ittra lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni spjegat li l-liġijiet approvati mill-Parlament Ġermaniż fl‑24 ta’ Marzu 2017 emendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tal-prezz tal-vinjetti ta’ żmien qasir u tat-tnaqqis fiskali. Fid-dawl ta’ dawn il-bidliet u tal-bżonn li jinkiseb sostenn politiku wiesa’ għall-istabbiliment ta’ qafas ġuridiku uniku Ewropew għal sistema komuni Ewropea għall-prezzijiet tat-toroq, il-Kummissjoni qieset li l-proċedura għandha tintemm.

27.      Il-Gvern Daniż, Ġermaniż, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Awstrijak ressqu argumenti orali fis-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2018.

IV.    Analiżi

28.      Fir-rikors tiegħu l-Gvern Awstrijak ressaq erba’ lmenti kontra l-miżuri inkwistjoni.

29.      Fil-punti li ġejjin, ser neżamina dawn l-ilmenti fl-istess ordni kif ġew ippreżentati mill-Gvern Awstrijak fis-sottomissjonijiet tiegħu.

A.      L-ewwel ilment: diskriminazzjoni indiretta għal raġunijiet ta’ nazzjonalità permezz tal-kombinazzjoni tal-miżuri inkwistjoni

1.      L-argumenti tal-partijiet

30.      L-ewwel ilment tal-Gvern Awstrijak jikkonċerna ksur allegat tal-Artikolu 18 TFUE minħabba diskriminazzjoni indiretta għal raġunijiet ta’ nazzjonalità.

31.      Il-Gvern Awstrijak jenfasizza, qabel kollox, li l-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati u evalwati flimkien taħt id-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħu, hemm rabta indissolubbli, kemm f’termini ta’ sustanza kif ukoll ta’ żmien, bejn it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u t-tnaqqis fiskali. L-ewwel waħda tintroduċi tariffa u din tal-aħħar introduċiet de facto eżenzjoni minn din it-tariffa. Barra minn hekk, id-dħul fis-seħħ ta’ din tal-aħħar huwa, skont il-paragrafu 3(2) tat-Tieni VerkehrStÄndG, espressament assoċjat mal-implimentazzjoni tal-ewwel waħda.

32.      Id-diskriminazzjoni allegata tirriżulta, fil-fehma ta’ dan il-gvern, mill-effett magħqud taż-żewġ miżuri. It-tariffa għall-użu tal-infrastruttura hija, bħala prinċipju, dovuta mill-utenti kollha tal-awtostradi Ġermaniżi. Madankollu, it-tnaqqis fiskali, ta’ ammont li jikkorrispondi għal mill-inqas l-ammont tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, jingħata biss lil sidien ta’ vetturi mhux barranin. Dan ifisser, fil-fehma tal-Gvern Awstrijak, li s-sidien ta’ vetturi mhux barranin iħallsu t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura teoretikament biss: l-ammont imħallas għal din it-tariffa huwa fil-fatt imnaqqas mit-taxxa fuq il-vetturi li hija dovuta minnhom. Għalhekk, fil-prattika, is-sewwieqa ta’ vetturi barranin biss, li fit-tendenza jkunu ċittadini ta’ Stati Membri oħra, għandhom iħallsu t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura.

33.      Il-Gvern Awstrijak ikompli jinnota li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija intiża li teżegwixxi wegħda magħmula minn xi politiċi Ġermaniżi matul il-kampanja elettorali federali Ġermaniża tal‑2013. L-għan stabbilit ta’ din il-miżura huwa li jassoċja sewwieqa ta’ vetturi barranin mal-ispejjeż tal-finanzjament tal-infrastruttura Ġermaniża mingħajr ma jinħoloq piż addizzjonali fuq is-sidien tal-vetturi Ġermaniżi.

34.      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta r-raġunijiet invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tiġġustifika kwalunkwe diskriminazzjoni indiretta. Fil-fehma tagħha, ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma hija valida.

35.      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wara li rrikonoxxiet li l-miżuri inkwistjoni jifformaw unità koerenti mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, tafferma li dawn il-miżuri ma jagħtu lok għal ebda diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità. Fil-fatt, utenti barranin tal-awtostradi Ġermaniżi ma humiex, fir-rigward tal-ħlas ta’ somom għall-finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport Ġermaniża, f’sitwazzjoni inqas favorevoli mis-sidien ta’ vetturi li jirrisjedu fil-Ġermanja, minħabba li dawn tal-aħħar huma suġġetti mhux biss għat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura iżda wkoll għat-taxxa fuq il-vetturi, għalkemm b’rata mnaqqsa.

36.      X’aktarx, it-tnaqqis fiskali jistgħu jibbenefikaw minnu biss ir-residenti Ġermaniżi sa fejn, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE (10), it-taxxa fuq il-vetturi hija applikabbli biss għal vetturi mhux barranin. Skont il-Gvern Ġermaniż, id-deċiżjoni li jiġi emendat l-ammont tat-taxxa fuq il-vetturi sabiex il-piż finanzjarju globali fuq is-sidien tal-vetturi jinżamm fuq il-livell preċedenti, u b’hekk tiġi pprevenuta taxxa sproporzjonata, kienet tikkostitwixxi eżerċizzju legali fil-kompetenza ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tat-taxxa diretta.

37.      Fl-istess ħin, il-Gvern Ġermaniż iqis li huwa għandu jkollu s-setgħa li jintroduċi tariffa għall-użu tal-infrastruttura, li d-dħul tiegħu jkun iddestinat għall-manutenzjoni u t-titjib tal-infrastruttura tat-trasport. Fil-fehma tiegħu, hija għażla leġittima li jibdel is-sistema għall-finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport minn waħda li hija kompletament iffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat għal waħda li hija ffinanzjata mill-utenti ta’ dik l-infrastruttura.

38.      Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni ambjentali, kondiviżjoni tal-piżijiet u l-bidla fis-sistema tal-finanzjament għall-infrastruttura tat-trasport biex tiġġustifika kwalunkwe diskriminazzjoni indiretta li tista’ tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

39.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi essenzjalment jaqsam l-argument imressaq mill-Gvern Awstrijak u jenfasizza l-komparabbiltà, għall-finijiet ta’ din il-kawża, ta’ sidien ta’ vetturi mhux barranin u sewwieqa ta’ vetturi barranin. Għall-kuntrarju, il-Gvern Daniż jaqbel mal-Gvern Ġermaniż li l-miżuri inkwistjoni ma humiex diskriminatorji u, b’mod partikolari, huwa jenfasizza l-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu, jemendaw jew iħassru taxxi u tariffi oħra li ma humiex armonizzati.

2.      Evalwazzjoni

40.      Qabel l-eżami fid-dettall tal-argumenti mressqa mill-partijiet, insibha utli li nagħti introduzzjoni konċiża dwar il-kunċett ta’ diskriminazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni.

a)      Rimarki preliminari dwar il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni”

41.      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-individwi quddiem il-liġi, prinċipju li jeżisti fl-ordinamenti ġuridiċi kollha tal-Istati Membri u li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (11). Fil-qosor, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod. Trattament differenti jista’ jkun iġġustifikat biss jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u proporzjonati mal-għanijiet leġittimament imfittxija (12).

42.      Kif inhu sew magħruf, diskriminazzjoni tista’ tkun diretta jew indiretta: diskriminazzjoni diretta sseħħ fejn persuna waħda tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew kieku tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli fuq raġuni ta’ karatteristika waħda indentifikabbli (jew ipprojbita); filwaqt li diskriminazzjoni indiretta sseħħ fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni li jkollhom din il-karetteristika identifikabbli fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra (13). Fi kliem ieħor, fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni diretta t-trattament differenzjat ikun espliċitament marbut mal-karatteristika pprojbita, filwaqt li f’każijiet ta’ diskriminazzjoni indiretta t-trattment differenzjat ikun minħabba karatteristika oħra iżda din il-karatteristika tkun marbuta strettament ma’ karatteristika pprojbita.

43.      Biex jiġi stabbilit każ ta’ diskriminazzjoni, huwa meħtieġ, qabel kollox, li tiġi identifikata “persuna ta’ riferiment” xierqa: persuna li tkun f’sitwazzjoni komparabbli u li tiġi ttrattata b’mod iktar favorevoli minħabba l-karatteristika identifikabbli. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li jew il-vittma tad-diskriminazzjoni jew, eventwalment, il-benefiċjarju tat-trattament iktar favorevoli jkunu, f’mument partikolari, identifikabbli bħala persuni tad-“demm u l-laħam”: huwa biżżejjed li, minħabba l-miżura diskriminatorja allegata, ikun evidenti li dawn il-persuni jeżistu (14). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu paragunabbli u, min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ din in-natura paragunabbli ma għandux isir b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-benefiċċju kkonċernat (15).

44.      L-istadju ta’ identifikazzjoni ta’ persuna ta’ riferiment huwa għalhekk ta’ importanza assoluta: fl-assenza ta’ persuna ta’ riferiment valida ma jista’ jkun hemm ebda paragun sinjifikattiv u, konsegwentement, ebda differenza inġusta fit-trattament.

45.      Huwa f’dan il-kuntest li ser neżamina l-kwistjonijiet imqajma mill-ewwel ilment imressaq mir-Repubblika tal-Awstrija.

b)      In-natura diskriminatorja allegata tal-miżuri inkwistjoni

46.      Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Gvern Awstrijak jenfasizza l-importanza tal-evalwazzjoni tal-effetti magħquda taż-żewġ miżuri inkwistjoni. Fil-fehma tiegħu, fir-rigward ta’ dawn il-miżuri, sewwieqa ta’ vetturi barranin jinsabu f’sitwazzjoni inqas favorevoli mis-sidien tal-vetturi mhux barranin.

47.      Jien naqbel mal-Gvern Awstrijak li s-sidien tal-vetturi mhux barranin huma, fil-parti l-kbira, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, filwaqt li sewwieqa ta’ vetturi barranin, ħafna minnhom, huma ta’ nazzjonalità ta’ Stati Membri oħra. Għalhekk, għalkemm il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni ma tistabbilixxi ebda diskriminazzjoni espressa bbażata fuq nazzjonalità, jekk l-argumenti mressqa mill-Gvern Awstrijak kellhom jitqiesu bħala manifestament fondati, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq nazzjonalità u, konsegwentement, ksur tal-Artikolu 18 TFUE.

48.      Madankollu, l-argumenti mressqa mill-Gvern Awstrijak li jikkonċernaw differenza inġusta fit-trattament huma fundamentalment imperfetti fejn tidħol il-metodoloġija.

49.      Fl-ewwel lok, il-persuna ta’ riferiment magħżula mill-Gvern Awstrijak ma hijiex xierqa. Sidien ta’ vetturi mhux barranin huma utenti kemm ta’ toroq Ġermaniżi (u għalhekk suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura) kif ukoll kontribwenti Ġermaniżi (peress li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-vetturi). Għall-kuntrarju, sewwieqa ta’ vetturi barranin huma kontribwenti ta’ Stati Membri oħra: dawn jistgħu, bħala tali, ikunu suġġetti għal taxxi jew tariffi oħra fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom iżda qatt ma huma ser ikunu meħtieġa jħallsu t-taxxa Ġermaniża fuq il-vetturi.

50.      Għalhekk, is-sidien ta’ vetturi mhux barranin u s-sewwieqa ta’ vetturi barranin huma komparabbli fir-rigward tal-użu tal-awtostradi Ġermaniżi, iżda ma humiex komparabbli meta jiġu eżaminati fid-dawl taż-żewġ miżuri, liema eżami jinkludi li dawn jitqiesu kemm bħala utenti tal-awtostradi Ġermanżi kif ukoll bħala kontribwenti. Din hija r-raġuni għalfejn hemm nuqqas ta’ qbil fl-argumenti tal-Gvern Awstrijak: minn naħa waħda, dan jinsisti li ż-żewġ miżuri għandhom jiġu eżaminati flimkien iżda, min-naħa l-oħra, fl-identifikazzjoni tal-persuna ta’ riferiment, dan bilkemm iħares lejn il-komparabbiltà taż-żewġ gruppi fir-rigward tal-użu tagħhom tal-awtostradi Ġermaniżi.

51.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak jinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (16), li minnha wasal għall-konklużjoni li ż-żewġ gruppi huma komparabbli għall-finijiet tal-kawża ineżami.

52.      Madankollu, jien ma ninterpretax din is-sentenza b’dan il-mod. Din il-kawża kienet tikkonċerna ksur allegat ta’ (dak li issa sar) l-Artikolu 92 TFUE (17). Din id-dispożizzjoni hija klawżola standstill ta’ kamp ta’ applikazzjoni usa’ minn dak tal-Artikolu 18 TFUE. L-Artikolu 92 TFUE mhux sempliċement jipprojbixxi miżuri diskriminatorji iżda jipprojbixxi wkoll kwalunkwe miżura oħra li taffettwa r-relazzjoni kompetittiva bejn trasportaturi nazzjonali u trasportaturi barranin. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tipprekludi wkoll lill-Istat Membri milli jeliminaw kwalunkwe vantaġġ li l-leġiżlazzjoni tagħhom tista’ tagħti lit-trasportaturi barranin (18). Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha raġun tadotta perspettiva usa’ skont l-Artikolu 92 TFUE. Madankollu, l-istess approċċ ma jistax jintuża skont l-Artikolu 18 TFUE: peress li miżuri li jiddiskriminaw direttament jew indirettament minħabba nazzjonalità biss huma koperti minn din l-aħħar dispożizzjoni, iż-żewġ gruppi li huma allegatament suġġetti għal trattament distint għandhom ikunu komparabbli fis-sens strett tat-terminu.

53.      Fit-tieni lok, u irrispettivament minn dan ta’ hawn fuq, meta eżaminati fid-dawl taż-żewġ miżuri, sewwieqa ta’ vetturi barranin ma humiex, u qatt ma jistgħu jkunu, f’sitwazzjoni li hija inqas favorevoli minn dik li fiha jsibu ruħhom sidien ta’ vetturi mhux barranin. Sabiex jiġu permessi jsuqu f’awtostradi Ġermaniżi, is-sewwieqa ta’ vetturi barranin għandhom iħallsu biss it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u ma humiex obbligati għar-rata annwali: jistgħu jagħżlu vinjetta ta’ tul ta’ żmien iqsar, skont il-ħtieġa proprja tagħhom. Għall-kuntrarju, sabiex jiġu permessi jsuqu f’awtostradi Ġermaniżi, sidien ta’ vetturi mhux barranin huma meħtieġa bil-liġi li jħallsu kemm it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura kif ukoll it-taxxa fuq il-vetturi. Barra minn hekk, irrispettivament mill-użu proprju tagħhom tal-awtostradi lokali, sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja huma obbligati jħallsu t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura fl-ammont dovut għall-vinjetta annwali.

54.      Konsegwentement, meta ż-żewġ miżuri jitqiesu flimkien — kif il-Gvern Awstrijak jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel — manifestament ma hemmx trattament inqas favorevoli għas-sewwieqa barranin: kwalunkwe vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor li ser tintuża fl-awtostradi Ġermaniżi dejjem ser tħallas lill-awtoritajiet Ġermaniżi, biex tkun permessa tiċċirkola, ammont inqas minn dak imħallas mis-sid tal-istess mudell ta’ vettura rreġistrata fil-Ġermanja.

55.      Ċertament, l-ammont tat-taxxa fuq il-vetturi dovuta mis-sidien ta’ vetturi mhux barranin ser tkun inqas minn dik ta’ qabel bis-saħħa tat-tnaqqis fiskali. Madankollu, anki jekk it-tnaqqis fiskali kellu l-effett li “jinnewtralizza” it-taxxa fuq il-vetturi (li ma huwiex il-każ) kwalunkwe sewwieq barrani jkun meħtieġ li jħallas, għaċ-ċirkolazzjoni f’awtostradi Ġermaniżi, ammont li huwa, sa massimu ta’, dak li jkun dovut mis-sidien ta’ vetturi mhux barranin (19).

56.      Ftit li xejn huwa meħtieġ li jiġi nnotat li ma hemm ebda trattament sfavorevoli anki meta l-miżuri huma evalwati separatament. L-ewwel nett, l-ammont tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura huwa applikabbli mingħajr distinzjoni bejn kwalunkwe sewwieq. Jekk xejn, is-sewwieqa ta’ vetturi barranin jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli: kif ġie msemmi fil-punt 53 iktar ’il fuq, għall-kuntrarju ta’ sidien ta’ vetturi mhux barranin, dawn għandhom tliet għażliet fir-rigward tat-tul taż-żmien — u għalhekk l-ispiża — tal-vinjetta li tkun ser tinxtara.

57.      It-tieni nett, ikun paradossali jekk jiġi argumentat li mit-tnaqqis fiskali jibbenefikaw biss is-sidien ta’ vetturi mhux barranin. B’mod ċar, ma jistax ikun hemm tnaqqis fiskali mingħajr ma jkun hemm taxxa fl-ewwel lok. Barra minn hekk, huwa tajjeb li jerġa’ jiġi enfasizzat li s-sidien ta’ vetturi barranin ma humiex skont id-definizzjoni suġġetti għat-taxxa fuq il-vetturi fil-Ġermanja. Vetturi barranin jistgħu jkunu suġġetti għal taxxa simili fl-Istat Membru fejn huma rreġistrati, u l-ammont dovut jista’ jkun ogħla jew inqas minn dak imħallas mis-sidien ta’ vetturi mhux barranin komparabbli. Madankollu, din hija konsegwenza inevitabbli tal-fatt li taxxi fuq il-vetturi ma humiex armonizzati fuq il-livell tal-Unjoni.

58.      Bħala konklużjoni, il-Gvern Awstrijak naqas milli jsostni l-argument tiegħu fir-rigward ta’ żewġ prinċipji bażiċi ta’ diskriminazzjoni: minn naħa waħda, iż-żewġ gruppi ta’ persuni li dan ikkompara ma humiex, fir-rigward tal-miżuri kkritikati minn dan il-gvern, f’sitwazzjoni komparabbli. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Awstrijak ma seta’ jindika ebda trattament inqas favorevoli li l-miżuri inkwistjoni jagħtu lis-sewwieqa tal-vetturi barranin.

c)      Rimarki addizzjonali

59.      In-natura żbaljata tal-argumenti mressqa mill-Gvern Awstrijak jiġu iktar ċari jekk wieħed kellu jqis il-konsegwenzi legali li jkunu jirriżultaw minn konstatazzjoni li l-miżuri inkwistjoni jirriżultaw f’diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità. B’mod partikolari, kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ser tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità mal-Artikolu 18 TFUE?

60.      Qabelxejn, il-Gvern Awstrijak ma argumentax li l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom ikunu obbligati jħassru t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura sabiex kemm utenti nazzjonali kif ukoll dawk barranin ta’ awtostradi Ġermaniżi jkunu jistgħu jkomplu jużawhom b’xejn. Fil-fatt, dan kien ikun argument pjuttost stramb: l-Artikolu 18 TFUE jista’ jinqara bħala li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu jew iżommu sistema li teħtieġ lill-utenti kollha tal-awtostradi (irrispettivament min-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tagħhom) iħallsu tariffa bbażata fuq it-tul taż-żmien tal-użu, jew pedaġġ ibbażat fuq it-tul tal-itinerarju. Diversi Stati Membri fil-fatt għandhom tali sistema fis-seħħ kemm għal vetturi kummerċjali kif ukoll għal karozzi tal-passiġġieri, inkluż pajjiżi ġirien bħal Franza, il-Polonja u — ironikament — l-Awstrija nnifisha.

61.      Ma nista’ nara ebda argument legali validu li jiġġustifika l-fehma li l-Istati Membri li, sa issa, iddeċidew li jippermettu lis-sewwieqa kollha jużaw l-awtostradi tagħhom b’xejn huma għal dejjem “b’daharhom mal-ħajt” minħabba l-għażla inizjali tagħhom, u b’hekk ma humiex permessi jintroduċu sistema ta’ tariffi simili għal dik li Stati Membri oħra kellhom għal ħafna snin. Din ma tkunx interpretazzjoni raġonevoli (u possibbiliment tkun ukoll waħda perversa) tal-Artikolu 18 TFUE: iktar milli tevita diskriminazzjoni kontra persuni li ma humiex ċittadini, din tkun de facto timponi diskriminazzjoni retroattiva kontra ċ-ċittadini. Fil-fatt, fil-kawża ineżami, din tkun tfisser li l-kontribwenti Ġermaniżi jkollhom ikomplu jiffinanzjaw in-netwerk tal-awtostradi waħedhom.

62.      Għalija jidher ċar li l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma, bħala prinċipju, liberi li jiddeċiedu jekk l-użu ta’ ċerta infrastruttura għandux ikun b’xejn jew, għall-kuntrarju, suġġett għal tariffa tal-utent. Din hija fundamentalment għażla politika u, bħala tali, hija l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Għalhekk l-Unjoni hija mifruxa b’infrastruttura li hija, sa ċertu punt, simili jew ekwivalenti iżda li f’xi każijiet hija suġġetta għal tariffa tal-utenti filwaqt li f’każijiet oħra ma hijiex. Barra mill-awtostradi, infrastrutturi oħra relatati mat-trasport (bħal pontijiet u mini (20)) jagħtuna ħafna eżempji ta’ dawn iż-żewġ approċċi koeżistenti. Madankollu, din il-loġika tapplika, mutatis mutandis, għal kwalunkwe tip ieħor ta’ infrastruttura pubblika, li persuni jistgħu jżuru jew jużaw għal skopijiet oħra, relatati, pereżempju mal-kultura, it-turiżmu jew ir-reliġjon (21).

63.      Fl-assenza ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni dwar il-kwistjoni, u sakemm ma jinkiser ebda prinċipju jew dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex f’idejn l-Unjoni li tistħarreġ l-għażla tal-awtoritajiet nazzjonali dwar jekk infrastruttura nazzjonali għandhiex tkun iffinanzjata minn kontribwenti jew mill-utenti proprja. Ir-regoli tal-Unjoni ma joffru ebda garanzija liċ-ċittadini tal-Unjoni li, meta jeżerċitaw il-movimenti liberi tagħhom, it-twettiq ta’ attività ekonomika fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni ser ikun newtrali fir-rigward tat-taxxa jew l-applikazzjoni ta’ tariffi oħra. Minn dan jirriżulta li, bħala prinċipju, kwalunkwe żvantaġġ, meta mqabbel mas-sitwazzjoni li fiha dan iċ-ċittadin wettaq l-attività ekonomika fl-Istat membru tiegħu ta’ oriġini, ma huwiex kuntrarju għall-Artikolu 18 TFUE, bil-kundizzjoni madankollu li l-leġiżlazzjoni kkonċernata ma tkunx iktar ta’ żvantaġġ għal dan iċ-ċittadin meta mqabbel ma’ ċittadini li jirrisjedu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni (22).

64.      Lanqas ma hija faċli li wieħed jara għalfejn l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom ikunu obbligati jħassru t-tnaqqis fiskali, sabiex jiżguraw li sidien ta’ vetturi mhux barranin ikomplu jħallsu din it-taxxa skont ir-rati preċedenti (u ogħla). It-taxxa fuq il-vetturi hija, essenzjalment, taxxa fuq il-proprjetà. Għalhekk hija taxxa diretta li r-regolamentazzjoni tagħha taqa’, bħala prinċipju, fil-kompetenza tal-Istati Membri. Ftit dispożizzjonijiet biss tad-dritt tal-Unjoni jikkonċernaw dan it-tip ta’ taxxa, kif jidher mill-kamp ta’ applikazzjoni pjuttost limitat tad-Direttiva 83/182 (23).

65.      Ma huwiex ċar għalija għalfejn l-Artikolu 18 TFUE jkun jipprevjeni lill-awtoritajiet Ġermaniżi milli jistabbilixxu taxxa fuq il-vetturi fuq il-livell li huma jqisu bħala l-iktar xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi prevalenti fil-pajjiż tagħhom f’mument partikolari. Kif il-Gvern Awstrijak ammetta fis-seduta, l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom ikunu kompletament intitolati li jħassru din it-taxxa, fejn iqisu li huwa xieraq li jsir hekk, mingħajr ma jwasslu għal diskriminazzjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li dawn l-awtoritajiet huma a fortiori intitolati biex sempliċement inaqqsu r-rati tat-taxxa fuq il-vetturi, jekk huma tal-fehma li t-taxxa globali fuq ċertu individwi hija sproporzjonata?

66.      Fis-seduta, il-Gvern Awstrijak afferma li huwa ma kkontestax li l-istabbiliment ta’ tariffa għall-użu tal-infrastruttra seta’ jkun “ikkumpensat” billi titnaqqas it-taxxa fuq il-vetturi (24). Madankollu, hekk kif ġie mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja biex jiċċara t-tipi ta’ tnaqqis fiskali li huma, fil-fehma tiegħu, aċċettabbli, dan il-gvern sabha diffiċli biex jagħti tweġiba ċara: b’ċertu eżitazzjoni, dan afferma li tnaqqis tat-taxxa ugwali għall-kontribwenti kollha (f’perċentwali, jew ta’ ammont iddeterminat) għandu, bħala prinċipju, jkun legali.

67.      Fil-fatt, fis-seduta l-Gvern Awstrijak saħansitra ammetta li, li kieku l-awtoritajiet Ġermaniżi introduċew tnaqqis fiskali simili għal dak inkwistjoni fil-kawża ineżami fi żmien differenti u mingħajr ma espliċitament rabtuh mal-istabbiliment ta’ tariffa għall-użu tal-infrastruttura, seta’ ma jkunx hemm kwistjoni ta’ diskriminazzjoni. Bl-istess mod, il-Gvern Awstrijak afferma li ebda diskriminazzjoni ma kienet tirriżulta li kieku l-awtoritajiet Ġermaniżi ddeċidew li jnaqqsu taxxa oħra mhux relatata mal-użu tal-vetturi, sakemm dan jagħmluh b’mod koerenti.

68.      Madankollu, f’dan il-kuntest, ma nistax nara xi differenza sinjifikattiva, minn perspettiva legali, bejn it-tnaqqis fiskali inkwistjoni u dak ikkunsidrat aċċettabbli mill-Gvern Awstrijak. Barra minn hekk, minn perspettiva ekonomika, ir-riżultat prodott minn dawn il-miżuri kollha jkun grosso modo ekwivalenti. Xi sidien ta’ vetturi mhux barranin ser iħallsu iktar milli skont il-miżura attwali, u oħrajn ser iħallsu inqas. Madankollu, xejn ma jkun inbidel għas-sewwieqa ta’ vetturi barranin jew, ukoll, għall-baġit tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

69.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż kien espliċitu ħafna fid-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tiegħu li jżomm il-kontribuzzjoni globali dovuta mis-sidien ta’ vetturi mhux barranin fuq livell aċċettabbli. Ikolli naqbel ma’ dawn l-argumenti: l-Artikolu 18 TFUE ma jistax jiġi interpretat li jeħtieġ lill-awtoritajiet Ġermaniżi jimponu taxxa potenzjalment sproporzjonata fuq is-sidien ta’ vetturi mhux barranin, għas-sempliċi raġuni li dawn jiddeċiedu li jibdlu s-sistema ta’ finanzjament ta’ awtostradi nazzjonali.

70.      F’dan il-kuntest, huwa immaterjali li xi politiċi Ġermaniżi affermaw bil-mitfuħ, matul kampanja elettorali, li kellhom l-intenzjoni li jintroduċu tariffa għal vjaġġaturi barranin fuq l-awtostradi Ġermaniżi. Dawn l-affermazzjonijiet x’aktarx li huma manifestazzjoni ta’ — f’parafrażi ta’ kwotazzjoni famuża — fantażma li ilu jidher fl-Ewropea tul dawn l-aħħar snin: il-fantażma tal-popoliżmu u tas-sovraniżmu (25).

71.      Madankollu, l-analiżi legali li l-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa twettaq fir-rigward ta’ miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni ma tistax tkun ibbażata fuq dikjarazzjonijiet ta’ politiċi. L-intenzjoni (reali jew allegata) tal-membri uniċi tal-leġiżlatur nazzjonali jew tal-gvern ma għandha ebda rwol f’dan il-kuntest. Minn naħa, ma hemm ebda bżonn li tingħata prova ta’ intenzjoni diskriminatorja min-naħa tal-awtur ta’ miżura sabiex din il-miżura titqies li tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (26). Min-naħa l-oħra, dikjarazzjonijiet minn uffiċjali pubbliċi li saħansitra jirrikonoxxu jew jimplikaw ksur tad-dritt tal-Unjoni ma humiex biżżejjed biex jistabbilixxu ksur (27): sempliċi dikjarazzjonijiet ma jistax ikollhom l-effett li jirrendu dritt tal-Unjoni applikabbli għal sitwazzjonijiet li għalihom oġġettivament ma japplikax (28).

72.      Qatt ma jista’ jiġi enfasizzat biżżejjed li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mat-Trattati tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur, hija waħda oġġettiva (29). Dan huwa minnu wkoll fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni: il-fokus tal-analiżi għandha tkun fuq l-effetti tal-att tal-awtur u mhux l-intenzjoni suġġettiva tiegħu (30).

73.      Bħala konklużjoni, l-argumenti mressqa mill-Gvern Awstrijak dwar dawn il-kwistjonijiet ma humiex persważivi. Fi kliem sempliċi, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu kompletament intitolati li jkunu tal-fehma li, l-ewwel nett, l-ispejjeż tan-netwerk tal-awtostradi, li sa issa kienu prinċipalment sostnuti mill-kontribwenti tagħhom (31), kellhom jiġu kondiviżi ugwalment fost l-utenti kollha, inkluż is-sewwieqa tal-vetturi barranin. It-tieni nett, is-sidien ta’ vetturi mhux barranin kienu jkunu suġġetti għal ammont sproporzjonat ta’ taxxa li kieku ġew suġġetti kemm għat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura kif ukoll għat-taxxa fuq il-vetturi.

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr ebda bżonn li jiġu eżaminati raġunijiet possibbli għal ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad l-ewwel ilment imressaq mir-Repubblika tal-Awstrija.

B.      It-tieni lment: diskriminazzjoni indiretta minħabba nazzjonalità permezz tat-tfassil tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura

1.      L-argumenti tal-partijiet

75.      Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tafferma li l-modalità li biha ġiet imfassla t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura b’rabta mal-miżuri ta’ kontroll u eżekuzzjoni hija diskriminatorja.

76.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak jinnota li r-regoli nazzjonali inkwistjoni jagħmlu distinzjoni f’ħafna aspetti bejn vetturi mhux barranin u dawk irreġistrati barra mill-pajjiż. B’mod partikolari, is-setgħat speċifiċi ta’ intervent (verifiki għal għarrieda, ġbir ta’ garanzija, projbizzjoni fuq it-tkomplija tal-vjaġġ) previsti fil-paragrafi 11, 12 u 14 tal-InfrAG, u l-ġbir a posteriori tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura bl-ammont tal-vinjetta annwali jew id-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u dak tal-vinjetta annwali japplikaw biss jew prinċipalment għal vetturi rreġistrati mill-pajjiż. Barra minn hekk, it-theddida tal-għoti ta’ multi konformement mal-paragrafu 14 tal-InfrAG, fil-fehma tal-Gvern Awstrijak, tkun tolqot ukoll, fil-biċċa l-kbira, sewwieqa barranin. Insostenn tal-argumenti tiegħu dwar dan il-punt, il-Gvern Awstrijak jirreferi speċifikament għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (32).

77.      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż jinnota li, l-ewwel nett, ħafna mir-regoli dwar l-eżekuzzjoni u l-kontroll tal-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura prevista fil-paragrafi 11, 12 u 14 tal-InfrAG japplikaw għas-sewwieqa kollha mingħajr distinzjoni. Il-ġbir biss ta’ garanzija, skont il-paragrafu 11(7) tal-InfrAG, japplika b’mod uniku għal sewwieqa ta’ vetturi barranin. Madankollu, tali miżura hija — fil-fehma ta’ dan il-gvern — iġġustifikata peress li l-ġbir tal-ammonti dovuti għall-vinjetta u ta’ multa possibbli huwa iktar diffiċli biex jitwettaq barra l-pajjiż. Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li l-paragrafu 11(7) tal-InfrAG jippermetti, iżda ma jeħtieġx, lill-awtoritajiet jitolbu garanzija. Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż huwa tal-fehma li l-ġbir a posteriori tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura fl-ammont tal-vinjetta annwali jew id-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u dak tal-vinjetta annwali ma jirriżulta fl-ebda diskriminazzjoni sa fejn is-sidien tal-vetturi mhux barranin iħallsu dejjem il-vinjetta annwali.

2.      Evalwazzjoni

78.      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, fi proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-obbligu tar-rikorrent li jagħti prova tal-allegat nuqqas billi jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni meħtieġa biex din tkun tista’ tiddetermina jekk kienx hemm ksur. Għal dan il-għan, ir-rikorrent ma għandu jibbaża ruħu fuq ebda preżunzjoni (33).

79.      Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, u għar-raġunijiet spjegati fil-punti iktar ’il quddiem, jien tal-fehma li r-Repubblika tal-Awstrija ma ħelsitx mill-oneru tal-prova li t-tfassil tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura jwassal, fir-rigward tal-miżuri ta’ kontroll u eżekuzzjoni, għal diskriminazzjoni indiretta minħabba nazzjonalità (34).

a)      Verifiki, projbizzjoni fuq it-tkomplija ta’ vvjaġġar u sanzjoni amministrattiva

80.      Fl-ewwel lok, ma nara ebda element fil-proċess li jista’ jqajjem dubju dwar il-fatt li, kif sostnut mill-Gvern Ġermaniż, il-verifiki għal għarrieda li għandhom jitwettqu in loco, kif ukoll il-projbizzjoni fuq it-tkomplija tal-vjaġġ u s-sanzjoni amministrattiva li tista’ tiġi imposta fil-każ ta’ ksur tal-obbligu tal-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura japplikaw mingħajr distinzjoni għall-vetturi kollha li jiċċirkolaw fin-netwerk Ġermaniż tal-awtostradi. Il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-InfrAG hija newtrali f’dan ir-rigward u ma nista’ nara ebda bażi testwali insostenn tal-allegazzjonijiet magħmula mill-Gvern Awstrijak.

81.      Il-Gvern Ġermaniż kompla jispjega li ħafna mill-miżuri ta’ kontroll u ta’ eżekuzzjoni (inklużi s-sanzjonijiet) jistgħu japplikaw għal sidien ta’ vetturi mhux barranin. Il-fatt li, fir-rigward ta’ dawn il-vetturi, it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura tista’ tiġi mħallsa bil-quddiem ma teskludix a priori ksur possibbli. Pereżempju, il-paragrafu 2 tal-InfrAG jipprevedi xi eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura. Għalhekk ser ikun hemm verifiki biex jiġi żgurat li dawn l-eċċezzjonijiet ma humiex invokati b’mod żbaljat jew abbużiv minn sidien ta’ vetturi mhux barranin: fil-każ ta’ ksur, il-projbizzjoni fuq it-tkomplija tal-vjaġġ u s-sanzjoni amministrttiva għandhom japplikaw għalihom ukoll.

82.      Il-Gvern Awstrijak ma kkontestax dawn id-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, peress li n-numru ta’ vetturi li jiċċirkolaw fl-awtostradi Ġermaniżi huwa, fil-parti l-kbira, irreġistrat fil-Ġermanja, niddubita li l-preżunzjoni magħmula mill-Gvern Awstrijak li, għalkemm ifformulata b’mod newtrali, id-dispożizzjonijiet dwar il-verifiki u s-sanzjonijiet, fil-prattika, prinċipalment jolqtu lil sewwieqa ta’ vetturi barranin tista’ tintlaqa’ b’mod serju mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Gvern Awstrijak ma pproduċa ebda prova li tista’ ssostni l-affermazzjonijiet tiegħu dwar dan il-punt (bħal, pereżempju, deċiżjonijiet jew linji gwida interni maħruġa mill-awtoritajiet amministrattivi, studji jew data statistika).

83.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk dan kellu jkun minnu li, fid-dawl tat-tfassil tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, il-miżuri ta’ verifika u ta’ eżekuzzjoni jkunu, b’mod proporzjonali, jikkonċernaw sewwieqa barranin iktar minn sewwieqa nazzjonali, dan ma jkunx, minnu nnifsu, neċessarjament jimplika diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità. Dan ikun sempliċement konsegwenza inevitabbli tal-fatt li s-sidien kollha ta’ vetturi mhux barranin huma meħtieġa jħallsu t-tariffa bil-quddiem, filwaqt li s-sidien ta’ vetturi barranin huma meħtieġa jħallsuha biss meta jidħlu fin-netwerk Ġermaniż tal-awtostradi.

84.      Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni wkoll, huwa diffiċli li wieħed isegwi l-loġika wara l-argumenti mressqa mill-Gvern Awstrijak. Qisu bħal donnu dan il-gvern qiegħed jimplika li, minħabba li ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni x’aktarx li huwa iżjed diffiċli għas-sidien ta’ vetturi mhux barranin minn sewwieqa barranin, l-awtoritajiet Ġemaniżi kellhom jevitaw, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, li jwettqu verifiki għal għarrieda jew jimponu miżuri ta’ eżekuzzjoni. Dan l-argument ma jkunx jista’ jiġi sostnut.

85.      Il-Gvern Awstrijak lanqas ma argumenta, pereżempju, li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma humiex proporzjonati u, konsegwentement, jistgħu jiddisswadu ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu (35).

86.      Il-Gvern Awstrijak lanqas ma indika l-ammont tas-sanzjonijiet amministrattivi possibbli previsti għal ksur tal-obbligu tal-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura. Għalhekk, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun fi kwalunkwe każ nieqsa mill-informazzjoni meħtieġa biex twettaq analiżi kompleta tal-proporzjonalità dwar dan il-punt.

b)      Il-ġbir a posteriori tal-ammont meħtieġ għal vinjetta annwali

87.      Il-Gvern Awstrijak, madankollu, argumenta li l-ġbir a posteriori tal-ammont meħtieġ biex tinxtara vinjetta annwali huwa sproporzjonat, peress li l-paragrafu 14 tal-InfrAG jipprevedi sanzjoni amministrattiva.

88.      Dan l-argument ma jipperswadinix.

89.      L-ewwel nett, dawn iż-żewġ miżuri huma ta’ natura differenti u, bħala prinċipju, il-fatt li huma applikati b’mod kumulattiv ma huwiex qiegħed per se jwassal għal sanzjoni sproporzjonata. L-obbligu tal-ħlas ta’ vinjetta ma huwiex sanzjoni, iżda sempliċement l-irkupru ta’ tariffa mhux imħallsa. Min-naħa l-oħra, is-sanzjoni amministrattiva hija s-sanzjoni li l-awtoritajiet jistgħu leġittimament jimponu għall-ksur imwettaq mis-sewwieq. Jidhirli li hija ovvja li, fil-preżenza ta’ ksur, l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu fl-istess ħin jiġbru dak li kien dovut lilhom u jimponu sanzjoni (36).

90.      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, li kieku s-sanzjoni amministrattiva kellha tkun partikolarment ħarxa, il-kombinazzjoni taż-żewġ miżuri tista’, minkejja l-ksur, twassal għal piż finanzjarju intollerabbli għas-sewwieq. Madankollu, kif imsemmi fil-punt 86 iktar ’il fuq il-Gvern Awstrijak ma pprovda ebda informazzjoni dwar l-ammont tas-sanzjoni amministrattiva.

91.      It-tieni nett, jidhirli li l-fatt li t-trasgressur huwa meħtieġ jixtri vinjetta annwali huwa la diskriminatorju u lanqas sproporzjonat. Min-naħa l-oħra, is-sidien tal-vetturi mhux barranin huma dejjem meħtieġa jħallsu l-ammont li jikkorrispondi għall-vinjetta annwali. Għalhekk, ma hemmx trattament inqas favorevoli fir-rigward ta’ sewwieqa ta’ vetturi barranin. L-iktar l-iktar, sewwieq barrani li jonqos milli jikkonforma ruħu mal-obbligu tal-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura jkun qiegħed jitlef privileġġ li normalment jingħata lil sewwieqa ta’ vetturi barranin (u lilhom biss): il-possibbiltà li jagħżlu vinjetta ta’ tul ta’ żmien iqsar bi prezz irħas. Min-naħa l-oħra, din il-miżura ma narahiex sproporzjonata. Minħabba n-natura każwali tal-verifiki, l-awtoritajiet li jiskopru ksur tal-obbligu tax-xiri ta’ vinjetta ma għandhom ebda mod kif isiru jafu kemm it-trasgressur dam jiċċirkola b’mod illeċitu fin-netwerk tal-awtostradi. Għalhekk naraha raġonevoli li dan is-sewwieq ikun meħtieġ iħallas l-ogħla ammont possibbli fir-rigward tal-vettura misjuqa (37).

c)      Id-depożitu ta’ garanzija

92.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-obbligu mit-trasgressur li jipprovdi garanzija, għandu jiġi osservat, ċertament, li din il-miżura tista’ tidher prima facie diskriminatorja sa fejn il-paragrafu 11(7) tal-InfrAG ikun applikabbli biss fir-rigward ta’ sewwieqa ta’ vetturi barranin.

93.      Madankollu, it-trattament distint previst f’din id-dispożizzjoni, fil-fehma tiegħi ma jmurx kontra l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi d-deċiżjonijiet li sar riferiment għalihom mill-Gvern Awstrijak, ma ssostnix l-argumenti mressqa minn dan il-gvern dwar dan il-punt.

94.      Fis-sentenza tagħha f’Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, fil-każ ta’ ksur imwettaq minn sewwieqa barranin, Stat Membru ma huwiex a priori pprojbit milli japplika għalihom trattament distint, sakemm tali trattament huwa ġġustifikat minn ċirkustanzi oġġettivi u proporzjonati għall-għan imfittex (38). Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-assenza ta’ kwalunkwe konvenzjoni biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti fi Stat Membru għajr dak li fih ġiet meħuda b’mod oġġettiv tiġġustifika differenza fit-trattament bejn trasgressuri residenti u dawk mhux residenti. L-obbligu impost fuq dawn tal-aħħar li jħallsu somma permezz ta’ garanzija ġie kkonstatat li huwa xieraq biex jipprevenihom milli jevitaw sanzjoni effettiva sempliċement billi jiddikjaraw li ma jagħtux il-kunsens għall-ġbir tal-multa. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-ammont tal-garanzija ma kienx proporzjonat peress li dan kien ammonta għad-doppju tas-sanzjoni prevista fil-każ ta’ ħlas immedjat. L-ammont kellu l-effett li jinkoraġġixxi sewwieqa barranin jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom taħt il-liġi għal terminu biex fih jiġi deċiż jekk iħallsux jew jikkontestawx il-ksur quddiem l-awtoritajiet amministrattivi (39).

95.      Din is-sentenza hija, u nixtieq nenfasizza, konsistenti ma’ numru ta’ deċiżjonijiet oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja. Pereżempju, fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Spanja (40) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dispożizzjoni li teżiġi kumpanniji barranin jipprovdu garanzija biex iwettqu attività ekonomika partikolari fi Spanja ma kinitx kompatibbli mar-regoli tat-Trattat fuq il-moviment liberu. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dik ir-regola kienet sproporzjonata għar-raġuni li hija ma ħadet inkunsiderazzjoni ebda garanzija li setgħet tiġi ddepożitata mill-kumpanniji inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini. Din id-deċiżjoni, madankollu, implikat li, skont l-istat attwali tal-iżvilupp tas-sistemi għall-irkupru transkonfinali ta’ djun u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fi ħdan l-Unjoni, miżura inqas stretta setgħet tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (41).

96.      Iktar reċentement, f’Čepelnik, (42) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li regola nazzjonali li timponi d-depożitu ta’ garanzija fil-każ ta’ ksur suspettat tal-liġijiet nazzjonali dwar ix-xogħol minn fornitur barrani ta’ servizz kienet inkompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE. Minkejja l-fatt li l-garanzija kellha tiġi pprovduta mill-persuna li tqabbad is-servizzi, l-ammont proprju tal-garanzija jista’ jaqbeż, anki b’mod sostanzjali, l-ammont li din il-parti kien ikollha bħala prinċipju tħallas lill-fornitur tas-servizz. Il-garanzija kienet ukoll awtomatikament u inkundizzjonalment applikata, irrispettivament miċ-ċirkostanzi individwali ta’ kull fornitur tas-servizz, minkejja l-fatt ovvju li mhux il-fornituri kollha rreġistrati barra mill-pajjiż kienu f’sitwazzjoni simili. Is-sanzjoni li l-ħlas tagħha kellu l-għan li jiżgura l-garanzija inkwistjoni kienet, barra minn hekk, partikolarment ħarxa, inkluż għal ksur żgħir (43).

97.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza, jien tal-fehma li l-possibbiltà li jiġi meħtieġ id-depożitu ta’ garanzija, kif stabbilit fil-paragrafu 11(7) tal-InfraAG, ma huwiex per se inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Huwa minnu li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija huma partijiet fi ftehim bilaterali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva. Madankollu, kif innota l-Gvern Ġermaniż, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandhiex konvenzjonijiet simili fis-seħħ ma’ kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni.

98.      Madankollu, biex tali miżura tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u b’hekk kompatibbli mal-Artikolu 18 TFUE, fil-fehma tiegħi għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet.

99.      L-ewwel nett, ir-rekwiżit li tiġi pprovduta garanzija ma għandux japplika awtomatikament għal kull trasgressur iżda għal dawk il-każijiet biss fejn hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li, jekk l-ammont dovut għall-vinjetta u għas-sanzjoni ma jitħallasx immedjatament, l-awtorità tista’ tqisha impossibbli jew eċċessivament diffiċli biex fil-futur tiġborha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod konsistenti li l-prosekuzzjoni ta’ reati mwettqa bl-użu ta’ vetturi rreġistrati barra mill-pajjiż jistgħu jinvolvu proċeduri iktar kumplessi u iktar għaljin u b’hekk jiġġustifikaw leġiżlazzjoni li tipprevedi trattament distint (44).

100. Madankollu, l-awtorità ma tistax tippreżumi mala fide f’kull sewwieq barrani li jista’ ma jkunx kapaċi jħallas l-ammont dovut fuq il-post. Ma jistax jiġi preżunt li s-sewwieqa kollha ta’ vetturi barranin li jikkommettu ksur jistgħu jippruvaw japprofittaw ruħhom mill-ostakoli amministrattivi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni transkonfinali tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni sabiex jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom (45).

101. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni transkonfinali ta’ sanzjonijiet u deċiżjonijiet amministrattivi oħra, fl-aħħar snin, saret ħafna inqas oneruża u kumplessa għall-awtoritajiet tal-Istati Membri bis-saħħa tal-adozzjoni ta’ numru ta’ strumenti tal-Unjoni bħal, inter alia, id-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI (46) u d-Direttiva 2015/413/UE (47). Barra minn hekk, kif ġie nnotat mill-Gvern Awstrijak, f’xi każijiet id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali dwar il-kooperazzjoni li fih ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija parti jistgħu wkoll ikunu ta’ applikazzjoni.

102. Għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma jistgħux ikunu tal-fehma li, fiċ-ċirkustanzi kollha, miżuri transkonfinali ta’ eżekuzzjoni ser ikunu meħtieġa, u lanqas li dawn il-miżuri, jekk meħtieġ, dejjem ser ikunu jwasslu għal piż amministrattiv jew finanzjarju intollerabbli.

103. Dwar din il-kwistjoni, il-Gvern Ġermaniż enfasizza li l-formulazzjoni fil-paragrafu 11(7) tal-InfrAG hija ċara li fejn jidħol id-depożitu ta’ garanzija, fil-każ li jiġi skopert ksur u l-ammont dovut mit-trasgressur ma jitħallasx immedjatament, dan jista’ jkun meħtieġ, iżda ma hemm ebda obbligu li jiġi impost. B’rabta ma’ dan, dan il-gvern jinnota li l-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma ovvjament obbligati li jinterpretawha fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jevitaw kwalunkwe ksur possibbli tar-regoli tat-Trattat.

104. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ drittijiet, regoli jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali kif applikati fil-prattika (48), fid-dawl tal-interpretazzjoni tagħhom mill-qrati nazzjonali (49). Ma hemm xejn fl-annessi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrent li jissuġġerixxu li l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta jintalbu jinterpretaw u japplikaw il-paragrafu 11(7) tal-InfrAG, ma jagħmlux dan fid-dawl tar-regoli rilevanti tal-Unjoni, sabiex jiżguraw konformità mad-dritt tal-Unjoni (50).

105. It-tieni nett, fil-fehma tiegħi huwa meħtieġ li l-ammont tal-garanzija ma jkunx stabbilit fuq livell li ma jġorr ebda rabta raġonevoli mal-ksur imwettaq, jew li jista’ jkollu l-effett li jiddisswadi sewwieqa ta’ vetturi barranin milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ movimenti liberi fil-Ġermanja. F’dan ir-rigward, qiegħed nosserva li l-ammont tal-garanzija huwa limitat għall-ammonti possibbli dovuti (it-tariffa dovuta għall-vinjetta u s-sanzjoni li tista’ tiġi imposta) flimkien mal-ispejjeż tal-proċedura amministrattiva.

106. Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-proċess ma fih ebda indikazzjoni tal-ammont possibbli tas-sanzjoni u tal-ispejjeż tal-proċedura. Fl-assenza ta’ kwalunkwe element konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax sempliċement tassumi li l-ammont globali ser ikun neċessarjament sproporzjonat, kif qiegħed jimplika l-Gvern Awstrijak.

107. Bħala konklużjoni, il-fehma tiegħi hija li t-tieni lment għandu jiġi miċħud ukoll.

C.      It-tielet ilment: ksur tal-Artikoli 34 u 56 TFUE

1.      L-argumenti tal-partijiet

108. Ir-Repubblika tal-Awstrija tafferma li l-miżuri kkontestati jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li tali miżuri jista’ jkollhom effetti fuq il-provvista transkonfinali ta’ merkanzija permezz ta’ vetturi li jkollhom total ta’ piż inqas minn 3.5 tunnellati u fuq il-provvista ta’ servizzi minn persuni mhux residenti jew anki l-provvista ta’ servizzi lil persuni mhux residenti. Il-Gvern Awstrijak ikompli jargumenta li tali restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu ġġustifikati.

109. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta, l-ewwel nett, li t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura ma tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE. F’dan ir-rigward, din qiegħda tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sentenza f’Keck u Mithouard (51). Barra minn hekk, it-tnaqqis fiskali ma għandux — fil-fehma tal-Gvern Ġermaniż — aspett transkonfinali peress li jaffettwa biss liċ-ċittadini. It-tieni nett, il-Gvern Ġermaniż jikkontesta li t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura tista’ twassal għal ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dan qiegħed jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenza Mobistar u Belgacom Mobile (52).

2.      Evalwazzjoni

110. Essenzjalment, l-argumenti mressqa mill-Gvern Awstrijak jirreferu esklużivament għat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura. Fil-fatt, bl-ebda mod ma huwa evidenti x’jistgħu jkunu l-effetti transkonfinali tat-tnaqqis fiskali. Din l-aħħar miżura sempliċement tnaqqas it-taxxa li sidien ta’ vetturi mhux barranin ikollhom iħallsu. Madankollu, tali taxxa ma hijiex, jew tista’ tiġi, imposta fuq sidien ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra, lanqas ma hemm xi allegazzjoni li t-taxxa fuq il-vetutri hija de facto diskriminatorja u għalhekk tikser l-Artikolu 110 TFUE (53).

111. Għaldaqstant, l-analiżi tiegħi għandha, f’dan il-kuntest, tiffoka prinċipalment fuq jekk it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura tiksirx l-Artikoli 34 u 56 TFUE.

112. Madankollu, qabel dan huwa xieraq li ssir osservazzjoni preliminari. Huwa spiss argumentat li meta miżura nazzjonali tista’ tkun prima facie kapaċi taffettwa żewġ libertajiet tas-suq intern jew iktar, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura inkwisjtoni fir-rigward biss tal-libertà li hija prinċipalment affettwata, u b’hekk ma tiġbidx konklużjoni dwar il-kompatibbiltà mal-libertà(jiet) l-oħra li tidher (jidhru) purament sekondarja(i) (54).

113. Fil-fehma tiegħi, tali approċċ — li huwa primarjament iġġustifikat minn raġunijiet ta’ ekonomija ġudizzjarja — jista’ jkun leġittimu fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari. Għandi iktar dubji fejn dan għandu jiġi segwit fil-kuntest ta’ rikors dirett, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju meħtieġa twieġeb kull wieħed mill-ilmenti mressqa mir-rikorrent. B’mod partikolari, jidhirli li, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur, ilment jista’ biss jitwarrab fejn il-ksur allegat ikun konsegwenza inevitabbli ta’ ksur li diġà ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew fejn l-ilment ikun tressaq b’mod alternattiv għal raġuni li ġiet meqjusa bħala fondata (55).

114. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija, jidhirli li fil-kawża ineżami l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-ksur allegat mill-perspettiva taż-żewġ libertajiet invokati.

a)      Il-moviment liberu tal-merkanzija

115. Essenzjalment, il-Gvern Awstrijak jafferma li t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura hija miżura li għandha effett ekwivalenti li ma jistax jiġi ġġustifikat, il-ksur tal-Artikolu 34 TFUE.

116. Qabel kollox għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri kollha li kapaċi jfixklu direttament jew indirettament, effettivament jew potenzjalment, il-kummerċ fl-Unjoni għandhom jitqiesu bħala miżuri li għandhom effetti ekwivalenti għal dak li hemm fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (56). Għalhekk, l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw mill-applikazzjoni għall-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra, fejn hija mmanifatturata u kkummerċjalizzata legalment, ta’ regoli dwar il-kundizzjonijiet li din il-merkanzija għandha tissodisfa, jikkostitwixxu miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi anki jekk dawn ir-regoli japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għall-prodotti kollha (57). Min-naħa l-oħra, ma hijiex ta’ natura li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, effettivanemnt jew potenzjalment, il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-applikazzjoni għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-operaturi kkonċernati kollha u sakemm jolqtu bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt (58).

117. F’dan il-kuntest, ma naqbilx mal-Gvern Ġermaniż li t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, sa fejn din jista’ jkollha effett fuq id-distribuzzjoni ta’ merkanzija fil-Ġermanja, għandha titqies bħala “modalità ta’ bejgħ” fis-sens tal-ġurisprudenza Keck.

118. Il-kunċett ta’ modalità ta’ bejgħ ikopri biss regoli nazzjonali li jikkonċernaw “modalitajiet li bihom dawn jistgħu jinbiegħu” (59). Fi kliem ieħor, dan jinvolvi miżuri li jirregolaw il-modalità li biha (pereżempju, meta, fejn, kif u minn min) il-prodotti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati (60). Dan il-kunċett ma għandux jiġi estiż biex ikopri regoli li jikkonċernaw il-modalità li biha l-merkanzija tista’ tiġi ttrasportata. L-esperjenza turi li l-modalitajiet tal-bejgħ, dejjem jekk ma jkunux diskriminatorji, ġeneralment ma jfixklux l-aċċess ta’ merkanzija importata f’suq ta’ Stat Membru. Għall-kuntrarju, limitazzjoni fuq il-modalità li biha l-merkanzija tista’ tiġi ttrasportata jista’ jkollha effett iktar dirett fuq il-kummerċ transkonfinali peress li tagħmel l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet teknikament, ekonomikament u prattikament iktar diffiċli jew anki impossibbli. Fl-opinjoni tiegħi, regoli nazzjonali dwar it-trasport huma, f’ċerti aspetti, simili għal regoli nazzjonali dwar l-użu, li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li testendi l-prinċipju Keck (61). Din hija kkonfermata minn numru ta’ kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali li jirrestrinġu t-trasport ta’ merkanzija mal-Artikolu 34 TFUE skont il-ġurisprudenza tradizzjonali ta’ Dassonville u Cassis de Dijon (62).

119. Madankollu, dan ma jfissirx li t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura għandha titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti.

120. Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja diġà għandha fis-seħħ sistema ta’ pedaġġ għall-awtostradi li tapplika għal vetturi b’piż ta’ 3.5 tunnellati u iktar. It-tariffa għall-użu tal-infrastruttura li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura għalhekk tikkonċerna biss vetturi b’piż ta’ inqas minn 3.5 tunnellati. Din it-tariffa għalhekk tikkonċerna prinċipalment karozzi tal-passiġġieri, karozzi tal-linja u vannijiet żgħar u — tajjeb li jerġa’ jiġi enfasizzat — hija applikabbli mingħajr distinzjoni kemm għal vetturi mhux barranin kif ukoll barranin.

121. Madankollu, il-Gvern Awstrijak jargumenta li ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Membri l-oħra jistgħu jiġu esportati lejn il-Ġermanja permezz ta’ karozzi tal-passiġġieri jew vannijiet żgħar, u, konsegwentement, il-kummerċ transkonfinali jista’ jiġi affettwat.

122. Veru, ma jistax jiġi eskluż li ċerta merkanzija tista’, f’xi drabi, tiġi ttrasportata mill-post tal-produzzjoni, importazzjoni u l-ħżin tagħha jew sempliċement minn post ieħor li fih tiġi kkummerċjalizzata barra mill-pajjiż, lejn il-Ġermanja permezz ta’ karozzi tal-passiġġieri jew vannijiet żgħar. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed biex it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura tiġi meqjusa bħala miżura li għandha effett ekwivalenti.

123. F’dan ir-rigward, ikolli nfakkar li, f’konsistenza ma’ kawżi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri nazzjonali li l-effetti restrittivi tagħhom kienu “wisq inċerti u indiretti”, “purament spekulattivi” jew “wisq insinjifikattivi u inċerti” ma jiksrux l-Artikolu 34 TFUE (63). Dan huwa minnu speċjalment fir-rigward tal-miżuri li “ma jagħmlu l-ebda distinzjoni skont l-oriġini tal-merkanzija ttrasportata” u “l-għan [tagħhom] ma huwiex li jirregolaw il-kummerċ fil-merkanzija ma’ Stati Membri oħra” (64).

124. Dan jidher li huwa l-każ fir-rigward tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura inkwistjoni fil-kawża ineżami, li hija miżura li bl-ebda mod ma hija intiża li tirregola l-kummerċ: din hija applikabbli mingħajr distinzjoni għal kwalunkwe vettura fi tranżitu fin-netwerk Ġermaniż tal-awtostradi, irrispettivament mill-għan privat jew kummerċjali tal-vjaġġ, u indipendentement mill-oriġini tal-vettura jew mill-merkanzija possibbilment ittrasportata. In-numru ta’ prodotti importati li jistgħu jiġu affettwati huwa probabbli baxx u ż-żieda possibbli fil-prezz ta’ dawn il-prodotti hija iktar limitata, jekk wieħed jikkunsidra li t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura x’aktarx li tikkostitwixxi frazzjoni partikolarment żgħira tal-ispejjeż globali tat-trasport.

125. Il-proċess ma jippermettix, fl-opinjoni tiegħi, xi konklużjoni differenti, speċjalment peress li r-Repubblika tal-Awstrija ma pprovdiet evidenza tal-ebda tip (stimi, studji, eżempji eċċ.) fir-rigward tal-inċidenza possibbli li t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura jista’ jkollha fuq il-kummerċ transkonfinali. Fir-realtà, il-Gvern Awstrijak qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi f’dan il-każ fuq il-bażi ta’ sempliċi preżunzjoni, minkejja l-fatt li bħala rikorrent, dan iġorr l-oneru tal-prova.

b)      Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi

126. Il-Gvern Awstrijak huwa tal-fehma li t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura tmur ukoll kontra l-Artikolu 56 TFUE sa fejn din tagħmilha iktar għalja kemm għal fornituri barranin tas-servizzi kif ukoll tal-klijenti mhux barranin biex jiċċirkolaw fil-Ġermanja.

127. Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur tas-servizzi nnifsu, iżda wkoll lid-destinatarju tal-imsemmija servizzi (65).

128. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-miżuri nazzjonali, li l-effett waħdieni tagħhom huwa li joħolqu spejjeż addizzjonali għas-servizz inkwistjoni u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri u dik fi ħdan Stat Membru, ma humiex imsemmija fl-Artikolu 56 TFUE (66).

129. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, ta’ taxxi u tipi oħra ta’ tariffi li awtoritajiet nazzjonali jistgħu jintroduċu fl-eżekuzzjoni tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tat-taxxa jew il-politika ekonomika. Sakemm dawn it-taxxi u t-tariffi ma humiex direttament jew indirettament diskriminatorji, u l-ammont tagħhom huwa baxx fir-rigward tas-servizzi kkonċernati, ma jistax wieħed jassumi li x’aktarx dawn ifixklu l-aċċess għas-suq tal-Istati Membri inkwistjoni (67).

130. Huwa minnu li, fil-passat, sewwieqa ta’ karozzi tal-passiġġieri, karozzi tal-linja jew vannijiet żgħar irreġistrati barra mill-pajjiż setgħu jaċċessaw in-netwerk Ġermaniż tal-awtostradi b’xejn. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti stqarret li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu ma jintitolawx operaturi ekonomiċi biex jibbażaw fuq l-aspettattivi tagħhom ta’ assenza totali ta’ emenda leġiżlattiva (68). Emendi sempliċi fid-drittijiet nazzjonali, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji, jew sempliċi diskrepanzi bejn id-drittijiet nazzjonali ta’ Stati Membri varji, u sakemm dawn ma jfixklux l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru, ma humiex suffiċjenti biex jiskattaw l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu, anki meta dawn jista’ jkollhom effett negattiv fuq id-deċiżjoni tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni dwar jekk jeżerċitawx id-dritt tagħhom għal moviment liberu (69).

131. F’dan il-kuntest, u fl-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni jew prova konkreta mir-rikorrent, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex sempliċement tassumi li l-introduzzjoni ta’ tariffa tat-tip u fl-ammont tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura inkwistjoni ser inevitabbilment tiddisswadi lill-fornituri tas-servizzi stabbiliti barra mill-pajjiż milli jipprovdu servizzi fil-Ġermanja jew tiskoraġġixxi individwi residenti fil-Ġermanja milli jirrilokaw barra mill-pajjiż għal għan simili.

132. Kif imsemmi fil-punt 124 iktar ’il fuq, it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura hija applikabbli mingħajr distinzjoni għal kwalunkwe vettura fi tranżitu fin-netwerk Ġermaniż tal-awtostradi, irrispettivament mill-għan privat jew kummerċjali tal-vjaġġ, u indipendentement mill-oriġini tal-vettura. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-ispiża tal-vinjetta tidher li hija konformement ma’ dawk applikabbli fi Stati Membri oħra tal-Unjoni (inkluż ir-Repubblika tal-Awstrija) u bilkemm tista’ titqies sproporzjonata fir-rigward tas-servizz irċevut (l-aċċess bla limitu għan-netwerk Ġermaniż tal-awtostradi). Kwalunkwe effett fuq il-moviment liberu tas-servizzi jidher, għalhekk, inċert jew, l-iktar l-iktar indirett. Fi kliem ieħor, ma hemm ebda element, li jista’ jindika tfixkil għall-aċċess tas-suq.

133. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemm ebda raġuni biex jiġu eżaminati r-raġunijiet ġustifikattivi tal-Gvern Ġermaniż.

D.      Ir-raba’ lment: ksur tal-Artikolu 92 TFUE

1.      L-argumenti tal-partijiet

134. Permezz tar-raba’ u l-aħħar ilment tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-miżuri inkwistjoni jiksru l-Artikolu 92 TFUE, sa fejn dawn japplikaw għat-trasportazzjoni kummerċjali bil-karozzi tal-linja jew it-trasportazzjoni tal-merkanzija b’vetturi li ma jaqbżux it‑3.5 tunnellati. Il-Gvern Awstrijak jenfasizza li l-Artikolu 92 TFUE ma jipprevedix possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni, bir-riżultat li n-natura diskriminatorja tal-miżuri inkwistjoni tagħmilhom inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. Dan il-gvern, f’dan ir-rigward qiegħed jagħmel riferiment għas-sentenza f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja.

135. Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis dan l-ilment bħala mhux manifestament fondat. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikolu 92 TFUE ma jistax jiġi interpretat bħala dispożizzjoni estensiva li timpedixxi kwalunkwe emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ taffettwa t-trasport fit-triq. Il-Gvern Ġermaniż jinnota wkoll l-adozzjoni, wara l-għoti tas-sentenza f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, ta’ leġiżlazzjoni sostanzjali u b’mod partikolari tad-Direttiva Eurovignette. L-Artikoli 7(1) u 7k ta’ din id-direttiva jkunu espressament jippermettu miżuri bħal dawk inkwistjoni.

2.      Evalwazzjoni

136. Skont l-Artikolu 92 TFUE, “[s]akemm jiġu magħmula d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1), u sakemm il-Kunsill ma jkunx adotta miżura li tagħti deroga, ebda Stat Membru m’għandu japplika d-diversi dispożizzjonijiet tat-trasport li jirregolaw il-materja fl‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni tagħhom, b’mod li jagħmilhom inqas favorevoli, fl-effett dirett jew indirett tagħhom, għat-trasportaturi ta’ Stati Membri oħra meta mqabbla mat-trasportaturi tagħhom nazzjonali.”

137. Min-naħa l-oħra l-Artikolu 91(1) TFUE jipprovdi l-bażi għall-adozzjoni tal-miżuri biex tiġi implimentata l-politika komuni tat-trasport, u b’mod partikolari dispożizzjonijiet li jistabbilixxu “regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar”, “kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f’xi Stat Membru”, u “miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport”.

138. L-Artikolu 92 TFUE (jew il-predeċessuri tiegħu, l-ewwel l-Artikolu 76 KEE u sussegwentement l-Artikolu 72 KE) huwa dispożizzjoni li bilkemm ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ftit li xejn ġie applikat mill-Kunsill. Il-kawża ineżami għalhekk qiegħda toffri opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni u s-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

139. It-trasport huwa s-suġġett ta’ politika komuni, li timplika l-eżistenza ta’ regoli speċifiċi li jistgħu, f’xi drabi, jidderogaw jew fi kwalunkwe każ ivarjaw minn dawk li jirregolaw attivitajiet oħra. Kien hemm numru ta’ raġunijiet għalfejn l-Istati Membri kienu tal-fehma, meta t-Trattati tal-Komunitajiet ta’ dak iż-żmien kienu qegħdin jiġu mfassla, li t-trasport kellu ċertu karatteristiċi li kienu jeħtieġu sett ta’ regoli speċifiċi (70). Kien meqjus, inter alia, li diverġenzi sinjifikattivi kienu jeżistu fil-modalità ta’ kif kienu rregolati s-servizzi tat-trasport fuq il-livell tal-Istati Membri, fattur li, fid-dawl tas-sensittività tas-suġġett, talab għal approċċ kawt u gradwali fl-istabbiliment tal-politika komuni (71).

140. Għalhekk kien importanti, bħala l-ewwel pass, li l-Istati Membri jiġu pprevenuti milli jostakolaw dan il-proċess billi jintroduċu regoli ġodda li jiffavorixxu trasportaturi nazzjonali minn trasportaturi barranin. Dan ikun, fil-fatt, wessa’ l-lakuna bejn diversi korpi ta’ regoli tal-Istati Membru u jmorru kontra l-ispirtu proprju tal-politika futura. Sussegwentement l-Artikolu 76 KEE (issa l-Artikolu 92 TFUE) kien għalhekk ġie mfassal għal dan il-għan: dan impona obbligu ta’ standstill fuq l-Istati Membri sakemm il-Komunità (issa, l-Unjoni) adottat regoli komuni. B’rabta ma’ dan, ma għandux jiġi injorat il-fatt li, illum il-ġurnata kif kien qabel, il-projbizzjoni ġenerali tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni, stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE (dak iż-żmien l-Artikolu 59 KEE), ma hijiex applikabbli fil-qasam tat-trasport, bis-saħħa tal-Artikolu 58(1) TFUE (dak iż-żmien l-Artikolu 61(1) KEE).

141. Jekk wieħed iżomm f’moħħu din l-istorja leġiżlattiva, l-argumenti mressqa mill-Gvern Awstrijak insostenn tal-ksur tal-Artikolu 92 TFUE ma humiex konvinċenti.

142. Bħala bidu, l-Artikolu 92 TFUE x’aktarx li ma għadux iżjed applikabbli fir-rigward tal-miżuri bħal dawk inkwistjoni. Ma hijiex xi innovazzjoni li din id-dispożizzjoni rarament ġiet applikata fil-passat, u għal żmien twil lanqas biss ġiet applikata: dak li kien l-Artikolu 76 KEE kien ġie mfassal mill-bidu bħala regola ta’ natura tranżitorja li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kellu jonqos progressivament (72). Fil-fatt, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni espressament tistabbilixxi li din tapplika biss “[s]akemm jiġu magħmula d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1) [TFUE]”. Fil-fatt, wara l-istabbiliment ta’ regoli komuni li jkopru l-modalitajiet kollha tat-trasport (bl-ajru, bit-triq, bil-ferrovija, bil-baħar u fil-passaġġi fuq l-ilma interni), ċerti kummentaturi staqsew jekk din id-dispożizzjoni skadietx (73).

143. Fl-opinjoni tiegħi dan huwa speċjalment il-każ tat-trasport bit-triq. Fil-fatt, ġew imfassla diversi miżuri tal-Unjoni intiżi li jistabbilixxu politika komuni f’dan is-settur, speċjalment fl-aħħar tat-tmeninijiet u kmieni fid-disgħinijiet (74). Matul dawn is-snin, il-leġiżlatur tal-Unjoni, bl-għan li jimplimenta (dak li issa huwa) l-Artikolu 91(1) TFUE, inter alia: ippreveda tariffi nnegozjati liberament bejn il-partijiet kontraenti li kellhom jiġu introdotti minn Jannar 1990; neħħa kwoti minn Jannar 1993; introduċa awtorizzazzjoni mifruxa mal-Komunità għal operaturi tat-trasport ta’ merkanzija wkoll minn Jannar 1993; stabbilixxa regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ jew karozzi tal-linja; u introduċa kabotaġġ li kellu jitwettaq fi stadji differenti (75).

144. Illum il-ġurnata, kif ġie reċentement ikkonfermat mill-Opinjoni 2/15, is-settur tat-trasport bit-triq huwa fil-parti l-kbira kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (76). B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tinkludi regoli komuni dwar l-aċċess għall-professjoni u għas-suq, tistabbilixxi standards minimi għall-ħin tax-xogħol, il-ħin ta’ sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ għat-trasport bit-triq professjonali, u tistabbilixxi taxxi annwali minimi fuq il-vetturi kif ukoll regoli komuni għal pedaġġi u tariffi għall-utenti għall-vetturi tqal tal-merkanzija (77).

145. L-aħħar wieħed minn dawn l-aspetti huwa partikolarment rilevanti għall-kawża ineżami. Fil-fatt, id-Direttiva Eurovignette tistabbilixxi regoli komuni dwar pedaġġi relatati mad-distanza u tariffi tal-utenti bbażati fuq it-tul taż-żmien (vinjetti) għal vetturi tqal ta’ merkanzija għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi. Dawn ir-regoli jistipulaw li l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, it-tħaddim u l-iżvilupp tal-infrastruttura jistgħu jitħallsu permezz ta’ pedaġġi jew vinjetti għall-utenti tat-triq.

146. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda, għalissa, li jillimita l-approssimazzjoni tad-drittijiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam għal vetturi b’piż ta’ iktar minn 3.5 tunnellati biss (78). L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva Eurovignette jagħmilha ċara li, taħt ċerti kundizzjonijiet, “l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti partijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe parti oħra addizzjonali tan-netwerk tal-awtostradi tagħhom li mhux parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq”. L-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, id-dritt “li japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra, dment li l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra bħal dawn ma jiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma jirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi”. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fil-kuntest tal-premessa 9 tad-Direttiva 2011/76 (79), li skontha din id-direttiva “ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli japplikaw regoli nazzjonali biex jimponu tariffi fuq utenti oħra tat-toroq li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”. Barra minn hekk, l-Artikolu 7k tad-Direttiva Eurovignette espressament jippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu sistema ta’ tariffi għall-utenti għall-użu tal-infrastruttura biex jipprovdu kumpens xieraq għal dawn it-tariffi.

147. Ma jistax jiġi possibbilment argumentat — kif inhu implikat fis-sottomissjonijiet tal-Gvern Awstrijak — li minkejja l-leġiżlazzjonu rikka adottata mill-Unjoni skont l-Arikolu 91 TFUE fil-qasam tat-trasport bit-triq, u minkejja r-regoli speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva Eurovignette, ebda Stat Membru ma hu permess jintroduċi sistema ta’ pedaġġi jew tariffi għall-utent għall-użu tan-netwerk tal-awtostradi tiegħu għall-vetturi li ma humiex koperti mid-Direttiva Eurovignette sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jirregolax il-kwistjoni. Lanqas il-fatt li, meta Stat Membru jagħmel dan, ma jistax inaqqas it-taxxa relatata mal-vetturi sabiex jikkumpensa għat-tariffi l-ġodda.

148. Din il-konklużjoni, apparti li hija diffiċli tkun kompatibbli mal-formulazzjoni proprja tad-Direttiva Eurovignette, tkun ukoll tmur kontra żewġ dommi komunement aċċettati tal-politika tal-Unjoni dwar it-trasport: l-ispejjeż relatati mal-użu tal-infrastruttura tat-trasport għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas” (80). Din tkun ukoll konklużjoni eżorbitanti peress li tkun tfisser li l-Istati Membri kollha li stabbilixxew tali sistemi wara l‑1 ta’ Jannar 1958 (jew wara d-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Komunità/Unjoni) kisru u komplew jiksru l-Artikolu 92 TFUE.

149. Biex jissostanzja l-affermazzjoni tiegħu, il-Gvern Awstrijak jagħmel riferiment għas-sentenza f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja.

150. Madankollu, nemmen li l-konklużjoni li ntlaħqet mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ma tistax tiġi faċilment trasposta għall-kawża ineżami. Fil-fatt, il-kawża ġiet imressqa fl‑1990, fi żmien meta ħafna mill-miżuri meħtieġa biex tiġi implimentata politika komuni fil-qasam tat-trasport bit-triq jew ma kinux ġew adottati jew kienu għadhom iridu jiġu trasposti fuq livell nazzjonali, inkluża — u din hija partikolarment importanti — id-Direttiva Eurovignette. Madankollu, id-“dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1) [TFUE]” issa ġew fl-aħħar nett adottati, inkluż regoli speċifiċi dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż għall-infrastrutturi tat-trasport.

151. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-Artikolu 92 TFUE xorta kellu jkun applikabbli, il-Gvern Awstrijak naqas milli jispjega, aħseb u ara kemm ipproduċa prova dwar, kif miżura li tikkonċerna biss vetturi b’piż ta’ inqas minn 3.5 tunnellati seta’ jkollha impatt effettiv fuq trasportaturi barranin. Dwar din il-kwistjoni wkoll, dan il-gvern qiegħed essenzjalment jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq din il-preżunzjoni. Madankollu, kif issemma fil-punt 78 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 259 TFUE r-rikorrent huwa obbligat li jipproduċi prova tan-nuqqasijiet allegati mingħajr ma jibbaża fuq ebda preżunzjoni.

152. Għal dawn ir-raġunijet kollha, jien tal-fehma li r-raba’ lment għandu jiġi miċħud ukoll.

V.      Fuq l-ispejjeż

153. Konformement mal-Artikoli 138(1) u 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, inqis li r-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjez tagħhom stess.

VI.    Konklużjoni

154. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

–        tordna lir-Renju tad-Danimarka u lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jbatu l-ispejjeż tagħhom stess.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Iktar ’il quddiem ser nirreferi għaż-żewġ miżuri bħala l-“miżuri inkwistjoni”.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372.


4      BGBI. I, p. 904.


5      BGBI. IS., p. 1218.


6      BGBl. I, p. 1206.


7      BGBI., p. 3818.


8      BGBI., p. 901.


9      BGBI. I, p. 1493.


10      Direttiva tat‑28 ta’ Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 112).


11      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7. Ara wkoll l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


12      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.


13      Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).


14      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C‑54/07, EU:C:2008:397, punti 23 sa 25; u tal‑25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 36.


15      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia, C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16      Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑195/90, EU:C:1992:219 (iktar ’il quddiem “is-sentenza f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja”).


17      Fir-rigward tal-Artikolu 92 TFUE b’mod iktar ġenerali, ara infra punti 134 sa 152 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


18      Dwar dan il-punt, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑195/90, EU:C:1992:123, punti 14 sa 21.


19      A fortiori, il-fatt li s-sidien ta’ vetturi Euro 6 rċevew tnaqqis fiskali ta’ ammont li huwa ogħla mill-ammont li jħallsu għall-vinjetta annwali ma għandu ebda effett f’dan il-kuntest.


20      Pereżempju, l-użu tal-Pont Vasco da Gama tal-Portugall, u l-pont ta’ Øresund bejn l-Isvezja u d-Danimarka huwa suġġett għal pedaġġ, iżda l-użu tal-pont tal-ktajjen Széchenyi ta’ Budapest ma huwiex. Bl-istess mod, l-użu tal-mina ta’ Arlberg tal-Awstrija u l-mina ta’ Fréjus bejn l-Italja u Franza huwa suġġett għal pedaġġ, iżda l-użu tal-mina Gran Sasso tal-Italja ma huwiex.


21      Pereżempju, il-koppla tar-Reichstag ta’ Berlin, il-British Museum ta’ Londra, il-katidral Notre-Dame ta’ Pariġi, il-Pantheon ta’ Ruma u l-ġonna ta’ Schönbrunn ta’ Vjenna, persuna tista’ żżurhom b’xejn, filwaqt li biex persuna żżur il-mużew ta’ Van Gogh f’Amsterdam, l-Akropolis ta’ Ateni, il-mużew del Prado ta’ Madrid, jew il-bażilika ta’ San Mark ta’ Venezia normalment tiġi suġġetta għal tariffa.


22      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Lindfors, C‑365/02, EU:C:2004:449 punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata. B’mod iktar ġenerali, ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑388/01, EU:C:2003:30.


23      Ara supra, punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Qiegħed nosserva li tali kumpens huwa espressament permess mill-Artikolu 7k tad-Direttiva dwar l-Eurovignette. Għalkemm mhux direttament applikabbli għall-kawża ineżami, din id-dispożizzjoni tista’ tittieħed bħala espressjoni ta’ prinċipju li għandu jkun validu wkoll għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti.


25      Qarrejja attenti jirrikonoxxu parafrażi mill-parti tal-bidu tax-xogħol tal‑1848 “Manifesto of the Communist Party” mill-filosfi Karl Marx u Friedrich Engels. Ir-riferiment oriġinali kien, ovvjament, għall-Komuniżmu. Mandakollu, bl-ebda mod ma qiegħed nimplika li ż-żewġ fenomeni għandhom jitqiesu simili.


26      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawżi magħquda Jackson u Cresswell, C‑63/91 u C‑64/91, EU:C:1992:212, punt 15 et seq.


27      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑502/15, mhux ippubblikata, EU:C:2017:334, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.


28      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2012, L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja, C‑364/10, EU:C:2012:630, punti 56 sa 61.


29      Ara, inter alia, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑227/01, EU:C:2004:528, punt 58.


30      Fl-istudji legali, b’riferimenti ulterjuri, ara Sanchez-Graells, A., “Assessing the Public Administration’s Intention in EU Economic Law: Chasing Ghosts or Dressing Windows?”, Cambridge Yearbook of European Legal Studies, 2016, p. 111 u 112.


31      Diġà kien hemm fis-seħħ sistema ta’ pedaġġ għal vetturi tqal tal-merkanzija.


32      Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑224/00, EU:C:2002:185 (iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Il‑Kummissjoni vs L‑Italja”).


33      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, C‑97/17, EU:C:2018:285, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata.


34      Fis-seduta, il-Gvern Awstrijak afferma wkoll li hemm raġuni oħra għalfejn it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura hija, minħabba t-tfassil tagħha, diskriminatorja. Dan il-gvern argumenta li, fid-dawl tal-modalitajiet differenti li bihom għandha titħallas, it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura għandha titqies bħala li twassal, fil-prattika, għal żewġ miżuri distinti: taxxa għas-sidien ta’ vetturi mhux barranin, u tariffa għall-utenti għas-sewwieqa ta’ vetturi barranin. Madankollu, dan l-argument ma ġiex spjegat b’mod ċar, u lanqas ma ġie espressament inkluż fir-rikors tiegħu. Għalhekk inqisu bħala manifestament inammissibbli.


35      Fl-assenza ta’ regoli komuni li jirregolaw qasam speċifiku, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jimponu sanzjonijiet għall-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx jimponu sanzjoni tant sproporzjonata għall-gravità tal-ksur li din tkun ta’ ostakolu għal-libertajiet stabbiliti fit-Trattati. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1976, Watson u Belmann, 118/75, EU:C:1976:106, punt 21; u tad‑29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 36.


36      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi f’Vámos, C‑566/16, EU:C:2017:895, punti 57 u 58 (ikkonfermati fis-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, EU:C:2018:321, punt 42).


37      Fl-opinjoni tiegħi, il-każ huwa simili għal dak ta’ sewwieq li jitlef il-biljett li rċieva fid-daħla tal-awtostrada. F’dan il-każ, is-sewwieq huwa normalment meħtieġ li jħallas il-pedaġġ li jikkorrispondi għall-itwal itinerarju possibbli fuq din l-awtostrada.


38      Ara l-punt 20 tas-sentenza.


39      Ara l-punti 21 sa 29 tas-sentenza.


40      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑514/03, EU:C:2006:63.


41      Ara l-punti 41 sa 44 tas-sentenza.


42      Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, C‑33/17, EU:C:2018:896.


43      Ara l-punti 46 sa 48 tas-sentenza. Ara wkoll il-konklużjonijiet fl-istess kawża, EU:C:2018:311, punti 100, 101 u 107.


44      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl f’Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑224/00, EU:C:2001:671, punti 31 et seq. U l-ġurisprudenza ċċitata.


45      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C‑9/02, EU:C:2004:138, punti 51 u 52; tad‑9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑433/04, EU:C:2006:702, punti 35 sa 38; tas‑7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 31; u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Deister Holding u Juhler Holding, C‑504/16 u C‑613/16, EU:C:2017:1009, punt 61.


46      Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU 2006, L 159M, p. 256).


47      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq (ĠU 2015, L 68, p. 9).


48      Ara, inter alia, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑185/00, EU:C:2003:639, punt 109.


49      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 235/84, EU:C:1986:303, punt 14.


50      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Mejju 1997, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑300/95, EU:C:1997:255, punt 38.


51      Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993 Keck u Mithouard, C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905 (iktar ’il quddiem ‘Keck’).


52      Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile, C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518.


53      Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-Artikoli 34 u 110 TFUE huma reċiprokament esklużivi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE ma jestendix għall-ostakoli għall-kummerċ koperti minn dispożizzjonijiet oħra speċifiċi u li l-ostakoli ta’ natura fiskali msemmija fl-Artikolu 110 TFUE ma humiex koperti mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE (ara, inter alia, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2011, Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 33).


54      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑235/17, EU:C:2018:971, punti 43 sa 50.


55      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑459/03, EU:C:2006:345, punti 168 sa 173; u tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑549/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:672, punt 48.


56      Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82 (iktar ’il quddiem “Dassonville”), punt 5; u tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, paragraph 31.


57      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, 120/78, EU:C:1979:42 (iktar ’il quddiem “Cassis de Dijon”), punti 6, 14 u 15; u tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑110/05, EU:C:2009:66 (iktar ’il quddiem “Trailers”), punt 35.


58      Ara Keck, punt 16 u 17; u Trailers, punt 36.


59      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2009 f’Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft, C‑531/07, EU:C:2009:276, punt 20.


60      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C‑198/14, EU:C:2015:751;u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt, C‑221/15, EU:C:2016:704. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Deutsche Parkinson Vereinigung, C‑148/15, EU:C:2016:394, punti 20 et seq.


61      Ara Trailers, punti 37 u 56 et seq.


62      Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, EU:C:2003:333; tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑320/03, EU:C:2005:684; u tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑28/09, EU:C:2011:854.


63      Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1990, Krantz, C‑69/88, EU:C:1990:97, punt 11; tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle, C‑323/93, EU:C:1994:368, punt 36; tat‑3 ta’ Diċembru 1998, Bluhme, C‑67/97, EU:C:1998:584, punt 22; u tas‑26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et, C‑20/03, EU:C:2005:307, punt 31.


64      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 31; tal‑14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C‑379/92, EU:C:1994:296, punt 24; u tal‑5 ta’ Ottubru 1995, Centro Servizi Spediporto, C‑96/94, EU:C:1995:308, punt 41.


65      Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik, C‑33/17, EU:C:2018:896, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


66      Ara, pereżempju, sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile, C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518, punt 31; tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 36; u tat‑22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 32.


67      Ara, f’dan ir-rigward is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor, C‑134/03, EU:C:2005:94, punti 37 sa 39; u, b’analoġija, tal‑1 ta’ Ġunju 2006, Innoventif, C‑453/04, EU:C:2006:361, punti 37 sa 40. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Viacom Outdoor, C‑134/03, EU:C:2004:676, punti 58 sa 67; u l-konklużjonijiet tiegħi fi Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:442, punti 26 sa 29.


68      Ara s-sentenza tad‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata.


69      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Weigel, C‑387/01, EU:C:2004:256, punt 55. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano f’CaixaBank France, C‑442/02, EU:C:2004:187, punt 58.


70      Ara Aussant, J., Fornasier, R., “La Politique Commune des Transports”, in Commentaire Megret – Le Droit de la CEE, Vol. 3, it‑2ni ed., 1990, p. 195‑197.


71      Ara, b’mod ġenerali, Robert, J., “Doubts on a Common Transport Policy”, 1967, Common Market Law Review, vol. 5, p. 193 et seq.


72      Ara Aussant, J., Fornasier, R., supra Nru 69, p. 216.


73      Ara, pereżempju, Grand, L., “Comment to Article 72 CE”, f’Pingel, I. (ed.), Commentaire article par article des traités UE et CE, it‑2ni edizzjoni, Dalloz, Paris, 2010, p. 667 u 668. B’mod simili, Romano, F., “Comment to Article 92 TFEU”, f’Curti Gialdino, C., Codice dell’Unione Europea Operativo, Simone, Napoli, 2012, p. 962 u 963.


74      Ir-raġuni wara dan il-fatt hija li, f’nofs it-tmeninijiet, il-Parlament ippreżenta b’suċċess rikors kontra l-Kunsill peress li naqas milli jintroduċi politika komuni għat-trasport (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 1985, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, 13/83, EU:C:1985:220).


75      Rispettivament, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4058/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-iffissar ta’ rati għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 286); ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1841/88 tal‑21 ta’ Ġunju 1988 li jemenda ir-Regolament (KEE) Nru 3164/76 dwar il-kwota Komunitarja għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq imwettaq bejn l-Istati Membri (ĠU 1988, L 163, p. 1); ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 881/92 tas‑26 ta’ Marzu 1992 dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq fil-Komunità lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 379); ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 tas‑16 ta’ Marzu 1992 dwar regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1,P. 306); u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3118/93 tal‑25 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ skariġġ bit-triq ġewwa Stat Membru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 103).


76      Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni u Singapore) tas‑16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, paragrafi 204 sa 212. Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fl-istess kawża, EU:C:2016:992, punti 260 sa 267.


77      Għal ħarsa ġenerali relattivament reċenti tal-leġiżlazzjoni eżistenti b’riferimenti għal diversi strumenti legali li hemm fis-seħħ bħalissa, ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni tal-14 ta’ April 2014 (COM(2014) 222 finali).


78      Ara l-premessa 5 tad-Direttiva dwar l-Eurovignette.


79      Direttiva 2011/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU 2011, L 269, p. 1).


80      Ara, pereżempju, il-premessa 3 tad-Direttiva 2011/76; u Il‑Kummissjoni Ewropea, White Paper, Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (KUMM(2011) 144 finali), punt 58.