Language of document : ECLI:EU:C:2021:876

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 27(3)(g) u (4) – Talba għal kunsens għal prosekuzzjonijiet għal reati oħra minbarra dawk li ġġustifikaw il-konsenja – Artikolu 28(3) – Talba għal kunsens għal konsenja ulterjuri tal-persuna kkonċernata lil Stat Membru ieħor – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Modalitajiet”

Fil-Kawżi magħquda C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU,

li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑14 ta’ Lulju 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Lulju 2021, fil-proċeduri dwar l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra

HM (C‑428/21 PPU)

TZ (C‑429/21 PPU)

fil-preżenza ta’:

Openbaar Ministerie

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, S. Rodin, N. Jääskinen (Relatur), J.-C. Bonichot u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Openbaar Ministerie, minn C. McGivern u K. van der Schaft,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u C. S. Schillemans kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Lane, bħala aġent, assistita minn G. Mullan, BL,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Gruenheid kif ukoll minn M. Wasmeier u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(3)(g) u (4), kif ukoll l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa, rispettivament, fil-Kawża C‑428/21 PPU, mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ungeriżi kontra HM, ċittadin ta’ pajjiż terz, u, fil-Kawża C‑429/21 PPU, mill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani kontra TZ, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi, wara t-talba għal kunsens imressqa minn kull waħda minn dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-ewwel waħda skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, it-tieni waħda, skont l-Artikolu 28(3) tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5, 6 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma mfassla kif ġej:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jbiddlu b’sistema ta’ ċediment bejn awtoritajiet ġudizzjarji. ’il fuq minn dan, l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata ta’ ċediment ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati ġħall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ koperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu mibdula b’sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tinata’ s-sentenza kif ukoll dawk finali, ġo żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-"punt ta’ referenza" tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-[Karta], partikolarment il-Kapitolu VI tiegħu. […]”

4        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

5        L-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas msemmija jelenkaw ir-raġunijiet għan-noneżekuzzjoni obbligatorja (Artikolu 3) u fakultattiva (Artikoli 4 u 4a) tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru f’każijiet partikolari: L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirrigwarda l-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew:

6        Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Drittijiet ta’ persuna rikjesta”:

“1.      Meta persuna rikjesta tiġi arrestata, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni kompetenti għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tinforma lil dik il-persuna bil-mandat ta’ arrest Ewropew u bil-kontenut tiegħu, u wkoll bil-possibbiltà li tagħti l-kunsens għall-konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti.

2.      Persuna rikjesta li tiġi arrestata għall-fini ta’ l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkollha d-dritt li tkun assistita minn avukat u minn interpretu skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.”

7        L-Artikolu 13 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Kunsens għall-konsenja”, jipprevedi:

“1.      Jekk il-persuna arrestata tindika li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, dak il-kunsens u, jekk adatt, rinunzja espressa għall-benefiċċju tar-“regola ta’ l-ispeċjalità”, imsemmija fl-Artikolu 27(2), għandhom jingħataw quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, skond il-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.

2.      Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kunsens u, fejn adatt, ir-rinunzja, kif imsemmija fil-paragrafu 1, ikunu stabbiliti b’tali mod li juri li l-persuna kkonċernata tathom volontarjament u f’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna rikjesta għandu jkollha d-dritt għal avukat.

3.      Il-kunsens u, fejn adatt, ir-rinunzja, kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu rreġistrati formalment skond il-proċedura stabbilita mil-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.

[…]”

8        L-Artikolu 14 tal-istess deċiżjoni Qafas, intitolat “Smigħ tal-persuna rikjesta”, jipprovdi:

“Fejn il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 13, hija għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.”

9        L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa fformulat b’dan il-mod:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.      Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

10      L-Artikolu 19 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Smigħ tal-persuna sakemm tittieħed id-deċiżjoni” jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u bil-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta’ esekuzzjoni.”

11      Skont l-Artikolu 27 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra”:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.      Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

3.      Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

[…]

(f)      meta l-persuna, wara l-konsenja tagħha, irrinunzjat espressament għall-benefiċċju tar-regola ta’ l-ispeċjalità fir-rigward ta’ reati speċifiċi qabel il-konsenja tagħha. Ir-rinunzja għandha tiġi mogħtija quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti u għandha tiġi rreġistrata skond il-liġi domestika ta’ dak l-Istat. Ir-rinunzja għandha titfassal b’tali mod li jkun magħmul ċar li l-persuna għamlitha volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna għandu jkollha d-dritt għal avukat;

(g)      fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4.      Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

[…]”

12      L-Artikolu 28 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Konsenja jew estradizzjoni sussegwenti”, jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens għall-konsenja ta’ persuna lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew li nħareġ għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha hu kkunsidrat li ngħata, ħlief jekk f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tiddikjara mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.      Fi kwalunkwe każ, persuna li ġiet konsenjata lill-Istat Membru emittenti skond mandat ta’ arrest Ewropew tista’, mingħajr il-kunsens ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tiġi konsenjata lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal kwalunkwe reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha fil-każijiet li ġejjin:

[…]

(b)      fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens biex tiġi konsenjata lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew. Il-kunsens għandu jingħata quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti u għandu jkun reġistrat skond il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat. Huwa għandu jkun imwassal b’tali mod li jkun ċar li l-persuna kkonċernata tatu volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna rikjesta għandu jkollha d-dritt għal avukat;

(c)      fejn il-persuna rikjesta mhijiex soġġetta għar-regola ta’ l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 27(3)(a), (e), (f) u (g).

3.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tagħti l-kunsens għall-konsenja lil Stat Membru ieħor skond ir-regoli li ġejjin:

(a)      it-talba għall-kunsens għandha tiġi ppresentata skond l-Artikolu 9, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u t-traduzzjoni kif iddikjarat fl-Artikolu 8(2);

(b)      il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu fih innifsu soġġett għal konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru;

(c)      id-deċiżjoni għandha tittieħed mhux iktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba;

(d)      il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4.

[…]”

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

13      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet trasposta fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-Wet tot implementatie van het kaderbesluit van de Raad van de Europese Unie betreffende het Europees aanhoudingsbevel en de procedures van overlevering tussen de lidstaten van de Europese Unie (Overleveringswet) (il‑Liġi li Timplimenta d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Proċeduri ta’ Konsenja bejn l-Istati Membri (il-Liġi tal-Konsenja)), tad‑29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, no 195), kif emendata l-aħħar bil-Liġi tas‑17 ta’ Marzu 2021 (Stb. 2021, no 155).

 Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 Il-Kawża C428/21 PPU

14      Fil‑25 ta’ Mejju 2020, il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) awtorizzat il-konsenja lill-Ungerija ta’ HM, ċittadin ta’ pajjiż terz, għal proċeduri kriminali, f’dan l-Istat Membru, għal fatti kklassifikati bħala “ħasil tal-prodott mill-kriminalità”. HM ġie effettivament ikkonsenjat lill-Ungerija fil‑25 ta’ Ġunju 2020, fejn minn dak iż-żmien huwa jinsab taħt detenzjoni.

15      Fit‑13 ta’ April 2021, awtorità ġudizzjarja Ungeriża ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju talba, skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sabiex tikseb il-kunsens tagħha sabiex HM jiġi akkużat, fl-Ungerija, għal reati oħra minbarra dawk li mmotivaw il-konsenja tiegħu, b’mod partikolari għal fatti oħra li jikkostitwixxu ħasil tal-prodott mill-kriminalità li twettqu mill-persuna kkonċernata qabel l-imsemmija konsenja.

16      Skont il-qorti tar-rinviju, li hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni f’din il-kawża, it-talba għal kunsens tinkludi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll verbal tas-smigħ ta’ HM minn awtorità ġudizzjarja Ungeriża. Waqt dan is-smigħ, dan tal-aħħar, assistit minn avukat, iddikjara li ma riedx jirrinunzja milli jibbenefika mir-regola ta’ speċjalità, konformement mal-Artikolu 27(3)(f) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.

17      Filwaqt li tirrileva li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tinkludi ebda regola dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni adita b’talba għal kunsens imsemmija fl-Artikolu 27 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt għal smigħ jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, li huma inerenti għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

18      Issa, peress li HM jinsab attwalment f’detenzjoni fl-Ungerija, huwa ma ssejjaħx sabiex jesprimi ruħu dwar it-talba għal kunsens indirizzata lill-qorti tar-rinviju u ma kien, waqt l-eżami tat-talba minn din il-qorti tar-rinviju, la preżenti u lanqas irrappreżentat, kemm jekk mill-avukat li kien assistih fil-kuntest tal-proċedura preċedenti dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew minn avukat ieħor.

19      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi f’liema Stat Membru u b’liema mod il-persuna kkonsenjata għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt għal smigħ tagħha meta awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti tressaq quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni talba għal kunsens prevista fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], moqri fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        huwa fl-Istat Membru emittenti li persuna kkonsenjata għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ b’rabta ma’ talba għal kunsens għall-estensjoni tal-fatti, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru tismagħha dwar eventwali rinunzja mill-protezzjoni tar-regola ta’ speċjalità msemmija fl-Artikolu 27(3)(f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI jew

–        huwa fl-Istat Membru li preċedentement wettaq il-konsenja tagħha li din il-persuna għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ, quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, fil-kuntest tal-proċedura marbuta mal-għoti tal-kunsens għall-estensjoni tal-fatti?

2)      Jekk ikun fl-Istat Membru li preċedentement wettaq il-konsenja tagħha li l-persuna kkonsenjata għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ b’rabta ma’ talba għal kunsens għall-estensjoni tal-fatti skont l-Artikolu 27(4) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], b’liema mod għandu dan l-Istat Membru jippermettilha li tagħmel dan?”

 Il-Kawża C429/21 PPU

21      Fis‑26 ta’ Jannar 2021, il-qorti tar-rinviju awtorizzat il-konsenja lir-Renju tal-Belġju ta’ TZ, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi, għal proċeduri kriminali, fil-Belġju, għal fatti kklassifikati bħala “serq organizzat jew bl-użu ta’ armi”. TZ ġie effettivament ikkonsenjat lil dan l-Istat Membru, fejn jinsab taħt detenzjoni sa minn dak iż-żmien.

22      Fit‑3 ta’ Mejju 2021, awtorità ġudizzjarja Belġjana ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju talba għal kunsens għal konsenja ulterjuri ta’ TZ lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għal prosekuzzjoni ta’ reati oħra, jiġifieri serq organizzat jew bl-użu ta’ armi li twettaq matul l-2020. It-talba għal kunsens tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas kif ukoll it-traduzzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu.

23      Il-qorti tar-rinviju, bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni f’din il-kawża, tirrileva li TZ jinsab attwalment f’detenzjoni fil-Belġju. Huwa ma ġiex ikkonvokat u la kien preżenti u lanqas irrappreżentat waqt l-eżami mill-qorti tar-rinviju tat-talba li saret mill-awtorità ġudizzjarja Belġjana.

24      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi l-istess domanda bħal dik imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza f’dak li jikkonċerna d-dritt tal-persuna kkonsenjata għal smigħ fil-kuntest ta’ talba għal kunsens ibbażata fuq l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 28(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], moqri fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        huwa fl-Istat Membru emittenti, quddiem awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ sussegwentement minn Stat terz għal fatti mwettqa qabel il-konsenja, li persuna kkonsenjata lill-Istat Membru emittenti u li tkun is-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ b’rabta ma’ talba għal kunsens għal konsenja sussegwenti, skont l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI jew

–        huwa fl-Istat Membru li preċedentement wettaq il-konsenja tagħha li din il-persuna għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ, quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, fil-kuntest tal-proċedura marbuta mal-għoti tal-kunsens għall-konsenja sussegwenti?

2)      Jekk ikun fl-Istat Membru li preċedentement wettaq il-konsenja tagħha li l-persuna kkonsenjata għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ b’rabta ma’ talba għal kunsens għall-konsenja sussegwenti skont l-Artikolu 28(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], b’liema mod għandu dan l-Istat Membru jippermettilha li tagħmel dan?”

26      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Lulju 2021, il-Kawżi C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU ġew magħquda.

 Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

27      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28      Insostenn tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-domandi preliminari jikkonċernaw suġġett imsemmi fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u li HM u TZ huma attwalment imċaħħda mil-libertà.

29      Fir-rigward, minn naħa, tas-sitwazzjoni ta’ HM, din il-qorti tosserva li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari ser ikollha effett dirett u deċiżiv fuq it-tul tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata fl-Ungerija, sa fejn, b’mod partikolari, fil-każ ta’ ċaħda tat-talba għal kunsens għall-estensjoni tar-reati, skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti ma hijiex awtorizzata li tqiegħdu f’detenzjoni provviżorja għar-reati kkonċernati minn din it-talba.

30      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tas-sitwazzjoni ta’ TZ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li din il-persuna hija mċaħħda mil-libertà fl-istennija tad-deċiżjoni ta’ din il-qorti dwar it-talba għal kunsens ta’ konsenja ulterjuri lill-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża sabiex teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minnha.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li tagħmel parti mill-oqsma li jinsabu fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. B’hekk, dawn jistgħu jkunu s-suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura.

32      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija fil-preżent imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura, C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, minn naħa, HM u TZ huma attwalment imċaħħda mil-libertà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 18 u 23 ta’ din is-sentenza, HM u TZ huma miżmuma, rispettivament, fl-Ungerija u fil-Belġju, wara li kienu ġew ikkonsenjati lil dawn l-Istati Membri abbażi ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa minn dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, peress li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw in-neċessità jew le li l-persuna kkonċernata tinstema’ fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tal-kunsens mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-estensjoni tar-reati li inizjalment iġġustifikaw il-konsenja jew il-konsenja ulterjuri ta’ din il-persuna lil Stat Membru ieħor, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha konsegwenza immedjata fuq l-eżitu tad-detenzjoni provviżorja ta’ HM u ta’ TZ.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid‑29 ta’ Lulju 2021, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

35      Permezz taż-żewġ domandi tagħha f’kull waħda mill-kawżi magħquda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(3)(g) u (4), kif ukoll l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuna kkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tibbenefika mid-dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meta din tal-aħħar tiġi adita, mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, b’talba għall-kunsens abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni qafas imsemmija u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, b’liema mod jiġi kkonkretizzat id-dritt tas-smigħ tal-persuna kkonċernata.

36      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jitfakkru, preliminarjament, il-bażijiet legali tas-sistema stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif jirriżultaw minn din id-deċiżjoni qafas u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jistrieħ huwa nnifsu fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħrajn kollha jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-kuntest, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, bl-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata u effettiva għall-konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan mogħti lill-Unjoni sabiex issir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ibbażata fuq il-grad għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew - Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, din id-deċiżjoni qafas għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq fil-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957 b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew persuni ssuspettati għal finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni, fejn din l-aħħar sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew - Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Dan il-prinċipju, li skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jikkostitwixxi l-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li bis-saħħa tagħha l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew - Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Konsegwentement, filwaqt li l‑eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew - Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ikkonċernati mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet jikkonferixxu fuq l-Istati Membri ċerti kompetenzi preċiżi matul l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, dawn id-dispożizzjonijiet, peress li jistabbilixxu regoli derogatorji fil-konfront tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jwassal sabiex jixxejjen l-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas, li jikkonsisti f’li jiġu ffaċilitati u mħaffa l-konsenji bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li għandha teżisti bejniethom (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità), C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, ma tistax tiġi interpretata b’mod li titqiegħed indiskussjoni l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri li l-mandat ta’ arrest Ewropew tagħha, kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew - Ne bis in idem, C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex b’mod partikolari jiġi żgurat li l-funzjonament tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiġix ipparalizzat, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jipprevali fid-djalogu bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti. Għaldaqstant, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punti 104 u 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk il-persuna kkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhiex, kif tqis il-qorti tar-rinviju, id-dritt għal smigħ meta, abbażi rispettivament tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew tal-Artikolu 28(3) tagħha, titressaq talba għal kunsens minn din l-awtorità lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni bil-għan jew ta’ prosekuzzjoni għal reati oħra minbarra dawk li jkunu ġġustifikaw il-konsenja tagħha, jew ta’ konsenja ulterjuri ta’ din il-persuna lil Stat Membru ieħor.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tipprevedi, fl-Artikolu 14 tagħha, li kull persuna arrestata li ma tagħtix il-kunsens għall-konsenja tagħha għandha d-dritt għal smigħ, peress li l-Artikolu 19 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi regoli li jirrigwardaw speċifikament tali smigħ. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni qafas ma tinkludi ebda dispożizzjoni partikolari dwar id-dritt, għall-persuna kkonsenjata fil-kuntest ta’ waħda jew l-oħra mit-talbiet għal kunsens imsemmija fil-punt preċedenti, li tinstema’.

47      Issa, mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-premessa 12 tagħha, jirriżulta li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Artikolu 6 TUE u riflessi fil-Karta, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tagħha. L-Artikolu 47 tal-Karta, li jinsab f’dan il-kapitolu, jistabbilixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

48      Peress li d-dritt għal smigħ jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża, inerenti għad-dritt li wieħed jibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 203 u 205 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), f’ebda każ ma jista’ jiġi dedott mill-fatt li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tirrikonoxxix espressament lill-persuna kkonċernata d-dritt ta’ smigħ fil-kuntest ta’ talba għal kunsens abbażi tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) ta’ din id-deċiżjoni qafas jew tal-Artikolu 28(3) tagħha, li din il-persuna hija, f’tali ċirkustanzi, imċaħħda minn dan id-dritt fundamentali.

49      Fil-fatt, kif diġà fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni li jingħata l-kunsens previst fl-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija distinta minn dik dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u għandha, għall-persuna kkonċernata, effetti distinti minn dawk ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Dokumenti ffalsifikati), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 60). L-istess għandu japplika għall-effetti tal-kunsens imsemmi fl-Artikolu 28(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, dwar il-konsenja ulterjuri tal-persuna kkonċernata lil Stat Membru ieħor.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-kunsens tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jingħata meta r-reat li huwa s-suġġett tiegħu jinvolvi huwa stess l-obbligu ta’ konsenja skont din id-deċiżjoni qafas. Barra minn hekk, il-kunsens huwa rrifjutat għall-istess raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jew fakultattiva bħal dawk previsti għall-mandat ta’ arrest Ewropew fl-Artikoli 3 u 4 tal-istess deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Dokumenti ffalsifikati), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 61).

51      Min-naħa l-oħra, minkejja li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tintalab tagħti l-kunsens tagħha skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew l-Artikolu 28(3) tagħha, il-persuna kkonċernata tkun diġà ġiet ikkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni ta’ kunsens hija, bħal dik dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, ta’ natura li tippreġudika l-libertà ta’ din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Dokumenti ffalsifikati), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 62). Fil-fatt, deċiżjoni ta’ kunsens ikollha b’mod partikolari l-konsegwenza li l-imsemmija persuna tkun tista’ tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà talli wettqet reat differenti minn dak li kien jirrigwarda l-mandat ta’ arrest Ewropew, li fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tiegħu hija setgħet tinvoka d-drittijiet fundamentali tagħha, fosthom dak ta’ smigħ.

52      Għalhekk, peress li l-miżura prevista kontriha taffettwaha b’mod sfavorevoli, għandu jitqies li l-persuna kkonċernata għandha tibbenefika mid-dritt għal smigħ meta titressaq talba għal kunsens mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew l-Artikolu 28(3) tagħha.

53      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, fit-tieni lok, quddiem liema awtorità l-persuna kkonċernata tista’ tinvoka d-dritt għal smigħ tagħha meta ssir tali talba għal kunsens.

54      Anki jekk, konformement mal-Artikolu 27(3)(f) u mal-Artikolu 28(2)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja emittenti hija obbligata tisma’ lill-persuna kkonċernata sabiex tikseb ir-rinunzja eventwali ta’ din il-persuna għar-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 27(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jew il-kunsens tal-imsemmija persuna għal konsenja ulterjuri lil Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 28(2) tagħha, hija, madankollu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tagħti l-kunsens tagħha għal tali estensjoni għall-prosekuzzjoni ta’ reati oħra jew għal tali konsenja ulterjuri, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(4) u tal-Artikolu 28(3)(d) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

55      Din l-aħħar awtorità għandha għalhekk tevalwa, fid-dawl b’mod partikolari tal-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorji jew fakultattivi previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jekk il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għal reati oħra jew għal konsenja ulterjuri lil Stat Membru ieħor tistax tiġi awtorizzata.

56      Minn dan jirriżulta li huwa mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li l-persuna kkonsenjata għandha tinstema’ meta titressaq talba għal kunsens mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew l-Artikolu 28(3) tagħha.

57      Konsegwentement, għandhom jiġu ddeterminati, fit-tielet u l-aħħar lok, il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt, kif jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

58      F’dan ir-rigward, kif ġie enfasizzat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi żgurat li dawn il-modalitajiet ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu kemm it-twettiq tal-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li huwa b’mod partikolari li jiffaċilita u li jħaffef il-konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonsenjata.

59      Issa, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tirrigwarda speċifikament tali modalitajiet.

60      Għalhekk, fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istati Membri jżommu, skont l-awtonomija proċedurali tagħhom, il-fakultà li jadottaw f’dan ir-rigward regoli li jistgħu jkunu differenti minn Stat Membru għal ieħor. Madankollu, dawn għandhom jiżguraw li dawn ir-regoli ma jostakolawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni qafas, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja, iggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta, li hija l-bażi tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI, C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punt 58).

61      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi previsti mid-dritt tal-Unjoni, il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ fil-kuntest ta’ talba għal kunsens imressqa mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti jistgħu jiġu rregolati bi ftehim komuni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta’ eżekuzzjoni, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali.

62      Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal smigħ, li jifforma parti inerenti mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul il-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Madankollu, meta talba għal kunsens issir mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew skont l-Artikolu 28(3) tagħha, il-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod utli u effettiv, stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minkejja li ma timplikax id-dritt, għall-persuna kkonċernata, li tidher personalment quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meta din ikollha l-intenzjoni li tagħti l-kunsens tagħha għat-talba tal-Istat Membru emittenti, teħtieġ li din il-persuna jkollha l-possibbiltà materjali li tressaq l-osservazzjonijiet u l-oġġezzjonijiet eventwali kollha tagħha quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tat-talba għal kunsens.

64      Fil-fatt, fid-dawl tal-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 52(3) tagħha, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

65      Issa, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tal-konvenzjoni msemmija ma japplikax għall-proċeduri ta’ estradizzjoni, fosthom b’mod partikolari l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, sa fejn dawn il-proċeduri ma jinvolvux kontestazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ natura ċivili ta’ rikorrent u lanqas ma jirrigwardaw il-fondatezza ta’ akkuża kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Ottubru 2008, Monedero Angora vs Spanja, CE:ECHR:2008:1007DEC004113805, punt 2, u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Trabelsi vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2014:0904JUD000014010, punt 160 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li d-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tagħti l-kunsens tagħha għat-talba mressqa mill-awtorità ġudizzjarja emittenti skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew l-Artikolu 28(3) tagħha għandha tittieħed, mhux iktar tard minn tletin jum wara li tkun irċeviet din it-talba. Għalhekk, għandu jiġi żgurat li l-persuna kkonċernata tinstema’, b’mod utli u effettiv, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, mingħajr madankollu ma titqiegħed indiskussjoni l-loġika li fuqha hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew ukoll l-għanijiet tagħha, intiżi sabiex iħaffu l-proċeduri ta’ konsenja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, F, C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 73).

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jista’ jiġi implimentat konkretament fl-Istat Membru emittenti, li fih tinsab il-persuna kkonsenjata, mingħajr il-parteċipazzjoni diretta tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

68      Għalhekk, xejn ma jipprekludi s-soluzzjoni prevista mill-qorti tar-rinviju, li skontha l-persuna kkonċernata ssostni l-pożizzjoni tagħha quddiem l-awtorità ġudizzjarja emittenti fir-rigward tal-estensjoni eventwali tal-prosekuzzjonijiet għal reati oħra minbarra dawk li ġġustifikaw il-konsenja jew il-konsenja ulterjuri tagħha lil Stat Membru ieħor, pereżempju meta din l-awtorità tismagħha fir-rigward ta’ rinunzja eventwali li tibbenefika mir-regola tal-ispeċjalità, konformement mal-Artikolu 27(3)(f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jew fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Stat Membru ieħor għal atti mwettqa qabel il-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti. Għalkemm din il-pożizzjoni hija rreġistrata fi proċess verbal u kkomunikata sussegwentement mill-awtorità ġudizzjarja emittenti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, din għandha titqies mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, bħala prinċipju, li nġabret mill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti b’osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, l-Istati Membri għandhom iqisu, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt.

69      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriflettu rispettivament dawk tal-Artikoli 14 u 15 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957 (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, RO, C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 57). Issa, b’mod partikolari mill-Artikolu 14 ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li talba għal kunsens għal proċeduri għal reati oħra għandha tkun akkumpanjata minn “proċess verbal ġudizzjarju li jirreġistra d-dikjarazzjonijiet tal-persuna estradita”.

70      Peress li hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiżgura l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, din tal-aħħar għandha twettaq l-eżami tat-talba għal kunsens skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew skont l-Artikolu 28(3) tagħha abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija talba u billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-persuna kkonċernata.

71      Fl-ipoteżi fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li hija ma jkollhiex elementi suffiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjoni tal-persuna kkonċernata, sabiex hija tkun tista’ tadotta b’konjizzjoni sħiħa ‑ u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar ‑ id-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal kunsens inkwistjoni, hija jkollha tirrikorri, b’analoġija, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, billi tistieden lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdilha b’urġenza informazzjoni addizzjonali dwar il-pożizzjoni tal-persuna kkonċernata.

72      Madankollu, huma l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u l-awtorità ġudizzjarja emittenti li għandhom jiżguraw li tali talba għal informazzjoni addizzjonali u l-implimentazzjoni tagħha ma jippreġudikawx l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 intiż li jiffaċilita u li jħaffef il-proċeduri ta’ konsenja u, b’mod iktar speċifiku, li d-deċiżjoni dwar it-talba għal kunsens tkun tista’ tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fl-osservanza tat-terminu ta’ tletin jum, previst fl-Artikolu 27(4) ta’ din id-deċiżjoni qafas u fl-Artikolu 28(3)(c) tagħha.

73      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 27(3)(g) u (4), kif ukoll l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna kkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tibbenefika mid-dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meta din tal-aħħar tiġi adita, mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, b’talba għall-kunsens abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, liema smigħ jista’ jseħħ fl-Istat Membru emittenti, fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan tal-aħħar ikunu f’dan il-każ marbuta li jiżguraw li d-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata jiġi eżerċitat b’mod utli u effettiv, mingħajr il-parteċipazzjoni diretta tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiżgura li jkollha provi suffiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjoni tal-persuna kkonċernata, sabiex tkun tista’ tadotta b’konjizzjoni sħiħa ‑ u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar ‑ id-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal kunsens imressqa skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew skont l-Artikolu 28(3) tagħha, u li tistieden, jekk ikun il-każ, lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdilha informazzjoni addizzjonali b’urġenza.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 27(3)(g) u (4), kif ukoll l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas26 ta’ Frar 2009, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna kkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tibbenefika mid-dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meta din tal-aħħar tiġi adita, mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, b’talba għall-kunsens abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, liema smigħ jista’ jseħħ fl-Istat Membru emittenti, fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan tal-aħħar ikunu f’dan il-każ marbuta li jiżguraw li d-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata jiġi eżerċitat b’mod utli u effettiv, mingħajr il-parteċipazzjoni diretta tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiżgura li jkollha provi suffiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjoni tal-persuna kkonċernata, sabiex tkun tista’ tadotta b’konjizzjoni sħiħa u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar id-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal kunsens imressqa skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew skont l-Artikolu 28(3) tagħha, u li tistieden, jekk ikun il-każ, lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdilha informazzjoni addizzjonali b’urġenza.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.