Language of document : ECLI:EU:T:2018:335

Kawża T72/17

Gabriele Schmid

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea– Trade mark figurattiva Steirisches Kürbiskernöl – Indikazzjoni ġeografika protetta – Artikolu 15, Artikolu 51(1)(a) u Artikolu 55(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 18, l-Artikolu 58(1)(a) u l-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Użu ġenwin tat-trade mark – Użu bħala trade mark”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2018

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata – Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(3))

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu tat-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 15(1))

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu tat-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Kunċett – Użu ta’ indikazzjoni ġeografika protetta rreġistrata bħala trade mark individwali

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 15(1))

4.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet għar-revoka – Assenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark – Trade mark figurattiva Steirisches Kürbiskernöl

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 15(1) u Artikolu 51(1)(a))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 25, 62)

2.      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, hija ġurisprudenza stabbilita li trade mark hija s-suġġett ta’ “użu ġenwin”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tintuża, skont il-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiżgura l-identità ta’ oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn tal-aħħar, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku għan li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark.

Madankollu, il-fatt li trade mark tintuża sabiex jinħoloq jew jinżamm suq għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata u mhux bl-għan biss li jinżammu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li jeżisti “użu ġenwin” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, huwa madankollu indispensabbli li dan l-użu tat-trade mark jitwettaq b’konformità mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

Fir-rigward tat-trade marks individwali, din il-funzjoni essenzjali tikkonsisti li lill-konsumatur jew lill-utent finali tiġi żgurata l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra. Fil-fatt, sabiex it-trade mark tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha ta’ element essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni ġusta li t-Trattat għandu l-għan li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ, din għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha koperti minnha ġew immanifatturati jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom.

In-neċessità, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ta’ użu konformi mal-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni tal-oriġini tirrifletti l-fatt li, għalkemm, ċertament, trade mark tista’ wkoll tkun is-suġġett ta’ użi konformi ma’ funzjonijiet oħra, bħal dik li tikkonsisti fil-garanzija tal-kwalità jew dawk ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment jew ta’ reklamar, madankollu din hija suġġetta għas-sanzjonijiet previsti f’dan ir-regolament meta, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, hija ma tkunx intużat skont il-funzjoni essenzjali tagħha. F’dan il-każ, jiġi ddikjarat, skont il-modalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark huma rrevokati, sakemm huwa ma jkunx jista’ jinvoka motivi ġusti talli ma bediex użu li jippermetti li t-trade mark taqdi l-funzjoni essenzjali tagħha.

(ara l-punti 42sa 45)

3.      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-użu ta’ trade mark individwali, filwaqt li jindika l-oriġini ġeografika u l-kwalitajiet attribwibbli għal din l-oriġini tal-prodotti ta’ diversi produtturi, ma jiggarantixxix lill-konsumaturi li dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi jkunu ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha huma mmanifatturati jew ipprovduti u li, konsegwentement, lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tal-imsemmija prodotti jew servizzi, tali użu ma jsirx konformement mal-funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini.

Fil-fatt, ma jkunx hemm użu konformi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark individwali meta l-unika funzjoni tat-tqegħid tagħha fuq prodotti hija li tikkostitwixxi indikazzjoni tal-oriġini ġeografika u tal-kwalitajiet attribwibbli lil din l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni u mhux dik li tiggarantixxi, barra minn hekk, li l-prodotti jkunu ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha huma prodotti u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom

(ara l-punti 48, 49)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 50 sa 53, 55 sa 59)