Language of document : ECLI:EU:T:2004:340

SENTENZA TAT-23. 11. 2004 – KAWŻA T-360/03

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

23 ta' Novembru 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark tridimensjonali – Forma ta' kaxxa tal-ġobon – Raġuni assoluta għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Karattru distintiv"

Fil-kawża T-360/03,

Frischpack GmbH & Co. KG, stabbilita f'Mailling bei Schönau (il-Ġermanja),  irrappreżentata minn P. Bornemann, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn U. Pfleghar u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-8 ta' Settembru 2003 (każ R 236/2003-2), dwar ir-reġistrazzjoni ta' trade mark tridimensjonali (kaxxa tal-ġobon),  

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-30 ta' Ottubru 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Jannar 2004,

wara s-seduta tat-8 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-26 ta' Marzu 2002, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal tridimensjonali riprodott hawnhekk:

Image not found

3        It-trade mark mitluba kienet deskritta mir-rikorrenti bil-mod segwenti:

"Is-sinjal li tiegħu qiegħed jintalab ir-reġistrazzjoni huwa l-forma tridimensjonali ta' ppakkjar għal prodotti ta' l-ikel ippreżentati f'fetet, b'mod partikolari l-forma ta' kaxxa tal-ġobon għal fetet ta' ġobon. Ir-riproduzzjonijiet tas-sinjal huma ritratti fotografiċi meħuda minn diversi angoli mmejla, minn fuq, minn isfel u mill-ġenb. L-ippakkjar huwa kkaratterizzat mill-forma ta' buq ta' dgħajsa bil-qiegħ ċatt, ġnub interni frontali li jitilgħu mmejla fuq il-ġnub ta' l-imsemmi qiegħ u ġnub interni laterali f'forma ta' trapeżojd filwaqt li l-wiċċ superjuri ta' l-imsemmi buq, li huwa kompost minn film trasparenti tal-plastik, huwa magħluq. Il-partijiet laterali huma skanalati jew immewwġa, bl-iskanalatura, jiġifieri x-xfar u l-kurvi tal-forma mmewwġa, li testendi minn fuq s'isfel. Il-ġnub interni laterali, li jifformaw angolu mal-linja vertikali li tmur minn isfel sa fuq, għandhom ukoll linja mmejla."

4        Il-prodott li fir-rigward tiegħu saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqa' fil-klassi 29 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: "Prodotti ta' l-ikel ippreżentati f'fetet, b'mod partikolari fetet ta' ġobon".

5        Permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Frar 2003, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni minħabba li t-trade mark mitluba kienet taqa' taħt ir-raġuni assoluta għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

6        Fil-21 ta' Marzu 2003, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

7        Permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Settembru 2003 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell minħabba li t-trade mark mitluba ma kinitx distintiva fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

8        Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-konsumatur medju, meta jara l-forma mitluba għall-prodotti msemmija fl-applikazzjoni, jara sempliċi ppakkjar ċatt normali. Il-kaxxa li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni ma tinkludi l-ebda element "eċċezzjonalment speċjali, partikolari jew barra min-normal fis-suq tal-prodotti ta' l-ikel" li jippermettilha li tiġi distinta b'mod ċar minn forom oħra preżenti fl-imsemmi suq. Hija involuta biss "varjazzjoni insinjifikanti u li ma tispikkax tal-forma tipika". Il-Bord ta' l-Appell iżid li, minkejja li t-trade mark mitluba hija s-suġġett ta' deskrizzjoni kumplessa, huwa biss permezz ta' sforz analitiku kunsiderevoli li wieħed jista' jagħraf il-karatteristiċi kollha msemmija fid-deskrizzjoni. Il-konsumatur medju ma jwettaqx eżami daqstant kumpless u intensiv ta' l-oġġett.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tibdel id-deċiżjoni kkontestata u tannulaha parzjalment safejn tikkonċerna l-prodotti "ġobon imqatta' f'fetet ippreżentati f'pakketti għall-bejgħ bl-ingrossa li mhumiex intiżi għall-konsumatur finali";

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

10      L-UASI qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        fl-alternattiv, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

11      Matul is-seduta, mistiedna mill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tispjega x'riedet tfisser bit-talba ta' annullament parzjali tagħha tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ddikkjarat li t-talbiet tagħha għandhom jinftiehmu fis-sens li hija qiegħda titlob, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi mibdula u, fit-tieni lok, l-annullament totali tagħha. L-UASI eċċepixxa l-inammissibbiltà ta' dik li huwa jqis bħala bidla min-naħa tar-rikorrenti tat-talbiet tagħha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet nota ta' dan fil-proċess verbal tas-seduta.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

 Fuq l-ammissibbiltà

12      L-UASI jidhirlu li t-talba tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata safejn tikkonċerna l-prodotti "ġobon imqatta' f'fetet ippreżentati f'pakketti għall-bejgħ bl-ingrossa, li mhumiex intiżi għall-konsumatur finali" hija inammissibbli. Fil-fatt, minkejja li skond l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 il-Qorti tal-Prim'Istanza hija kompetenti kemm sabiex tannulla kif ukoll sabiex tbiddel id-deċiżjoni kkontestata, is-suġġett tal-kawża huwa ddeterminat mill-imsemmija deċiżjoni u mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet tikkonċerna l-"prodotti ta' l-ikel ippreżentati f'fetet, b'mod partikolari fetet tal-ġobon".

13      Din il-limitazzjoni tas-settur ta' prodotti li għalih kienet imressqa l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tammonta għal bidla fis-suġġett tal-kawża. F'dan ir-rigward l-UASI jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs L-UASI (Pillola forma ta' bajda) (T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 16), li minnha, skondu, jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell fid-dawl tal-kuntest fattwali u legali tal-kawża kif dan il-kuntest kien ġie ppreżentat quddiem il-Bord ta' l-Appell u li r-rikorrenti ma tistax, b'mod validu, tbiddel dan il-kuntest billi tbiddel it-talbiet tagħha.

14      Barra minn hekk, li kieku r-rikorrenti xtaqet tikseb deċiżjoni dwar il-prodotti mitluba, hija kien imissha ddikjarat b'mod espliċitu quddiem l-UASI li hija kienet qiegħda tillimita l-lista tagħha għall-imsemmija prodotti u dan, l-aktar tard, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell u skond l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq il-mertu

15      Ir-rikorrenti qiegħda tibbaża r-rikors tagħha fuq motiv wieħed ibbażat fuq l-argument li l-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi naqas milli jirrikonoxxi l-karattru distintiv tat-trade mark mitluba.

16      Minħabba l-forma tiegħu u l-preżentazzjoni f'għamla ta' mrewħa tal-fetet li jkun fih, liema preżentazzjoni mhijiex waħda normali u hija nettament distinta minn dik ta' ppakkjar ieħor intiż għall-bejgħ bl-ingrossa ta' ġobon imqatta' f'fetet, l-ippakkjar in kwistjoni huwa wieħed distintiv. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li l-fatt li huwa aktar diffiċli li titressaq il-prova tal-karattru distintiv ta' ppakkjar milli li titressaq prova tal-karattru distintiv ta' trade mark verbali jew figurattiva m'għandux jippreġudika lill-applikant. M'hemm xejn li jiġġustifika li, fil-każ ta' dubju dwar il-karattru distintiv ta' ppakkjar, ir-reġistrazzjoni tinċaħad.

17      F'dan il-każ, l-ippakkjar in kwistjoni huwa intiż biss għal pubbliku speċjalizzat li huwa mdorri jikkunsidra li l-ippakkjar jindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti li jkun fih. Dan l-ippakkjar la huwa wieħed kwalunkwe u lanqas wieħed komuni u jiddistingwi ruħu b'mod ċar mill-ippakkjar l-ieħor, intiż għall-bejgħ bl-ingrossa, offrut lil impriżi speċjalizzati.

18      L-ippakkjar in kwistjoni jiddistingwi ruħu ma' l-ewwel daqqa t'għajn permezz tal-forma tiegħu, forma li, f'moħħ il-pubbliku kkonċernat, toħloq assoċjazzjoni mal-forma tal-buq ta' dgħajsa li hija għandha l-karatteristiċi ta' kostruzzjoni tiegħu (qiegħ ċatt, wiċċ ċatt, żewġ gvieret). Din l-impressjoni hija msaħħa, barra minn hekk, mill-istruttura bl-iskanalaturi jew bil-mewġ tal-ġnub interni laterali li tfakkar il-majjieri ta' dgħajsa. L-impressjoni ġenerali tal-forma ta' l-ippakkjar tista' titqabbel mal-forma tal-buq ta' dgħajsa.

19      Il-karattru partikolari tal-forma in kwistjoni ma jirriżultax mid-deskrizzjoni dettaljata tagħha, liema forma, skond il-Bord ta' l-Appell, tiżvela ruħha biss "f'għajnejn persuna li tħobb id-dettall u li jkollha immaġinazzjoni qawwija". Għaldaqstant, eżami analitiku u dettaljat tal-forma in kwistjoni mhuwiex meħtieġ sabiex jiġi pperċepit il-karattru distintiv tagħha.

20      Ir-rikorrenti tfakkar li l-karattru distintiv ta' trade mark jiddependi mill-prodotti li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni u, għaldaqstant, mill-pubbliku kkonċernat. Il-Bord ta' l-Appell inġustament ikkunsidra li l-ippakkjar in kwistjoni kien indirizzat direttament lill-pubbliku in ġenerali tal-konsumaturi. Ir-rikorrenti tippreċiża li hija tiġġestixxi impriża ta' imballaġġ ta' prodotti tal-ġobon u li, fir-rigward ta' l-ippakkjar mibjugħ lill-konsumatur finali, hija tuża ppakkjar komuni bħal dak li normalment ikun fih il-prieżet jew il-ġobon maqtugħ f'fetet. Madankollu, l-ippakkjar in kwistjoni jkun fih minn ta' l-anqas 500 gramma ta' prodott u huwa intiż biss għal negozjanti u mhux għall-konsumaturi finali. Għalhekk dan l-ippakkjar ma jinbiegħx fi ħwienet li jbigħu bl-imnut iżda jitqassam lin-negozjanti jew direttament mill-fabbrikant jew mill-grossista jew inkella mill-ħwienet li jbigħu biss lil dawn l-istess negozjanti.

21      Għalhekk, il-konsumatur medju mhuwiex il-pubbliku rilevanti. L-ispeċjalisti tal-gastronomija li, minħabba l-kompetenzi tagħhom, ikunu informati aħjar u jkunu aktar attenti u prudenti jikkostitwixxu dan il-pubbliku rilevanti. Dawn ta' l-aħħar huma mdorrijin jipperċepixxu d-differenzi żgħar li jiddistingwu ppakkjar minn ieħor. Għaldaqstant, l-eżistenza ta' karattru ftit distintiv hija biżżejjed sabiex tiġi rreġistrata t-trade mark mitluba.

22      L-ippakkjar in kwistjoni huwa esklużivament użat għall-ġobon maqtugħ f'fetet ippreżentat f'pakketti għall-bejgħ bl-ingrossa li mhumiex destinati għall-konsumatur finali u li mhumiex offruti għall-bejgħ lil dan il-konsumatur. Għalhekk, is-settur ta' prodotti li għalih intalbet il-protezzjoni huwa wieħed preċiż. Barra minn hekk, f'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li ma kienx possibbli għaliha li twettaq din il-limitazzjoni tas-settur ta' prodotti kkonċernati aktar kmieni peress li ndunat biss bir-rilevanza tas-settur meta nqrat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell.

23      L-UASI jwieġeb, essenzjalment, li, anki jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti ma bidlitx is-suġġett tal-kawża billi limitat is-settur ta' prodotti kkonċernati għal dak tal-bejgħ bl-ingrossa, limitazzjoni bħal din ma tirriżultax mil-lista ta' prodotti ppreżentata ma' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies li, għall-finijiet ta' l-eżami tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba, kellu jittieħed in kunsiderazzjoni l-konsumatur finali medju.

24      F'kull każ, il-preċiżjoni magħmula mir-rikorrenti fir-rigward tas-settur ta' prodotti kkonċernati mhijiex rilevanti għall-eżami tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-perċezzjoni tal-karattru distintiv ta' l-imsemmija trade mark min-negozjanti hija differenti minn dik tal-konsumaturi finali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 63(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, kemm l-annullament kif ukoll il-bdil ta' deċiżjoni tal-bordijiet ta' l-appell huma biss possibbli jekk din tkun ivvizzjata b'illegalità sostanzjali jew proċedurali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, eCopy vs L-UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra p. II-5301, punt 46].

26      Barra minn hekk, skond l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, in-noti tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell.

27      Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, it-"trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv" ma jistgħux jiġu rreġistrati.

28      F'dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabbilita, il-karattru distintiv ta' trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fid-dawl tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, li huwa kompost mill-konsumaturi ta' dawn il-prodotti jew servizzi [ara, fir-rigward ta' l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(1)(b) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2003, Linde et, C-53/01 sa C-55/01, Ġabra p. I-3161, punt 41, u, fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Frar 2002, Mag Instrument vs L-UASI (Forma ta' torċ), T-88/00, Ġabra p. II-467, punt 30].

29      Fil-fatt, l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jobbliga lill-eżaminatur u, jekk ikun il-każ, lill-Bord ta' l-Appell sabiex jistħarrġu – fil-kuntest ta' eżami a priori u apparti kull użu effettiv tas-sinjal fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 – jekk jidhirx li huwa eskluż li s-sinjal in kwistjoni jista' jkun adegwat sabiex, f'għajnejn il-pubbliku rilevanti, jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati minn dawk li jkollhom oriġini oħra meta dan il-pubbliku jiġi biex jagħmel l-għażla tiegħu fil-kummerċ [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' April 2001, Bank für Arbeit und Wirtschaft vs L-UASI (EASYBANK), T-87/00, Ġabra p. II-1259, punt 40].

30      F'dan il-każ, ir-rikorrenti qiegħda topponi d-definizzjoni mill-UASI tal-pubbliku rilevanti. Għalhekk, għall-finijiet ta' l-eżami tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba, l-eżaminatur ta' l-UASI u sussegwentament il-Bord ta' l-Appell ikkunsidraw li, peress li l-ġobon huwa prodott ta' konsum ġenerali, il-pubbliku kkonċernat kien il-konsumatur medju. Fil-kuntest ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti qiegħda tallega li, għall-kuntrarju, il-pubbliku rilevanti huwa pubbliku speċjalizzat peress li l-prodott in kwistjoni huwa mibjugħ biss bl-ingrossa lil negozjanti ta' prodotti ta' l-ikel.

31      L-UASI jidhirlu li, f'dan il-kuntest, ir-rikorrenti biddlet is-suġġett tal-kawża u li t-talba tagħha sabiex tinbidel id-deċiżjoni kkontestata hija, għaldaqstant, inammissibbli minħabba li tikser l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

32      Għandu jiġi kkonstatat li s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell kien it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex is-sinjal tagħha jiġi rreġistrat bħala trade mark fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 29 skond il-Ftehim ta' Nizza.

33      Għalhekk, meta, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrent sostniet li t-trade mark mitluba għandha karattru distintiv għal pubbliku speċjalizzat, hija ma biddlitx is-suġġett tal-kawża li kellu quddiemu l-UASI.

34      Fil-fatt, kif kien imfakkar fil-punt 29 aktar 'il fuq, huwa l-UASI li, fil-kuntest ta' l-eżami tiegħu tal-karattru distintiv, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ta' sinjal li tiegħu tkun intalbet ir-reġistrazzjoni bħala trade mark, għandu jiddetermina l-pubbliku rilevanti.

35      Għalhekk, billi tikkontesta d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti kif identifikat mill-Bord ta' l-Appell għall-finijiet ta' l-eżami tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba, ir-rikorrenti mhijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tagħti deċiżjoni dwar kwistjonijiet differenti minn dawk li kellu quddiemu l-Bord ta' l-Appell.

36      Din il-kontestazzjoni tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti kif identifikat mill-Bord ta' l-Appell lanqas ma tista' titqies bħala talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata limitata għal uħud mill-prodotti li, fir-rigward tagħhom, kienet intalbet ir-reġistrazzjoni ta' l-ippakkjar in kwistjoni, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq (punti 16 u 17).

37      Din il-kontestazzjoni lanqas m'għandha titqies bħala limitazzjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94, tal-lista tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni in kwistjoni għal trade mark Komunitarja. Fil-fatt, it-talba tar-rikorrenti tibqa' intiża sabiex tinkiseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 29 skond il-Ftehim ta' Nizza, kif, barra minn hekk, ikkonfermat hija stess matul is-seduta.

38      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-UASI għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

39      Fir-rigward tal-fondatezza tal-kritika tar-rikorrenti dwar id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti kif identifikat mill-Bord ta' l-Appell għall-finijiet ta' l-eżami tal-karattru distintiv tas-sinjal li tiegħu kienet intalbet ir-reġistrazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmi Bord ta' l-Appell wettaqx żball ta' dritt billi qies li l-imsemmi pubbliku huwa l-konsumatur medju.

40      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-prodott li jinsab fl-ippakkjar li tiegħu ntalbet ir-reġistrazzjoni bħala trade mark, jiġifieri ġobon maqtugħ f'fetet, huwa prodott ikkonsmat ta' kuljum. Għaldaqstant, id-destinatarji ta' dan il-prodott, kif ukoll tal-prodotti l-oħra li jaqgħu fil-klassi 29 skond il-Ftehim ta' Nizza, huma l-konsumaturi kollha.

41      F'dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, fl-ebda mument fil-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI, ma invokat il-fatt li l-ġobon maqtugħ f'fetet u ppreżentat fl-ippakkjar li tiegħu kienet intalbet ir-reġistrazzjoni kien intiż biss għall-bejgħ bl-ingrossa lil negozjanti ta' prodotti ta' l-ikel. Barra minn hekk, l-eżaminatur ta' l-UASI, fid-deċiżjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2003, kien diġà evalwa l-karattru distintiv ta' l-ippakkjar in kwistjoni fid-dawl ta' l-aspettattivi preżunti ta' konsumatur medju mingħajr kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti fuq dan il-punt fil-kuntest ta' l-appell tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell.

42      Skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, peress li l-UASI jista' ma jikkunsidrax fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li huma ma jkunux ipproduċew fil-ħin, il-Bord ta' l-Appell seta' leġittimament jikkunsidra, fid-dawl ta' l-informazzjoni mgħoddija mir-rikorrenti, li l-pubbliku rilevanti kien il-konsumatur medju.

43      Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell seta' ġustament jevalwa l-karattru distintiv ta' l-ippakkjar in kwistjoni billi jikkunsidra l-aspettattivi preżunti ta' konsumatur medju li jkun ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti. Ir-rikorrenti ma ssostnix li t-trade mark li tagħha hija qiegħda titlob ir-reġistrazzjoni għandha karattru distintiv fid-dawl ta' l-aspettattivi preżunti tal-konsumatur medju.

44      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata minn xi illegalità u li, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta' l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti dwar it-talbiet tagħha (ara l-punt 11 aktar 'il fuq), din id-deċiżjoni ma tistax tiġi annullata jew mibdula fis-sens ta' l-Artikolu 63(2) jew (3) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ispejjeż

45      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

46      Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jkun deċiż illi tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

 Lindh

 García-Valdecasas

Šváby

Sentenza mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-23 ta' Novembru 2004.

H. Jung

 

       P. Lindh

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.