Language of document : ECLI:EU:C:2013:275

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ April 2013 (*)

“Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2(2)(a), 10(1) u 17 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentament sesswali — Kunċett ta’ ‘fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni’ — Adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova — Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi — Persuna li tippreżenta ruħha u li hija pperċepita mill-pubbliku bħala li hija d-direttur ta’ klabb tal-futbol professjonali — Dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeskludu r-reklutaġġ ta’ plejer tal-futbol ippreżentat bħala omosesswali”

Fil-Kawża C‑81/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Asociaţia Accept

vs

Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, V. Skouris, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Asociaţia Accept, minn R.-I. Ionescu, avukat,

–        għall-Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării, minn A. C. Ferenc u C. Nuică, kif ukoll minn C. Vlad, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu, kif ukoll minn E. Gane u A. Voicu, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u C. Gheorghiu, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2)(a), 10(1) u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Asociaţia Accept (iktar ’il quddiem “Accept”) u l-Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării (il-Kunsill nazzjonali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet, iktar ’il quddiem is-“CNCD”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tiċħad parzjalment ilment imressaq wara dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru minn persuna li tippreżenta ruħha u li hija pperċepita mill-pubbliku bħala li hija d-direttur ta’ klabb tal-futbol professjonali, fejn ġie eskluż ir-reklutaġġ minn dan il-klabb ta’ plejer tal-futbol ippreżentat bħala li huwa omosesswali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4        Il-premessi 15, 28, 31 u 35 tad-direttiva msemmija huma mfassla b’dan il-mod:

“(15) L-aprezzament tal-fatti li minnhom wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi ġudizzjarji nazzjonali jew oħrajn kompetenti, skond ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali. [...]

[...]

(28)      Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. [...]

[...]

(31)      Ir-regoli dwar il-piż tal-prova għandhom jiġu addattati meta jkun hemm kaz prima facie ta’ diskriminazzjoni u, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biex jiġi applikat effettivament, il-piż tal-prova għandu jiġi spustat fuq il-konvenut meta tinġjieb prova ta’ din id-diskriminazzjoni. [...]

[...]

(35)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u diswassivi f’ każ ta’ ksur ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva.”

5        Intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[...]

3.      Il-molestji [fastidju] għandhom jitqiesu bħala forma ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1, meta kondotta mhux xierqa għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tavvera ruħha bl-iskop li tnaqqas id-dinjità ta’ persuna u li tikkrea ambjent ta’ biza’, ostili, degradanti, umiljanti, jew offensiv. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ molestja [fastidju] jista’ jkun definit skond il-liġijiet u l-prattika nazzjonali ta’ l-Istati Membri.”

6        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78 huwa mfassal kif ġej:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali [...]

[...]”

7        L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li “[l-]Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva”.

8        Skont l-Artikolu 9 tal-istess direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, [...] għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament [...]

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħrajn li, skond il-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma rispettati, jistgħu jibdew, jew għan-nom jew bħala sostenn ta’ min għamel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, xi [kull] proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva prevista għall-esekuzzjoni ta’ obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva.

3.      Il-Paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar limiti taż-żmien biex iġibu azzjonijiet għar-rigward tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament.”

9        L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Il-piż tal-prova”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw lilhom infushom milquta ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat lilhom, jippruvaw quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-prova li ma kienx hemm ksur prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tgħaddi fuq il-konvenut.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux jipprevjeni l-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ prova li huma aktar favorevoli għal min jagħmel l-ilment.

3.      Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-proċeduri kriminali.

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ukoll japplikaw għal proċeduri legali mibdija skond l-Artikolu 9(2).”

10      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. [...]”

 Id-dritt Rumen

11      Id-Digriet governattiv Nru 137, tal-31 ta’ Awwissu 2000, dwar il-prevenzjoni u s-sanzjoni tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, kif sussegwentement emendat u kkompletat, b’mod partikolari permezz tal-Liġi Nru 324, tal-14 ta’ Lulju 2006, u kif ippubblikat mill-ġdid fit-8 ta’ Frar 2007 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 99, tat-8 ta’ Frar 2007, iktar ’il quddiem id-“DG Nru 137/2000”), huwa intiż b’mod partikolari li jittrasponi d-Direttiva 2000/78.

12      Skont l-Artikolu 2(11) tad-DG Nru 137/2000, l-aġir diskriminatorju jimplika r-responsabbiltà ċivili, kontravenzjonali jew kriminali, skont il-każ, fil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

13      L-Artikolu 5 tad-DG Nru 137/2000 jikklassifika, b’mod partikolari, bħala kontravenzjoni l-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ persuna f’attività ekonomika tkun suġġetta għall-orjentament sesswali tagħha.

14      L-Artikolu 7(1) tad-DG Nru 137/2000 jipprovdi li r-rifjut ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tirrekluta għal xogħol persuna minħabba, b’mod partikolari, l-orjentament sesswali tagħha jikkostitwixxi kontravenzjoni, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi.

15      L-Artikolu 15 tad-DG Nru 137/2000 jipprovdi:

“Jekk il-fatt ma jaqax b’mod sekondarju taħt il-liġi kriminali, jikkostitwixxi kontravenzjoni kull aġir li l-għan tiegħu jkun li tiġi ppreġudikata d-dinjità jew li tinħoloq atmosfera intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiva fir-rigward ta’ persuna, ta’ grupp ta’ persuni jew ta’ komunità minħabba [...] l-orjentament sesswali tagħhom.”

16      Skont l-Artikolu 20 tad-DG Nru 137/2000:

“1)      Persuna li tqis li kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni tista’ tressaq ilment quddiem [is-CNCD] f’terminu ta’ sena mid-data ta’ meta seħħew il-fatti jew mid-data li fiha setgħet tkun taf li seħħew il-fatti.

2)      [Is-CNCD] għandu jiddeċiedi dwar l-ilment permezz ta’ deċijoni tal-Kulleġġ tad-diretturi [...]

[...]

6)      Il-persuna kkonċernata hija obbligata tipprova l-eżistenza ta’ fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, filwaqt li l-persuna li kontriha jkun tressaq ilment għandha l-oneru li tipprova li l-fatti ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni. [...]

7)      Il-Kulleġġ tad-diretturi għandu jiddeċiedi dwar l-ilment f’terminu ta’ 90 jum mid-data tat-tressiq tiegħu u [d-deċiżjoni tiegħu] għandha tinkludi: [...] l-modalitajiet tal-ħlas tal-ammenda, [...]

[...]”

17      L-Artikolu 26(1) u (2) tad-DG Nru 137/2000 jipprovdi:

“1)      Il-kontravenzjonijiet previsti fl-Artikoli [...] 5 sa 8 [...] u 15 għandhom jiġu ssanzjonati b’ammenda ta’ bejn RON 400 u RON 4 000, jekk id-diskriminazzjoni tkun tikkonċerna persuna fiżika, jew b’ammenda ta’ bejn RON 600 u RON 8 000, jekk id-diskriminazzjoni tkun tikkonċerna grupp ta’ persuni jew komunità.

2)      Is-sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti wkoll fuq persuni ġuridiċi. [...]”

18      L-Artikolu 27(1) tad-DG Nru 137/2000 jipprovdi:

“Kull persuna li tqis li kienet il-vittma ta’ diskriminazzjoni tista’ titlob, quddiem il-qrati, kumpens u l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni qabel id-diskriminazzjoni jew l-annullament tas-sitwazzjoni li tirriżulta mid-diskriminazzjoni, skont id-dritt komuni. Din it-talba [...] ma hijiex suġġetta għat-tressiq ta’ lment quddiem [is-CNCD].”

19      L-Artikolu 28(1) tad-DG Nru 137/2000 huwa mfassal kif ġej:

“L-organizzazzjonijiet mhux governattivi li l-għan tagħhom huwa l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li għandhom interess leġittimu fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet għandhom locus standi meta d-diskriminazzjoni titwettaq fil-qasam ta’ attività tagħhom u tippreġudika komunità jew grupp ta’ persuni.”

20      L-Artikolu 5(2) tad-Digriet governattiv Nru 2, tat-12 ta’ Lulju 2001, dwar ir-regoli legali li jirrigwardaw il-kontravenzjonijiet, kif sussegwentement emendat u kkompletat (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 410, tal-25 ta’ Lulju 2001, iktar ’il quddiem id-“DG Nru 2/2001”), jipprovdi:

“Il-kontravenzjonijiet għandhom jiġu ssanzjonati prinċipalment permezz: (a) ta’ twiddiba; (b) ta’ ammenda kontravenzjonali; (c) ta’ prestazzjoni ta’ attività ta’ utilità pubblika.”

21      Skont l-Artikolu 7(1) tad-DG Nru 2/2001, “it-twiddiba hija twissija verbali jew bil-miktub tal-persuna ħatja ta’ kontravenzjoni fir-rigward tal-perikolu soċjali tal-fatti li jkunu seħħew, flimkien ma’ rakkomandazzjoni li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet legali”.

22      Skont l-Artikolu 13(1) tad-DG Nru 2/2001, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ammenda li tissanzjona kontravenzjoni huwa ta’ sitt xhur mid-data ta’ meta jseħħu l-fatti.

23      L-Artikolu 13(4) tad-DG Nru 2/2001 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti, permezz ta’ liġijiet speċjali, termini ta’ preskrizzjoni oħra għas-sanzjonijiet kontravenzjonali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24      Fit-3 ta’ Marzu 2010, Accept, organizzazzjoni mhux governattiva li r-rwol tagħha huwa li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet ta’ persuni omosesswali, kemm irġiel u kemm nisa, bisesswali u transsesswali, ressqet ilment kontra s-Sur Becali u l-SC Fotbal Club Steaua București SA (iktar ’il quddiem l-“FC Steaua”), fejn sostniet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma kienx osservat fil-qasam tar-reklutaġġ.

25      Insostenn tal-ilment tagħha, Accept sostniet li, fil-kuntest ta’ intervista dwar il-possibbiltà li jiġi ttrasferit plejer tal-futbol professjonali, X, u dwar l-allegat orjentament sesswali ta’ dan tal-aħħar, is-Sur Becali għamel, fit-13 ta’ Frar 2010, dikjarazzjonijiet li l-kontenut tagħhom jinsab riprodott fl-ewwel domanda magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami. Minn dawn id-dikjarazzjonijiet allegatament jirriżulta, b’mod partikolari, li minflok ma jirrekluta plejer tal-futbol ippreżentat bħala li huwa omosesswali, is-Sur Becali kien jippreferi juża plejer mit-tim taż-żgħar. Skont Accept, is-suppożizzjonijiet magħmula mill-ġurnalisti, u aċċettati daqslikieku kienu veri mis-Sur Becali, fis-sens li X huwa omosesswali, wasslu sabiex ma jiġix konkluż kuntratt ta’ xogħol ma’ dan il-plejer.

26      Accept sostniet li s-Sur Becali wettaq diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentament sesswali b’tali mod li kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fil-qasam tar-reklutaġġ u ppreġudika d-dinjità tal-persuni omosesswali.

27      Fir-rigward tal-konvenut l-ieħor quddiem is-CNCD, jiġifieri l-FC Steaua, Accept sostniet li, minkejja li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becali xxandru fil-mezzi tax-xandir, dan il-klabb tal-futbol f’ebda mument ma ddistakka ruħu minn dawn id-dikjarazzjonijiet. Għall-kuntrarju, il-kumitat tal-FC Steaua allegatament ikkonferma li din il-politika kienet imħaddna fuq il-livell tal-klabb fir-rigward tar-reklutaġġ tal-plejers minħabba li t-“tim huwa familja waħda” u minħabba li l-preżenza f’dan it-tim ta’ omosesswali kienet “toħloq tensjonijiet fit-tim u fost l-ispettatturi”. Barra minn hekk, Accept ikkunsidrat li, fil-mument li fih is-Sur Becali għamel id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, huwa kien għadu azzjonist tal-FC Steaua.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2010, is-CNCD ikkunsidra, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eventwali relazzjoni ta’ xogħol. Id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becali ma setgħux, skont is-CNCD, jitqiesu li huma dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna li timpjega jew mir-rappreżentant legali tagħha, jew minn persuna responsabbli għar-reklutaġġ, u dan minkejja li s-Sur Becali, fid-data meta saru d-dikjarazzjonijiet ikkonċernati, kien azzjonist tal-FC Steaua.

29      Madankollu, is-CNCD ikkunsidra li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becali kienu jikkostitwixxu diskriminazzjoni fil-forma ta’ fastidju. Għaldaqstant, huwa ssanzjonah permezz ta’ twiddiba, l-unika sanzjoni li kienet possibbli, skont l-Artikolu 13(1) tad-DG Nru 2/2001, ladarba d-deċiżjoni tas-CNCD ingħatat iktar minn sitt xhur wara d-data li fiha seħħew il-fatti inkwistjoni.

30      Accept ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni fejn essenzjalment talbet, l-ewwel nett, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, it-tieni nett, li jiġi kkonstatat b’mod partikolari li l-fatti inkwistjoni kienu jaqgħu fil-qasam tax-xogħol u li kienet stabbilita l-eżistenza ta’ fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni u, it-tielet nett, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja minflok twiddiba.

31      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, Ġabra p. I‑5187), ma tispeċifikax b’mod suffiċjenti meta dikjarazzjonijiet diskriminatorji jsiru minn persuna li, fil-liġi, ma tistax torbot lill-kumpannija li tirrekluta l-persunal, iżda li, minħabba l-konnessjonijiet mill-qrib tagħha ma’ din il-kumpannija, jista’ jkollha influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni ta’ din il-kumpannija jew, minn tal-inqas, tista’ tiġi pperċepita bħala persuna li tista’ tinfluwenza din id-deċiżjoni b’mod deċiżiv.

32      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, ir-relazzjoni bejn l-FC Steaua u s-Sur Becali ma hijiex waħda tipika. Fil-fatt, legalment dan tal-aħħar biegħ l-azzjonijiet li kellu fl-FC Steaua fit-8 ta’ Frar 2010 u dan il-bejgħ ġie rreġistrat fir-reġistru tal-kummerċ fit-23 ta’ Frar ta’ wara, filwaqt li d-dikjarazzjonijiet diskriminatorji saru fit-13 ta’ Frar 2010. Issa, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dritt Rumen, il-bejgħ ta’ azzjonijiet jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ terzi biss mid-data li fiha dan il-bejgħ isir pubbliku permezz tar-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru tal-kummerċ. Skont il-qorti tar-rinviju, wara li biegħ l-azzjonijiet tiegħu, is-Sur Becali ma kienx biddel l-attitudni tiegħu fid-dehriet pubbliċi tiegħu u baqa’ jirreferi għalih innifsu bħala l-“isponsor” tal-FC Steaua. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn tal-inqas fl-“immaġinazzjoni” kollettiva, huwa żamm l-istess konnessjonijiet mal-FC Steaua bħalma kellu qabel biegħ l-azzjonijiet tiegħu.

33      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova kif previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2000/78, jistax jirriżulta impossibbli li jiġi sodisfatt fil-prattika l-obbligu ta’ klabb tal-futbol professjonali li juri li ma kienx hemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali u dan sa fejn il-prova tal-fatt li tali klabb irrekluta plejers mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-orjentament sesswali tagħhom tista’ tippreġudika, skont din il-qorti, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

34      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-Artikolu 13(1) tad-DG Nru 2/2001, irrispettivament mill-gravità ta’ eventwali diskriminazzjoni kkonstatata mis-CNCD, meta dan jadotta deċiżjoni wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur mid-data meta jkunu seħħew il-fatti kkonċernati, is-CNCD ma jista’ jimponi ebda sanzjoni kontravenzjonali pekunjarja iżda jista’ jimponi biss is-sanzjoni tat-“twiddiba”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-istess digriet governattiv, li ma hijiex suġġetta għal preskrizzjoni.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Bucureşti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.       Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva [2000/78] huma applikabbli meta azzjonist ta’ klabb tal-futbol, li jippreżenta lilu nnifsu, u [li] jitqies fil-mezzi tax-xandir u fis-soċjetà, bħala id-direttur prinċipali (‘patron’) tal-imsemmi klabb tal-futbol, jiddikjara fil-mezzi tax-xandir li:

‘Anki jekk inxolji l-[FC Steaua], jien mhux ser naċċetta omosesswali fit-tim. Ix-xniegħat huma xniegħat, iżda kif setgħet tinkiteb ukoll jekk ma tkunx vera u saħansitra fl-ewwel paġna. Forsi [il-plejer tal-futbol, X,] ma huwiex omosesswali. Iżda jekk fil-fatt huwa? [Kont għidt lil wieħed miz-zijiet tiegħi li la kien jemmen fix-xitan u lanqas f’Alla. Kont għidtlu: “ejja ngħidu li Alla ma jeżistix. U jekk jeżisti? X’titlef jekk titqarben? Ma jkunx tajjeb li tmur il-ġenna?” Kien qabel miegħi. Xahar qabel ma miet kien mar jitqarben. Alla jaħfirlu.] Fil-familja tiegħi ma rridux ikollna x’naqsmu mal-omosesswali u l-[FC Steaua] hija l-familja tiegħi. Pjuttost milli jkolli omosesswali, nippreferi li nilagħbu bi plejer mit-tim taż-żgħar. Għalija din ma hijiex diskriminazzjoni. Ħadd ma jista’ jobbligani naħdem ma’ ħaddieħor. Jien ukoll għandi d-dritt li naħdem ma’ min irrid, hekk kif huma ukoll għandhom drittijiet.’

‘Anki jekk inxolji l-[FC Steaua], jien mhux ser naċċetta omosesswali fit-tim! Forsi ma huwiex omosesswali. Iżda jekk fil-fatt huwa? Fil-familja tiegħi ma rridux ikollna x’naqsmu mal-omosesswali u l-[FC Steaua] hija l-familja tiegħi. Pjuttost milli jkolli omosesswali fil-grawnd, nippreferi li nilagħbu bi plejer mit-tim taż-żgħar. Għalija din ma hijiex diskriminazzjoni. Ħadd ma jista’ jobbligani naħdem ma’ ħaddieħor. Jien ukoll għandi d-dritt li naħdem ma’ min irrid, hekk kif huma ukoll għandhom drittijiet. Anki jekk waqt ħolma Alla jiggarantili 100 % li X ma huwiex omosesswali, xorta ma naċċettahx! Il-gazzetti kitbu wisq dwar il-fatt li huwa omosesswali. Anki jekk [il-klabb attwali tal-plejer X] tagħtihuli b’xejn jien ma naċċettahx! Jista jkun l-ikbar ġellied, l-ikbar alkoħoliku ... jekk huwa omosesswali, jien ma rridx naf bih.’

2.      L-istqarrijiet imsemmija iktar ’il fuq sa fejn jistgħu jiġu deskritti bħala ‘fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta’ skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva [2000/78], fir-rigward tal-konvenut [FC Steaua]?

3.      Sa fejn ikun hemm jew le kwistjoni ta’ ‘probatio diabolica’ jekk ikun hemm inverżjoni tal-oneru tal-prova, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva [2000/78], u l-konvenut [FC Steaua] jintalab jipproduċi prova tal-fatt li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, b’mod partikolari, li jipproduċi prova li l-orjentazzjoni sesswali ma għandha l-ebda influwenza fuq ir-reklutaġġ?

4.      L-impossibbiltà li tiġi imposta sanzjoni fil-forma ta’ multa f’każijiet ta’ diskriminazzjoni fl-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 6 xhur mid-data ta’ meta seħħew il-fatti, skont l-Artikolu 13(1) tad-[DG Nru 2/2001], tmur kontra l-Artikolu 17 tad-Direttiva [2000/78], fis-sens li s-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każijiet ta’ diskriminazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

36      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, ma teħtieġx li jiġi identifikat lanjant li jsostni li kien vittma ta’ tali diskriminazzjoni [ara, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), is-sentenza Feryn, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 sa 25].

37      Barra minn hekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78, l-Artikolu 9(2) tagħha b’ebda mod ma jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, id-dritt għall-assoċjazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu li jiżguraw l-osservanza ta’ din id-direttiva, li jressqu proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva mingħajr ma jaġixxu f’isem lanjant partikolari jew fin-nuqqas ta’ lanjant identifikabbli (ara wkoll is-sentenza Feryn, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

38      Meta Stat Membru jistabbilixxi tali dritt, minn qari flimkien tal-Artikoli 8(1), 9(2) u 10(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din lanqas ma tipprekludi li l-adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova kif previst f’dan l-Artikolu 10(1) japplika wkoll fis-sitwazzjonijiet fejn tali assoċjazzjoni tressaq proċedura mingħajr ma tkun qiegħda taġixxi f’isem jew insostenn ta’ lanjant partikolari jew bil-kunsens tiegħu. F’dan il-każ, mill-formulazzjoni stess tat-tieni u tat-tielet domandi magħmula jirriżulta li, għall-qorti tar-rinviju, l-adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova previst fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva huwa ta’ natura li, jekk ikun il-każ u bla ħsara għar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi, japplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

39      Huwa paċifiku quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li Accept hija assoċjazzjoni tat-tip bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78, li l-Artikolu 28(1) tad-DG Nru 137/2000 jagħtiha l-possibbiltà li tressaq proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva mingħajr ma tkun qiegħda taġixxi f’isem lanjant partikolari u li tista’ titqies li hija “persuna kkonċernata”, fis-sens tal-Artikolu 20(6) tal-istess digriet governattiv.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

40      L-ewwel żewġ domandi huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2(2) u 10(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li fatti bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” fir-rigward ta’ klabb tal-futbol professjonali, f’sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati jkunu saru minn persuna li tippreżenta ruħha bħala li hija d-direttur prinċipali ta’ klabb tal-futbol professjonali, u li hija pperċepita bħala tali mill-mezzi tax-xandir u mis-soċjetà, mingħajr madankollu ma jkollha neċessarjament il-kapaċità legali li torbot jew li tirrappreżenta lil dan il-klabb fil-qasam tar-reklutaġġ.

41      Għandu jitfakkar qabel kollox li, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti fil-kawża prinċipali u sabiex tapplika, għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali, ir-regoli li hija tinterpreta, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk iċ-ċirkustanzi li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, humiex ċirkustanzi li juru diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali.

42      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 15 tad-Direttiva 2000/78, l-evalwazzjoni tal-fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni għandha titwettaq mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali jew minn awtorità kompetenti oħra, skont id-dritt nazzjonali jew il-prattiki nazzjonali (ara s-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Meister, C‑415/10, punt 37). Skont il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, jekk tali fatti jkunu stabbiliti, ikun imbagħad il-konvenut li jkollu jressaq, quddiem din l-awtorità, il-prova li, minkejja din l-impressjoni ta’ diskriminazzjoni, ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva.

43      B’dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni u li jistgħu jkunulha utli sabiex tasal għad-deċiżjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Feryn, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, Ġabra p. I‑7565, punt 21).

44      F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li mill-Artikoli 1 u 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din hija maħsuba sabiex tapplika f’sitwazzjonijiet bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, li jikkonċernaw, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, dikjarazzjonijiet dwar il-“kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, [...] inklużi [...] l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ”.

45      Il-fatt, li ġie enfasizzat fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, li s-sistema ta’ reklutaġġ ta’ plejers tal-futbol professjonali ma hijiex ibbażata fuq offerta pubblika jew fuq negozjati diretti sussegwentement għal proċedura ta’ selezzjoni li teħtieġ il-preżentata ta’ kandidaturi u selezzjoni preliminari ta’ dawn il-kandidaturi fid-dawl tal-interess tagħhom għall-persuna li timpjega, ma għandu ebda impatt fuq din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita ferm tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tal-għanijiet tal-Unjoni, l-eżerċizzju tal-isport jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni sa fejn jikkostitwixxi attività ekonomika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1976, Donà, 13/76, Ġabra p. 1333, punt 12, u tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, Ġabra p. I‑2177, punt 27). Dan jgħodd fil-każ tal-attività tal-plejers tal-futbol professjonali jew semi professjonali sa fejn jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata jew jipprovdu servizzi bi ħlas (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 73).

46      Kif osservat essenzjalment il-qorti tar-rinviju, fit-tilwima speċifika li wasslet għas-sentenza Feryn, iċċitata iktar ’il fuq, kienu involuti dikjarazzjonijiet magħmula minn wieħed mid-diretturi tal-kumpannija Feryn NV li kellu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-formulazzjoni tad-domandi preliminari magħmula fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-kapaċità legali li jiddetermina l-politika ta’ reklutaġġ ta’ dik il-kumpannija (ara s-sentenza Feryn, iċċitata iktar ’il fuq, punti 2, 16, 18 u 20).

47      Madankollu, is-sentenza Feryn, iċċitata iktar ’il fuq, ma tħallix li wieħed jifhem li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78, l-awtur tad-dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw il-politika ta’ reklutaġġ ta’ entità partikolari għandu neċessarjament ikollu l-kapaċità legali li jiddefinixxi direttament din il-politika jew inkella li jorbot jew jirrappreżenta lil din l-entità fil-qasam tar-reklutaġġ.

48      Fil-fatt, is-sempliċi fatt li dikjarazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma sarux direttament minn konvenut partikolari ma jipprekludix neċessarjament il-possibbiltà li tiġi stabbilita, fil-konfront ta’ dan il-konvenut, l-eżistenza ta’ “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 10(1) tad-direttiva msemmija.

49      Minn dan isegwi li konvenuta li tkun persuna li timpjega ma tistax tirribatti l-eżistenza ta’ fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li din il-persuna tħaddan politika ta’ reklutaġġ diskriminatorja billi sempliċement issostni li d-dikjarazzjonijiet li jimplikaw l-eżistenza ta’ politika ta’ reklutaġġ omofobika saru minn persuna li, għalkemm issostni li u tidher li għandha rwol importanti fl-amministrazzjoni ta’ din il-persuna li timpjega, ma għandhiex il-kapaċità legali li torbotha fil-qasam tar-reklutaġġ.

50      F’sitwazzjoni bħal dik li wasslet għat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-fatt li tali persuna li timpjega ma tkunx ħadet b’mod ċar passi sabiex tiddistakka ruħha mid-dikjarazzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxi element li l-qorti adita tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-fatti.

51      F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li l-perċezzjoni tal-pubbliku jew tal-gruppi ta’ nies ikkonċernati jistgħu jikkostitwixxu indizji rilevanti għall-evalwazzjoni globali tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET, C‑470/03, Ġabra p. I‑2749, punti 55 sa 58).

52      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li s-CNCD ta x’jifhem fl-osservazzjonijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li klabb tal-futbol professjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma fetaħ ebda negozjati fir-rigward tal-eventwali reklutaġġ ta’ plejer ippreżentat bħala li huwa omosesswali, ma jeskludix il-possibbiltà li fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni min-naħa ta’ dan il-klabb jistgħu jitqiesu li huma stabbiliti.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domandi hija li l-Artikoli 2(2) u 10(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li fatti bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” fir-rigward ta’ klabb tal-futbol professjonali f’sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati jsiru minn persuna li tippreżenta ruħha, u li hija pperċepita mill-mezzi tax-xandir u mis-soċjetà, bħala d-direttur prinċipali ta’ dan il-klabb, mingħajr madankollu ma jkollha neċessarjament il-kapaċità legali li torbot jew li tirrappreżenta lil dan il-klabb fil-qasam tar-reklutaġġ.

 Fuq it-tielet domanda

54      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fl-eventwalità li fatti bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jiġu kklassifikati bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” bbażata fuq l-orjentament sesswali fil-kuntest tar-reklutaġġ ta’ plejers minn klabb tal-futbol professjonali, l-adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 iwassalx sabiex tkun meħtieġa prova li ma tistax tiġi prodotta mingħajr ma jiġi ppreġudikat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

55      F’dan id-dawl, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta tkun stabbilita l-eżistenza ta’ fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni, fis-sens tad-direttiva msemmija, l-implementazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament teżiġi li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-konvenuti kkonċernati, li għandhom jipprovaw li ma kienx hemm ksur ta’ dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, Ġabra p. I‑5603, punt 54).

56      F’dan il-kuntest, quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-konvenuti jistgħu jirribattu l-eżistenza ta’ tali ksur billi jistabbilixxu, permezz ta’ kull mezz rikonoxxut mid-dritt, b’mod partikolari, li l-politika ta’ reklutaġġ tagħhom hija stabbilita fuq fatturi li ma għandhom ebda konnessjoni ma’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali.

57      Sabiex jegħleb il-preżunzjoni konfutabbli li l-eżistenza tagħha tista’ tirriżulta mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78, ma huwiex meħtieġ li konvenut jipprova li persuni b’orjentament sesswali partikolari kienu rreklutati fil-passat sa fejn tali rekwiżit jista’ effettivament, f’ċerti ċirkustanzi, jippreġudika d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

58      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali li jkollha twettaq f’tali każ l-awtorità nazzjonali, l-impressjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali tkun tista’ tingħeleb fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti. Kif sostniet essenzjalment Accept, fost tali indizji jista’ jkun hemm, b’mod partikolari, reazzjoni min-naħa tal-konvenut ikkonċernat fis-sens li jkun ħa pożizzjoni ċara fejn jiddistakka ruħu mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi li jkunu ħolqu l-impressjoni ta’ diskriminazzjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti fil-qasam tal-politika ta’ reklutaġġ ta’ dan il-konvenut maħsuba sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-eventwalità li fatti bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jiġu kklassifikati bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” bbażata fuq l-orjentament sesswali fil-kuntest tar-reklutaġġ ta’ plejers minn klabb tal-futbol professjonali, l-adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jwassalx sabiex tkun meħtieġa prova li ma tistax tiġi prodotta mingħajr ma jiġi ppreġudikat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

 Fuq ir-raba’ domanda

60      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li tiġi kkonstatata diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, l-unika sanzjoni li tista’ tingħata meta tali konstatazzjoni ssir wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur mid-data li fiha jkunu seħħew il-fatti hija twiddiba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 iħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw ir-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva u li jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw l-implementazzjoni ta’ tali sanzjonijiet. Għalkemm ma jimponix sanzjonijiet partikolari, dan l-artikolu jispeċifika li s-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

62      Fi proċedura fejn assoċjazzjoni, li hija awtorizzata f’dan ir-rigward mil-liġi, titlob li tiġi kkonstatata u ssanzjonata diskriminazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78, is-sanzjonijiet li għandhom ikunu previsti mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva għandhom ukoll ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluż fil-każijiet fejn ma jkunx hemm vittma identifikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza Feryn, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 40).

63      Minn dan isegwi li r-regoli dwar is-sanzjonijiet implementati sabiex l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 jiġi traspost fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru għandhom b’mod partikolari jiżguraw, bħal fir-rigward tal-miżuri meħuda sabiex jiġi implementat l-Artikolu 9 tal-istess direttiva, protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi tad-drittijiet imnissla minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ April 1997, Draehmpaehl, C‑180/95, Ġabra p. I‑2195, punti 24, 39 u 40). Is-severità tas-sanzjonijiet għandha tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur issanzjonat permezz tagħhom, u b’mod partikolari għandhom jiżguraw effett verament dissważiv (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑383/92, Ġabra p. I‑2479, punt 42, kif ukoll Draehmpaehl, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40), filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punti 87 u 88, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2007, Ntionik u Pikoulas, C‑430/05, Ġabra p. I‑5835, punt 53).

64      Fi kwalunkwe każ, sanzjoni purament simbolika ma tistax titqies li hija kompatibbli mal-implementazzjoni korretta u effikaċi tad-Direttiva 2000/78.

65      F’dan il-każ, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 13(1) tad-DG Nru 2/2001 jibda jiddekorri mid-data li fiha jkunu seħħew il-fatti kkonċernati, filwaqt li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 20 tad-DG Nru 137/2000, li huwa ta’ sena, jibda jiddekorri mill-istess mument. Minn dan isegwi li huwa possibbli li lanjant iressaq b’mod validu quddiem is-CNCD ilment dwar diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/78, bejn sitt xhur u tnax-il xahar wara l-fatti li jkunu wasslu għal dan l-ilment, filwaqt li, skont l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ffavorita mis-CNCD, is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 26(1) tad-DG Nru 137/2000 ma tkunx għadha tista’ tiġi applikata. Fi kwalunkwe każ, mill-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki jekk ilment jitressaq ħafna qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ sitt xhur, u minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(7) tad-DG Nru 137/2000, huwa possibbli li deċiżjoni tas-CNCD dwar allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali tingħata biss wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur.

66      F’tali sitwazzjonijiet, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 17, 21 u 34 ta’ din is-sentenza, fil-prassi tas-CNCD, irrispettivament mill-gravità ta’ diskriminazzjoni kkonstatata minnu, is-sanzjoni imposta ma tkunx l-ammenda prevista fid-DG Nru 137/2000, li huwa intiż b’mod partikolari li jittrasponi d-Direttiva 2000/78, iżda sanzjoni mhux pekunjarja prevista mid-dritt komuni nazzjonali li tikkonsisti, essenzjalment, fi twissija verbali jew bil-miktub flimkien ma’ “rakkomandazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali”.

67      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika b’mod partikolari jekk, fil-kundizzjonijiet bħal dawk esposti fil-punt preċedenti, il-persuni kkonċernati li juru li għandhom interess ġuridiku jistgħux ikunu sa ċertu punti eżitanti li jinvokaw id-drittijiet li huma jgawdu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2000/78 minħabba li r-regoli dwar is-sanzjonijiet stabbiliti sabiex tiġi trasposta din id-direttiva ma għandhomx natura verament dissważiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Draehmpaehl, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). Fir-rigward tal-effett dissważiv tas-sanzjoni, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll, jekk ikun il-każ, eventwali aġir reċidiv min-naħa tal-konvenut ikkonċernat.

68      Huwa minnu li s-sempliċi fatt li sanzjoni partikolari ma tkunx essenzjalment pekunjarja ma jfissirx neċessarjament li din is-sanzjoni għandha natura purament simbolika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Feryn, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39), b’mod partikolari meta din is-sanzjoni tkun akkumpanjata minn livell ta’ pubbliċità adegwat u meta tali sanzjoni tiffaċilita, fil-kuntest ta’ eventwali rikorsi għal responsabbiltà ċivili, il-prova ta’ diskriminazzjoni fis-sens tad-direttiva msemmija.

69      Madankollu, f’dan il-każ hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk sanzjoni bħalma hija sempliċi twiddiba hijiex adegwata għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall, C‑271/91, Ġabra p. I‑4367, punt 25). F’dan id-dawl, is-sempliċi eżistenza ta’ rikors għal responsabbiltà ċivili skont l-Artikolu 27 tad-DG Nru 137/2000, li fir-rigward tiegħu t-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ tliet snin, ma tistax, bħala tali, tirrimedja l-eventwali natura insuffiċjenti tas-sanzjoni, mill-aspett tal-effettività, tal-proporzjonalità jew tan-natura dissważiva tagħha, ikkonstatata mill-imsemmija qorti tar-rinviju fir-rigward tas-sitwazzjoni esposta fil-punt 66 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, kif sostniet Accept matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, meta assoċjazzjoni tat-tip bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78 ma taġixxix f’isem vittma partikolari ta’ diskriminazzjoni, jista’ jkun diffiċli li tintwera l-eżistenza ta’ preġudizzju għal tali assoċjazzjoni fis-sens tar-regoli tad-dritt nazzjonali rilevanti.

70      Barra minn hekk, jekk jirriżulta li, kif issostni Accept, is-sanzjoni li tinvolvi twiddiba tiġi, bħala prinċipju, imposta biss, fl-ordinament ġuridiku Rumen, fil-każ ta’ ksur verament minuri, dan il-fatt huwa ta’ natura li jissuġġerixxi li din is-sanzjoni ma tikkorrispondix għall-gravità ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tad-direttiva msemmija.

71      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa, fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, tinterpreta dan id-dritt, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni bil-għan li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minn din id-direttiva [ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, Ġabra p. 1891, punti 26 u 28; tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 8; tal-10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi, C‑196/02, Ġabra p. I‑1789, punt 73; kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK), C‑406/08, Ġabra p. I‑817, punti 45 u 46].

72      B’hekk, jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju jkollha tevalwa, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari jekk, kif tissuġġerixxi Accept, l-Artikolu 26(1) tad-DG Nru 137/2000 jistax jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 13(1) tad-DG Nru 2/2001 ma japplikax għas-sanzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 26(1).

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li tiġi kkonstatata diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, fis-sens ta’ din id-direttiva, l-unika sanzjoni li tista’ tingħata meta tali konstatazzjoni ssir wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur mid-data li fiha jkunu seħħew il-fatti hija twiddiba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk, skont din l-istess leġiżlazzjoni, tali diskriminazzjoni ma tkunx issanzjonata f’kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jagħtu lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, jekk dan ikun il-każ, hija għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva msemmija bil-għan li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minn din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Aritkoli 2(2) u 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li fatti bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” fir-rigward ta’ klabb tal-futbol professjonali f’sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati jsiru minn persuna li tippreżenta ruħha, u li hija pperċepita mill-mezzi tax-xandir u mis-soċjetà, bħala d-direttur prinċipali ta’ dan il-klabb, mingħajr madankollu ma jkollha neċessarjament il-kapaċità legali li torbot jew li tirrappreżenta lil dan il-klabb fil-qasam tar-reklutaġġ.

2)      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-eventwalità li fatti bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jiġu kklassifikati bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” bbażata fuq l-orjentament sesswali fil-kuntest tar-reklutaġġ ta’ plejers minn klabb tal-futbol professjonali, l-adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jwassalx sabiex tkun meħtieġa prova li ma tistax tiġi prodotta mingħajr ma jiġi ppreġudikat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

3)      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li tiġi kkonstatata diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, fis-sens ta’ din id-direttiva, l-unika sanzjoni li tista’ tingħata meta tali konstatazzjoni ssir wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur mid-data li fiha jkunu seħħew il-fatti hija twiddiba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk, skont din l-istess leġiżlazzjoni, tali diskriminazzjoni ma tkunx issanzjonata f’kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jagħtu lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, jekk dan ikun il-każ, hija għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva msemmija bil-għan li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minn din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.