Language of document : ECLI:EU:C:2013:275

Kawża C‑81/12

Asociaţia Accept

vs

Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti)

“Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 2(2)(a), 10(1) u 17 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentament sesswali – Kunċett ta’ ‘fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni’ – Adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova – Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Persuna li tippreżenta ruħha u li hija pperċepita mill-pubbliku bħala li hija d-direttur ta’ klabb tal-futbol professjonali – Dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeskludu r-reklutaġġ ta’ plejer tal-futbol ippreżentat bħala omosesswali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ April 2013

1.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Tressiq ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi – Assoċjazzjoni li ma taġixxix f’isem lanjant partikolari – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2(2)(a), 8(1), 9(2), u 10(1), (2) u (4))

2.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Stabbiliment u evalwazzjoni tal-fatti tat-tilwima – Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni – Kunċett – Dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeskludu r-reklutaġġ ta’ plejer tal-futbol ippreżentat bħala omosesswali – Dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna li hija pperċepita bħala li hija d-direttur prinċipali ta’ klabb tal-futbol professjonali – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2(2) u 10(1))

4.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali – Oneru tal-prova – Prova li ma tistax tiġi prodotta mingħajr ma jiġi ppreġudikat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 10(1))

5.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Ksur – Sanzjonijiet – Sistema ta’ sanzjonijiet effettiva, proporzjonata u dissważiva

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 17)

1.        L-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ma teħtieġx li jiġi identifikat lanjant li jsostni li kien vittma ta’ tali diskriminazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78, l-Artikolu 9(2) tagħha b’ebda mod ma jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, id-dritt għall-assoċjazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu li jiżguraw l-osservanza ta’ din id-direttiva, li jressqu proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva mingħajr ma jaġixxu f’isem lanjant partikolari jew fl-assenza ta’ lanjant identifikabbli. Meta Stat Membru jistabbilixxi tali dritt, minn qari flimkien tal-Artikoli 8(1), 9(2) u 10(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din lanqas ma tipprekludi li l-adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova kif previst f’dan l-Artikolu 10(1) japplika wkoll fis-sitwazzjonijiet fejn tali assoċjazzjoni tressaq proċedura mingħajr ma tkun qiegħda taġixxi f’isem jew insostenn ta’ lanjant partikolari jew bil-kunsens tiegħu.

(ara l-punti 36-38)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 41-43)

3.        L-Artikoli 2(2) u 10(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeskludu r-reklutaġġ ta’ plejer tal-futbol ippreżentat bħala omosesswali jistgħu jiġu kklassifikati bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” fir-rigward ta’ klabb tal-futbol professjonali f’sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati jsiru minn persuna li tippreżenta ruħha, u li hija pperċepita mill-mezzi tax-xandir u mis-soċjetà, bħala d-direttur prinċipali ta’ dan il-klabb, mingħajr madankollu ma jkollha neċessarjament il-kapaċità legali li torbot jew li tirrappreżenta lil dan il-klabb fil-qasam tar-reklutaġġ.

Fil-fatt, is-sempliċi fatt li tali dikjarazzjonijiet ma sarux direttament minn konvenut partikolari ma jipprekludix neċessarjament il-possibbiltà li tiġi stabbilita, fil-konfront ta’ dan il-konvenut, l-eżistenza ta’ “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 10(1) tad-direttiva msemmija.

Minn dan isegwi li konvenuta li tkun persuna li timpjega ma tistax tirribatti l-eżistenza ta’ fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li din il-persuna tħaddan politika ta’ reklutaġġ diskriminatorja billi sempliċement issostni li d-dikjarazzjonijiet li jimplikaw l-eżistenza ta’ politika ta’ reklutaġġ omofobika saru minn persuna li, għalkemm issostni li u tidher li għandha rwol importanti fl-amministrazzjoni ta’ din il-persuna li timpjega, ma għandhiex il-kapaċità legali li torbotha fil-qasam tar-reklutaġġ. Il-fatt li konvenuta li tkun persuna li timpjega ma tkunx ħadet b’mod ċar passi sabiex tiddistakka ruħha mid-dikjarazzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxi element li l-qorti adita tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-fatti.

(ara l-punti 48-50, 53, u d-dispożittiv 1)

4.        L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-eventwalità li dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeskludu r-reklutaġġ ta’ plejer tal-futbol ippreżentat bħala omosesswali jiġu kklassifikati bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” bbażata fuq l-orjentament sesswali fil-kuntest tar-reklutaġġ ta’ plejers minn klabb tal-futbol professjonali, l-adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jwassalx sabiex tkun meħtieġa prova li ma tistax tiġi prodotta mingħajr ma jiġi ppreġudikat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

Fil-fatt, quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-konvenuti jistgħu jirribattu l-eżistenza ta’ tali ksur billi jistabbilixxu, permezz ta’ kull mezz irrikonoxxut mid-dritt, b’mod partikolari, li l-politika ta’ reklutaġġ tagħhom hija stabbilita fuq fatturi li ma għandhom ebda konnessjoni ma’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali. Sabiex jegħleb il-preżunzjoni konfutabbli li l-eżistenza tagħha tista’ tirriżulta mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78, ma huwiex meħtieġ li konvenut jipprova li persuni b’orjentament sesswali partikolari kienu rreklutati fil-passat sa fejn tali rekwiżit jista’ effettivament, f’ċerti ċirkustanzi, jippreġudika d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali li jkollha twettaq f’tali każ l-awtorità nazzjonali adita, l-impressjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali tkun tista’ tingħeleb fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti. Fost tali indizji jista’ jkun hemm, b’mod partikolari, reazzjoni min-naħa tal-konvenut ikkonċernat fis-sens li jkun ħa pożizzjoni ċara fejn jiddistakka ruħu mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi li jkunu ħolqu l-impressjoni ta’ diskriminazzjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti fil-qasam tal-politika ta’ reklutaġġ ta’ dan il-konvenut maħsuba sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

(ara l-punti 56-59, u d-dispożittiv 2)

5.        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li tiġi kkonstatata diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, fis-sens ta’ din id-direttiva, l-unika sanzjoni li tista’ tingħata meta tali konstatazzjoni ssir wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur mid-data li fiha jkunu seħħew il-fatti hija twiddiba jekk, skont din l-istess leġiżlazzjoni, tali diskriminazzjoni ma tkunx issanzjonata f’kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jagħtu lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u, jekk dan ikun il-każ, hija għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva msemmija bil-għan li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minn din id-direttiva.

(ara l-punt 73, u d-dispożittiv 3)