Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta' Frar 2013 minn BS mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-12 ta' Frar 2012 fil-Kawża F-90/11, BS vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-83/13 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: BS (Messina, l-Italja) (rappreżentant: C. Pollicino, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tiddikjara dan l-att tal-appell ammissibbli u fondat ;

tannulla s-sentenza kkontestata;

tikkonferma li r-"Regolamenti komuni dwar l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard relatat max-xogħol tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej", ikopru "s-sistema kollha tal-ġilda" u mhux biss "il-ħruq fil-fond u ċ-ċikatriċi patoloġiċi tas-sistema tal-ġilda";

tipprovdi li jkun kostitwit bord mediku ġdid, bil-kompitu li jirrevedi il-każ tal-appellant;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell ippreżentat kontra s-sentenza li ċaħdet rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni li biha l-awtorità li għandha s-setgħa tal-ħatra kkonkludiet il-proċeduri mibdija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fejn iddikjarat li ma kienx hemm ħsara għall-integrità psikofiżika, bħala riżultat ta' aggressjoni subita mill-appellant.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 22(3) tar-Regolamenti dwar l-assigurazzjoni.

Huwa ddikjarat f'dan ir-rigward li, kuntrarjament għal din id-dispożizzjoni, il-bord mediku ma ddeċidiex b'mod kolleġġjali u, barra minn hekk, meta kkonfrontat bi problema legali, huwa ma ddikjarax lilu nnifsu inkompetenti.

It-tieni aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 73 tat-Tabella ta' Riferiment Ewropea għall-evalwazzjoni tal-ħsara psikofiżika għall-finijiet mediċi.

Skont l-appellant, bis-sentenza kkontestata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors mingħajr ma pprovda l-interpretazzjoni mixtieqa u preċiża dwar il-kwistjoni li wieħed ikun jaf jekk ir-Regolamenti komuni msemmija jkoprux s-sistema kollha tal-ġilda, jew, pjuttost, il-ħruq fil-fond u ċ-ċikatriċi patoloġiċi tas-sistema tal-ġilda.

____________