Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Awwissu 2007 - Simsalagrimm Filmproduktion vs Il-Kummissjoni u l-EACEA

(Kawża T-314/07)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Simsalagrimm Filmproduktion GmbH (Munich, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Reich u D. Sharma, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u L-Aġenzija Eżekuttiva Edukattiva, Awdjoviżiva u Kulturali (EACEA)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla tad-deċiżjoni Debit Note ta' l-20 ta' Ġunju 2007, Nru 3240905584;

tordna lill-konvenuti jbatu l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-1998, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni kkonkludew kuntratt relattiv għall-promozzjoni ta' sensiela ta' cartoons animati bil-kompjuter fil-kuntest tal-programm MEDIA II - Żvilupp u distribuzzjoni1. B'ittra ta' l-20 ta' Ġunju 2007, l-EACEA talbet lir-rikorrenti tirrifondi s-somma sħiħa mħallsa fil-kuntest ta' dan il-kuntratt. Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta din id-deċiżjoni.

Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-EACEA ma kinitx formalment kompetenti biex tieħu d-deċiżjoni kkontestata billi hija l-Kummissjoni li għandha tali kompetenza.

Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni ta' l-atti ta' awtorità fis-sens ta' l-Artikolu 256 KE.

Minbarra dan, id-drittjiet ta' difiża tar-rikorrenti ġew miksura inkwantu t-talba tagħha li jkollha aċċess għall-atti ġiet miċħuda u, konsegwentement, kien impossibbli għaliha li tikkonstata liema osservazzjoni ta' fatt ġiet invokata sabiex tiġġustifika t-talba għall-ħlas.

Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-fatt li l-kuntratt ta' promozzjoni ma ġiex itterminat b'mod validu u li ma jeżistux il-kundizzjonijiet essenzjali għat-terminazzjoni tiegħu. F'dan il-kuntest, hija ssostni, fost affarjiet oħra, li t-terminazzjoni ta' l-imsemmi kuntratt, kif ukoll it-talba għar-rifużjoni tas-somma ta' għajnuna finanzjarja mħallsa, jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju tal-ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi.

____________

1 - Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 95/563/KE, ta' l-10 ta' Lulju 1995, dwar l-implementazzjoni ta' programm li jħeġġeġ l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej (Media II - Żvilupp u distribuzzjoni) (1996-2000) (ĠU L 321, p. 25) [traduzzjoni mhux uffiċjali]